SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

22 ta’ Ottubru 2015 ( * )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Artikolu 1 — Kamp ta’ applikazzjoni — Ilment b’kostituzzjoni parti ċivili — Artikolu 27 — Lis alibi pendens — Talba mressqa quddiem qorti ta’ Stat Membru ieħor — Istruttorja ġudizzjarja pendenti — Artikolu 30 — Data li fiha qorti titqies li ġiet adita”

Fil-Kawża C‑523/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Rechtbank Gelderland (qorti ta’ Gelderland, il-Pajjiżi l-Baxxi) permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Novembru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Novembru 2014, fil-proċedura

Aannemingsbedrijf Aertssen NV,

Aertssen Terrassements SA

vs

VSB Machineverhuur BV,

Van Sommeren Bestrating BV,

Jos van Sommeren,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tat-Tieni Awla li qed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, C. Toader (Relatur), J.-C. Bonichot, E. Jarašiūnas u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal VSB Machineverhuur BV, Van Sommeren Bestrating BV u J. van Sommeren, minn R. van Seumeren, avukat,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin u G. Wils, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 1, 27 u 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat 22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Aannemingsbedrijf Aertssen NV u Aertssen Terrassements SA, kumpanniji rregolati mid-dritt Belġjan (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“kumpanniji Aertssen”, u, min-naħa l-oħra, VSB Machineverhuur BV u Van Sommeren Bestrating BV, kumpanniji rregolati mid-dritt Olandiż, kif ukoll J. van Sommeren (iktar ’il quddiem, flimkien, “VSB et”), dwar aġir frawdolenti li bih kienu akkużati VSB et.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessa 15 tar-Regolament Nru 44/2001 hija fformulata kif ġej:

“Fl-interessi tal-amministrazzjoni armoniżżata tal-ġustizzja huwa meħtieġ li titnaqqas il-possibiltà ta’ proċedimenti simultanji u biex ikun assigurat li ma jiġux mogħtija ġudizzji rrikonċiljabbli f’żewġ Stati Membri. Għandu jkun hemm mekkaniżmu ċar u effettiv sabiex jiġu riżolti każijiet ta’ lis [alibi] pendens u azzjonijiet relatati [ta’ konnessjoni] u għal problemi ovvji li jirriżultaw minn differenzi nazzjonali dwar id-determinazzjoni taż-żmien meta jiġi rreġistrat każ bħala pendenti. Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament dak iż-żmien għandu jiġi definit b’mod awtonomu.”

4

Il-Kapitolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jinkludi biss l-Artikolu 1, li l-paragrafu (1) tiegħu jipprovdi:

“Dan ir-Regolament għandu japplika f’materji ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. M’għandux jestendi b’mod partikolari, għal introjtu minn taxxi, dwana jew materji amministrattivi.”

5

L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, li jinstab taħt is-Sezzjoni 2 tal-Kapitolu II, intitolata “Ġurisdizzjoni speċjali”, jipprevedi:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

[…]

4)

f’dak li għandu x’jaqsam ma’ talba għad-danni jew restituzzjoni bbażata fuq att li jagħti bidu għal proċedimenti kriminali, fil-qorti li jkollha l-pussess ta’ dawk il-proċedimenti, sal-limitu li dik il-qorti jkollha ġurisdizzjoni permezz tal-liġi tagħha li tilqa’ proċedimenti ċivili bħal dawk;

[…]”

6

Ir-Regolament Nru 44/2001 jinkludi, fis-Sezzjoni 9 tal-Kapitolu II tiegħu, intitolata “Lis [alibi] pendens - azzjonijiet relatati [konnessjoni]”, l-Artikoli 27 sa 30. L-Artikolu 27 ta’ dan ir-regolament jipprovdi kif ġej:

“1.   Meta proċedimenti [li] jinvolvu [l-istess għan u] l-istess kawża ta’ azzjoni u bejn l-istess partijiet ikunu miġjuba quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, xi qorti apparti mil-ewwel qorti li jkollha quddiema l-każ għandha bl-inizjattiva tagħha stess tissosspendi l-proċedimenti ta’ quddiemha sa dak iż-żmien li fih tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti invokata [adita].

2.   Meta tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti invokata, xi qorti oħra apparti mill-ewwel qorti invokata għandha tastieni mill-ġurisdizzjoni favur dik il-qorti.”

7

Skont l-Artikolu 28 ta’ dan ir-regolament:

“1.   Meta azzjonijiet relatati [konnessi] jkunu pendenti fi qrati ta’ Stati Membri differenti, xi qorti apparti mill-qorti li tkun l-ewwel invokata [adita] għandha tissosspendi l-proċedimenti ta’ quddiemha.

2.   Meta dawn l-azzjonijiet ikunu pendenti quddiem il-qorti tal-prima istanza, xi qorti ieħor apparti mill-ewwel qorti invokata tista’ wkoll, fuq applikazzjoni ta’ wieħed mill-partijiet, tiċħad il-ġurisdizzjoni jekk il-qorti l-ewwel invokat ikollha ġurisdizzjoni fuq l-azzjonijiet f’dak il-każ u li l-liġi tagħha tippermetti l-konsolidazzjoni ta’ dan.

