SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
31 ta’ Jannar 2017 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Ażil — Id-Direttiva 2004/83/KE — Livelli minimi tal-kundizzjonijiet li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew li persuni mingħajr stat għandhom jissodisfaw sabiex ikunu jistgħu jitolbu l-istatus ta’ refuġjat — Artikolu 12(2)(ċ) u 12(3) — Esklużjoni tal-istatus ta’ refuġjat — Kunċett ta’ ‘atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti’ — Portata — Membru mexxej ta’ organizzazzjoni terroristika — Kundanna kriminali għal parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ grupp terroristiku — Eżami individwali”
Fil-Kawża C-573/14,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (kunsill tal-istat, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Novembru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Diċembru 2014, fil-proċedura
Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides
vs
Mostafa Lounani
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, M. Ilešič, L. Bay Larsen, J. L. da Cruz Vilaça, E. Juhász, M. Berger u E. Regan, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas (Relatur), A. Borg Barthet, J. Malenovský, E. Levits, K. Jürimäe u C. Lycourgos, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Frar 2016,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għall-Commissaire général aux réfugiés u aux apatrides, minn E. Derriks, avukat, |
— |
għal M. Lounani, minn C. Marchand u D. Alamat, avukati, |
— |
għall-Gvern Belġjan, minn C. Pochet u M. Jacobs kif ukoll minn S. Vanrie, bħala aġenti, assistiti minn D. Matray, C. Piront u N. Schynts, avukati, |
— |
għall-Gvern Elleniku, minn M. Michelogiannaki, bħala aġent, |
— |
għall-Gvern Spanjol, minn A. Rubio González u L. Banciella Rodríguez-Miñón, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Franċiż, minn F. X. Bréchot u D. Colas, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M. Salvatorelli, avvocato dello Stato, |
— |
għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u M. Tátrai, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
— |
għall-Gvern tar-Renju Unit, minn M. Holt u S. Brandon kif ukoll minn V. Kaye, bħala aġenti, assistiti minn D. Blundell, barrister, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou-Durande u R. Troosters, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-31 ta’ Mejju 2016,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(2)(ċ) u tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat [status] ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96). |
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Commissaire générali aux réfugiés et aux apatrides (il-Kummissarju Ġenerali għar-refuġjati u l-persuni mingħajr stat, iktar ’il quddiem il-“Kummissarju Ġenerali”) u Mostafa Lounani, ċittadin Marokkin, rigward l-applikazzjoni għal dan tal-aħħar tal-kawża tal-esklużjoni minn status ta’ refuġjat minħabba atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt internazzjonali
Il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti
3 |
Skont il-punti 1 u 3 tal-Artikolu 1 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, iffirmata f’San Francisco (L-Istati Uniti) fis-26 ta’ Ġunju 1945: “L-għanijiet tan-Nazzjonijiet Uniti huma li ġejjin:
[…]
|
Il-Konvenzjoni ta’ Genève
4 |
Il-Konvenzjoni dwar l-istatus ta’ refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 [Recueil des traités des Nations unies, I‑2545, Vol. 189, p. 150, no 2545 (1954)], daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ April 1954. Hija ġiet ikkompletata mill-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż fi New York, fil-31 ta’ Jannar 1967, u li daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Ottubru 1967 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”). |
5 |
L-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Genève, wara li jiddefinixxi, b’mod partikolari, fit-Taqsima A, il-kunċett ta’ “refuġjat” għall-finijiet tal-imsemmija konvenzjoni, jistabbilixxi, fit-Taqsima F: “Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni ma japplikawx għall-persuni li dwarhom ikun hemm raġuni serja li jiġi susspettat li: […]
|
Ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Nazzjonijiet Uniti
6 |
Fit-28 ta’ Settembru 2001, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (iktar ’il quddiem il-“Kunsill tas-Sigurtà”) adotta r-Riżoluzzjoni 1373 (2001) li l-preambolu tagħha jtenni, b’mod partikolari, “il-ħtieġa tal-ġlieda bil-mezzi kollha, skont il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, kontra t-theddid għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali li joħolqu l-atti ta’ terroriżmu”. |
7 |
Skont il-punt 3(f) u (g) tal-imsemmija riżoluzzjoni, l-Istati huma mitluba “jieħdu l-miżuri xierqa, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u tad-dritt internazzjonali, inklużi l-liġijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, sabiex jiġi żgurat, qabel ma jingħata l-istatus ta’ refuġjat, li l-applikanti għal ażil ma jkunux organizzaw jew iffaċilitaw it-twettiq ta’ atti terroristiċi u li ma jkunux ħadu sehem fihom”, u, min-naħa l-oħra sabiex “jieħdu ħsieb, skont id-dritt internazzjonali, biex l-awturi jew l-organizzaturi ta’ atti terroristiċi jew dawk li jiffaċilitaw dawn l-atti ma jużawx għall-benefiċċju tagħhom l-istatus ta’ refuġjat”. |
