SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

10 ta’ Marzu 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Unjoni doganali u tariffarja doganali komuni — Klassifikazzjoni tariffarja — Nomenklatura Magħquda — Interpretazzjoni — Regoli ġenerali — Regola 3(b) — Kunċett ta’ ‘oġġetti ppreżentati għall-bejgħ bl-imnut f’settijiet’ — Imballaġġi separati”

Fil-Kawża C‑499/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa minn Hof van Cassatie (qorti ta’ kassazzjoni, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Novembru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Novembru 2014, fil-proċedura

VAD BVBA,

Johannes Josephus Maria van Aert

vs

Belgische Staat,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, viċi-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, F. Biltgen, E. Levits, M. Berger u S. Rodin (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal VAD BVBA, minn J. Gevers, avukat,

għall-Gvern Belġjan, minn S. Vanrie u M. Jacobs, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn A. Gavela Llopis, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Caeiros u W. Roels, bħala aġenti,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-regola 3(b) tar-Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-nomenklatura magħquda, kif stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1214/2007, tal-20 ta’ Settembru 2007 (ĠU L 286, p. 1, iktar ’il quddiem in-“NM”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn VAD BVBA (iktar ’il quddiem “VAD”) u d-direttur tagħha, van Aert, u l-Belgische Staat (l-Istat Belġjan), dwar il-klassifikazzjoni tariffarja tas-sistemi magħquda ta’ vidjo u awdjo kif ukoll ta’ speakers.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

In-NM

3

In-NM, stabbilita bir-Regolament Nru 2658/87, hija bbażata fuq is-sistema armonizzata ta’ deskrizzjoni u kodifikazzjoni tal-oġġetti, ippreparata mill-Kunsill għall-Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (ODD), u adottata bil-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata ta’ Deskrizzjoni u Kodifikazzjoni tal-Oġġetti (iktar ’il quddiem is-“SA”), konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983, u approvata f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE, tas-7 ta’ April 1987 (ĠU L 198, p. 1).

4

Skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 2658/87, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 254/2000, tal-31 ta’ Jannar 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 9, p. 357), il-Kummissjoni Ewropea għandha, kull sena, tadotta regolament li jirriproduċi l-verżjoni sħiħa tan-NM u tar-rati tad-dazju doganali, kif din il-verżjoni tirriżulta mill-miżuri adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jew mill-Kummissjoni. Dan ir-regolament huwa applikabbli sa mill-1 ta’ Jannar tas-sena suċċessiva.

5

Il-verżjoni tan-NM applikabbli għall-fatti prinċipali hija dik li tirriżulta mir-Regolament Nru 1214/2007.

6

In-NM tirriproduċi l-intestaturi u s-subintestaturi b’sitt figuri tas-SA, u s-seba’ u t-tmien figuri biss joħolqu sottodiviżjonijiet li huma speċifiċi għalihom.

7

L-ewwel parti tan-NM tinkludi numru ta’ dispożizzjonijiet preliminari. F’din il-parti, taħt l-ewwel taqsima, iddedikata għad-dispożizzjonijiet ġenerali, it-Taqsima A, intitolata “Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-[NM]” (iktar ’il quddiem ir-“regoli ġenerali”), tipprovdi:

“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għanda tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:

1.

It-titli tat-taqsimiet, kapitli u subkapitli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini tat-titli u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitlu relattiv u, sakemm dawn t-titli jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

[…]

3.

Meta permezz ta’ l-applikazzjoni tar-regola 2(b) jew kwalunkwe raġuni oħra, l-oġġetti jkunu klassifikati prima facie f’titlu wieħed jew iżjed, il-klassifikazzjoni għandha ssir kif ġej:

a)

it-titlu li jagħti l-iżjed deskrizzjoni speċifika għandha tkun preferuta għal titli li jagħtu deskrizzjoni iżjed ġenerali. Madanakollu, meta jkun hemm żewġ titli jew iżjed li kull wieħed minnhom jirreferi għal parti waħda mill-materjali jew mis-sustanzi li qegħdin f’oġġetti mħalltin jew komposti jew għal parti biss mill-oġġetti f’sett imtella’ għal bejgħ bl-imnut, dawk t-titli għandhom jitqiesu ugwalment speċifiċi fir-rigward ta’ dawk l-oġġetti, ukoll jekk wieħed minnhom jagħti deskrizzjoni iżjed kompluta jew preċiża ta’ l-oġġetti;

b)

taħlitiet, oġġetti komposti li jikkonsistu minn materjali differenti jew magħmulin minn komponenti differenti, u oġġetti mtellgħin għal bejgħ bl-imnut, li ma jistgħux ikunu klassifikati b’referenza għal 3(a), għandhom ikunu klassifikati daqs li kieku kienu magħmulin mill-materjal jew mill-komponent li jagħtihom il-karattru essenzjali tagħhom, sakemm dan il-kriterju jkun applikabbli;

ċ)

meta oġġetti ma jistgħux ikunu klassifikati b’referenza għal 3(a) jew (b), huma għandhom ikunu klassifikati fit-titlu li jiġi l-aħħar f’ordni numerika fost dawk li ugwalment għandha tingħatalhom konsiderazzjoni.