3.   Għall-iskopijiet ta’ dan l-Artikolu, azzjonijiet huma meqjusa li jkunu relatati meta jkunu konnessi hekk mill-qrib illi jkun aktar konvenjenti illi jinstemgħu u jiġu determinati flimkien sabiex ikun evitat ir-riskju ta’ ġudizzji irrikonċiljabbli li jirriżultaw minn proċedimenti separati.”

8

L-Artikolu 30 ta’ dan l-istess regolament jipprevedi:

“Għall-iskopijiet ta’ din is-Sezzjoni, qorti għandha tkun meqjusa bħala invokata [adita]:

1)

fil-waqt meta d-dokument li jiftaħ il-proċedimenti jew dokument ekwivalenti jkun ippreżentat fil-qorti, basta illi l-attur ma jkunx sussegwentament naqas milli jieħu l-passi li kien meħtieġ jieħu sabiex ikollu s-servizz effettwat fuq il-konvenut, jew

2)

jekk id-dokument għandu jkun servut qabel ma jkun ippreżentat fil-qorti, fil-waqt meta jitwassal għand l-awtorità responsabbli għas-servizz, basta illi l-attur ma jkunx sussegwentament naqas milli jieħu l-passi li kien meħtieġ jieħu biex jara li d-dokument ikun ippreżentat lill-qorti.”

Id-dritt Olandiż

9

L-Artikolu 700 tal-Kodiċi tal-proċedura ċivili (Wetboek van burgerlijke rechtsvordering) jipprovdi:

“1.   L-elevazzjoni kawtelatorja teħtieġ l-awtorizzazzjoni tal-Imħallef għal miżuri provviżorji tal-qorti li fil-ġurisdizzjoni tagħha jinstabu l-beni kkonċernati jew, jekk l-elevazzjoni ma tirrigwardax beni, fejn huwa ddomiċiljat id-debitur jew kull persuna oħra li hija s-suġġett tal-elevazzjoni.

2.   L-awtorizzazzjoni għandha tiġi mitluba permezz ta’ talba li tindika n-natura tal-elevazzjoni li għandha ssir u tad-dritt invokat mir-rikorrent kif ukoll, jekk dan id-dritt ikun dejn pekunjarju, l-ammont tiegħu jew, jekk dan tal-aħħar ikun għadu ma ġiex stabbilit, l-ammont massimu tiegħu, bla ħsara għar-rekwiżiti partikolari stabbiliti mil-liġi għal elevazzjoni tat-tip inkwistjoni. L-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu jiddeċiedi wara eżami sommarju. [...]

3.   Sakemm ma tkunx diġà tressqet talba fil-kawża prinċipali fid-data tal-awtorizzazzjoni, din tal-aħħar hija mogħtija bil-kundizzjoni li t-talba titressaq f’terminu li għandu jiġi ddeterminat għal dan il-għan mill-Imħallef għal miżuri provviżorji iżda ta’ mill-inqas tmint ijiem wara l-elevazzjoni. L-Imħallef għal miżuri provviżorji jista’ jestendi dan it-terminu jekk l-awtur tal-elevazzjoni jressaq talba għal dan il-għan qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu. [...] L-iskadenza tat-terminu mogħti għat-tressiq ta’ talba fil-kawża prinċipali twassal għall-annullament tal-elevazzjoni.

[...]”

Id-dritt Belġjan

10

Il-Kodiċi ta’ istruttorja kriminali jinkludi, fl-Ewwel Ktieb tiegħu intitolat “Tal-pulizija ġudizzjarja u tal-uffiċjali tal-pulizija li jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħha”, il-Kaptiolu VI, li huwa stess huwa intitolat “Tal-qrati istruttorji”. Fi ħdan dan il-Kapitolu VI, l-Artikolu 63 ta’ dan il-kodiċi jipprovdi:

“Kull persuna li tqis li ġiet leża minħabba reat jew delitt tista’ tressaq ilment dwar dan u tikkostitwixxi ruħha parti ċivili quddiem il-qorti istruttorja li għandha ġurisdizzjoni.

Kull vittma li tikkostitwixxi ruħha parti ċivili, tista’ tinstema’, fuq sempliċi talba, għall-inqas darba waħda, mill-qorti istruttorja li quddiemha titressaq il-kawża.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11

Fis-26 ta’ Marzu 2013, il-kumpanniji Aertssen ressqu ilment b’kostituzzjoni parti ċivili, bis-saħħa tal-Artikolu 63 tal-Kodiċi ta’ istruttorja kriminali, quddiem il-qorti istruttorja fi ħdan ir-rechtbank van eerste aanleg te Antwerpen (qorti tal-ewwel istanza ta’ Antwerpen, il‑Belġju), kontra Nicolaas Kraaijeveld, VSB Groep BV, kumpannija rregolata mid-dritt Olandiż, u s-sussidjarji tagħha Van Sommeren Bestrating BV u VSB Machineverhuur BV, kif ukoll kontra Van Sommeren Bestrating BV, J. van Sommeren u X, fejn din l-aħħar ittra tindika l-persuni kollha li, matul l-istruttorja, irriżulta li pparteċipaw fi ksur kriminali bħal dawk li fir-rigward tagħhom il-qorti hija adita permezz tal-ilment.