8 |
Fil-punt 5 ta’ din l-istess riżoluzzjoni, il-Kunsill tas-Sigurtà jiddikjara “li l-atti, il-metodi u l-prattiki terroristiċi jmorru kontra l-għanijiet u l-prinċipji tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti u li l-finanzjament u l-organizzazzjoni ta’ atti terroristiċi jew l-istigazzjoni biex jitwettqu dawn l-atti, magħmula bil-ħsieb, imorru wkoll kontra l-għanijiet u l-prinċipji tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti”. |
9 |
Fit-12 ta’ Novembru 2001, il-Kunsill tas-Sigurtà adotta r-Riżoluzzjoni 1377 (2001), li fil-punt 5 li fiha “[t]enfasizza li l-atti ta’ terroriżmu internazzjonali huma kuntrarji għall-għanijiet u għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-finanzjament, l-ippjanar u t-tħejjija ta’ atti ta’ terroriżmu internazzjonali, kif ukoll kull forma oħra ta’ sostenn f’dan ir-rigward, huma bl-istess mod kuntrarji għall-għanijiet u għall-prinċipji stabbiliti [fiha]”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
10 |
Ir-Riżoluzzjoni 1624 (2005), adottata fl-14 ta’ Settembru 2005 mill-Kunsill tas-Sigurtà, tfakkar, b’mod partikolari, li “l-Istati kollha għandhom jikkooperaw bla riservi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, konformement mal-obbligi tagħhom skont id-dritt internazzjonali, sabiex isibu, jiċħdu l-ażil u jġibu għall-ġustizzja […] kull min jagħti l-appoġġ għall-finanzjament, għall-organizzazzjoni, għall-preparazzjoni jew għat-twettiq ta’ atti ta’ terroriżmu, jew jikkontribwixxi, jipparteċipa jew jipprova jipparteċipa jew jagħti kenn lill-awturi tagħhom”. |
11 |
Fil-punt 1 tar-Riżoluzzjoni 1624 (2005), il-Kunsill tas-Sigurtà jitlob “L-Istati kollha li jadottaw miżuri li jistgħu ikunu neċessarji jew xierqa u li huma konformi mal-obbligi kollha tagħhom skont id-dritt internazzjonali, sabiex:
|
12 |
Ir-Riżoluzzjoni 2178 (2014), adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà fl-24 ta’ Settembru 2014, tafferma, fil-punt 5 tagħha, li “l-Istati Membri […] ma għandhomx iħallu u għandhom irażżnu r-reklutaġġ, l-organizzazzjoni, it-trasport u t-tgħammir ta’ individwi li jivvjaġġaw lejn Stat ieħor li ma jkunx l-Istat tar-residenza jew taċ-ċittadinanza tagħhom bil-għan li jikkommettu, jippjanaw jew iħejju, jew jipparteċipaw f’atti terroristiċi jew li jħarrġu jew jitħarrġu f’atti terroristiċi, u l-finanzjament tal-vjaġġi jew tal-attivitajiet tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
13 |
Fil-punt 6 ta’ din l-istess riżoluzzjoni, il-Kunsill tas-Sigurtà jfakkar li: “[…] fir-Riżoluzzjoni tiegħu 1373 (2001), ġie deċiż li l-Istati Membri kollha għandhom jiżguraw li kwalunkwe persuna li tipparteċipa fil-finanzjament, fl-organizzazzjoni, fil-preparazzjoni ta’ atti ta’ terroriżmu jew li jagħtihom appoġġ jiinġieb quddiem il-ġustizzja, u ġie deċiż li l-Istati Membri kollha għandhom jiżguraw li l-kwalifika tar-reati fil-leġiżlazzjoni tagħhom u fir-regolamentazzjoni interna tagħhom, jippermettu, fi proporzjon mal-gravità tar-reat, li jħarrku u li jikkastigaw: […]
[…]”. |
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 2004/83
14 |
Skont il-premessa 3 tad-Direttiva 2004/83, il-Konvenzjoni ta’ Genève tipprovdi l-bażi tar-reġim legali internazzjonali għall-protezzjoni ta’ refuġjati. |
15 |
Il-premessi 16, 17 u 22 ta’ din id-direttiva huma fformulati kif ġej:
[…]
|
16 |
L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/83, intitolat “Esklużjoni” u li jinsab fil-Kapitolu III tagħha li min-naħa tiegħu huwa intitolat “Kwalifika biex wieħed ikun refuġjat”, jipprovdi, fil-paragrafi (2) u (3) tiegħu: “2. Ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għandu jiġi eskluż milli jkun refuġjat meta jkun hemm raġunijiet serj[i] li jitqiesu li: […]
3. Paragrafu 2 japplika għal persuni li jinstigaw jew inkella jipparteċipaw fil-kommissjoni tad-delitti jew atti msemmija fih.” |
Id-Deċiżjoni Qafas 2002/475/ĠAI
17 |
Skont il-premessa 6 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/475/ĠAI tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 18). “It-tifsira ta’ reati terroristiċi għandha tkun approssimata fl-Istati Membri kollha, inklużi dawk ir-reati dwar il-gruppi terroristiċi. Minn barra dan, għandhom jingħataw penali u s-sanzjonijiet lill-persuni naturali u ġuridiċi li wettqu jew li huma responsabbli għal dawn ir-reati, li jirriflettu s-serjetà ta’ dawn ir-reati.” |
18 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, intitolat “Reati terroristiċi u d-drittijiet u prinċipji fundamentali”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżgura li l-atti intenzjonali msemmija hawn taħt fil-punti (a) sa (i), kif imfissra bħala reati skont il-liġi nazzjonali, li, minħabba n-natura jew il-kuntest tagħhom, jistgħu jagħmlu ħsara serja lill-pajjiż jew organizzazzjoni internazzjonali fejn dawn isiru bl-iskop illi […]: […]
|
19 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmija Deċiżjoni Qafas, intitolat “Reati li għandhom x’jaqsmu ma’ grupp terroristiku”, jistabbilixxi: “1. Għall-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, ‘grupp terroristiku’ għandha tfisser: grupp li għandu struttura ta’ aktar minn żewġ persuni, mwaqqaf fuq perjodu ta’ żmien u li jaġixxi flimkien sabiex iwettaq atti terroristiċi. ‘Grupp strutturat’ għandha tfisser grupp li ma ġiex iffurmat bl-addoċċ għat-twettieq immedjat ta’ reati u li ma għandux il-ħtieġà ta’ rwoli definiti formalment għall-membri tiegħu, kontinwità tas-sħubija tiegħu jew struttura żviluppata. 2. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jiżgura li l-atti intenzjonali li ġejjin ikunu kastigabbli:
|
20 |
L-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/475/ĠAI ġew emendati permezz tad-Deċiżjoni Qafas 2008/919/ĠAI (ĠU 2008 L 330, p. 21), fejn il-premessa 10 tiddikjara li “[i]d-definizzjoni ta’ reati terroristiċi, inklużi reati marbuta ma’ attivitjajiet terroristiċi, għandha tiġi approssimata aktar fl-Istati Membri kollha, sabiex tkopri l-provokazzjoni pubblika biex jitwettaq reat terroristiku, ir-reklutaġġ għal skopijiet ta’ terroriżmu u taħriġ għal skopijiet ta’ terroriżmu, meta jitwettqu intenzjonalment”. |
21 |
L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/475, kif emendat bid-Deċiżjoni Qafas 2008/919 intitolat “Reati marbuta ma’ attivitajiet terroristiċi”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu: “1. Għall-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas: […]
[…] 2. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżgura li r-reati konnessi ma’ attivitajiet terroristiċi jinkludu l-atti intenzjonali li ġejjin: […]
[…]
|
22 |
L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/475, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2008/919, hija dwar atti ta’ inċitazzjoni sabiex jitwaqqfu ċerti reati msemmija fl-Artikoli 1 sa 3 tal-imsemmija Deċiżjoni Qafas 2002/475, li wieħed ikun kompliċi u li jagħmel tentattiv sabiex iwettaq dawn ir-reati. |
Id-dritt Belġjan
23 |
L-Artikolu 55/2 tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 dwar l-aċċess għat-territorju, ir-residenza, l-istabbiliment u t-tkeċċija tal-barranin (Moniteur belge tal-31 ta’ Diċembru 1980, p. 14584 jipprovdi: “Ċittadin barrani huwa eskluż mill-istatus ta’ refuġjat meta jaqa’ taħt l-Artikolu 1 Taqsimiet D, E jew F tal-Konvenzjoni ta’ Genève. Dan huwa wkoll il-każ ta’ persuni li jinstigaw delitti jew atti elenkati fl-Artikolu 1 Taqsima F tal-Konvenzjoni ta’ Genève, jew min jipparteċipa bi kwalunkwe mod ieħor”. |
24 |
Il-Liġi tad-19 ta’ Diċembru 2003 dwar r-reati terroristiċi (Moniteur belge tad-29 ta’ Diċembru 2003, p. 61689), adottata bil-għan li tittrasponi fid-dritt Belġjan id-Deċiżjoni Qafas 2002/475, inkludiet fil-Ktieb II tal-Kodiċi Penali it-Titolu 1, intitolat “Fuq ir-Reati terroristiċi”, u li jinkludu l-Artikoli 137 sa 141(b) ta’ dan il-kodiċi. |
25 |
L-Artikolu 137 tal-Kodiċi Penali, kif emendat bil-liġi tad-19 ta’ Diċembru 2003 (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Penali emendat”), jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Jikkostitwixxi att terroristiku, ir-reat previst fil-paragrafi 2 u 3, li min-natura tiegħu jew il-kuntest tiegħu, jista’ jagħmel ħsara serja lill-pajjiż jew lil organizzazzjoni internazzjonali bil-għan li jintimidaw serjament il-popolazzjoni jew jisfurzaw b’mod mhux ġġustifikat lil poteri pubbliċi jew organizzazzjoni internazzjonali biex iwettqu jew jastjenu milli jwettqu kwalunkwe att, jew li serjament iwaqqgħu jew jeqirdu l-istrutturi fundamentali politiċi, kostituzzjonali, ekonomiċi jew soċjali ta’ pajjiż jew organizzazzjoni internazzjonali.” |
26 |
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 139, tal-Kodiċi Penali emendat jiddikjara: “Jikkostitwixxi grupp terroristiku grupp organizzat ta’ iktar minn żewġ persuni, stabbilit matul perjodu ta’ żmien u li jaġixxi bi skop koordinat sabiex iwettaq atti terroristiċi msemmija fl-Artikolu 137.” |
27 |
Skont l-Artikolu 140 tal-Kodiċi Penali emendat, li jikkorrispondi mal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/475: “1. Kull min jipparteċipa f’attività ta’ grupp terroristiku, inkluż bil-provviżjoni ta’ informazzjoni jew mezzi materjali lil grupp terroristiku, jew minn kull forma ta’ finanzjament ta’ attività ta’ grupp terroristiku, bl-għarfien li din il-parteċipazzjoni tikkontribwixxi sabiex jitwettaq reat jew delitt ta’ grupp terroristiku, huwa punibbli bi priġunerija ta’ bejn ħames snin sa għaxar snin u b’ammenda ta’ bejn mitt euro sa ħamest elef euro. 2. Kull mexxej ta’ grupp terroristiku huwa punibbli bi priġunerija ta’ bejn hmistax-il sena u għoxrin sena u ammenda ta’ bejn elf euro u mitejn elf euro.” |
Il-fatti tal -kawża prinċipali u d-domandi preliminari
28 |
M. Lounani telaq mill-Marokk matul is-sena 1991 u huwa mar il-Ġermanja, fejn ippreżenta applikazzjoni għal ażil, li ġiet miċħuda. Matul is-sena 1997, huwa wasal il-Belġju u rrisjeda hemmhekk illegalment minn dakinhar. |
29 |
Permezz ta’ sentenza tas-16 ta’ Frar 2006, M. Lounani ġie kkundannat mit-tribunal correctionnel de Bruxelles (qorti kriminali ta’ Brussell, il-Belġju), abbażi, b’mod partikolari, tal-Artikolu 140 tal-Kodiċi Penali emendat, għal piena ta’ sitt snin priġunerija għall-parteċipazzjoni tiegħu fl-attivitajiet ta’ grupp terroristiku, f’dan il-każ iċ-ċellula Belġjana tal-“grupp Iżlamiku tal-ġellieda Marokkini” (iktar ’il quddiem il-“GIĠM”), bħala membru mexxej, kif ukoll għall-assoċjazzjoni kriminali, użu ta’ dokumenti foloz u għal residenza illegali. |
30 |