[…]”

8

It-tieni parti tan-NM, li tinkludi t-tabella tad-dazji tad-dwana, tinkludi t-Taqsima XVI, intitolata “Makkinarju u għodod mekkaniċi; apparat elettriku; bċejjeċ tagħhom; strumenti li jirrekordjaw u strumenti li jirriproduċu l-ħoss; strumenti li jirrekordjaw u strumenti li jirriproduċu stampa u ħoss televiżivi u bċejjeċ u aċċessorji ta’ dawn l-oġġetti”.

9

Il-Kapitolu 85 tan-NM, li jinsab, taħt din it-Taqsima XVI, huwa intitolat “Makkinarju u għodod mekkaniċi; apparat elettriku; bċejjeċ tagħhom; strumenti li jirrekordjaw u strumenti li jirriproduċu l-ħoss; strumenti li jirrekordjaw u strumenti li jirriproduċu stampa u ħoss televiżivi u bċejjeċ u aċċessorji ta’ dawn l-oġġetti”.

10

L-intestatura 8518 tan-NM hija fformulata kif ġej:

“8518Mikrofoni u stands għalihom; lawdspikers, immuntati fil-kaxex tagħhom jew le; headphones u earphones, kombinati ma’ mikrofonu jew le, u settijiet magħmulin minn mikrofonu u lawdspiker wieħed jew aktar; amplifikaturi ta’ awdjofrekwenza ta’ l-elettriku; settijiet ta’ amplifikaturi ta’ ħoss-elettriku8518 10‐ Mikrofoni u stands għalihom8518 10 30‐ ‐ Mikrofoni b’marġni ta’ frekwenza ta’ 300 Hz sa 3,4 Khz, b’dijametru mhux aktar minn 10 mm u għoli mhux aktar minn 3 mm, ta’ tip użat għal telekomunikazzjonijiet8518 10 95

‐ ‐ Oħrajn

‐ Lawdspikers, immuntati fil-kaxex tagħhom jew le

8518 21 00‐ ‐ Lawdspikers singli, immuntati fil-kaxex tagħhom8518 22 00‐ ‐ Lawdspikers multipli, immuntati fl-istess kaxxa

8518 29

[...]

‐ ‐ Oħrajn:

[...]”

11

L-intestatura 8521 tan-NM hija fformulata kif ġej:

“8521

Apparat li jirrekordja jew jirriproduċi vidjow, li fihom jew ma fihomx tuner tal-vidjow

8521 10

‐ Tip b’tejp manjetiku

8521 10 20

‐ ‐ Jużaw tejp mhux usa’ minn 1,3 ċm u jippermettu rekordjar jew riproduzzjoni b’veloċità ta’ tejp mhux aktar minn 50 mm fis-sekonda

8521 10 95

‐ ‐ Oħrajn

8521 90 00

– Oħrajn”

Il-linji gwida

12

Il-linji gwida dwar il-klassifikazzjoni fin-Nomenklatura Magħquda tal-oġġetti ppreżentati għall-bejgħ bl-imnut f’settijiet (ĠU 2013, C 105, p. 1, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”), stabbiliti mill-Kummissjoni, jipprovdu b’mod partikolari:

“Għall-finijiet [tar-regola 3(b) tar-regoli ġenerali], it-terminu “Oġġetti ppreżentati għall-bejgħ bl-imnut f’settijiet” għandha tittieħed li tfisser oġġetti li:

a)

jikkonsistu f’mill-inqas żewġ oġġetti differenti li huma, prima facie, klassifikabbli taħt intestaturi differenti;

b)

jikkonsistu fi prodotti jew oġġetti mqiegħda flimkien biex jissodisfaw ħtieġa partikolari jew biex titwettaq attività speċifika; kif ukoll

c)

huma ppreżentati f’manjiera li tkun tajba biex jinbiegħu direttament lill-utenti mingħajr ma jerġgħu jiġu ppakkjati (pereżempju, f’kaxxi jew f’kontenituri jew fuq it-twavel).