12

Dan l-ilment kien jirrigwarda allegazzjonijiet ta’ frodi. F’dan l-ilment il-kumpanniji Aertssen indikaw li huma kienu qegħdin jistmaw, provviżorjament, id-dannu li sarilhom għal madwar EUR 200000.

13

Fis-26 ta’ April 2013, il-kumpanniji Aertssen ressqu quddiem il-voorzieningenrechter te Arnhem (Imħallef għal miżuri provviżorji ta’ Arnhem, il-Pajjiżi l-Baxxi), skont l-Artikolu 700 tal-Kodiċi tal-proċedura ċivili, talba għal awtorizzazzjoni li ssir elevazzjoni kawtelatorja kontra VSB et. Din l-awtorizzazzjoni ngħatat fl-istess jum u l-kumpanniji Aertssen ipproċedew b’din l-elevazzjoni fl-1 ta’ Mejju 2013.

14

Wara talba mressqa minn VSB et, il-voorzieningenrechter te Arnhem (Imħallef għal miżuri provviżorji ta’ Arnhem) ordna, permezz ta’ sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, ir-rilaxx tal-elevazzjonijiet magħmula. F’din is-sentenza ġie kkonstatat li lment b’kostituzzjoni parti ċivili ma setax ikun ekwivalenti għal tressiq ta’ talba fil-kawża prinċipali fis-sens tal-Artikolu 700(3) tal-Kodiċi tal-proċedura ċivili.

15

Fid-19 ta’ Lulju 2013, il-kumpanniji Aertssen talbu mill-ġdid lill-voorzieningenrechter te Arnhem (Imħallef għal miżuri provviżorji ta’ Arnhem) jawtorizzahom jagħmlu elevazzjoni kawtelatorja kontra VSB et. Din il-qorti laqgħet din it-talba fil-25 ta’ Lulju 2013, filwaqt li ssuġġettat l-awtorizzazzjoni tagħha għat-tressiq ta’ talba fil-kawża prinċipali fi żmien 30 jum wara l-elevazzjoni.

16

Fid-29 ta’ Lulju 2013 il-kumpanniji Aertssen għamlu elevazzjoni kawtelatorja ġdida. Sabiex tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni imposta minn din il-qorti, il-kumpanniji Aertssen ppreżentaw quddiem ir-Rechtbank Gelderland (qorti ta’ Gelderland) rikors fuq il-mertu li fih huma talbu li VSB et jiġu rrikonoxxuti responsabbli għad-dannu li huma jallegaw li sostnew b’riżultat tal-frodi li twettqet minn dawn tal-aħħar u li dawn jiġu kkundannnati, provviżorjament, sakemm jiġi ffissat definittivament l-ammont ta’ dan id-dannu, għall-ħlas ta’ somma ta’ EUR 200000.

17

Madankollu, il-kumpanniji Aertssen jitolbu lir-Rechtbank Gelderland (qorti ta’ Gelderland), prinċipalment, tiddikjara li hija ma għandhiex ġurisdizzjoni u tiddeċiedi li l-ilment b’kostitizzjoni parti ċivili, pendenti fil-Belġju, huwa ekwivalenti għal talba fil-kawża prinċipali fis-sens tal-Artikolu 700(3) tal-Kodiċi tal-proċedura ċivili. F’dan ir-rigward, il-kumpannji Aertssen isostnu, filwaqt li jinvokaw l-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 44/2001, li din il-qorti ma għandhiex ġurisdizzjoni, ħlief jekk il-ġurisdizzjoni tal-qorti Belġjana adita bl-ilment b’kostituzzjoni parti ċivili tkun is-suġġett ta’ kontestazzjoni, każ li fih il-qorti tar-rinviju għandha ex officio tissospendi l-proċeduri skont l-Artikolu 27(1).

18

Sussidjarjament, huma jitolbu li r-Rechtbank Gelderland (qorti ta’ Gelderland) tissospendi l-proċeduri, bis-saħħa tal-Artikolu 28 ta’ dan ir-regolament, minħabba li l-kawża prinċipali hija konnessa ma’ dik pendenti, fil-Belġju, sussegwentement għall-ilment b’kostituzzjoni parti ċivili.

19

B’mod iktar sussidjarju, il-kumpanniji Aertssen jitolbu li din il-qorti tisspospendi l-proċeduri immedjatament sakemm il-qorti istruttorja fi ħdan ir-rechtbank van eerste aanleg te Antwerpen (qorti tal-ewwel istanza ta’ Antwerpen) tkun iddeċidiet li tibgħat lura l-kawża lill-qorti kriminali jew tiddeċiedi li ma hemmx lok li tittieħed deċiżjoni

20

VSB et isostnu li l-ilment b’kostituzzjoni parti ċivili mressaq mill-kumpanniji Aertssen huwa ta’ natura essenzjalment kriminali. Minn dan huma jikkonkludu li l-kawża prinċipali ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Nru 44/2001. Huma jżidu li dan l-ilment u t-talba mressqa quddiem ir-Rechtbank Gelderland (qorti ta’ Gelderland) la għandhom l-istess għan u lanqas l-istess kawża ta’ azzjoni.

