SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

29 ta’ Ottubru 2015 ( * )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni — Artikolu 18 TFUE — Ċittadinanza tal-Unjoni — Artikolu 20 TFUE — Moviment liberu tal-persuni — Artikolu 63 TFUE — Moviment liberu tal-kapital — Ċirkulazzjoni fit-toroq — Xufiera residenti fl-Istat Membru kkonċernat — Obbligu li jipproduċu immedjatament il-prova tar-regolarità tal-użu ta’ vetturi rreġistrati fi Stat Membru ieħor waqt ispezzjoni tal-pulizija”

Fil-Kawża C‑583/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa minn Szombathelyi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (qorti amministrattiva u tax-xogħol ta’ Szombathely, L-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Diċembru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Diċembru 2014, fil-proċedura

Benjámin Dávid Nagy

vs

Vas Megyei Rendőr-főkapitányság,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tas-Sitt Awla, fil-funzjoni tiegħu ta’ President tas-Seba’ Awla, C. Lycourgos (Relatur) u J.‑C. Bonichot, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Tátrai u G. Koós, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Montaguti u B. Béres, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 18 TFUE, u 20(2)(a) TFUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn B.D Nagy u Vas Megyei Rendőr-főkapitányság (kummissarjat ċentrali tad-dipartiment ta’ Vas, iktar ’il quddiem il-“kummissarjat ċentrali”) dwar multa amministrattiva għall-ksur tal-leġiżlazzjoni nazzjonali marbuta mal-użu fit-territorju Ungeriż, minn persuna hemm residenti, ta’ vettura bil-pjanċi ta’ reġistrazzjoni barranin.

Il-kuntest legali

3

Fl-Ungerija, l-Artikolu 20(1)(l) tal-liġi Nru I tal-1988 dwar iċ-ċirkulazzjoni fit-toroq (A közúti közlekedésről szóló 1988. évi I. törvény, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar iċ-ċirkulazzjoni fit-toroq”) jipprevedi:

“1.   Tkun suġġetta għall-ħlas ta’ multa kull persuna li tikser id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi, ta’ atti leġiżlattivi jew regolatorji speċifiċi, jew ta’ atti tad-dritt Komunitarju li jirregolaw l-użu fit-territorju nazzjonali, minn persuna jew entità li tkun hemm residenti, ta’ vettura li jkollha pjanċi ta’ reġistrazzjoni barranin,

[...]

4.   Il-multa li għaliha jkun suġġett il-persuna responsabbli tammonta, għal kull ksur tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, [...] (l) [...], għal somma ta’ bejn 10000 u 800000 [forinti Ungeriżi (HUF) (madwar EUR 32 sa EUR 2500)]. Att speċifiku għandu jiddetermina l-ammont massimu tal-multi li għandhom jiġu imposti [...]”

4

Skont l-Artikolu 25/B ta’ din il-liġi:

“1.   Kull vettura [...] li tkun tgawdi minn awtorizzazzjoni amministrattiva u li jkollha pjanċi ta’ reġistrazzjoni Ungeriżi maħruġa mill-awtorità ta’ amministrazzjoni ta’ ċirkulazzjoni fit-toroq, tista’ tintuża fit-toroq sakemm:

a)

l-operatur tagħha jkun operatur Ungeriż fis-sens tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi, jew

b)

ix-xufier tagħha jkollu d-domċilju tiegħu fit-territorju nazzjonali.

2.   Ma hemmx lok li jiġi applikat il-paragrafu 1(a), meta:

a)

l-operatur ma jkunx persuna fiżika u jkun jeżerċita l-attività abitwali tiegħu f’pajjiż barrani fejn ikollu stabbiliment (fergħa) irreġistrat [...]

[...]