[...]

Għandhom jintleħqu l-kundizzjonijiet kollha t’hawn fuq.

[...]”

13

Fir-rigward, b’mod iktar partikolari tal-kundizzjoni li l-oġġetti għandhom ikunu ppreżentati b’mod li jkunu jistgħu jinbiegħu direttament lill-utenti mingħajr ma jerġgħu jiġu ppakkjati, il-linji gwida jiddikjaraw:

“1)

Skont din in-nota u sabiex jitqiesu bħala ‘sett’, huwa meħtieġ li jintleħqu dawn il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

a)

l-oġġetti kollha ‘tas-sett’ huma ppreżentati fl-istess ħin u fl-istess dikjarazzjoni;

b)

l-oġġetti kollha huma ppreżentati fl-istess pakkett bħal f’kaxxetta portabbli, f’borża tal-plastik, f’kaxxa, miżmumin b’xibka, jew (kemm jekk ippakkjati jew le), marbutin flimkien pereżempju bl-użu ta’ tejp rinfurzat bil-filamenti, eċċ.;

c)

l-oġġetti kollha huma ppreżentati f’manjiera li tkun tajba biex jinbiegħu direttament lill-utenti mingħajr ma jerġgħu jiġu ppakkjati.

2)

Madankollu, b’eċċezzjoni għall-punt (1)(b), oġġetti mpoġġija f’settijiet għall-bejgħ bl-imnut jistgħu jiġu ppreżentati f’pakketti separati meta ġġustifikati, pereżempju, minħabba l-għamla tal-oġġetti (pereżempju d-daqs, il-piż, il-forma, il-kompożizzjoni kimika), għal raġunijiet ta’ trasport jew għal raġunijiet ta’ sigurtà, sakemm dawn ikunu tajbin biex jinbiegħu direttament lill-utenti mingħajr ma jerġgħu jiġu ppakkjati.

Din is-sitwazzjoni tista’ tiġi aċċettata biss jekk:

L-

oġġetti huma ppreżentati fi “proporzjonijiet relattivi”, pereżempju, mejda tal-ikel (bħala daqs tajba għal 4 persuni), u 4 siġġijiet tal-kamra tal-pranzu; bil-kontra “tal-proporzjonijiet mhux relattivi” bħal 3 imwejjed tal-ikel (bħala daqs tajbin għal 4 persuni), u siġġu tal-kamra tal-pranzu,

u

b)

l-oġġetti jitpoġġew f’qagħda li tindika b’mod ċar li jappartjenu għal xulxin, pereżempju:

i)

il-pakketti b’mod ċar għandhom jagħmlu riferiment għal xulxin (innumerati, bi stampi, b’denominazzjoni kummerċjali, eċċ.); jew

ii)

id-dokumenti jsemmu li l-prodotti inkwistjoni huma f’pakketti separati iżda jmorru ma’ xulxin”.

Is-SA

14

Skont l-Artikolu 3(1) ta’ l-imsemmija konvenzjoni dwar is-SA, kull parti kontraenti tintrabat li n-nomenklaturi tat-tariffi u l-istatistiċi jkunu konformi mas-SA, li tuża l-intestaturi u s-subintestaturi kollha tagħha, mingħajr żieda jew modifika, kif ukoll il-kodiċijiet konnessi magħhom, u li tiġi segwita l-ordni numerika ta’ din is-sistema. L-istess dispożizzjoni tistipula li kull parti kontraenti tintrabat ukoll li tapplika r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA kif ukoll in-noti kollha tat-taqsima, tal-kapitolu u tas-subintestatura tas-SA u li ma tiġix b’hekk modifikata l-portata tagħhom.

15

L-ODD, imwaqqaf permezz tal-Konvenzjoni Internazzjonali li ħolqot il-Kunsill tal-Kooperazzjoni Doganali, iffirmata Brussell fil-15 ta’ Diċembru 1950, approva, bil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni dwar is-SA, in-noti ta’ spjegazzjoni tas-SA adottati mill-kumitat tas-SA, kumitat li l-organizzazzjoni tiegħu hija rregolata mill-Artikolu 6 tal-imsemmija konvenzjoni.

16

Skont in-nota ta’ spjegazzjoni marbuta mar-regola ġenerali 3(b) għall-interpretazzjoni tas-SA li tinsab fin-noti ta’ spjegazzjoni adottati mill-imsemmi kumitat, fil-verżjoni tagħhom applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem in-“noti ta’ spjegazzjoni tas-SA”):

“[...]