21

Ir-Rechtbank Gelderland (qorti ta’ Gelderland) tqis, minn naħa, li minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament huwa delimitat essenzjalment minħabba l-elementi li jikkaratterizzaw in-natura tar-relazzjonijiet ġuridiċi bejn il-partijiet fit-tilwima jew is-suġġett tagħha. Peress li l-kumpanniji Aertssen jippruvaw jiksbu l-kumpens għad-dannu li huma jallegaw li sostnew b’riżultat tal-atti illegali li huma jimputaw lil VSB et, it-tilwima tagħhom għandha tiġi kklassifikata bħala “materja ċivili jew kummerċjali” fis-sens tal-Artikolu 1 ta’ dan l-istess regolament. Għaldaqstant, ir-Regolament Nru 44/2001 huwa applikabbli fir-rigward ta’ kawża bħal dik li biha ġiet adita l-qorti istrutturja fi ħdan ir-rechtbank van eerste aanleg te Antwerpen (qorti tal-ewwel istanza ta’ Antwerpen), anki jekk din il-kawża hija ttrattata fil-kuntest ta’ proċedura li hija prinċipalment ta’ natura kriminali.

22

Min-naħa l-oħra, l-ilment b’kostituzzjoni parti ċivili ma huwiex biss intiż għall-ftuħ ta’ istruttorja kriminali, iżda huwa intiż ukoll sabiex, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, jingħata kumpens għad-danni lil-lanjant. L-għan tal-proċeduri pendenti quddiem il-qorti istruttorja fi ħdan ir-rechtbank van eerste aanleg te Antwerpen (qorti tal-ewwel istanza ta’ Antwerpen) u quddiem ir-Rechtbank Gelderland (qorti ta’ Gelderland) huwa simili. F’dan ir-rigward, dawn iż-żewġ proċeduri jirrigwardaw, fir-rigward tal-fatti kkunsidrati, atti allegatament frawdolenti u dawn l-atti, skont il-kumpanniji Aertssen, jikkostitwixxu, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet legali, mhux biss ksur kriminali, iżda wkoll ksur ċivili. Barra minn hekk, l-ilment imressaq fil-Belġju huwa intiż kontra l-partijiet intimati quddiem il-qorti tar-rinviju.

23

Għaldaqstant, hemm lok li jiġi ddeterminat jekk l-ilment b’kostituzzjoni parti ċivili mressaq quddiem il-qorti istruttorja fi ħdan ir-rechtbank van eerste aanleg te Antwerpen (qorti tal-ewwel istanza ta’ Antwerpen) għandux, fid-dawl tal-fatt li l-istruttorja preliminari għadha ma ntemmitx, jitqies bħala talba mressqa quddiem qorti fis-sens tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 44/2001 u, jekk dak ikun il-każ, f’liema mument din il-qorti ġiet adita fis-sens tal-Artikolu 30 ta’ dan ir-regolament.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rechtbank Gelderland (qorti ta’ Gelderland) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-ilment flimkien mal-kostituzzjoni bħala parti ċivili mressaq mi[ll-kumpanniji Aertssen], hekk kif previst fl-Artikoli 63 et seq tal-Kodiċi ta’ istruttorja kriminali Belġjan, jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Nru 44/2001 , fid-dawl tal-metodu ta’ tressiq ta’ dan l-ilment u tal-istadju li fih tinsab il-proċedura?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv:

2)

L-Artikolu 27(1) [ta’ dan ir-regolament] għandu jiġi interpretat fis-sens li talba ssir ukoll, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, quddiem qorti barranija (f’dan il-każ [qorti] Belġjana) meta lment b’kostituzzjoni bħala parti ċivili ikun tressaq quddiem l-onderzoeksrechter [il-qorti istruttorja] Belġjana u li l-istruttorja minn qabel tkun għadha ma ntemmitx?

3)

Fil-każ li r-risposta tkun fl-affermattiv, f’liema mument it-talba li tirriżulta mit-tressiq ta’ lment b’kostituzzjoni bħala parti ċivili titqies li tressqet quddiem il-qorti u/jew f’liema mument għandu jitqies li hija tkun ġiet adita b’din it-talba għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikoli 27(1) u 30 rispettivament [ta’ dan ir-regolament]?

4)

Jekk ir-risposta tkun fin-negattiv, l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-tressiq ta’ lment b’kostituzzjoni bħala parti ċivili jista’ jkollu bħala konsegwenza li talba tkun sussegwentement pendenti quddiem qorti Belġjana għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni?

5)

Jekk ir-risposta għad-domanda preċedenti tkun fl-affermattiv, f’liema mument it-talba għandha titqies li tressqet u/jew f’liema mument il-qorti għandha titqies li tkun ġiet adita bit-talba għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikoli 27(1) u 30 rispettivament tar-Regolament Nru 44/2001?