4.   Ma hemmx lok li jiġi applikat il-paragrafu 1(b), meta:

a)

ir-residenza abitwali tax-xufier tal-vettura ma tkunx fit-territorju nazzjonali,

b)

ix-xufier tal-vettura jużaha fit-territorju nazzjonali għal perijodu li ma jeċċedix total ta’ 30 jum ikkalkulati fuq perijodu ta’ sitt xhur, u l-operatur ikun ta il-kunsens tiegħu għall-użu tal-vettura permezz ta’ dikjarazzjoni inkluża f’att li jinkludi wkoll l-indikazzjoni tad-data tal-bidu tal-użu tal-vettura u t-tul tad-dritt tal-użu, jew

c)

ix-xufier ikun kiseb mill-operatur barrani d-dritt tal-użu tal-vettura użata fit-territorju nazzjonali bil-għan tal-eżerċizzju ta’ xogħol abitwali.

[...]

5.   Operatur jew xufier ta’ vettura, skont il-każ, għandu jistabbilixxi l-eżistenza tal-kundizzjonijiet iddeterminati fil-paragrafi 2 u 4 matul operazzjoni ta’ spezzjoni permezz tal-produzzjoni ta’ dokument pubbliku jew ta’ skrittura privata redatt/a bl-Ungeriż, jew akkumpanjat/a minn traduzzjoni lejn il-lingwa Ungeriża ċċertifikata konformi jew le.”

5

L-Artikolu 12/A tad-Digriet tal-Gvern Nru 156/2009, marbut mal-ammont tal-multi applikabbli f’każ ta’ ksur ta’ ċerti dispożizzjonijiet li jirregolaw it-trasport bit-triq ta’ merkanzija u ta’ persuni, kif ukoll iċ-ċirkulazzjoni fit-toroq, u marbut mal-kompiti amministrattivi li jikkonċernaw l-applikazzjoni tal-multi (A közúti árufuvarozáshoz, személyszállításhoz és a közúti közlekedéshez kapcsolódó egyes rendelkezések megsértése esetén kiszabható bírságok összegéről, valamint a bírságolással ősszefüggő hatósági feladatokról szóló 156/2009. Kormányrendelet), tad-29 ta’ Lulju 2009, jipprovdi:

“1.   L-operatur Ungeriż ta’ vettura li jkun kiser id-dispożizzjoni tal-Artikolu 20(1)(l) tal-[liġi dwar iċ-ċirkulazzjoni fit-toroq] ikun, jekk dan ma jkunx persuna fiżika, suġġett għal multa fl-ammont ta’:

a)

HUF 400000 (madwar EUR 1250) għal kull vettura ta’ ċilindrata li tekwivali jew li ma teċċedix 2000 cm3,

b)

HUF 800000 (madwar 2500 euros) għal kull vettura ta’ ċilindrata li teċċedi 2000 cm3, jew

c)

HUF 200000 (madwar EUR 625) għal kull vettura oħra.

2.   Jekk il-ksur tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 20(1)(l) tal-[liġi dwar iċ-ċirkulazzjoni fit-toroq] jitwettaq minn persuna fiżika, l-ammont tal-multa dovuta minn dan tal-aħħar jekwivali għal nofs l-ammont indikat fil-paragrafu 1.

[...]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

6

B.D. Nagy huwa ċittadin Ungeriż li jirrisjedi fl-Ungerija li, fis-16 ta’ Mejju 2013, ma kienx ħaddiem, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, u ma kellux ir-residenza abitwali tiegħu barra mill-pajjiż.

7

Il-fardsieq ta’ B.D. Nagy, ċittadin Ungeriż residenti fl-Awstrija, huwa wieħed mill-isħab u r-rappreżentant legali ta’ Alpen-Reisen Horvath OG (iktar ’il quddiem ”Alpen‑Reisen”), kumpannija rreġistrata fl-Awstrija.

8

Skont kuntratt konkluż fit-3 ta’ Diċembru 2010, Alpen‑Reisen ikkonċediet, mis-7 ta’ Diċembru 2010 u sat-tħassir ta’ dan id-dritt, lil B.D. Nagy, id-dritt li juża vettura partikolari, li kellha l-pjanċi ta’ reġistrazzjoni Awstrijaċi.

9

B.D. Nagy ma kellux il-pussess permanenti tal-vettura, iżda kien jużaha okkażjonalment meta l-fardsieq tiegħu kien jobbligah iwettaq ċerti kompiti marbuta mal-attivitajiet ta’ Alpen‑Reisen. Din tal-aħħar kienet tagħmel tajjeb għall-ispejjeż ta’ manutenzjoni ta’ din il-vettura.

