Affaire C-515/14
Kummissjoni Ewropea
vs
Ir-Repubblika ta’ Ċipru
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Moviment liberu tal-persuni — Ħaddiema — Artikoli 45 TFUE u 48 TFUE — Benefiċċji tax-xjuħija — Differenza fit-trattament marbuta mal-età — Uffiċjali ta’ Stat Membru ta’ età ta’ inqas minn 45 sena u li jitilqu minn dan l-Istat Membru biex jeżerċitaw attività professjonali fi Stat Membru ieħor fi ħdan istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea”
Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-21 ta’ Jannar 2016
Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Suġġett tal-kawża — Determinazzjoni matul il-proċedura prekontenzjuża — Preċiżjoni tal-ilmenti inizjali fir-rikors promotur — Ammissibbiltà
(Artikolu 258 TFUE)
Sigurtà soċjali — Ħaddiema migranti — Dispożizzjonijiet tat-Trattat — Leġiżlazzjoni nazzjonali li twassal biex iċċaħħad lill-ħaddiema migranti mill-possibbiltà li jwasslu biex jittieħdu inkunsiderazzjoni, għall-ftuh tad-dritt għall-pensjoni, ċerti perijodi ta’ attività meħuda inkunsiderazzjoni għall-ħaddiema l-oħra — Inammissibbiltà
(Artikoli 45 TFUE u 48 TFUE)
Sigurtà soċjali — Ħaddiema migranti — Kompetenza tal-Istati Membri li jorganizzaw is-sistemi tagħhom tas-sigurtà soċjali — Limiti — Osservanza tal-liġi tal-Unjoni — Regoli tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema — Impatt fir-rigward tal-allowances mogħtija abbażi tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru biss
(Artikoli 45 TFUE u 48 TFUE)
Moviment liberu tal-persuni — Ħaddiema — Trattament ugwali — Vantaġġi soċjali — Leġizlazzjoni nazzjonali li tipprevedi telf tad-drittijiet għall-pensjoni tal-uffiċjali nazzjonali ta’ età ta’ inqas minn 45 sena u li jitilqu mill-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom biex jeżerċitaw attività professjonali fi Stat Membru ieħor, fi ħdan istituzzjoni tal-Unjoni jew organizzazzjoni internazzjonali oħra — Inammissibbiltà
(Artikolu 4(3) TUE; Artikoli 45 TFUE u 48 TFUE)
Moviment liberu tal-persuni — Ħaddiema — Trattament ugwali — Vantaġġi soċjali — Restrizzjoni — Ġustifikazzjoni — Tfittxija ta’ għanijiet ta’ natura ekonomika — Inammissibbiltà
(Artikoli 45 TFUE u 48 TFUE)
Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punti 12, 13)
Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punti 34, 35)
Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punti 38-41)
Jikser l-obbligi tiegħu skont l-Artikoli 45 TFUE u 48 TFUE kif ukoll skont l-Artikolu 4(3) TUE, l-Istat Membru li ma ħassarx, b’effett retroattiv mid-data tal-adeżjoni tiegħu mal-Unjoni Ewropea, leġiżlazzjoni nazzjonali li tgħid li uffiċjal li għandu inqas minn 45 sena, li jirriżenja mill-impjieg li jokkupa fis-servizz pubbliku nazzjonali biex jeżerċita attività professjonali fi Stat Membru ieħor fi ħdan istituzzjoni tal-Unjoni jew ta’ organizzazzjoni internazzjonali oħra, jirċievi immedjatament somma f’daqqa u jitlef id-drittijiet futuri tiegħu għall-pensjoni, filwaqt li dan ma huwiex il-każ għall-uffiċjal li jibqa’ jeżerċita dan l-impjieg jew li jitlaq minnu biex jeżerċita funzjonijiet pubbliċi oħra fit-territorju tal-ewwel Stat Membru. Fil-fatt, tali leġiżlazzjoni tiddiswadi lill-ħaddiema milli jitilqu mill-Istat Membru tal-oriġini tagħhom jeżerċitaw attività professjonali fi Stat Membru ieħor, fi ħdan istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea jew ta’ organizzazzjoni internazzjonali oħra u li għandha l-effett li tistabbilixxi trattament differenti bejn il-ħaddiema migranti, inklużi dawk li jaħdmu fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jew f’organizzazzjoni internazzjonali oħra, minn naħa, u l-uffiċjali li eżerċitaw l-attività tagħhom fl-Istat Membru tal-oriġini, min-naħa l-oħra.