Il-fatti stabbiliti mit-tribunal correctionnel de Bruxelles (qorti kriminali ta’ Brussell, il-Belġju) sabiex tiddikjara lil M. Lounani ħati ta’ parteċipazzjoni fl-attivitajiet ta’ grupp terroristiku ġew elenkati kif ġej fid-deċiżjoni ta’ rinviju: “appoġġ loġistiku lil impriża terroristika permezz, b’mod partikolari, ta’ servizzi materjali jew intelletwali”; “iffalsifikar ta’ passaporti” u “trasferiment ta’ passaporti b’mod frawdolenti”; “parteċipazzjoni attiva fl-organizzazzjoni ta’ kanal sabiex jintbagħtu voluntiera l-Iraq”. B’mod partikolari, it-trasferiment frawdolenti ta’ passaporti ġie kkwalifikat fis-sentenza tas-16 ta’ Frar 2006 bħala “att ta’ parteċipazzjoni f’attività ta’ ċellula li tagħti l-appoġġ loġistiku tagħha lil moviment terroristiku”. |
31 |
Fis-16 ta’ Marzu 2010, M. Lounani ppreżenta applikazzjoni għal ażil mingħand l-awtoritajiet Belġjani, billi invoka l-biża’ li jsofri persekuzzjoni kieku kellu jintbagħat lura fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu minħabba r-riskju li jiġi kkunsidrat mill-awtoritajiet Marokkini bħala radikali Iżlamiku u ġiħadista, wara l-kundanna tiegħu fil-Belġju. Din l-applikazzjoni għal ażil kienet is-suġġett, fit-8 ta’ Diċembru 2010, ta’ deċiżjoni tal-Commissaire général (Kummissarju Ġenerali), li eskluda lil M. Lounani mill-benefiċċju tal-istatus ta’ refuġjat skont l-Artikolu 55/2 tal-Liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 dwar l-aċċess għat-territorju, ir-residenza, l-istabbiliment u t-tneħħija tal-barranin, u tal-Artikolu 1, Taqsima F(c) tal-Konvenzjoni ta’ Genève. |
32 |
Fl-24 ta’ Diċembru 2010, M. Lounani ppreżenta rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Conseil du contentieux des étrangers (kunsill għal ażil u proċeduri ta’ immigrazzjoni, il-Belġju). Permezz ta’ sentenza tat-13 ta’ Jannar 2011, dan tal-aħħar annulla l-imsemmija deċiżjoni tal-aħħar u rrefera l-fajl lill-Commissaire général (kummissarju ġenerali), għar-raġuni li kien hemm provi essenzjali neqsin fil-fajl li mingħajrhom il-Kunsill ma setax jiddeċiedi dwar il-konferma jew ir-riforma ta’ din l-istess deċiżjoni mingħajr ma jkunu twettqu miżuri ta’ struzzjoni kumplimentari. |
33 |
Fit-2 ta’ Frar 2011, il-Commissaire général (kummissarju ġenerali), ħa deċiżjoni ġdida oħra billi eskluda lil M. Lounani mill-benefiċċju ta’ status ta’ refuġjat. Wara li fit-18 ta’ Frar 2011 ġie adit b’rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni l-ġdida, il-Conseil du contentieux des étrangers (kunsill għal ażil u proċeduri ta’ immigrazzjoni, il-Belġju), permezz ta’ sentenza tat-3 ta’ Marzu 2011, annulla l-imsemmija deċiżjoni u rrefera l-fajl lill-Commissaire général (kummissarju ġenerali), billi qies li dan tal-aħħar ma wettaqx miżuri reali ta’ struzzjoni kumplimentari. |
34 |
Fl-24 ta’ Mejju 2011, il-Commissaire général (kummissarju ġenerali) ħa t-tielet deċiżjoni billi eskluda lil M. Lounani mill-benefiċċju ta’ status ta’ refuġjat. Fl-14 ta’ Ġunju 2011, M. Lounani ppreżenta rikors quddiem il-Conseil du contentieux des étrangers (kunsill għal ażil u proċeduri ta’ immigrazzjoni, il-Belġju) intiż sabiex jibdel din id-deċiżjoni u għar-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat. Permezz ta’ sentenza tal-1 ta’ Lulju 2011, il-Conseil du contentieux des étrangers (kunsill għal ażil u proċeduri ta’ immigrazzjoni, il-Belġju) iddeċieda li M. Lounani jingħata l-istatus ta’ refuġjat. |
35 |
Wara li ġie adit b’appell ta’ kassazzjoni amministrattiv kontra din is-sentenza tal-aħħar, il-Conseil d’État (kunsill tal-istat, il-Belġju), permezz ta’ sentenza tat-13 ta’ Lulju 2012, annulla l-imsemmija sentenza u rrefera l-kawża lill-Conseil du contentieux des étrangers (kunsill għal ażil u proċeduri ta’ immigrazzjoni, il-Belġju), diversament kompost. |
36 |
Filwaqt li ddeċieda fuq ir-rinviju, il-Conseil du contentieux des étrangers (kunsill għal ażil u proċeduri ta’ immigrazzjoni, il-Belġju) ikkunsidra li l-fatti speċifikament imputati lil M. Lounani ma kinux jikkonsistu f’delitti terroristiċi bħala tali għaliex, fis-sentenza tiegħu tas-16 ta’ Frar 2006, it-tribunal correctionel de Bruxelles (qorti kriminali ta’ Brussell, il-Belġju) kien ikkundanna lil M. Lounani għall-appartenenza tiegħu fi grupp terroristiku, mingħajr ma akkużatu bit-twettiq jew parteċipazzjoni f’att terroristiku, kif imsemmi fl-Artikolu 137 tal-Kodiċi Penali emendat. Lanqas l-inqas element ta’ att speċifiku kopert minn dan it-tip ta’ reat min-naħa tal-GIĠM, jew ir-realtà ta’ att personali minn M. Lounani, li kien jagħti lok għar-responsabbiltà individwali tiegħu, immirat lejn twettiq ta’ tali att, ma kienu ġew stabbiliti. |
37 |
Wara li kkunsidra, għalhekk, li ebda atti li għalihom M. Lounani kien ġie kkundannat ma kienu jilħqu l-grad ta’ gravità meħtieġ sabiex jiġu kkwalifikati bħala “atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti”, fis-sens tal-Artikolu 12(2)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83, il-Conseil du contentieux des étrangers (kunsill għal ażil u proċeduri ta’ immigrazzjoni, il-Belġju), permezz ta’ sentenza tat-12 ta’ Frar 2013, biddel id-deċiżjoni tal-Commissaire général (kummissarju ġenerali) tal-24 ta’ Mejju 2011 u rrikonoxxa lil M. Lounani l-istatus ta’ refuġjat. |
38 |
Il-Commissaire général (kummissarju ġenerali) ressaq appell ta’ kassazzjoni amministrattiv kontra din is-sentenza quddiem il-Conseil d’État (kunsill tal-istat). |
39 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (kunsill tal-istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