6)

Li kieku kellu jitqies li tressaq ilment b’kostituzzjoni bħala parti ċivili u li, fil-mument tat-tressiq ta’ dan l-ilment, talba skont l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 44/2001 tkun għadha ma hijiex pendenti minħabba f’hekk iżda tista’ ssir pendenti sussegwentement, matul l-ipproċessar tal-ilment imressaq, u dan b’effett retroattiv sal-mument tat-tressiq tal-ilment, l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu bħala effett li l-qorti li quddiemha tkun tressqet talba wara t-tressiq ta’ lment b’kostituzzjoni bħala parti ċivili quddiem il-qorti Belġjana jkollha tissospendi l-proċedura quddiemha sakemm tkun tinqata’ l-kwistjoni dwar jekk talba bħal dik imsemmija fl-Artikolu 27(1) tal-imsemmi regolament tkunx tressqet quddiem il-qorti Belġjana?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

25

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinvju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li lment b’kostituzzjoni parti ċivili mressaq quddiem qorti istruttorja jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament sa fejn dan huwa intiż għall-kumpens pekunjarju għad-dannu allegat mil-lanjant.

26

L-ewwel nett, għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, ir-Regolament Nru 44/2001 japplika “f’materji ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal”.

27

Għaldaqstant, skont din id-dispożizzjoni, id-deċiżjonijiet mogħtija f’materja ċivili minn qorti kriminali jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Krombach, C‑7/98, EU:C:2000:164, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Barra minn hekk, mill-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jirriżulta li biss ċerti materji espressament indikati minn dan ir-regolament huma esklużi mill-kunċett ta’ materji ċivili u kummerċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Mahamdia, C‑154/11, EU:C:2012:491, punt 38).

29

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġu żgurati, sa fejn huwa possibbli, l-ugwaljanza u l-uniformità tad-drittijiet u tal-obbligi li jirriżultaw minn dan ir-regolament kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-persuni kkonċernati, jeħtieġ li l-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali” ma jiġix interpretat bħala sempliċi riferiment għad-dritt intern ta’ wieħed jew ieħor mill-Istati kkonċernati. L-imsemmi kunċett għandu jitqies li huwa kunċett awtonomu li għandu jiġi interpretat b’riferiment, minn naħa, għall-għanijiet u għall-istruttura tar-Regolament Nru 44/2001 u, min-naħa l-oħra, għall-prinċipji ġenerali li joħorġu mill-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali (sentenza Schneider, C‑386/12, EU:C:2013:633, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll flyLAL-Lithuanian Airlines, C‑302/13, EU:C:2014:2319, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

Sabiex jiġi stabbilit jekk materja taqax jew le taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, għandhom jiġu eżaminati l-elementi li jikkaratterizzaw in-natura tar-relazzjonijiet ġuridiċi bejn il-partijiet fit-tilwima jew is-suġġett tagħha (sentenza flyLAL-Lithuanian Airlines, C‑302/13, EU:C:2014:2319, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

F’dan ir-rigward, fil-punt 19 tas-sentenza Sonntag (C‑172/91, EU:C:1993:144), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, anki jekk azzjoni ċivili hija magħquda ma’ istanza kriminali, din l-azzjoni, eżerċitata għall-kumpens għad-dannu kkawżat lil individwu sussegwentement għal ksur kriminali, iżżomm in-natura ċivili tagħha. Fil-fatt, fis-sistemi ġuridiċi tal-Istati kontraenti, id-dritt għall-ksib ta’ kumpens għad-dannu subit sussegwentement għal aġir meqjus bħala kundannabbli taħt id-dritt kriminali huwa ġeneralment meqjus bħala ta’ natura ċivili.

32

F’dan il-każ, għalkemm l-ilment b’kostituzzjoni parti ċivili huwa intiż li jibda l-azzjoni kriminali u għalkemm l-istruttorja mwettqa mill-qorti Belġjana adita hija ta’ natura kriminali, xorta jibqa’ l-fatt li dan huwa wkoll intiż sabiex isolvi tilwima bejn persuni privati relatata mal-kumpens għad-dannu li waħda minn dawn il-persuni tqis li subiet minħabba aġir frawdolenti ta’ oħrajn. Għaldaqstant, ir-relazzjoni ġuridika bejn il-partijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha titqies bħala “relazzjoni ġuridika tad-dritt privat” u għaldaqstant taqa’ taħt il-“kunċett ta’ materji ċivili u kummerċjali” fis-sens tar-Regolament Nru 44/2001 (ara, b’analoġija, is-sentenza Realchemie Nederland, C‑406/09, EU:C:2011:668, punt 41).

33

Barra minn hekk, l-istruttura ġenerali ta’ dan ir-regolament ma teħtieġx li t-trattament ta’ talba anċillari jkun neċessarjament marbut ma’ dak ta’ talba prinċipali (ara, b’analoġija, is-sentenza Cavel, 120/79, EU:C:1980:70, punti 7 sa 9).