10

Fis-16 ta’ Mejju 2013, B.D. Nagy kien qiegħed juża din il-vettura partikolari f’Szombathely (L-Ungerija) meta ġie sottopost għal ispezzjoni mill-pulizija. Waqt din l-ispezzjoni, B.D. Nagy spjega li l-fardsieq tiegħu kien sellfu l-imsemmija vettura bil-għan li jkun jista’ jużaha fl-Ungerija, iżda ma setax jipproduċi immedjatament il-kuntratt li jagħtih id-dritt li juża l-vettura inkwistjoni. Konsegwentement, l-uffiċjali tal-pulizija, ħadu l-pjanċi tar-reġistrazzjoni kif ukoll l-awtorizzazzjoni amministrattiva ta’ ċirkulazzjoni tal-imsemmija vettura.

11

Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Mejju 2013, il-kummissarjat tal-pulizija ta’ Szombathely (Szombathelyi Rendőrkapitányság) impona fuq B.D. Nagy multa amministrattiva ta’ HUF 400000 (madwar EUR 1250) għall-ksur tar-regoli marbuta mal-użu fit-territorju nazzjonali Ungeriż, minn persuni residenti hemm, ta’ vetturi li jkollhom pjanċi amministrattivi barranin.

12

B.D. Nagy ippreżenta rikors amministrattiv minn din id-deċiżjoni quddiem il-kummissarjat ċentral. Insostenn ta’ dan tal-aħħar, huwa sostna li huwa kien irċieva mingħand il-fardsieq tiegħu l-awtorizzazzjoni li jsuq il-vettura inkwistjoni u li d-dispożizzjonjiet tad-dritt Ungeriż li abbażi tagħhom ġiet imposta fuq il-multa kienu kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari għall-prinċipju tal-moviment liberu tal-persuni. F’dan ir-rigward huwa għamel riferiment għall-kawża li sussegwentement tat lok għad-Digriet Kovács (C‑5/13, EU:C:2013:705), li dak iż-żmien kienet għadha pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u li kienet tirrigwarda l-istess leġiżlazzjoni Ungeriża.

13

Permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Lulju 2013, il-kummissarjat ċentrali kkonferma d-deċiżjoni tal-kummissarjat tal-pulizija ta’ Szombathely. Il-kummissarjat ċentrali kkonstata b’mod partikolari li B.D. Nagy ma kienx f’pożizzjoni li jipproduċi immedjatament dokument li juri li huwa kien qiegħed juża l-vettura b’mod legali fit-territorju nazzjonali.

14

B.D. Nagy appella minn din id-deċiżjoni tal-kummissarjat ċentrali quddiem is-Szombathelyi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (qorti amministrattiva u tax-xogħol ta’ Szombathely). Insostenn ta’ dan l-appell, huwa sostna li l-Artikoli 20(1)(l), u 25/B(1)(b), tal-liġi marbuta maċ-ċirkulazzjoni fit-toroq, li fuqhom kienet msejsa d-deċiżjoni tal-kummissarjat ċentrali tal-15 ta’ Lulju 2013, kienu jiksru d-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, huwa pproduċa, il-kuntratt tat-3 ta’ Diċembru 2010 li kien jagħtih l-użu tal-vettura inkwistjoni u kkonferma li huwa qatt ma kien eżerċita attività professjonali.

15

Il-qorti tar-rinviju ssospendiet il-proċedura fil-kawża prinċipali sal-għoti tad-Digriet Kovács (C‑5/13, EU:C:2013:705). Fl-għeluq ta’ din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 45 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, li hija l-istess bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li, fil-prinċipju, li jistgħu jintużaw fit-toroq ta’ dan l-Istat Membru biss il-vetturi koperti minn awtorizzazzjoni amministrattiva u li jkollhom pjanċi ta’ reġistrazzjoni maħruġa mill-imsemmi Stat Membru u li persuna residenti ta’ dan l-istess Stat li tkun tixtieq tipprevalixxi ruħha minn deroga għal din ir-regola, ibbażata fuq il-fatt li hija tuża vettura pprovduta lilha mill-persuna li timpjegaha stabbilita fi Stat Membru ieħor, għandha tkun f’pożizzjoni li tistabbilixxi immedjatament, waqt spezzjoni tal-pulizija, li tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ din id-deroga, kif previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, u fin-nuqqas ta’ dan tkun suġġetta għall-impożizzjoni immedjata li ma tistax tiġi eżentata, ta’ multa ekwivalenti għal dik applikabbli f’każ ta’ ksur tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni.

