Kawża C‑549/14

Finn Frogne A/S

vs

Rigspolitiet ved Center for Beredskabskommunikation

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Højesteret)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kuntratti pubbliċi — Direttiva 2004/18/KE — Artikolu 2 — Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament — Obbligu ta’ trasparenza — Kuntratt dwar il-provvista ta’ sistema ta’ komunikazzjonijiet kumplessa — Diffikultajiet fl-eżekuzzjoni — Nuqqas ta’ qbil tal-partijiet fir-rigward tar-responsabbiltajiet — Ftehim — Tnaqqis fil-portata tal-kuntratt — Bdil minn kiri ta’ tagħmir għal bejgħ — Emenda sostanzjali ta’ kuntratt — Ġustifikazzjoni mill-opportunità oġġettiva li tinstab soluzzjoni bonarja”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tas‑7 ta’ Settembru 2016

  1. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi – Direttiva 2004/18 – Għoti ta’ kuntratti – Prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti u ta’ trasparenza – Portata – Modifika mill-awtorità kontraenti, wara l-aġġudikazzjoni, ta’ waħda mill-kundizzjonijiet ta’ din tal-aħħar – Inammissibbiltà – Ġustifikazzjoni mill-opportunità oġġettiva li tinstab soluzzjoni bonarja għal tilwima – Assenza ta’ effett

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18, Artikolu 2)

  2. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi – Direttiva 2004/18 – Derogi mir-regoli komuni – Interpretazzjoni stretta

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18, Artikoli 28 u 31)

  1.  L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], għandu jiġi interpretat fis-sens li, wara l-għoti ta’ kuntratt pubbliku, ma tistax issir emenda sostanzjali tiegħu mingħajr il-ftuħ ta’ proċedura ġdida għall-għoti ta’ kuntratt anki meta din l-emenda tikkostitwixxi, oġġettivament, mod ta’ ftehim ta’ tranżazzjoni li jġib miegħu rinunzji reċiproċi miż-żewġ partijiet, sabiex itemmu t-tilwima, li l-eżitu tagħha huwa inċert, li qamet minn diffikultajiet li jfixklu l-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt. Il-każ ikun mod ieħor biss jekk id-dokumenti tal-imsemmi kuntratt jipprevedu l-possibbiltà li jiġu adattati ċerti kundizzjonijiet tiegħu, anki importanti, wara l-għoti tiegħu u jistabbilixxu l-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ din il-possibbiltà.

    F’dan ir-rigward, la l-fatt li emenda sostanzjali tal-kliem ta’ kuntratt pubbliku ma hijiex immotivata mill-intenzjoni delibera tal-awtorità kontraenti u tal-offerent rebbieħ li jinnegozjaw mill-ġdid il-kliem ta’ dan il-kuntratt, iżda hija mmotivata mill-intenzjoni tagħhom li jsibu ftehim ta’ tranżazzjoni għal diffikultajiet oġġettivi li ltaqgħu magħhom fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-imsemmi kuntratt, u lanqas in-natura oġġettivament każwali ta’ ċerti kisbiet ma jistgħu jiġġustifikaw li din l-emenda tkun deċiża mingħajr ma jiġi osservat il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li għandhom igawdu minnu l-operaturi kollha li jistgħu jkunu interessati f’dan il-kuntratt pubbliku. Barra minn hekk, il-fatt stess li, minħabba s-suġġett tagħhom, ċerti kuntratti pubbliċi għandhom mill-ewwel jitqiesu li huma ta’ natura każwali, jagħmel r-riskju li jqumu xi diffikultajiet fl-istadju tal-eżekuzzjoni prevedibbli. Għalhekk, għal tali kuntratt, hija l-awtorità kontraenti li mhux biss għandha tuża l-proċeduri għall-għoti tal-kuntratt l-iktar adattati, iżda wkoll li tiddefinixxi s-suġġett ta’ dan il-kuntratt b’attenzjoni. Barra minn hekk, l-awtorità kontraenti tista’ żżomm il-possibbiltà li tagħmel ċerti emendi, anki sostanzjali, għall-kuntratt, wara l-għoti tiegħu, sakemm dan kien previst fid-dokumenti li rregolaw il-proċedura għall-għoti tal-kuntratt.

    (ara l-punti 32, 36, 40 u d-dispożittiv)

  2.  Konformement mal-Artikolu 31 tad-Direttiva 2004/18 fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jagħtu kuntratt permezz ta’ ftehim reċiproku. Madankollu, bħalma jirriżulta mill-kliem tal-aħħar sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 28 ta’ din id-direttiva, huma biss il-każijiet u ċ-ċirkustanzi speċifiċi previsti espressament fl-imsemmi Artikolu 31 li jistgħu jwasslu għall-applikazzjoni tiegħu, b’mod li l-enumerazzjoni tal-eċċezzjonijiet ikkonċernati għandha titqies limitattiva.

    (ara l-punt 35)