34

B’mod partikolari, l-Artikolu 5(4) tar-Regolament Nru 44/2001, jagħti lil qorti kriminali, li d-deċiżjonijiet tagħha huma manifestament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, il-ġurisdizzjoni sabiex tisma’ l-azzjoni ċivili anċillari għall-azzjoni kriminali, bil-konsegwenza li d-deċiżjoni mogħtija fir‑rigward tal-azzjoni ċivili taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Għaldaqstant minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament talba għad-danni anċillari għall-azzjoni kriminali li, minħabba n-natura kriminali, hija eskluża minnu.

35

Għaldaqstant, minkejja li talba għad-danni mressqa quddiem qorti kriminali hija anċillari għall-azzjoni kriminali, tali talba taqa’ taħt il-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament.

36

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li lment b’kostituzzjoni parti ċivili mressaq quddiem qorti istruttorja jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament sa fejn dan huwa intiż għall-kumpens pekunjarju għad-dannu allegat mil-lanjant.

Fuq it-tieni domanda

37

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li talba titressaq, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta lment b’kostituzzjoni parti ċivili jkun tressaq quddiem qorti istruttorja, anki jekk l-istruttorja tal-kawża inkwistjoni tkun għadha ma ngħalqitx.

38

Għandu jitfakkar li l-kunċetti użati fl-Artikolu 27 ta’ dan ir-regolament, sabiex tiġi ddeterminta sitwazzjoni ta’ lis alibi pendens, għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu filwaqt li jsir riferiment għall-istruttura u għall-għanijiet ta’ dan l-istess regolament (sentenza Cartier parfums‑lunettes u Axa Corporate Solutions assurances, C‑1/13, EU:C:2014:109, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Wieħed mill-għanijiet tar-Regolament Nru 44/2001, kif jirriżulta mill-premessa 15 tiegħu, huwa li titnaqqas għall-massimu possibbli l-possibbiltà ta’ proċeduri simultanji u li jiġi evitat li jingħataw deċiżjonijiet opposti meta diversi qrati jkollhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu l-istess kawża. Huwa għal dan il-għan li l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea kellu l-intenzjoni li jistabbilixxi mekkaniżmu ċar u effettiv sabiex isolvi l-każijiet ta’ lis alibi pendens. Minn dan jirriżulta li, sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, l-Artikolu 27 ta’ dan ir-regolament għandu jingħata interpretazzjoni wiesgħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Mærsk Olie & Gas, C‑39/02, EU:C:2004:615, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Cartier parfums-lunettes u Axa Corporate Solutions assurances, C‑1/13, EU:C:2014:109, punt 40).

40

Skont il-kliem ta’ dan l-Artikolu 27, dan japplika meta l-partijiet fiż-żewġ tilwimiet pendenti quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti huma l-istess u meta t-talbiet għandhom l-istess kawża ta’ azzjoni u l-istess għan, u din id-dispożizzjoni ma tistabbilixxi ebda kundizzjoni addizzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Gubisch Maschinenfabrik, 144/86, EU:C:1987:528, punt 14).

41

L-ewwel nett, fir-rigward tal-identiċità tal-partijiet fis-sens tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001, mis-sentenzi Sonntag (C‑172/91, EU:C:1993:144, punt 19) u Cavel (120/79, EU:C:1980:70, punti 7 sa 9) jirriżulta li d-dritt għall-ksib ta’ kumpens għad-dannu subit sussegwentement għal aġir li jkun is-suġġett ta’ proċeduri kriminali jżomm in-natura ċivili tiegħu sa fejn l-istruttura ġenerali ta’ dan ir-regolament ma teħtieġx li t-trattament ta’ talba anċillari jkun neċessarjament marbut ma’ dak ta’ talba prinċipali. L-identiċità tagħhom għandha tiġi intiża irrispettivament mill-pożizzjoni ta’ parti waħda jew l-oħra fiż-żewġ proċeduri (sentenza Tatry, C‑406/92, EU:C:1994:400, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

F’dan il-każ, il-fatt li l-eżerċizzju tal-azzjoni kriminali ma jaqax taħt il-kompetenza tal-partijiet fl-azzjoni ċivili ma huwiex tali li jbiddel l-identiċità ta’ dawn tal-aħħar fir-rigward tar-rikorrenti u l-konvenuti fl-azzjoni mressqa quddiem il-qorti tar-rinviju, sa fejn dawn huma wkoll msemmija fl-ilment b’kostituzzjoni parti ċivili li bih hija adita l-qorti istruttorja fi ħdan ir-rechtbank van eerste aanleg te Antwerpen (qorti tal-ewwel istanza ta’ Antwerpen).

43

It-tieni nett, fir-rigward tal-kawża ta’ azzjoni fis-sens tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001, din tinkludi l-fatti u r-regola ġuridika invokati bħala bażi tat-talba (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Mærsk Olie & Gas, C‑39/02, EU:C:2004:615, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

F’dan il-każ, fiż-żewġ istanzi paralleli, huwa paċifiku li l-kumpanniji Aertssen iqisu li subew dannu minħabba atti frawdolenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi eskluż li dawn l-istanzi għandhom l-istess kawża ta’ azzjoni, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju abbażi ta’ analiżi tal-fatti u tar-regoli ġuridiċi kollha invokati.