40 |
Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l- Artikolu 12(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tinżamm l-eżistenza tal-kawża ta’ esklużjoni tal-istatus ta’ refuġjat deskritt fih, huwa neċessarju li l-applikant għall-protezzjoni internazzjonali jkun ġie kkundannat għal wieħed mir-reati terroristiċi previsti fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/475. |
41 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, mill-premessi 3, 16 u 17 tad-Direttiva 2004/83 jirriżulta li l-Konvenzjoni ta’ Genève tikkostitwixxi l-bażi tas-sistema ġuridika internazzjonali ta’ protezzjoni tar-refuġjati u li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva dwar il-kundizzjonijiet ta’ għoti tal-istatus ta’ refuġjat kif ukoll dwar il-kontenut ta’ din tal-aħħar ġew adottati sabiex jgħinu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri japplikaw din il-konvenzjoni billi jibbażaw ruħhom fuq kunċetti u kriterji komuni (sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2014, A et, C‑148/13 sa C‑150/13, EU:C:2014:2406, punt 45). |
42 |
L-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/83 għandha, għaldaqstant, issir fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-għan tagħha, billi jiġu osservati l-Konvenzjoni ta’ Genève u t-Trattati l-oħra rilevanti msemmija fl-Artikolu 78(1) TFUE. (is-sentenzi tad-9 ta’ Novembru2010, B u D, C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661, punt 78, kif ukoll tat-2 ta’ Diċembru 2014, A et, C‑148/13 sa C‑150/13, EU:C:2014:2406, punt 46). |
43 |
F’dan ir-rigward, l-Artikolu 12(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/83 jikkorrispondi essenzjalment mal-Artikolu 1F(c) tal-Konvenzjoni ta’ Genève li jipprevedi li d-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni ma humiex applikabbli għal kull persuna li fir-rigward tagħha jkun hemm raġunijiet gravi sabiex titqies li tkun instabet ħatja ta’ atti kuntrarji għall-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti. |
44 |
L-Artikolu 12(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/83 jirreferi b’mod speċifiku, għall-atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti “kif iddikjarati fil-Preamblu u fl-Artikoli 1 u 2 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti”. |
45 |
Kif iddikjarat fil-premessa 22 tad-Direttiva 2004/83, l-atti kuntrarji għall-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti, imsemmija fl-Artikolu 12(2)(ċ) ta’ din id-direttiva, huma speċifikati, fost l-oħrajn, “fir-Risoluzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti li għandhom x’jaqsmu ma’ ‘miżuri li jiġġieldu kontra t-terroriżmu internazzjonali’, li jiddikjaraw li ’l-atti, metodi u prattiċi ta’ terroriżmu huma kuntrarju għall-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti’ u li l-‘finanzjament, l-ippjanar u t-tqanqil ta’ atti terroristiċi apposta huma wkoll kuntrarju għall-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti’”. |
46 |
Fost dawn ir-riżoluzzjonijiet hemm ir-Riżoluzzjoni 1377 (2001) tal-Kunsill tas-Sigurtà, fejn jirriżulta li huma kuntrarju għall-għanijiet u l-prinċipji ddikjarati fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti mhux biss “l-atti ta’ terroriżmu internazzjonali” iżda wkoll “il-finanzjament, l-ippjanar u l-preparazzjoni ta’ atti ta’ terroriżmu internazzjonali, kif ukoll il-forom kollha ta’ appoġġ f’dan ir-rigward”. |
47 |
Barra minn hekk, jista’ jiġi dedott mir-Riżoluzzjoni 1624 (2005) tal-Kunsill tas-Sigurtà, li l-atti li huma kuntrarju għall-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti ma humiex limitati għal “atti, metodi u prattiċi terroristiċi”. Fil-fatt, il-Kunsill tas-Sigurtà jistieden lill-Istati sabiex jiġġieldu kontra t-terroriżmu, konformement mal-obbligi tagħhom skont id-dritt internazzjonali, sabiex jiċħdu l-ażil u l-għoti tal-ġustizzja lil “kull min jagħti l-appoġġ għall-finanzjament, għall-organizzazzjoni, għall-preparazzjoni jew għat-twettiq ta’ atti ta’ terroriżmu, jew jikkontribwixxi, jipparteċipa jew jipprova jipparteċipa jew jagħti kenn lill-awturi tagħhom”. Barra minn hekk, fil-punt 1(c) tagħha, din ir-riżoluzzjoni tistieden lill-Istati sabiex jiċħdu l-ażil lil kull persuna li fuqha għandhom informazzjoni kredibbli u rilevanti skont liema jeżistu raġunijiet serji li wieħed jaħseb li hija ħatja ta’ inċitazzjoni fit-twettiq ta’ att jew atti terroristiċi. |
48 |
Minn dan isegwi li l-kunċett ta’ “atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti” li tidher fl-Artikolu 1F(ċ) tal-Konvenzjoni ta’ Genève u tal-Artikolu 12(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/38 ma jistax jiġi interpretat bħala limitat għat-twettiq ta’ atti terroristiċi kif speċifikati fir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà (iktar ’il quddiem “atti ta’ terroriżmu”). |
49 |
A fortiori, kuntrarjament għal dak li jsostni M. Lounani, dan il-kunċett ma jistax jiġi interpretat bħala applikabbli biss għar-reati terroristiċi msemmija fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/475, lanqas, għaldaqstant, bħala li teħtieġ l-eżistenza ta’ kundanna penali li tissanzjona tali reat. |
50 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-premessa 6 tagħha, id-Deċiżjoni Qafas 2002/475 hija intiża għall-approssimazzjoni, fl-Istati Membri kollha, tad-definizzjoni ta’ reati terroristiċi, inklużi dawk dwar gruppi terroristiċi. |