(VI)

Dan it-tieni metodu ta’ klassifikazzjoni jirrigwarda biss il-każ:

1)

ta’ prodotti mħalltin;

2)

ta’ oġġetti komposti minn materjali differenti;

3)

ta’ oġġetti kkostitwiti mill-assemblaġġ ta’ artikoli differenti;

4)

ta’ oġġetti ppreżentati f’settijiet għall-bejgħ bl-imnut. Huwa japplika biss jekk ir-Regola 3 a) hija ineffettiva.

(VII)

F’dawn id-diversi każijiet, il-klassifikazzjoni tal-oġġetti għandha ssir skont il-materjal jew l-artikolu li jagħtiha n-natura essenzjali tagħha meta huwa possibbli li ssir din id-determinazzjoni.

[...]

(X)

Għall-finijniet ta’ din ir-regola, l-oġġetti li jissodisfaw simultanjament is-segwenti kundizzjonijiet għandhom jiġu kkunsidrati bħala “ppreżentati għall-bejgħ bl-imnut f’settijiet”:

a)

ikunu komposti minn tal-inqas żewġ biċċiet differenti li, prima facie, jistgħu jaqgħu taħt intestaturi differenti. Ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala sett, fis-sens ta’ din ir-regola, sitt frieket tal-fondue, pereżempju;

b)

ikunu komposti minn prodotti jew bċejjeċ ippreżentati flimkien sabiex jissodifaw bżonn speċifiku jew l-eżerċizzju ta’ attività ddeterminata, u

ċ)

ikunu ppreżentati b’mod li jistgħu jinbiegħu direttament lill-utenti mingħajr ma jerġgħu jiġu ppakkjati (f’kaxxi, kollezzjonijiet, pereżempju).”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

17

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li VAD, li van Aert huwa d-direttur tagħha, ivvalidat fl-10, fil-11 u fit-23 ta’ Jannar 2008, fil-kwalità tagħha ta’ aġent tad-dwana, f’isimha proprja iżda għall-interessi ta’ Zicplay SA, u fuq istruzzjoni ta’ Transmar Logistics, tliet dikjarazzjonijiet ta’ importazzjoni “IM4” mad-dipartimenti tad-dwana kompetenti f’Antwerpen (il-Belġju), bil-ħsieb li tikkummerċjalizza sistemi magħquda ta’ vidjo u awdjo imsejħa “micro Z 99 DVBT” u komposti, minn naħa, minn apparat li jgħaqqad DVD player, konnessjoni USB, sintonizzatur FM, skrin bil-kristalli likwidi (LCD) TFT, MP 3 player u sintonizzatur tat-televiżjoni (iktar ’il quddiem “is-settijiet awdjo/vidjo”) kif ukoll, min-naħa l-oħra, speakers żmuntabbli.

18

Dawn l-oġġetti ġew żmuntati waqt it-trasport u ddikjarati separatament, għal kull element, fid-dikjarazzjonijiet ta’ importazzjoni “IM4”.

19

Għalhekk, l-apparat “micro Z 99 DVBT” ġie kklassifikat taħt żewġ intestaturi tariffarji differenti tan-NM, jiġifieri, minn naħa, is-settijiet awdjo/vidjo taħt l-intestatura 8518 1095 90 tan-NM, suġġetti għall-ħlas tad-dazji bir-rata ta’ 2.5 %, u min-naħa l-oħra, l-ispeakers żmuntabbli taħt is-subintestura tariffarja 8518 2200 90 tan-NM, suġġetti għall-ħlas tad-dazji bir-rata ta’ 4.5 %.

20

Għaldaqstant, is-settijiet awdjo/vidjo u l-ispeakers ma ġewx iddikjarati bħala assjem taħt l-intestatura 8521 9000 90 tan-NM, suġġett għall-ħlas tad-dazji fuq l-importazzjoni ta’ 13.9 %.

21

VAD u van Aert ġew imħarrka fil-21 ta’ Ottubru 2011 sabiex jidhru quddiem il-correctionele rechtbank te Antwerpen (qorti korrezzjonali ta’ Antwerpen) taħt l-akkuża li kienu ddeponew, taħt denominazzjoni żbaljata u taħt kodiċi tariffarju ta’ oġġetti żbaljat, tliet dikjarazzjonijiet bil-ħsieb li jikkummerċjalizzaw l-apparat “micro Z 99 DVBT” fit-territorju doganali tal-Unjoni.

