Kawża C‑573/14

Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides

vs

Mostafa Lounani

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Conseil d’État (kunsill tal-istat, il-Belġju))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Ażil – Direttiva 2004/83/KE – Livelli minimi tal-kundizzjonijiet li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew li persuni mingħajr stat għandhom jissodisfaw sabiex ikunu jistgħu jitolbu l-istatus ta’ refuġjat – Artikolu 12(2)(ċ) u Artikolu 12(3) – Esklużjoni tal-istatus ta’ refuġjat – Kunċett ta’ ‘atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti’ – Portata – Membru mexxej ta’ organizzazzjoni terroristika – Kundanna kriminali għal parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ grupp terroristiku – Eżami individwali”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-31 ta’ Jannar 2017

  1. Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni-Politika tal-ażil-Status ta’ refuġjat jew status mogħti mill-protezzjoni sussidjarja-Direttiva 2004/83-Esklużjoni tal-istatus ta’ refuġjat-Raġunijiet ta’ esklużjoni-Atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti-Kamp ta’ applikazzjoni-Restrizzjoni tal-atti li huma suġġetti ta’ kundanna għal wieħed mir-reati terroristiċi previsti fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/475-Assenza

    (Direttiva tal-Kunsill 2004/83, Artikolu 12(2)(ċ); Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/475, Artikolu 1(1))

  2. Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni-Politika tal-ażil-Status ta’ refuġjat jew status mogħti mill-protezzjoni sussidjarja-Direttiva 2004/83-Esklużjoni tal-istatus ta’ refuġjat-Raġunijiet ta’ esklużjoni-Atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti-Esklużjoni suġġetta għal evalwazzjoni individwali tal-fatti mill-awtorità kompetenti

    (Direttiva tal-Kunsill 2004/83, Artikolu 12(2)(ċ))

  3. Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni-Politika tal-ażil-Status ta’ refuġjat jew status mogħti mill-protezzjoni sussidjarja-Direttiva 2004/83-Esklużjoni tal-istatus ta’ refuġjat-Raġunijiet ta’ esklużjoni-Atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti-Kunċett-Parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ grupp terroristiku-Inklużjoni-Assenza ta’ twettiq, ta’ tentattiv jew theddida ta’ twettiq ta’ att ta’ terroriżmu-Assenza ta’ effett

    (Direttiva tal-Kunsill 2004/83, Artikolu 12(2)(ċ) u (3); Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/475, Artikolu 1(1))

  1.  L-Artikolu 12(2)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, għandu jiġi interpretat fis-sens li sabiex tinżamm l-eżistenza tal-kawża ta’ esklużjoni tal-istatus ta’ refuġjat li jinsab fiha, ma huwiex neċessarju li l-applikant għall-protezzjoni internazzjonali jkun ġie kkundannat għal wieħed mir-reati terroristiċi previsti fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/475/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu.

    Jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/83 u jillimita l-kunċett ta’ “atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti” biss għar-reati elenkati fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/475, dan seta’ jagħmlu mingħajr diffikultà, billi kien isemmi espressament dawn ir-reati jew jirreferi għal din id-Deċiżjoni Qafas.

    Issa, l-Artikolu 12(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/83 la jirreferi għad-Deċiżjoni Qafas 2002/475, għalkemm din kienet teżisti fid-data li fiha l-Artikolu 12(2)(ċ) ġie redatt, lanqas għal kwalunkwe strument ieħor tal-Unjoni Ewropea adottat fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu.

    (ara l-punti 52-54, u d-dispożittiv 1)

  2.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punt 72)

  3.  L-Artikolu 12(2)(ċ) u l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2004/83 għandhom jiġu interpretati fis-sens li atti ta’ parteċipazzjoni fl-attivitajiet ta’ grupp terroristiku, bħal dawk li għalihom ġie kkundannat il-konvenut fil-kawża prinċipali, jistgħu jiġġustifikaw l-esklużjoni minn status ta’ refuġjat, anki jekk ma jiġix stabbilit li l-persuna kkonċernata la wettqet, lanqas għamlet tentattiv jew heddet li twettaq att ta’ terroriżmu kif speċifikat fir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti. Għall-finijiet ta’ evalwazzjoni individwali tal-fatti li jippermettu li jiġi evalwat jekk jeżistux raġunijiet serji li wieħed jemmen li persuna tinsab ħatja ta’ atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti, li kienet instigatur ta’ tali atti jew li pparteċipat fihom bi kwalunkwe mod ieħor, iċ-ċirkustanza li din il-persuna ġiet ikkundannata, mill-qrati ta’ Stat Membru, bħala kap tal-parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ grupp terroristiku huwa ta’ importanza partikolari, kif ukoll il-konstatazzjoni li l-imsemmija persuna kienet membru mexxej ta’ dan il-grupp, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi stabbilit li din l-istess persuna hija stess kienet l-instigatur ta’ att ta’ terroriżmu jew li hija pparteċipat fih bi kwalunkwe mod ieħor.

    (ara l-punt 79, u d-dispożittiv 2)