51 |
Kif osservat il-Kummissjoni Ewropea, id-Deċiżjoni Qafas 2002/475 telenka, għal dan il-għan, l-atti differenti li jistgħu jaqgħu taħt il-kunċett ġenerali ta’ terroriżmu u r-repertorju f’erba’ kategoriji ta’ reati, jiġifieri ir-“reati terroristiċi” (Artikolu 1), “Reati li għandhom x’jaqsmu ma’ grupp terroristiku” (Artikolu 2), ir-“[r]eati marbuta ma’ attivitajiet terroristiċi” (Artikolu 3) u fl-aħħar nett, l-inċitazzjoni sabiex jitwettqu uħud minn dawn ir-reati, il-fatt li wieħed ikun kompliċi jew il-fatt ta’ tentattiv li wieħed iwettaqhom (Artikolu 4). |
52 |
Jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/83 u jillimita l-kunċett ta’ “atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti” biss għar-reati elenkati fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/475, dan seta’ jagħmlu mingħajr diffikultà, billi kien isemmi espressament dawn ir-reati jew jirreferi għal din id-Deċiżjoni Qafas. |
53 |
Issa, l-Artikolu 12(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/83 la jirreferi għad-Deċiżjoni Qafas 2002/475, għalkemm din kienet teżisti fid-data li fiha l-Artikolu 12(2)(ċ) ġie redatt, lanqas għal kwalunkwe strument ieħor tal-Unjoni Ewropea adottat fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu. |
54 |
Konsegwentement, għandha tingħata risposta għall-ewwel domanda li l-Artikolu 12(12)(ċ) tad-Direttiva 2004/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tinżamm l-eżistenza tal-kawża ta’ esklużjoni tal-istatus ta’ refuġjat deskritt fih, ma huwiex neċessarju li l-applikant għall-protezzjoni internazzjonali jkun ġie kkundannat għal wieħed mir-reati terroristiċi previsti fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/475. |
Fuq it-tieni u t-tielet domandi
Fuq l-ammissibbiltà
55 |
Il-Commissaire général (il-kummissarju ġenerali) u l-gvern Belġjan isostnu li t-tielet domanda, kif ifformulata mill-qorti tar-rinviju, hija inammissibbli, minn naħa, billi ma tesponix suffiċjentement ir-raġunijiet għal liema din il-qorti tikkunsidra li risposta għal din id-domanda hija neċessarja għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali u, min-naħa l-oħra, billi tali risposta ma’ tkun ta’ ebda utilità għas-soluzzjoni tal-kawża. F’dan il-każ, fil-fatt, M. Lounani ma ġiex biss ikkundannat abbażi tal-Artikolu 140 tal-Kodiċi Penali emendat, bħala membru mexxej ta’ organizzazzjoni terroristika, iżda wkoll għal atti oħra, inkriminanti fid-dritt Belġjan, imwettqa b’intenzjoni terroristika. |
56 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex id-dmir tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (is-sentenzi tal-14 ta’ April 2016, Polkomtel, C‑397/14, EU:C:2016:256, punt 37; tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 20, u tat-13 ta’ Ottubru 2016, Orezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej u Petrotel, C‑231/15, EU:C:2016:769, punt 16). |
57 |
Issa, dan ma huwiex il-każ fil-kawża preżenti. |
58 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-qorti tar-rinviju għamlet it-tieni u t-tielet domandi tagħha fil-kuntest ta’ appell ta’ kassazzjoni amministrattiv kontra s-sentenza tat-12 ta’ Frar 2013, li fih il-Conseil du contentieux des étrangers (kunsill għal ażil u proċeduri ta’ immigrazzjoni, il-Belġju) ikkunsidra li l-fatti speċifikament attribwiti lill-konvenut fil-kawża prinċipali ma jilħqux il-limitu ta’ gravità għall-klassifikazzjoni tal-“atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti”, fis-sens tal-l-Artikolu 12(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/83. Fil-fatt, skont din is-sentenza, il-kundanna ta’ M. Lounani mit-tribunal correctionnel de Bruxelles (qorti kriminali ta’ Brussell, il-Belġju) minħabba l-parteċipazzjoni tiegħu f’attivitajiet ta’ grupp terroristiku, anki bħala membru mexxej ta’ dan il-grupp, mingħajr ma ġew imputati lilu reati terroristiċi bħala tali, ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li jeżistu fil-konfront tal-persuna kkonċernata raġunijiet serji li wieħed jaħseb li huwa wettaq atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti. |
59 |
Huwa f’dan il-kuntest li l-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-atti li għalihom Lounani kien instab ħati jistgħux jitqiesu li huma kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti fis-sens tal-Artikolu 12(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/83 u, jekk fin-negattiv, jekk il-kundanna ta’ M. Lounani bħala membru mexxej ta’ grupp terroristiku hijiex biżżejjed sabiex tistabbilixxi li jeżistu raġunijiet serji li wieħed jaħseb li huwa kien l-instigatur ta’ atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti jew li huwa pparteċipa b’mod ieħor, fis-sens tal-Artikolu 12(3) ta’ din id-direttiva. |
60 |
Id-deċiżjoni tar-rinviju tagħmilha ċara li l-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf sa liema punt il-parteċipazzjoni fl-attivitajiet ta’ grupp terroristiku li għaliha M. Lounani ġie kkundannat jista’ jiġġustifika l-applikazzjoni tal-kawża ta’ esklużjoni prevista fl-Artikolu 12(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/83 u tistaqsi, f’dan il-kuntest, jekk il-kundanna minħabba l-parteċipazzjoni tiegħu f’attivitajiet ta’ dan il-grupp bħala membru mexxej tista’ tagħti lok għall-esklużjoni tal-istatus ta’ refuġjat bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 12(2)(ċ), u l-Artikolu 12(3) ta’ din id-direttiva. |