22

Fis-sentenza tagħha tas-6 ta’ Ġunju 2012, l-imsemmija qorti ddeċidiet li s-settijiet awdjo/vidjo u l-ispeakers kellhom jiġu kkunsidrati bħala sett ta’ oġġetti u kellhom jiġu kklassifikati flimkien taħt l-intestatura tariffarja 8521 9000 90 tan-NM. Hija kkundannat lil VAD u lil van Aert għall-ħlas in solidum ta’ multa u tad-dazji fuq l-importazzjoni li kienu ġew evitati.

23

Fl-appell minn din is-sentenza, il-hof van beroep te Antwerpen (qorti tal-appell ta’ Antwerpen) ikkonfermat is-sentenza appellata permezz tas-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2013.

24

F’dan ir-rigward, din il-qorti ħadet inkunsiderazzjoni il-fatti, b’mod partikolari, li s-settijiet awdjo/vidjo u l-ispeakers kienu ġew ippreżentati flimkien quddiem id-dwana fl-istess dikjarazzjonijiet ta’ importazzjoni “IM4” u li dawn l-oġġetti jifformaw, kif jirriżulta mid-dokumentazzjoni marbuta magħhom, b’mod ċar assjem sabiex jiġi kkummerċjalizzat flimkien.

25

Issa, l-oġġetti jikkostitwixxu, skont il-qorti tal-appell, sett ippreżentat għall-bejgħ bl-imnut jekk jiġi stabbilit li huma jiġu kkummerċjalizzati bl-imnut f’imballaġġ wieħed, b’tali mod li dawn ikunu maħsuba sabiex jiġu ppreżentati flimkien bħala assjem fil-kuntest ta’ dan il-metodu ta’ kummerċjalizzazzjoni. Dan jirrispekkja l-każ ineżamina, kif turi l-firxa ta’ elementi fattwali, jiġifieri l-importazzjoni, it-trasport, il-fatturazzjoni u l-ipproċessar konġunt tal-oġġetti, iċ-ċirkustanza li d-destinatarju huwa identiku, il-preżentazzjoni viżiva ta’ apparat kif ukoll iċ-ċirkustanza li n-numru ta’ pari ta’ speakers importati jekwivali għan-numru ta’ settijiet awdjo/vidjo. Għalhekk, is-settijiet awdjo/vidjo u l-ispeakers kienu jikkostitwixxu, fil-mument tal-klassifikazzjoni tagħhom, sett ippreżentat għall-bejgħ bl-imnut. Iċ-ċirkustanza li dawn l-oġġetti ma kinux, fil-mument tal-iżdoganar tagħhom, ippreżentati f’imballaġġ wieħed ma kinitx taffettwa din il-konstatazzjoni.

26

VAD u van Aert appellaw minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

27

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, f’dan il-kuntest, b’mod partikolari jekk l-oġġetti ppreżentati f’settijiet għall-bejgħ bl-imnut li ġew ġustament ippreżentati lid-dwana f’imballaġġi separati, iżda li minnhom jidher ċar li jifformaw assjem wieħed u huma intiżi li jiġu kkummerċjalizzati bl-imnut bħala li jikkostitwixxu assjem, għandhomx jiġu kkunsidrati bħala ‘oġġetti ppreżentati għall-bejgħ bl-imnut f’settijiet’, fis-sens tar-regola 3(b) tar-regoli ġenerali, anki jekk dawn l-oġġetti jitpoġġew f’imballaġġ wieħed biss wara d-dikjarazzjoni, bil-ħsieb li jiġu kkummerċjalizzati bl-imnut.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi il-Hof van Cassatie (qorti ta’ kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Merkanzija ppreżentata għall-bejgħ bl-imnut f’settijiet li hija ppreżentata f’ippakkjar separat fid-dwana għaliex dan huwa ġġustifikat, iżda li huwa ċar li hija tifforma ħaġa waħda u li hija intiża sabiex tiġi ppreżentata fil-kummerċ bl-imnut bħala ħaġa waħda, għandha tiġi kkunsidrata bħala merkanzija ppreżentata għall-bejgħ bl-imnut f’settijiet, kif indikat fir-Regola 3(b) tar-Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-nomenklatura magħquda, kif stabbilit fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1214/2007, tal-20 ta’ Settembru 2007, anki fil-każ fejn din il-merkanzija hija ppakkjata flimkien wara d-dikjarazzjoni sabiex tiġi ppreżentata għall-bejgħ bl-imnut?”