16

Peress li Kovács kellu l-kwalità ta’ ħaddiem, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tat lill-qorti tar-rinviju li kienet irrikorriet għaliha f’dik il-kawża, risposta fir-rigward tal-Artikolu 45 TFUE, u mhux tal-Artikoli 18 TFUE u 20 TFUE, li kienu wkoll previsti fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari.

17

Hekk kif bdiet it-tkomplija tal-proċedura fil-kawża prinċipali, B.D. Nagy ippreżenta fatti addizzjonali li juru, li meta kienet tintalab mill-fardsieq tiegħu, huwa kien regolarment jipprovdi l-assistenza tiegħu bħala membru li jservi ta’ għajnuna lill-familja fit-twettiq tal-kompiti marbuta mal-attivitajiet ta’ Alpen‑Reisen, li kienu jirrikjedu l-passaġġ tal-fruntiera bejn l-Ungerija u l-Awstrija, iżda li ma kinux remunerati. Skont il-qorti tar-rinviju, fil-jum li fih twettqet l-ispezzjoni tal-pulizija, B.D. Nagy kellu jwettaq tali kompiti.

18

F’dawk iċ-ċirkustanzi, is-Szombathelyi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (qorti amministrattiva u tax-xogħol ta’ Szombathely) iddeċidiet li tisspospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 18 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, bħal fil-każ ta’ dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tistabbilixxi bħala regola ġenerali li jistgħu jiċċirkulaw fit-toroq ta’ dan l-Istat Membru biss il-vetturi bil-mutur li għandhom awtorizzazzjoni amministrattiva u pjanċi ta’ reġistrazzjoni pprovduti minn dan l-Istat, li skont din persuna li ma hijiex ħaddiem fis-sens tad-dritt tal-Unjoni u li tirrisjedi f’dan l-istess Stat Membru għandha, jekk hija tixtieq tinvoka eċċezzjoni għal din ir-regola minħabba li l-vettura li hija tuża kienet ġiet ipprovduta lilha minn operatur ekonomiku li għandu s-sede tiegħu fi Stat Membru ieħor, tkun fil-pożizzjoni li tipprovdi fil-post, matul kontroll tal-pulizija, li hija kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet imposti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, taħt piena li tiġi immedjatament imposta, mingħajr possibbiltà ta’ eżenzjoni, multa li l-ammont tagħha jikkorrispondi ma’ dak tal-multa applikabbli f’każ ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni?

2)

L-Artikolu 20(2)(a) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, bħal fil-każ ta’ dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tistabbilixxi bħala regola ġenerali li jistgħu jiċċirkulaw fit-toroq ta’ dan l-Istat Membru biss il-vetturi bil-mutur li għandhom awtorizzazzjoni amministrattiva u pjanċi ta’ reġistrazzjoni pprovduti minn dan l-Istat, li skont din persuna li ma hijiex ħaddiem fis-sens tad-dritt tal-Unjoni u li tirrisjedi f’dan l-istess Stat Membru għandha, jekk hija tixtieq tinvoka eċċezzjoni għal din ir-regola minħabba li l-vettura li hija tuża kienet ġiet ipprovduta lilha minn operatur ekonomiku li għandu s-sede tiegħu fi Stat Membru ieħor, tkun fil-pożizzjoni li tipprovdi fil-post, matul kontroll tal-pulizija, li hija kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet imposti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, taħt piena li tiġi immedjatament imposta, mingħajr possibbiltà ta’ eżenzjoni, multa li l-ammont tagħha jikkorrispondi ma’ dak tal-multa applikabbli f’każ ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni?”

