SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
9 ta’ Jannar 2015 ( *1 ) ( 1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri — Ħtif ta’ minuri — Regolament (KE) Nru 2201/2003 — Artikolu 11(7) u (8)”
Fil-Kawża C‑498/14 PPU,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-cour d’appel de Brussell (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Novembru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Novembru 2014, fil-proċedura
RG
vs
SF,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn L. Bay Larsen (Relatur), President tal-Awla, K. Jürimaë, J. Malenovský, M. Safjan u A. Prechal, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,
Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,
wara li rat it-talba tal-qorti tar-rinviju tas-7 ta’ Novembru 2014, li waslet għand il-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Novembru 2014, biex tissuġġetta r-rinviju preliminari għal proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari, konformement mal-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,
wara li rat id-deċiżjoni tat-18 ta’ Novembru 2014 tar-Raba’ Awla li tilqa’ din it-talba,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Diċembru 2014,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għall-Gvern Belġjan, minn C. Pochet, J.-C. Halleux u L. Van den Broeck, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin, bħala aġent, |
wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(7) u (8) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243, iktar ’il quddiem ir-“Regolament”). |
|
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn RG u SF dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward tal-wild tagħhom TE, li jinżamm fil-Polonja minn SF. |
Il-kuntest ġuridiku
Il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980
|
3 |
L-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali tat-Tfal, magħmula fil-25 ta’ Ottubru 1980 f’Den Haag (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980”), jipprovdi: “Ir-rimozzjoni jew ir-ritenzjoni ta’ wlied għandhom jitqiesu bħala illeċiti meta:
Id-drittijiet ta’ kustodja imsemmija fis-subparagrafu (a) iktar ’il fuq jistgħu joriġinaw b’mod partikolari mill-operat tal-liġi jew bis-saħħa ta’ deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva, jew bis-saħħa ta’ ftehim li jkollu effett legali skont il-liġi ta’ dak l-Istat.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
4 |
L-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni msemmija jipprovdi kif ġej: “Meta wild ikun tneħħa jew inżamm b’mod illeċitu skont l-Artikolu 3 u, fid-data tal-bidu tal-proċedimenti quddiem l-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva ta’ l-Istat Kontraenti fejn ikun jinsab il-wild, ikun għadda perjodu ta’ inqas minn sena mid-data tar-rimozzjoni jew ritenzjoni illeċita, l-awtorità li tkun għandha tordna r-ritorn tal-wild biex dan isir minnufih. […]”[traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
5 |
L-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 jipprovdi: “Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-artikolu ta’ qabel, l-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tal-Istat rikjest ma hijiex marbuta li tordna r-ritorn tal-wild jekk il-persuna, istituzzjoni jew enti oħra li topponi r-ritorn iġġib prova li:
[…]”[traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
6 |
Il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 1983. L-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea huma partijiet kontraenti tal-imsemmija konvenzjoni. |
Id-dritt tal-Unjoni
|
7 |
Il-premessi 12, 17, 18 u 33 tar-Regolament jipprovdu kif ġej:
[…]
[…]
|
|
8 |
L-Artikolu 1(1) u (2) tar-Regolament jipprovdi: “1. Dan ir-Regolament għandu japplika, tkun xi tkun in-natura ta’ l-qorti jew tribunal, fi kwistjonijiet ċivili dwar: […]