Fuq id-domanda preliminari

29

Permezz tad-domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, u sa liema punt, ir-regola 3(b) tar-regoli ġenerali tistax tiġi interpretata fis-sens li oġġetti, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jiġu ppreżentati għall-iżdoganar f’imballaġġi separati u li jitpoġġew f’imballaġġ wieħed biss wara din it-tranżazzjoni, jistgħu madankollu jiġu kkunsidrati bħala “oġġetti ppreżentati għall-bejgħ bl-imnut f’settijiet”, fis-sens ta’ din ir-regola u, għaldaqstant, jaqgħu taħt l-istess intestatura tariffarja, meta jiġi stabbilit, fid-dawl ta’ fatturi oġġettivi oħrajn, li dawn l-oġġetti jifformaw assjem u huma intiżi sabiex jiġu bħala tali kkummerċjalizzati bl-imnut.

30

Preliminarjament jeħtieġ li jitfakkar li r-regola 3(b) tar-regoli ġenerali, li tirregola, b’mod partikolari, il-klassifikazzjoni tal-oġġetti ppreżentati bħala settijiet għall-bejgħ bl-imnut, tapplika biss jekk, minn naħa, il-prodotti inkwistjoni jkunu jistgħu jintrabtu ma’ intestaturi differenti tan-NM u, min-naħa l-oħra, meta l-klassifikazzjoni ma tkunx tista’ ssir bl-applikazzjoni tar-regola 3(a) tal-imsemmija regoli ġenerali, jiġifieri, b’mod partikolari, meta ma tkunx tista’ ssir skont intestatura speċifika li tirrikjedi prijorità fuq l-intestaturi ta’ portata iktar ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Telefunken Fernseh und Rundfunk, 163/84, EU:C:1985:396, punti 3637, kif ukoll Kurcums Metal,C‑558/11, EU:C:2012:721, punt 36).

31

Anki jekk, f’dan il-każ, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-regola 3(b), tar-regoli ġenerali jidhru prima facie ssodisfatti fir-rigward tal-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija dik il-qorti li għandha tiddedika ruħha għall-evalwazzjoni neċessarja f’dan ir-rigward u li tivverifika jekk dawn il-prodotti jistgħux jiġu kklassifikati taħt intestaturi differenti tan-NM li minnhom l-ebda waħda ma għandha tiġi kkunsidrata bħala l-iktar speċifika, fis-sens tar-regola 3(a), tar-regoli ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Kurcums Metal, C‑558/11, EU:C:2012:721, punt 28, u Vario Tek, C‑178/14, EU:C:2015:152, punt 18).

32

Fir-rigward tad-domanda preliminari magħmula, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li n-noti ta’ spjegazzjoni tas-SA kif ukoll il-linji gwida jipprevedu, fir-rigward tar-regola 3(b), tar-regoli ġenerali, b’mod partikolari li huma biss l-oġġetti li “ikunu ppreżentati b’mod li jkunu jistgħu jinbiegħu direttament lill-utenti mingħajr ma jerġgħu jiġu ppakkjati” li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala “oġġetti ppreżentati għall-bejgħ bl-imnut f’settijiet”, fis-sens ta’ din ir-regola. Issa, fil-każ odjern, kien biss wara l-iżdoganar tagħhom li l-oġġetti inkwistjoni fil-kawża prinċipali li dawn ġew ippakkjati flimkien bil-għan li jinbiegħu bħala assjem, fatt li, skont il-qorti tar-rinviju, jista’ jkollu l-konsegwenza li jeskludihom mill-kunċett ta’ “oġġetti ppreżentati bħala settijiet għall-bejgħ bl-imnut”, kif speċifikat mill-imsemmija noti ta’ spjegazzjoni tas-SA u mil-linji gwida.

33

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li n-noti ta’ spjegazzjoni mħejjija, għal dak li jikkonċerna n-NM, mill-Kummissjoni u, għal dak li jikkonċerna s-SA, mill-ODD, jgħinu ħafna fl-interpretazzjoni tal-portata tad-diversi intestaturi tariffarji mingħajr, madankollu, ma għandhom setgħa vinkolanti fid-dritt (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi Digitalnet et, C‑320/11, C‑330/11, C‑382/11 u C‑383/11, EU:C:2012:745, punt 33, kif ukoll Data I/O, C‑297/13, EU:C:2014:331, punt 33).

34

Għaldaqstant, il-kontenut tal-imsemmija noti għandu jkun konformi mad-dispożizzjonijiet tan-NM u ma jistax jemenda l-portata tagħhom (sentenzi JVC France, C‑312/07, EU:C:2008:324, punt 34, u Vario Tek, C‑178/14, EU:C:2015:152, punt 22). Dan jiswa, għal raġuni aqwa, fir-rigward tal-linji gwida, sa fejn il-Kummissjoni fihom speċifikat il-portata li għandu jkollu, fl-opinjoni tagħha, il-kunċett ta’ “oġġetti ppreżentati għall-bejgħ bl-imnut f’settijiet”, fis-sens tar-regola 3(b) tar-regoli ġenerali.