Fuq id-domandi preliminari

19

Permezz tad-domandi tagħha, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 18 TFUE u 20(2)(a) TFUE jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li, fil-prinċipju, jistgħu jintużaw biss fit-toroq ta’ Stat Membru kkonċernat il-vetturi li jkunu jgawdu minn awtorizzazzjoni amministrattiva u minn pjanċi ta’ reġistrazzjoni maħruġa minn dak l-Istat Membru u li f’każ li persuna residenti fit-territorju tiegħu tkun tintendi li tipprevalixxi ruħha minn deroga għal din ir-regola, ibbażata fuq il-fatt li hija tuża vettura pprovduta lilha mill-operatur tal-imsemmija vettura stabbilit fi Stat Membru ieħor, din il-persuna hekk residenti għandha tkun f’pożizzjoni li tistabbilixxi immedjatament, waqt spezzjoni tal-pulizija, li hija tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ din id-deroga, kif previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, u fin-nuqqas ta’ dan hija tkun suġġetta għall-impożizzjoni immedjata li ma tistax tiġi eżentata, ta’ multa ekwivalenti għal dik applikabbli f’każ ta’ ksur tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni.

20

Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, anki jekk, fil-livell formali, il-qorti tar-rinviju llimitat id-domandi tagħha għall-interpretazzjoni tal-Artikoli 18 TFUE u 20(2)(a) TFUE, tali ċirkustanza ma tipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lill-qorti tar-rinviju l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, kemm jekk din il-qorti tkun irreferiet għalihom fid-domandi tagħha kif ukoll jekk le (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ING. AUER, C‑251/06, EU:C:2007:658, punt 38, kif ukoll van Putten et, C‑578/10 sa C‑580/10, EU:C:2012:246, punt 23).

21

Fil-fatt, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tingħata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat u tad-dritt sekondarju li jistgħu jkunu rilevanti inkonnessjoni mal-problema esposta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Mutsch, 137/84, EU:C:1985:335, punt 10, kif ukoll van Putten et, C‑578/10 sa C‑580/10, EU:C:2012:246, punt 24).

22

Mill-proċess prodott quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li B.D. Nagy uża fit-toroq Ungeriżi, bħala persuna residenti, vettura rreġistrata fi Stat Membru ieħor u li ġiet imsellfa lilu bla ħlas, mill-kumpannija Awstrijaka Alpen‑Reisen, li fiha l-fardsieq ta’ B.D Nagy kien wieħed mis-sħab u r-rappreżentant legali tagħha.

23

Issa, kif indikat ġustament il-Kummissjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fir-rigward ta’ self maqbul bejn ċittadini residenti fi Stati Membri differenti, li s-self għal użu transkonfinali, bla ħlas, ta’ vettura bil-mutur jikkostitwixxi moviment tal-kapital fis-sens tal-Artikolu 63 TFUE (ara, f’dan is-ssns, is-sentenza van Putten et, C‑578/10 sa C‑580/10, EU:C:2012:246, punti 2836).

24

Peress li huwa applikabbli l-Artikolu 63 TFUE li jipprovdi għal regoli speċifiċi ta’ nondiskriminazzjoni, għaldaqstant ma għandux japplika l-Artikolu 18 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Missionswerk Werner Heukelbach, C‑25/10, EU:C:2011:65, punt 19).

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġu eżaminati minn qabel id-domandi magħmula fid-dawl tal-Artikolu 63 TFUE, u sussegwentement, jekk ikun xieraq, dawk fir-rigward tal-Artikolu 20(2)(a) TFUE.

26

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li jikkostitwixxu tali restrizzjonijiet, fis-sens tal-Artikolu 63(1) TFUE, miżuri imposti minn Stat Membru li huma ta’ natura li jiddisswadu lir-residenti tiegħu milli jieħdu self minn Stati Membri oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑478/98, EU:C:2000:497, punt 18, kif ukoll van Putten et, C‑578/10 sa C‑580/10, EU:C:2012:246, punt 40).

27

Fil-punt 29 tad-Digriet Kovács (C‑5/13, EU:C:2013:705), li kien jirrigwarda l-istess leġiżlazzjoni Ungeriża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din il-leġiżlazzjoni tekwivali, fil-konsegwenzi tagħha, għaż-żamma tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni ta’ vettura fl-Ungerija.