61 |
Konsegwentement, it-tielet domanda hija ammissibbli. |
Fuq il-mertu
62 |
Permezz tat-tieni u t-tielet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(2)(ċ) u l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2004/83 għandhom jiġu interpretati fis-sens li atti ta’ parteċipazzjoni fl-attivitajiet ta’ grupp terroristiku, bħal dawk li għalihom ġie kkundannat il-konvenut fil-kawża prinċipali, jistgħux jaqgħu taħt il-kawża ta’ esklużjoni prevista minn dawn id-dispożizzjonijiet, anki jekk il-persuna kkonċernata la wettqet, lanqas għamlet tentattiv jew heddet li twettaq att ta’ terroriżmu. |
63 |
Fir-rigward tal-atti li għalihom M. Lounani kien is-suġġett ta’ kundanna kriminali, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li din il-kundanna hija bbażata, b’mod partikolari, fuq l-Artikolu 140 tal-Kodiċi Penali emendat, dan l-artikolu tal-aħħar jikkostitwixxi t-traspożizzjoni fid-dritt Belġjan tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/475 li jiddefinixxi r-reati relatati ma’ grupp terroristiku u jinkludi, fil-paragrafu 2(b) tiegħu, il-parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ grupp terroristiku. |
64 |
B’mod partikolari, sabiex tiddikjara lil M. Lounani ħati ta’ dan ir-reat, it-tribunal correctionnel de Bruxelles (qorti kriminali ta’ Brussell, il-Belġju) irrileva, fis-sentenza tiegħu tas-16 ta’ Frar 2006, li l-persuna kkonċernata kienet ipparteċipat, bħala membru mexxej, fl-attivitajiet taċ-ċellula Belġjana tal-ĠIGM, billi pprovda lil dan il-grupp appoġġ loġistiku permezz, b’mod partikolari, ta’ servizzi materjali jew intellettwali, billi nvolva ruħu f’falsifikazzjoni u l-bejgħ frawdolenti ta’ passaporti, u billi pparteċipa b’mod attiv fl-organizzazzjoni ta’ kanal sabiex jintbagħtu voluntiera l-Iraq. |
65 |
Għaldaqstant, ma ġiex ikkonstatat li M. Lounani personalment wettaq atti ta’ terroriżmu lanqas li huwa kien l-instigatur ta’ tali atti jew li pparteċipa fit-twettiq tagħhom. |
66 |
Madankollu, jirriżulta mir-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà, kif ukoll kif ġie indikat fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, li l-kunċett ta’ “atti kontra l-għanijiet u l-prinipji tan-Nazzjonijiet Uniti” ma huwiex limitat għal atti ta’ terroriżmu. |
67 |
Għandu jiġi rrilevat, b’mod partikolari, li, fir-Riżoluzzjoni 2178 (2014), il-Kunsill tas-Sigurtà ddikjara ruħu “serjament imħasseb bit-theddida terribbli u li qed tikber tal-ġellieda terroristi barranin, jiġifieri individwi li jivvjaġġaw lejn Stat ieħor li ma jkunx l-Istat tar-residenza jew ta’ ċittadinanza tagħhom bil-għan, li jikkommettu, jorganizzaw jew jippreparaw atti terroristiċi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u esprima t-tħassib tiegħu fir-rigward tan-netwerks organizzati mill-entitajiet terroristiċi li jippermettilhom li jiċċirkulaw fost l-Istati ġellieda tan-nazzjonalitajiet kollha u r-riżorsi li għandhom bżonn. |
68 |
Fost il-miżuri li għandhom jittieħdu kontra dan il-fenomenu, l-Istati għandhom iħarsu li jipprevjenu u li jeliminaw l-attivitajiet ta’ reklutaġġ, l-organizzazzjoni, it-trasport jew it-tgħammir ta’ individwi li jivvjaġġaw lejn Stat ieħor li ma jkunx l-Istat tar-residenza jew taċ-ċittadinanza tagħhom bil-għan, b’mod partikolari, li jikkommettu, jorganizzaw jew jippreparaw atti terroristiċi. |
69 |
Minn dan isegwi li l-applikazzjoni tal-esklużjoni tal-istatus ta’ refuġjat previst fl-Artikolu 12(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/83 ma tistax tkun limitata għall-awturi effettivi tal-atti terroristiċi, iżda tista’ wkoll tiġi estiża għal individwi li jimpenjaw ruħhom f’attivitajiet ta’ reklutaġġ, l-organizzazzjoni, it-trasport jew it-tgħammir ta’ individwi li jivvjaġġaw lejn Stat ieħor li ma jkunx l-Istat tar-residenza jew taċ-ċittadinanza tagħhom bil-għan, b’mod partikolari, li jikkommettu, jorganizzaw jew jippreparaw atti terroristiċi. |
70 |
Barra minn hekk, jirriżulta mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 12(2)(ċ) u tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2004/83 li l-esklużjoni tal-istatus ta’ refuġjat prevista mill-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet hija applikabbli wkoll għal persuni li dwarhom jeżistu raġunijiet serji sabiex jitqiesu li huma kienu l-instigaturi ta’ atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti, jew li pparteċipaw b’mod ieħor. Fir-rigward ta’ dak li hemm espost fil-punti 48 u 66 ta’ din is-sentenza, l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet magħquda, ma jeħtieġux li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali kien l-instigatur ta’ att ta’ terroriżmu jew li pparteċipa fit-twettiq ta’ tali att bi kwalunkwe mod ieħor. |
71 |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ġustament tosserva li l-parteċipazzjoni fl-attivitajiet ta’ grupp terroristiku tista’ tkopri firxa wiesgħa ta’ mġieba ta’ gradi ta’ severità varjabbli. |