45

It-tielet nett, fir-rigward tal-għan fis-sens tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li dan jikkonsisti fl-għan tat-talba (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Gantner Electronic, C‑111/01, EU:C:2003:257, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan l-aħħar kunċett ma jistax jiġi ristrett għall-identiċità formali tat-talbiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Gubisch Maschinenfabrik, 144/86, EU:C:1987:528, punt 17) u għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’ [ara, f’dan is-sens, is-sentenza Nipponkoa Insurance Co. (Europe), C‑452/12, EU:C:2013:858, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata].

46

F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-kumpanniji Aertssen qed jitolbu kumpens għad-dannu li huma subew, evalwat provviżorjament għal ammont ta’ madwar EUR 200000.

47

Għaldaqstant, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, jirriżulta li kriterji kollha elenkati fil-punt 40 ta’ din is-sentenza huma sodisfatti.

48

Barra minn hekk, għandu jitfakkar, qabel kollox, li l-mekkaniżmu sabiex jissolvew il-każijiet ta’ lis alibi pendens, stabbilit permezz tar-Regolament Nru 44/2001, huwa ta’ natura oġġettiva u awtomatika (ara, b’analoġija, is-sentenza Gantner Electronic, C‑111/01, EU:C:2003:257, punt 30) u huwa bbażat fuq l-ordni kronoloġika li fiha ġew aditi l-qrati inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Weber, C‑438/12, EU:C:2014:212, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll, b’analoġija, A, C‑489/14, EU:C:2015:654, li għadha ma ġietx ippubblikata, punt 30).

49

Sussegwentement, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 44/2001, peress li ma jinkludi ebda eċċezzjoni, ikopri t-talbiet kollha li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, ilment b’kostituzzjoni parti ċivili mressaq quddiem qorti istruttorja jaqa’ taħt dan il-kamp ta’ applikazzjoni.

50

Fl-aħħar, kif tfakkar fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu, fid-dawl tal-għan intiż, li huwa li titnaqqas għall-massimu possibbli l-possibbiltà ta’ proċeduri simultanji u li jiġi evitat li jingħataw deċiżjonijiet opposti, jiġi interpretat b’mod wiesa’. Issa, meta persuna tkun ikkostitwixxiet ruħha parti ċivili quddiem qorti istuttorja, it-tressiq ta’ kawża quddiem kull qorti oħra ta’ Stat Membru ieħor relatata mal-istess azzjoni ċivili, jiġifieri talba bejn l-istess partijiet u li għandha l-istess kawża ta’ azzjoni u l-istess għan, iwassal, jekk l-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu kellha tiġi eskluża, għal proċeduri simultanji u jwassal għal riskju li jingħataw deċiżjonijiet opposti, fatt li jkun kuntrarju għal dan il-għan.

51

F’dan ir-rigward, kif tirrileva l-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-fatt li hemm inċertezza dwar l-eżitu tal-istruttorja huwa irrilevanti. Fil-fatt, tali inċertezza tissussisti għal kull tip ta’ talba pendenti u, għaldaqstant, teżisti f’kull każ li fih jista’ jkun hemm sitwazzjoni ta’ lis alibi pendens.

52

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li r-risposta għat-tieni domanda tkun li l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li talba titressaq, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta lment b’kostituzzjoni parti ċivili jkun tressaq quddiem qorti istuttorja, anki jekk l-istruttorja tal-kawża inkwistjoni tkun għadha ma ngħalqitx.

Fuq it-tielet domanda

53

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi b’liema mod l-Artikoli 27(1) u 30 tar-Regolament Nru 44/2001 għandhom jiġu interpretati sabiex tiġi identifikata, meta persuna tressaq ilment b’kostituzzjoni parti ċivili quddiem qorti istruttorja, id-data li fiha din il-qorti titqies li ġiet adita fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

54

Minn naħa, hemm lok li jitfakkar li, skont l-Artikolu 27(1) ta’ dan ir-regolament, fil-każ ta’ lis alibi pendens quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, it-tieni qorti adita għandha tissospendi l-proċeduri quddiemha ex officio sakemm il‑ġurisdizzjoni tal-ewwel qorti adita tiġi stabbilita. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 27(2) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li, meta l-ġurisdizzjoni tal-ewwel qorti adita tkun stabbilita, it-tieni qorti adita għandha tirrinunzja għall-ġurisdizzjoni favur l-ewwel qorti.

55

Barra minn hekk, sakemm il-kundizzjonijiet sostantivi msemmija fil-punt 40 ta’ din is-sentenza huma sodisfatti, sitwazzjoni ta’ lis alibi pendens teżisti mill-mument li fih żewġ qrati ta’ Stati Membri differenti huma aditi b’mod definittiv b’talbiet ġudizzjarji, jiġifieri qabel mal-konvenuti jkunu setgħu jsostnu l-pożizzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Gantner Electronic, C‑111/01, EU:C:2003:257, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56

Ir-Regolament Nru 44/2001 ma jippreċiżax f’liema ċirkostanzi l-ġurisdizzjoni tal-ewwel qorti adita għandha titqies bħala “stabbilita” fis-sens tal-Artikolu 27 ta’ dan ir-regolament (sentenza Cartier parfums-lunettes u Axa Corporate Solutions assurances, C‑1/13, EU:C:2014:109, punt 31). Madankollu, hekk kif tfakkar fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, ir-regola proċedurali prevista f’dan l-artikolu hija bbażata fuq l-ordni kronoloġika li fiha l-qrati inkwistjoni ġew aditi.