28

Fil-fatt, din il-leġiżlazzjoni timponi fuq ix-xufier, bħall-appellant fil-kawża prinċipali, li jkollu b’mod permanenti fil-pussess tiegħu d-dokumenti li juru li huma ssodisfatti l-kundizzjonijiet derogatorji mill-obbligu ta’ reġistrazzjoni, u fin-nuqqas ta’ dan l-istess xufier jiġi mmultat fl-istess ammont bħal dak imputabbli lil persuna li tkun kisret l-obbligu ta’ reġistrazzjoni ta’ vettura. Tali sanzjoni hija manifestament sproporzjonata meta mqabbla mal-ksur inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li huwa manifestament inqas serju minn dak ikkostitwit min-nuqqas ta’ reġistrazzjoni ta’ vettura (ara, f’dan is-sens, id-Digriet Kovács, C‑5/13, EU:C:2013:705, punti 2528).

29

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li s-sitwazzjoni ta’ persuna residenti Ungeriża li tuża, fit-toroq ta’ dan l-Istat Membru, vettura li hija rreġistrata fih u pprovduta lilha bla ħlas hija oġġettivament paragunabbli ma’ din tal-istess persuna residenti li tuża, fl-istess kundizzjonijiet, vettura rreġistrata fi Stat Membru ieħor. Issa, l-użu ta’ vettura msellfa bla ħlas ma hijiex suġġetta għall-obbligi previsti fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza meta s-suġġett ikun vettura rreġistrata fl-Ungerija.

30

Għalhekk, b’esklużjoni tal-każ meta l-vettura rreġistrata fi stat Membru ieħor tkun maħsuba li tintuża essenzjalment fit-territorju Ungeriż b’mod permanenti jew, fil-fatt, tintuża b’dan il-mod, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital fis-sens tal-Artikolu 63(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza van Putten et, C‑578/10 sa C‑580/10, EU:C:2012:246, punt 50).

31

Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li tali restrizzjoni fir-rigward ta’ waħda mil-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-TFUE ma tistax tiġi ammessa ħlief jekk din tkun issegwi għan leġittimu kompatibbli mal-imsemmi trattat u li hija ġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Barra minn hekk huwa meħtieġ f’tali każ li l-applikazzjoni ta’ tali miżura tkun adatta sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan inkwistjoni u ma teċċedix dak li hu neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan (ara, b’mod partikolari, id-Digriet Kovács, C‑5/13, EU:C:2013:705, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 34 tad-Digriet Kovács (C‑5/13, EU:C:2013:705), li, għalkemm leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tkun tidher xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan tal-ġlieda kontra l-frodi fiskali fl-oqsma tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni u tat-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur, hija għandha madankollu titqies bħala li tmur lil hinn min dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan.

33

Fil-fatt, bħal fiċ-ċirkustanzi fattwali li taw lok għad-Digiret Kovács (C‑5/13, EU:C:2013:705), l-ebda element fil-proċess prodott quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermetti li jiġi konkluż li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-għan tal-ġlieda kontra l-frodi fiskali jista’ jintlaħaq biss jekk id-dokumenti li jiċċertifikaw li huma ssodisfatti l-kundizzjonijiet derogatorji mill-obbligu ta’ reġistrazzjoni, jiġu prodotti fil-mument stess tal-ispezzjoni fit-triq, u fin-nuqqas ta’ dan tiġi imposta multa ekwivalenti għal dik applikabbli f’każ ta’ ksur tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni, u li tali għan ma jkunx jista’ jintlaħaq iktar jekk dawn id-dokumenti jiġu prodotti, bħal fil-kawża prinċipali, f’terminu qasir wara l-ispezzjoni (Digriet Kovács, C‑5/13, EU:C:2013:705, punt 35).

34

Fir-rigward tal-ġustifikazzjonijiet marbuta mar-rekwiżit tal-effikaċja tal-ispezzjonijiet fit-triq, invokati mill-gvern Ungeriż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, hemm lok li jitfakkar li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali timponi multa f’ammont kunsiderevoli maħsuba speċifikament sabiex jiġi ssanzjonat in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni. Issa, tali miżura tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tal-effikaċja tal-ispezzjonijet fit-triq (ara, f’dan is-sens, id-Digriet Kovács, C‑5/13, EU:C:2013:705, punt 38).