2. Il-kwistjonijiet imsemmija fil-paragrafu1(b) jistgħu, partikolarment, jittrattaw fi:
[…]” |
|
9 |
Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament: “Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:
[…]
|
|
10 |
L-Artikolu 8 tar-Regolament, intitolat “Il-Ġurisdizzjoni ġenerali”, jipprovdi: “1. Il-qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar minuri li huma abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru fiż-żmien li l-qorti tkun ħadet il-pussess. 2. Il-Paragrafu 1 għandu jkun bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 9, 10 u 12.” |
|
11 |
L-Artikolu 11 tar-Regolament, bit-titolu “Ir-Ritorn ta’ l-minuri”, jipprovdi kif ġej: “1. Fejn persuna, istituzzjoni jew xi korp ieħor li għandhom id-drittijiet ta’ kustodja japplika ma’ l-awtoritajiet kompetenti fi Stat Membru biex joħroġu sentenza dwar il-bażi ta’ l-Konvenzjoni ta’ l-Aja ta’ l-25 ta’ Ottubru 1980 dwar l- Aspetti Ċivili dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri (hawnhekk iżjed ’il quddiem ‘il-Konvenzjoni ta’ l-Aja ta’ l-1980’), ħalli tikseb ir-ritorn ta’ l-minuri li ġew inġustament imneħħija jew miżmuma fi Stat Membru barra dak li huwa l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta, għandhom japplikaw paragrafi 2 sa 8. […] 3. Qorti li fiha hemm applikazzjoni għar-ritorn ta’ l-minuri kif imsemmija fil-paragrafu 1 għandha taġixxi bil-ħeffa fil-proċedimenti dwar l-applikazzjoni, billi tuża l-aktar proċedimenti ħfief fix-xogħol li huma disponibbli fil-liġi nazzjonali. Mingħajr preġudizzju għall-ewwel subparagrafu, il-qorti għandha, ħlief fejn ċirkustanzi eċċezzjonali jagħmlu dan impossibli, taqta’ is-sentenza tagħha sa mhux aktar tard minn sitt gimgħat wara li l-applikazzjoni tkun ġiet irreġistrata. […] 6. Jekk qorti ħarġet ordni kontra r-ritorn skond l-Artikolu 13 ta’ l-Konvenzjoni ta’ l-Aja ta’ l-1980, il qorti għandha immedjatament titrasmetti jew direttament jew mill-awtorità ċentrali tagħha,, kopja ta’ l-ordni ta’ l-qorti dwar l- sabiex ma jsirx ir-ritorn u d-dokumenti rilevanti, u partikolarment traskrizzjoni tas-seduti quddiem il-qorti, lill-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni jew lill-awtorità ċentrali fl-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta, kif determinati mil-liġi nazzjonali. Il-Qorti għandha tirċievi d-dokumenti kollha msemmija fi żmien xahar mid-data ta’ l-ordni sabiex ma jsirx ir-ritorn. 7. Kemm-il darba il-qrati fl-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta ġew diġa fil-pussess ta’ wieħed mill-partijiet, il-qorti jew l-awtorità ċentrali li tirċievi l-informazzjoni imsemmija fil-paragrafu 6 għandha tinnotifika lill-partijiet u tistedinhom jagħmlu s-sottomissjonijiet lill-qorti, skond il-liġi nazzjonali, fi żmien tlett xhur tad-data ta’ notifika ħalli l-qorti tkun tista’ teżamina l-kwistjoni ta’ l-kustodja ta’ l-minuri. Mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni li jinstabu f’dan ir-Regolament, il-qorti għandha tagħlaq il-każ jekk ebda sottomissjoni ma tiġi reġistrata mill-qorti fiż-żmien limitu. 8. Minkejja sentenza biex ma jsirx ir-ritorn skond l-Artikolu 13 ta’ l-Konvenzjoni ta’ l-Aja ta’ l-1980, kwalunkwe sentenza li tiġi wara li tirrekjedi r-ritorn ta’ l-minuri maħruġa minn qorti li għandha l-ġurisdizzjoni taħt dan ir-Regolament għandha tkun infurzabbli skond it-Taqsima 4 ta’ l-Kapitolu III li tinstab aktar l-isfel ħalli jiġi tassigurat ir-ritorn ta’ l-minuri.” |
|
12 |
L-Artikolu 15 tar-Regolament, intitolat “It-Trasferiment għal qorti li tinstab f’post aħjar sabiex jinstema’ l-każ”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu: “B’mod ta’ eċċezzjoni, il-qrati ta’ xi Stat Membru li għandhom il-ġurisdizzjoni dwar is-sostanza ta’ l-kwistjoni jistgħu, jekk jikkunsidraw li qorti ta’ Stat Membru ieħor, li magħha l-minuri għandu konnessjoni partikolari, u fejn dan huwa fl-aħjar interessi ghall-minuri, tkun f’posizzjoni aħjar biex jisimgħu l-każ, jew parti speċifika minnu:
|
Id-dritt Belġjan
|
13 |
L-Artikolu 1322i tal-Kodiċi Ġudizzjarju, kif emendat bil-Liġi tat-30 ta’ Lulju 2013 li toħloq il-Qorti tal-Familja (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ġudizzjarju”), huwa mfassal kif ġej: “§ 1. Id-deċiżjoni li ma jiġix ritornat il-wild mogħtija f’pajjiż barrani, kif ukoll id-dokumenti li jakkumpanjawha, mibgħuta lill-Awtorità ċentrali Belġjana b’applikazzjoni tal-Artikolu 11(6) tar-Regolament tal-Kunsill imsemmi fl-Artikolu 1322a(3), għandhom jintbagħtu permezz ta’ ittra rreġistrata lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Prim’Istanza li hija stabbilita fis-sede tal-Qorti tal-Appell li fil-pajjiż tagħha l-wild kellu r-residenza abitwali tiegħu eżatt qabel iċ-ċaqliq jew in-nuqqas ta’ ritorn illegali tiegħu. § 2. Minn meta jiġu rċevuti d-dokumenti u mhux iktar tard minn tlett ijiem ta’ xogħol wara, ir-Reġistratur għandu jinnotifika permezz ta’ ittra uffiċjali lill-partijiet u lill-prosekuzzjoni, bl-informazzjoni li tinsab fl-Artikolu 11(7) tar-Regolament tal-Kunsill imsemmi fil-§ 1. L-ittra uffiċjali għandu jkollha l-informazzjoni segwenti:
§ 3. Jekk mill-inqas waħda mill-partijiet tippreżenta t-talbiet, ir-Reġistratur għandu jsejjaħ immedjatament lill-partijiet għall-ewwel seduta utli. § 4. It-tressiq ta’ kawża quddiem il-Qorti tal-Familja jissospendi l-proċeduri mibdija quddiem il-qrati u t-tribunali, li jkunu aditi b’kawża dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri jew b’kawża konnessa. § 5. Fin-nuqqas li l-partijiet jippreżentaw osservazzjonijiet lill-qorti fit-terminu previst f’§ 2(2), il-Qorti tal-Familja għandha tagħti digriet li jikkonstata dan, li għandu jiġi nnotifikat mir-Reġistratur lill-partijiet, lill-Awtorità ċentrali u lill-prosekuzzjoni. § 6. Id-deċiżjoni mogħtija dwar il-kwistjoni tal-kustodja tal-wild b’applikazzjoni tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament tal-Kunsill imsemmi f’§ 1, tista’ wkoll, fuq talba ta’ waħda mill-partijiet, tikkonċerna d-dritt għall-aċċess fil-każ fejn din tordna r-ritorn tal-wild fil-Belġju. § 7. Id-deċiżjoni msemmija f’§ 6 għandha tiġi nnotifikata mir-Reġistratur lill-partijiet, lill-prosekuzzjoni u lill-Awtorità ċentrali Belġjana b’ittra uffiċjali. § 8. L-Awtorità ċentrali Belġjana biss għandha l-kapaċità li tiżgura t-trażmissjoni tad-deċiżjoni u tad-dokumenti li jakkumpanjawha lill-Awtoritajiet kompetenti tal-Istat li fih tkun ingħatat id-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ ritorn. § 9. Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 11(7) u (8) tar-Regolament tal-Kunsill imsemmi f’§ 1, għandu jinstema’ l-wild b’mod konformi mal-Artikolu 42(2)(a) tar-regolament imsemmi u mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001, tat-28 ta’ Mejju 2001, dwar kooperazzjoni bejn il-qrati ta’ l-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta’ xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali.” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
|
14 |
TE huwa wild li twieled fil-Polonja, fil-21 ta’ Diċembru 2011, minn relazzjoni bejn SF, ta’ nazzjonalità Pollakka, u RG, ta’ nazzjonalità Britannika, residenti fil-Belġju. |
|
15 |
L-omm u l-wild marru jgħixu fi Brussell (il-Belġju) matul Lulju u Awwissu 2012, meta l-wild kellu seba’ xhur. Minn meta marru jgħixu hemm, il-wild kien domiċiljat ma’ ommu u kien jiltaqa’ ma’ missieru b’mod regolari. |
|
16 |
Il-missier u l-omm ipparteċipaw, f’Awwissu u f’Settembru 2013, f’medjazzjoni lokali bil-għan li jiftehmu fuq it-tqassim tal-akkomodazzjoni tal-wild, iżda ma ġie konkluż ebda ftehim. |
|
17 |
Fis-16 ta’ Ottubru 2013, l-omm informat lill-missier li kienet sejra fuq btala mal-wild fil-Polonja. |