57

L-Artikolu 30 ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi b’mod uniformi u awtonomu d-data li fiha qorti titqies li ġiet adita għall-finijiet tal-applikazzjoni tas-Sezzjoni 9 tal-Kapitolu II tiegħu, dwar il-lis alibi pendens. Skont dan l-artikolu, qorti titqies li ġiet adita jew fid-data li fiha l-att promotur jew att ekwivalenti huwa ppreżentat quddiem il-qorti, bil-kundizzjoni li r-rikorrent ma jkunx sussegwentement naqas milli jieħu l-miżuri li huwa kien obbligat li jieħu sabiex l-att ikun innotifikat lill-konvenut, jew, jekk l-att għandu jiġi nnotifikat qabel ma jiġi ppreżentat quddiem il-qorti, fid-data li fiha dan huwa riċevut mill-awtorità responsabbli għan-notifika, bil-kundizzjoni li r-rikorrent ma jkunx sussegwentement naqas milli jieħu l-miżuri li huwa kien obbligat li jieħu sabiex l-att ikun ippreżentat quddiem il-qorti. Huma previsti żewġ metodi ta’ kif qrati nazzjonali jistgħu jiġu aditi, jew permezz tal-preżentata tal-att promotur quddiem il-qorti jew permezz ta’ notifika ta’ dan l-att.

58

Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju għandha teżamina, f’dan il-każ, jekk il-kumpanniji Aertssen kinux, meta huma ressqu l-ilment tagħhom b’kostituzzjoni parti ċivili, suġġetti, bis-saħħa tad-dritt nazzjonali applikabbli, għal obbligu ta’ notifika minn qabel ta’ dan l-ilment.

59

Fl-assenza ta’ tali obbligu ta’ notifika minn qabel, għandu jiġi konkluż li l-qorti istruttorja fi ħdan ir-rechtbank van eerste aanleg te Antwerpen (qorti tal-ewwel istanza ta’ Antwerpen) ġiet adita fid-data tat-tressiq, quddiem din il-qorti, ta’ dan l-ilment b’kostituzzjoni parti ċivili, bil-kundizzjoni madankollu li l-kumpanniji Aertssen ma naqsux milli jieħdu l-miżuri li, dejjem abbażi tad-dritt nazzjonali applikabbli, huma kienu obbligati jieħdu sabiex l-att ippreżentat ikun sussegwentement innotifikat lill-konvenuti. Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kumpanniji Aertssen ressqu l-ilment tagħhom b’kostituzzjoni parti ċivili kontra konvenuti li l-identità tagħhom hija magħrufa, jiġfieri l-persuni msemmija fil-punt 11 ta’ din is-sentenza.

60

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li hemm lok li r-risposta għat-tielet domanda tkun li l-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta persuna tressaq ilment b’kostituzzjoni parti ċivili quddiem qorti istruttorja permezz tal-preżentata ta’ att li ma għandux, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, jiġi nnotifikat qabel din il-preżentata, id-data li għandha titqies sabiex jiġi kkunsidrat li din il-qorti hija adita hija dik li fiha tressaq dan l-ilment.

Fuq ir-raba ’ sas-sitt domandi

61

Peress li r-raba’ domanda saret fil-każ li kellha tingħata risposta negattiva fir-rigward tat-tieni domanda u peress li din ġiet risposta fl-affermattiv, ma hemmx lok li tingħata risposta fir-rigward tar-raba’ domanda. Fid-dawl tar-risposti mogħtija fir-rigward tal-ewwel sat-tielet domandi, lanqas ma hemm lok li tingħata risposta għall-ħames u għas-sitt domandi.

Fuq l-ispejjeż

62

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li lment b’kostituzzjoni parti ċivili mressaq quddiem qorti istruttorja jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament sa fejn dan huwa intiż għall-kumpens pekunjarju għad-dannu allegat mil-lanjant.

 

2)

L-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li talba titressaq, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta lment b’kostituzzjoni parti ċivili jkun tressaq quddiem qorti istuttorja, anki jekk l-istruttorja tal-kawża inkwistjoni tkun għadha ma ngħalqitx.

 

3)

L-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interprtat fis-sens li, meta persuna tressaq ilment b’kostituzzjoni parti ċivili quddiem qorti istruttorja permezz tal-preżentata ta’ att li ma għandux, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, jiġi nnotifikat qabel din il-preżentata, id‑data li għandha titqies sabiex jiġi kkunsidrat li din il-qorti hija adita hija dik li fiha tressaq dan l-ilment.

 

Firem


( * )   Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.