35

B’hekk, jeħtieġ li jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li fi kwalunkwe każ, ma jirriżultax, la mill-kliem tar-regola 3(b) tar-regoli ġenerali u lanqas, barra minn hekk, min-noti ta’ spjegazzjoni tas-SA jew mil-linji gwida, fejn dawn tal-aħħar jipprovdu għal ċerti eċċezzjonijiet għar-rekwiżit ta’ imballaġġ uniku, li l-kunċett ta’ “sett[...]”, fis-sens ta’ din ir-regola, jippreżumi neċessarjament, u fi kwalunkwe każ, li l-oġġetti kkonċernati jiġu ppreżentati fl-istess imballaġġ għall-finijiet tal-iżdoganar.

36

Fit-tieni lok, jeħtieġ li jiġi nnotat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “sett[...]”, fis-sens tal-imsemmija regola, jippreżumi rabta mill-qrib, mill-perspettiva tal-kummerċjalizzazzjoni tagħhom, bejn l-oġġetti kkonċernati, b’tali mod li dawn ma jkunux biss ippreżentati flimkien għall-iżdoganar, iżda li dawn jiġu normalment offruti, fl-istadji kummerċjali differenti u, b’mod partikolari, fil-kuntest kummerċjali bl-imnut, bħala assjem u f’imballaġġ wieħed, sabiex jiġi ssodisfatt bżonn jew eżerċizzju ta’ attività determinata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Telefunken Fernseh und Rundfunk, 163/84, EU:C:1985:396, punt 35).

37

F’dan ir-rigward, għalkemm jirriżulta, ċertament, mis-sentenza Telefunken Fernseh und Rundfunk (163/84, EU:C:1985:396) li, sabiex ikunu jistgħu jiġu suġġetti għal klassifikazzjoni unika bħala “settijiet ta’ oġġetti”, dawn tal-aħħar għandhom jiġu ppreżentati flimkien għall-finijiet tal-iżdoganar, madankollu ma jirriżultax minn din is-sentenza li, sabiex jiġu hekk ikklassifikati, l-oġġetti inkwistjoni kellhom b’mod obbligatorju jkunu fil-forma ta’ assjem wieħed u fl-istess imballaġġ waqt din it-tranżazzjoni. Il-kunċett ta’ “settijiet ta’ oġġetti” pjuttost jagħmel riferiment għal għadd ta’ oġġetti li normalment jiġu offruti, b’mod partikolari fil-kummerċ bl-imnut, bħala assjem u f’imballaġġ wieħed, għas-sodisfazzjon ta’ bżonn jew l-eżerċizzju ta’ attività determinata.

38

Għalhekk, l-imballaġġ uniku tal-oġġetti, waqt il-preżentazzjoni tagħhom quddiem id-dwana, ma jikkostitwixxix kundizzjoni assoluta sabiex jiġi kkunsidrat li dawk jifformaw assjem u jikkostitwixxu, għaldaqstant, “sett[...]”, fis-sens tar-regola 3(b), tar-regoli ġenerali, iżda biss indizju li jippermetti li tiġi dedotta tali konstatazzjoni.

39

Interpretazzjoni kuntrarja tal-kunċett ta’ sett tkun tippermetti, fir-realtà, lill-importaturi li jagħżlu huma, permezz ta’ manipulazzjoni relattivament sempliċi, bħall-imballaġġ mill-ġdid jew l-irbit flimkien tal-oġġetti b’żigarella bil-kolla, il-klassifikazzjoni tariffarja tal-oġġetti kkonċernati – jew bħala assjem jew separatament – skont kif ikun jaqblilhom.

40

Issa, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li tali possibbiltà tmur kontra l-prinċipju li l-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-oġġetti għandu jiġi mfittex, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tagħhom, u b’hekk jippreġudika l-għan marbut mal-faċilità tal-kontrolli doganali u maċ-ċertezza legali li għandha tirrenja fil-klassifikazzjoni tariffarja tal-oġġetti importati (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari s-sentenzi Kurcums Metal, C‑558/11, EU:C:2012:721, punt 29, u Humeau Beaupréau, C‑2/13, EU:C:2014:48, punt 45).