F’dan ir-rigward, għalkemm huwa minnu li l-leġiżlazzjoni msemmija tapplika kemm għall-uffiċjali nazzjonali li jagħżlu li jirriżenjaw biex jaħdmu fis-settur privat, fl-Istat Membru tal-oriġini tagħhom, kif ukoll għal dawk li jirriżenjaw u li jitilqu minn dan l-Istat Membru biex jaħdmu fi Stat Membru ieħor, fi ħdan istituzzjoni tal-Unjoni jew ta’ organizzazzjoni internazzjonali oħra, xorta jibqa’ l-fatt li din il-leġiżlazzjoni tirrestrinġi direttament l-aċċess ta’ din l-aħħar kategorija ta’ uffiċjali għas-suq tax-xogħol fl-Istati Membri differenti mill-Istat Membru tal-oriġini, u b’hekk tista’ tostakola l-moviment liberu tal-ħaddiema.
Sabiex miżura tirrestrinġi l-moviment liberu, ma huwiex neċessarju li tkun ibbażata fuq in-nazzjonalità tal-persuni kkonċernati u lanqas li jkollha bħala effett li tiffavorixxi lill-ħaddiema nazzjonali kollha jew li tisfavorixxi biss lil ċittadini tal-Istati Membri oħra bl-esklużjoni tal-ħaddiema nazzjonali. Huwa biżżejjed li l-miżura vantaġġuża tkun ta’ benefiċċju għal ċerti kategoriji ta’ persuni li jeżerċitaw attività professjonali fl-Istat Membru inkwistjoni.
(ara l-punti 43, 45-47, 58 u d-dispożittiv)
Ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema ma jistax jiġi ġġustifikat mis-sempliċi allegazzjoni tal-fatt li varjazzjonijiet fil-kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali jistgħu jpoġġu fil-periklu l-bilanċ tas-sistema u li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni hija intiża biex tiżgura dan il-bilanċ, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fil-fatt, għalkemm ma jistax jiġi eskluż li riskju ta’ ħsara serja fil-bilanċ finanzjarju tas-sistema ta’ sigurtà soċjali jista’ jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika li jinkisru d-dispożizzjonijiet tat-Trattat relattivi għad-dritt tal-moviment liberu tal-ħaddiema, madankollu huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, meta jadottaw miżura li tidderoga minn prinċipju stabbilit mid-dritt tal-Unjoni, li għandhom jipprovaw, f’kull każ partikolari, li l-miżura msemmija tista’ tiggarantixxi t-twettiq tal-għan invokat u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex dan jintlaħaq. Ir-raġunijiet ġustifikattivi li jistgħu jiġu invokati minn Stat Membru għandhom b’hekk ikunu akkumpanjati bi provi xierqa jew b’evalwazzjonijiet tal-kapaċità u tal-proporzjonalità tal-miżura restrittiva adottata minn dan l-Istat, kif ukoll minn provi preċiżi li jippermettu li tiġi sostnuta l-argumentazzjoni tiegħu. Huwa meħtieġ li t-tali analiżi oġġettiva li tinkludi spjegazzjonijiet u figuri tkun tista’ turi, bl-għajnuna ta’ data affidabbli, konverġenti u ta’ natura probatorja, li effettivament jeżistu riskji għall-bilanċ tas-sistema ta’ sigurtà soċjali.
(ara l-punti 53, 54)