Kawża C‑577/14 P

Brandconcern BV

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)
u
Scooters India Ltd

“Appell – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Artikolu 51(2) – Trade mark verbali LAMBRETTA – Użu ġenwin tat-trade mark – Talba għal revoka – Dikjarazzjoni parzjali ta’ revoka – Komunikazzjoni Nru 2/12 tal-President tal-EUIPO – Limitazzjoni ratione temporis ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-16 ta’ Frar 2017

  1. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet-Trade marks-Direttiva 2008/95-Identifikazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati mit-trade mark-Użu tal-indikazzjonijiet ġenerali tal-intestaturi ta’ klassijiet tal-klassifikazzjoni ta’ Nice-Portata tal-protezzjoni riżultanti-Obbligu tal-applikant li jispeċifika l-prodotti jew is-servizzi koperti mill-applikazzjoni tiegħu-Obbligu previst permezz ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja-Effetti-Limitazzjoni ratione temporis

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/95)

  2. Appell-Aggravji-Assenza ta’ kritika preċiża ta’ punt tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali-Assenza ta’ indikazzjoni tal-punti kkritikati tas-sentenza appellata

    [Artikolu 256(1), it-tieni subparagrafu, TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 58, paragrafu 1; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikoli 168(1)(d), u 169(2)]

  1.  Fil-punt 61 tas-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012, Chartered Institute of Patent Attorneys (C‑307/10, EU:C:2012:361), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat b’dan il-mod li, sabiex jiġu osservati r-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni, imposti mid-Direttiva 2008/95/KE, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks, l-applikant għal trade mark nazzjonali li juża l-indikazzjonijiet ġenerali kollha tal-intestatura ta’ klassi partikolari tal-klassifikazzjoni ta’ Nice sabiex jidentifika l-prodotti jew is-servizzi li għalihom hija mitluba l-protezzjoni għandu jispeċifika jekk l-applikazzjoni tiegħu għal reġistrazzjoni hijiex intiża sabiex tkopri l-prodotti jew servizzi kollha inklużi fil-lista alfabetika tal-klassi partikolari kkonċernata jew biss xi wħud minn dawn il-prodotti jew servizzi. Fil-każ li l-applikazzjoni tirrigwarda biss xi wħud mill-imsemmija prodotti jew servizzi, l-applikant huwa obbligat li jispeċifika liema prodotti jew servizzi li jaqgħu taħt din il-klassi huma intiżi li jkunu koperti.

    Madankollu, fl-ewwel lok, il-punt 61 ta’ din is-sentenza ma jikkonċernax il-proprjetarji ta’ trade mark diġà rreġistrata, iżda biss l-applikanti għal trade marks.

    Fit-tieni lok, fl-imsemmi punt 61 tas-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012, Chartered Institute of Patent Attorneys, il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement tispeċifika r-rekwiżiti li għalihom jibqgħu suġġetti l-applikanti ġodda għal trade marks nazzjonali, li jużaw l-indikazzjonijiet ġenerali tal-intestatura ta’ klassi sabiex jidentifikaw l-prodotti u s-servizzi li għalihom hija mitluba l-protezzjoni tat-trade mark. Tali rekwiżiti jippermettu li tiġi evitata s-sitwazzjoni li fiha ma jkunx possibbli li tiġi ddeterminata b’ċertezza l-portata tal-protezzjoni mogħtija minn trade mark, meta applikant juża l-indikazzjonijiet kollha li jinsabu fl-intestatura ta’ klassi.

    Għaldaqstant, ma jistax jitqies li l-Qorti tal-Ġustizzja, permezz tas-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012, Chartered Institute of Patent Attorneys, riedet tikkontesta l-approċċ espost fil-Komunikazzjoni Nru 4/03 tal-President tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), tas-16 ta’ Ġunju 2003, dwar l-użu tal-intestaturi tal-klassijiet fil-listi ta’ oġġetti u servizzi għall-applikazzjonijiet u r-reġistrazzjonijiet tat-trade marks Komunitarji, li tgħid li l-użu tal-indikazzjonijiet ġenerali kollha tal-intestatura ta’ klassi għal klassi partikolari jikkostitwixxi pretensjoni fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi kollha li jifformaw parti minn din il-klassi partikolari. Għalhekk, ir-regola stabbilita fil-punt 61 tal-imsemmija sentenza ma hijiex applikabbli għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark li seħħet qabel l-għoti ta’ din is-sentenza.

    (ara l-punti 28-31)

  2.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punt 37)