41

Barra minn hekk jirriżulta essenzjalment mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li d-determinazzjoni, waqt il-preżentazzjoni tal-oġġetti kkonċernati quddiem id-dwana, tal-kwistjoni dwar jekk dawn l-oġġetti jifformawx assjem, jew, fi kliem ieħor, “sett[...]” fis-sens tar-regola 3(b) tar-regoli ġenerali, għandha, finalment, issir fid-dawl tal-mod kif dawn tal-aħħar huma maħsuba li jiġu offruti lill-konsumaturi, jiġifieri jekk dawn jiġux ippreżentati lil dawn tal-aħħar bħala assjem (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Telefunken Fernseh und Rundfunk, 163/84, EU:C:1985:396, punt 35).

42

Fl-aħħar, skont il-Gvern Belġjan, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li ċ-ċirkustanza li, fil-kawża prinċipali, l-oġġetti inkwistjoni tpoġġew, wara li ġew żdoganati, f’imballaġġi uniċi, ma timplikax neċessarjament li dawn l-oġġetti ma kinux maħsuba sabiex jinbiegħu direttament bħala assjem lill-utenti mingħajr ma jerġgħu jiġu ppakkjati. Fil-fatt, fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, jidher ukoll verosimili u ġġustifikat li l-assjem awdjo/vidjo u l-ispeakers korrispondenti jinbiegħu flimkien lill-utenti f’kaxex separati minflok f’imballaġġ wieħed.

43

Minn dan jirriżulta li ċ-ċirkustanza li l-oġġetti jiġu ppreżentati quddiem id-dwana f’imballaġġi separati u jitpoġġew f’imballaġġ wieħed biss wara l-iżdoganar tagħhom ma tistax, waħidha, timpedixxi li dawn l-oġġetti jiġu kklassifikati bħala “oġġetti ppreżentati għall-bejgħ bl-imnut f’settijiet”, fis-sens tar-regola 3(b) tar-regoli ġenerali, jekk jirriżulta, fil-mument tal-iżdoganar, b’mod ċar minn fatturi oġġettivi oħra li dawn l-oġġetti jifformaw assjem u huma intiżi li jiġu bħala tali kkummerċjalizzati bl-imnut.

44

Tali fatturi oġġettivi jistgħu jiġu dedotti minn ċirkustanzi bħal dawk imsemmija fid-deċiżjoni tar-rinviju, jiġifieri l-importazzjoni, it-trasport, il-fatturazzjoni u l-ipproċessar konġunt tal-oġġetti, iċ-ċirkustanza li d-destinatarju huwa identiku, il-preżentazzjoni viżiva ta’ apparat kif ukoll iċ-ċirkustanza li n-numru ta’ pari ta’ speakers importati jekwivali preċiżament għan-numru ta’ settijiet awdjo/vidjo. Madankollu, hija l-qorti nazzjonali li għandha twettaq evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi rilevanti bil-għan li tikkonstata jekk l-oġġetti inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li ġew ippreżentati fil-forma ta’ kollezzjonijiet.

45

Konsegwentement, hemm lok li tingħata risposta għad-domanda magħmula li r-regola 3(b) tar-regoli ġenerali għandha tiġi interpretata fis-sens li l-oġġetti, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jiġu ppreżentati quddiem id-dwana f’imballaġġi separati u jitpoġġew f’imballaġġ wieħed biss wara l-iżdoganar tagħhom, jistgħu madankollu jiġu kkunsidrati bħala “oġġetti ppreżentati għall-bejgħ bl-imnut f’settijiet”, fis-sens ta’ din ir-regola u, għaldaqstant, jaqgħu taħt l-istess intestatura tariffarja, meta jiġi stabbilit, fid-dawl ta’ fatturi oġġettivi oħra, li għandhom jiġu evalwati mill-qorti tar-rinviju, li dawn l-oġġetti jifformaw assjem u huma intiżi li jiġu bħala tali kkummerċjalizzati bl-imnut.

Fuq l-ispejjeż

46

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-regola 3(b) tar-Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-nomenklatura magħquda, kif stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1214/2007, tal-20 ta’ Settembru 2007, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-oġġetti, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jiġu ppreżentati quddiem id-dwana f’imballaġġi separati u jitpoġġew f’imballaġġ wieħed biss wara l-iżdoganar tagħhom, jistgħu madankollu jiġu kkunsidrati bħala “oġġetti ppreżentati għall-bejgħ bl-imnut f’settijiet”, fis-sens ta’ din ir-regola u, għaldaqstant, jaqgħu taħt l-istess intestatura tariffarja, meta jiġi stabbilit, fid-dawl ta’ fatturi oġġettivi oħra, li għandhom jiġu evalwati mill-qorti tar-rinviju, li dawn l-oġġetti jifformaw assjem u huma intiżi li jiġu bħala tali kkummerċjalizzati bl-imnut.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.