35

F’dan ir-rigward, il-Gvern Ungeriż isostni li r-rekwiżit ta’ proporzjonalità tar-restrizzjoni, li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li ma ġiex sodisfatt fil-kawża li tat lok għad-Digriet Kovács (C‑5/13, EU:C:2013:705), huwa ssodisfatt f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali fejn is-suġġett huwa “ċittadin tal-Unjoni”, fis-sens tal-Artikolu 20 TFUE, li ma huwiex “ħaddiem”, fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE. Fil-fatt, il-possibbiltajiet ta’ spezzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkunu inqas u r-riskju ta’ frodi fir-rigward tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’mod iktar partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ eżenzjonijiet mill-obbligu ta’ reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 25/B tal-liġi dwar iċ-ċirkulazzjoni fit-toroq, ikun ikbar fil-każ ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma huwiex ħaddiem. Madankollu, tali differenza fis-sitwazzjoni bejn il-ħaddiema u ċ-ċittadini l-oħra tal-Unjoni fir-rigward tal-possibbiltajiet ta’ ispezzjonijiet, anki jekk jiġu preżunti li huma stabbiliti, fl-ebda każ ma jistgħu jiġġustifikaw, f’isem l-għan tal-effikaċja tal-ispezzjonijiet fit-toroq, l-impożizzjoni ta’ multa bħal dik prevista minn din il-leġiżlazzjoni nazzjonali.

36

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tosservax il-prinċipju ta’ moviment liberu tal-kapital, fis-sens tal-Artikolu 63 TFUE u, għaldaqstant, ma hemmx lok li tingħata risposta għad-domandi magħmula fir-rigward tal-Artikolu 20(2)(a) TFUE.

37

Konsegwentement, jeħtieġ li tingħata risposta għad-domandi magħmula li l-Artikolu 63(1) TFUE jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, fil-prinċipju, jistgħu jintużaw biss fit-toroq tal-Istat Membru kkonċernat dawk il-vetturi li huma koperti minn awtorizzazzjoni amministrattiva u li jkollhom pjanċi ta’ reġistrazzjoni maħruġa minn dan l-Istat Membru u li, jekk persuna residenti f’dan l-Istat Membru jkollha l-ħsieb li tipprevalixxi ruħha minn deroga għal din ir-regola, ibbażata fuq il-fatt li hija tuża vettura pprovduta lilha mill-operatur tal-imsemmija vettura stabbilit fi Stat Membru ieħor, din il-persuna residenti għandha tkun f’pożizzjoni li turi immedjatament, waqt spezzjoni tal-pulizija, li hija tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ din id-deroga, kif previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, u fin-nuqqas ta’ dan tiġi immedjatament imposta fuqha, mingħajr possibbiltà ta’ eżenzjoni, multa li tekwivali għal dik applikabbli f’każ ta’ ksur tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni.

Fuq l-ispejjeż

38

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 63(1) TFUE jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, fil-prinċipju, jistgħu jintużaw biss fit-toroq tal-Istat Membru kkonċernat dawk il-vetturi li jkunu koperti minn awtorizzazzjoni amministrattiva u li jkollhom pjanċi ta’ reġistrazzjoni maħruġa minn dan l-Istat Membru u li, jekk persuna residenti f’dan l-Istat Membru jkollha l-ħsieb li tipprevalixxi ruħha minn deroga għal din ir-regola, ibbażata fuq il-fatt li hija tuża vettura pprovduta lilha mill-operatur tal-imsemmija vettura stabbilt fi Stat Membru ieħor, din il-persuna residenti għandha tkun f’pożizzjoni li turi immedjatament, waqt spezzjoni tal-pulizija, li hija tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ din id-deroga, kif previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, u fin-nuqaas ta’ dan tiġi immedjatament imposta fuqha, mingħajr possibbiltà ta’ eżenzjoni, multa li tekwivali għal dik applikabbli f’każ ta’ ksur tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni.

 

Firem


( * )   Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.