72 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat tista’ tapplika l-Artikolu 12(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/83 biss wara li, għal kull każ individwali, tagħmel evalwazzjoni tal-fatti preċiżi li hija taf bihom sabiex tiddetermina jekk jeżistux raġunijiet serji sabiex wieħed jemmen li l-atti mwettqa mill-persuna kkonċernata, jissodisfawx barra minn hekk il-kriterji sabiex jinkiseb l-istatus ta’ refuġjat, jaqgħux f’din il-kawża ta’ esklużjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, B u D, C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661, punti 87 u 94). |
73 |
Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk l-atti bħal dawk attribwiti lil M. Lounani jistgħu jaqgħu mal-atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti, fis-sens tal-Artikolu 12(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/83, ta’ instigazzjoni ta’ tali atti jew ta’ parteċipazzjoni fihom bi kwalunkwe mod ieħor, fis-sens tal-Artikolu 12(3) ta’ din id-direttiva, l-evalwazzjoni finali tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandha tkun tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, taħt il-kontroll tal-qorti nazzjonali. |
74 |
Fir-rigward tal-indikazzjonijiet li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni ta’ rinviju tindika li M. Lounani kien membru mexxej ta’ grupp terroristiku ta’ dimensjoni internazzjonali li kien ġie inkluż, fl-10 ta’ Ottubru 2002, fil-lista tan-Nazzjonijiet Uniti li tidentifika ċerti persuni u entitajiet li huma s-suġġett ta’ sanzjonijiet u li baqa’ inkluż fuq din il-lista wara li din ġiet aġġornata. L-attivitajiet tiegħu ta’ appoġġ loġistiku għall-attivitajiet ta’ dan il-grupp għandhom ukoll aspett internazzjonali sa fejn huwa kien involut fil-falsifikazzjoni ta’ passaporti u għen voluntiera li xtaqu jmorru l-Iraq. |
75 |
Dawn l-atti jistgħu jiġġustifikaw l-esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat. |
76 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif ġie enfasizzat fil-punti 12, 13 u 67 sa 69 ta’ din is-sentenza, ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà, b’mod partikolari r-Riżoluzzjoni 2178(2014) fil-punti 5 u 6(ċ) tagħha, jidentifikaw, fost l-attivitajiet li għandhom jiġu miġġielda mill-Istati fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali, l-organizzazzjoni intenzjonali ta’ vjaġġi ta’ persuni li jivvjaġġaw lejn Stat ieħor li ma jkunx l-Istat tar-residenza jew taċ-ċittadinanza tagħhom bil-għan, li jikkommettu, jorganizzaw jew jippreparaw atti terroristiċi. |
77 |
Għaldaqstant, iċ-ċirkustanza, suppost stabbilita, li l-grupp li fih M. Lounani kien membru mexxej ma kienx wettaq atti ta’ terroriżmu jew li l-volontarji li xtaqu jivvjaġġaw lejn l-Iraq megħjuna minn dan il-grupp spiċċaw ma wettqux tali atti, ma huwiex, fi kwalunkwe każ, tan-natura li teskludi li l-atti ta’ M. Lounani jistgħu jiġu kkunsidrati bħala kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti. L-istess japplika, fir-rigward ta’ dak li ġie espost fil-punti 41 sa 54 u 66 sa 70 ta’ din is-sentenza, il-fatt, invokat mill-qorti tar-rinviju fit-tielet domanda, li M. Lounani la wettaq, lanqas ma għamel tentattiv sabiex iwettaq, lanqas ma hedded li jwettaq, reat terroristiku, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/475. Għall-istess raġunijiet, l-applikazzjoni tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2004/83 ma teżiġix li jiġi stabbilit li M. Lounani kien l-instigatur ta’ tali reat jew li kien ipparteċipa bi kwalunkwe mod ieħor. |
78 |
Barra minn hekk, iċ-ċirkustanza li M. Lounani ġie kkundannat mill-qrati ta’ Stat Membru bħala kap tal-parteċipazzjoni fl-attivitajiet ta’ grupp terroristiku u li din il-kundanna tkun saret finali, din iċ-ċirkustanza tkun rilevanti b’mod partikolari fil-kuntest tal-evalwazzjoni individwali li għandha tipproċedi biha l-awtorità kompetenti. |
79 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandha tingħata risposta għat-tieni u t-tielet domandi li l-Artikolu 12(2)(ċ) u l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2004/83 għandhom jiġu interpretati fis-sens li atti ta’ parteċipazzjoni fl-attivitajiet ta’ grupp terroristiku, bħal dawk li għalihom ġie kkundannat il-konvenut fil-kawża prinċipali, jistgħu jiġġustifikaw l-esklużjoni minn status ta’ refuġjat, anki jekk ma jiġix stabbilit li l-persuna kkonċernata la wettqet, lanqas għamlet tentattiv jew heddet li twettaq att ta’ terroriżmu. Għall-finijiet ta’ evalwazzjoni individwali tal-fatti li jippermettu li jiġi evalwat jekk jeżistux raġunijiet serji li wieħed jemmen li persuna tinsab ħatja ta’ atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti, li kienet instigatur ta’ tali atti jew li pparteċipat fihom bi kwalunkwe mod ieħor, iċ-ċirkustanza li din il-persuna ġiet ikkundannata, mill-qrati ta’ Stat Membru, bħala kap tal-parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ grupp terroristiku hija ta’ importanza partikolari, kif ukoll il-konstatazzjoni li l-imsemmija persuna kienet membru mexxej ta’ dan il-grupp, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi stabbilit li din l-istess persuna kienet hija stess l-instigatur ta’ att ta’ terroriżmu jew li hija pparteċipat fih bi kwalunkwe mod ieħor. |
Fuq ir-raba’ u l-ħames domandi
80 |
Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel tliet domandi, ma hemmx lok li tingħata risposta għar-raba’ u għall-ħames domandi magħmula. |
Fuq l-ispejjeż
81 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi li: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.