|
18 |
B’rikors ippreżentat fit-18 ta’ Ottubru 2013, il-missier ressaq proċedura quddiem it-tribunal de la jeunesse ta’ Brussell sabiex din tiddeċiedi, b’mod partikolari, dwar il-metodi tal-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri u fuq l-akkomodazzjoni tat-tfal. |
|
19 |
B’ċitazzjoni tat-23 ta’ Ottubru 2013, il-missier ippreżenta wkoll quddiem l-Imħallef għal miżuri provviżorji talba urġenti u provviżorja intiża għall-iffissar ta’ akkomodazzjoni sekondarja tal-wild għandu. |
|
20 |
Meta l-missier fehem li l-omm ma kellhiex l-intenzjoni li tmur lura l-Belġju mal-wild tagħhom, dan emenda t-talbiet tiegħu quddiem l-Imħallef għal miżuri provviżorji u quddiem it-tribunal de la jeunesse ta’ Brussell u talab, b’mod partikolari, l-eżerċizzju esklużiv tal-awtorità tal-ġenituri, l-akkomodazzjoni prinċipali tal-wild u li tingħata projbizzjoni lill-omm milli titlaq mit-territorju Belġjan mal-wild. Min-naħa tagħha, l-omm ikkontestat il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Belġjani, u talbet l-applikazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament u r-rinviju tal-kawża lejn il-qrati Pollakki li għandhom rabta partikolari mas-sitwazzjoni tal-wild peress li dan jirrisjedi fil-Polonja u sadanittant ġie rreġistrat f’kindergarten. |
|
21 |
B’digriet tad-19 ta’ Diċembru 2013, l-Imħallef għal miżuri provviżorji ddikjara li kellu ġurisdizzjoni u, b’mod provviżorju u fl-interess tal-urġenza, laqa’ t-talbiet tal-missier. |
|
22 |
B’sentenza tas-26 ta’ Marzu 2014, it-tribunal de la jeunesse ta’ Brussell, wara li kkonferma l-ġurisdizzjoni tiegħu, iddeċieda li l-awtorità tal-ġenituri għandha tiġi eżerċitata b’mod konġunt mill-ġenituri, assenja lill-omm l-akkomodazzjoni prinċipali tal-wild u assenja lill-missier, temporanjament, akkomodazzjoni sekondarja ta’ weekend fuq tnejn, fejn huwa jkollu jmur il-Polonja. |
|
23 |
Peress li qies li din is-sentenza kienet tivvalida t-trasferiment illegali tal-wild komuni lejn il-Polonja u kienet tirrikonoxxi konsegwenza ġuridika pożittiva lil din l-aggressjoni, il-missier ippreżenta appell mis-sentenza msemmija quddiem il-cour d’appel ta’ Brussell, fejn talab, prinċipalment, l-eżerċizzju esklużiv tal-awtorità tal-ġenituri kif ukoll l-akkomodazzjoni prinċipali tal-wild. |
|
24 |
Flimkien mal-proċedura fil-mertu quddiem il-qrati Belġjani, il-missier, fl-20 ta’ Novembru 2013, ressaq quddiem l-Awtorità ċentrali Belġjana talba intiża għar-ritorn immedjat tal-wild fil-Belġju skont il-proċedura ta’ ritorn organizzata mill-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980. |
|
25 |
Fit-13 ta’ Frar 2014, il-qorti tad-distrett ta’ Płońsk (il-Polonja) kkonstatat iċ-ċaqliq illegali tal-wild minn ommu u l-eżistenza tar-residenza abitwali tal-wild fil-Belġju qabel iċ-ċaqliq tiegħu. Madankollu, il-qorti ddeċidiet li tadotta deċiżjoni li l-wild ma jiġix irritornat, ibbażata fuq l-Artikolu 13(b) tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980. |
|
26 |
L-Awtorità ċentrali Belġjana, li rċeviet kopja tal-imsemmija deċiżjoni li ma jsirx ritorn u tad-dokumenti rilevanti mingħand l-Awtorità ċentrali Pollakka, ippreżentat dan il-fajl, fl-10 ta’ April 2014, lir-Reġistratur tat-tribunal de première instance francophone ta’ Brussell li stieden lill-partijiet jippreżentaw it-talbiet. Il-preżentata tat-talbiet mill-missier quddiem din il-qorti, fid-9 ta’ Lulju 2014, adixxiet lill-President tat-tribunal de première instance francophone ta’ Brussell, li kellha ġurisdizzjoni, b’mod konformi mal-Artikolu 1322i tal-Kodiċi Ġudizzjarju, fil-verżjoni tiegħu applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ tal-liġi tat-30 ta’ Lulju 2013 li toħloq il-Qorti tal-Familja, biex teżamina l-kwistjoni tal-kustodja tal-wild, b’mod konformi mal-Artikolu 11(6) u (7) tar-Regolament. Abbażi tal-Artikolu 1322i tal-Kodiċi Ġudizzjarju, it-tressiq ta’ kawża quddiem il-qorti msemmija tinvolvi s-sospensjoni tal-proċeduri mibdija quddiem il-qrati u t-tribunali li jkollhom quddiemhom tilwima dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri jew tilwima konnessa. Wara d-dħul fis-seħħ tal-liġi msemmija, il-kawża ġiet assenjata mill-ġdid lill-Qorti tal-Familja ta’ Brussell. |
|
27 |
B’sentenza parzjali tat-30 ta’ Lulju 2014, mogħtija fil-kontumaċja fir-rigward tal-omm, il-cour d’appel ta’ Brussell ikkonfermat is-sentenza mogħtija mit-tribunal de la jeunesse ta’ Brussell sa fejn din ikkonstatat il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Belġjani biex jiddeċiedu fuq il-mertu dwar il-kwistjonijiet relattivi għar-responsabbiltà tal-ġenituri. Min-naħa l-oħra, filwaqt li kkonstatat li l-President tat-tribunal de première instance francophone ta’ Brussell kien sadanittant ġie adit mill-partijiet b’talba bbażata fuq l-Artikolu 11(6) u (7) tar-Regolament, l-imsemmija cour d’appel issospendiet id-deċiżjoni fuq il-mertu tal-kawża u talbet lill-Awtorità ċentrali tal-Belġju biex tippreżenta fil-proċess tal-kawża li għandha quddiemha l-fajl kollu li din l-awtorità kienet ippreżentat, b’applikazzjoni tal-Artikolu 1322i tal-Kodiċi Ġudizzjarju, fir-Reġistru tat-tribunal de première instance francophone ta’ Brussell. Finalment, sakemm spiċċat, quddiem dan it-tribunal, il-proċedura msemmija fl-Artikolu 11(6) sa (8) tar-Regolament, il-cour d’appel ta’ Brussell adottat deċiżjoni provviżorja u ordnat lill-omm biex tikkomunika lill-missier l-indirizz tar-residenza l-ġdida tagħha mal-wild u ffissat il-metodi tal-eżerċizzju tad-dritt għall-aċċess tal-missier fir-rigward tal-wild. |
|
28 |
Peress li l-omm irrifjutat li tikkomunika l-indirizz fejn tirrisjedi mal-wild, il-missier ma setax igawdi mid-dritt għall-aċċess li kienet tagħtu l-qorti. |
|
29 |
Flimkien mal-proċeduri mmexxija fil-Belġju mill-missier, l-omm ippreżentat diversi proċeduri ġudizzjarji fil-Polonja relattivi għar-responsabbiltà tal-ġenituri. Il-qrati Pollakki, wara li kkonstataw li t-tribunal Belġjan kien ġie adit l-ewwel u kien irrikonoxxa l-ġurisdizzjoni internazzjonali tiegħu, qiesu li ma kellhomx ġurisdizzjoni f’dan ir-rigward. |
|
30 |
B’sentenza definittiva mogħtija fit-8 ta’ Ottubru 2014, il-Qorti tal-Familja ta’ Brussell irrinvijat il-kawża quddiem il-cour d’appel ta’ Brussell, minħabba li l-qrati Belġjani kienu ġew aditi mill-missier qabel iċ-ċaqliq illegali tal-wild fis-sens tal-Artikolu 11(7) tar-Regolament u minħabba li d-dibattitu fuq il-mertu kien pendenti quddiem l-imsemmija cour d’appel. |
|
31 |
Il-cour d’appel ta’ Brussell tqis li, skont id-dritt Belġjan, hija ma tistax titqies li hija adita bil-proċedura msemmija fl-Artikolu 11(6) sa (8) tar-Regolament permezz tas-sentenza ta’ rinviju mogħtija mill-Qorti tal-Familja ta’ Brussell fit-8 ta’ Ottubru 2014. L-imsemmija cour d’appel fil-fatt tqis li hija tista’ biss tiġi adita b’din il-proċedura permezz ta’ appell li tressaq parti kontra din is-sentenza. |
|
32 |
Din il-qorti tistaqsi ruħha jekk, fid-dawl tar-rekwiżiti ta’ ħeffa u ta’ effettività li għandha tissodisfa l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 11(6) sa (8) tar-Regolament, il-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu jipprekludix li d-dritt ta’ Stat Membru jattribwixxi lil qorti speċjalizzata l-ġurisdizzjoni esklużiva biex tisma’ din il-proċedura u fl-istess ħin jipprovdi li l-proċeduri kollha relattivi għall-awtorità tal-ġenituri mressqa quddiem qorti jew tribunal jiġu sospiżi mill-mument meta din il-qorti tiġi adita. |
|
33 |
B’hekk, il-cour d’appel ta’ Brussell tqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiġi adita b’domanda preliminari fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(7) u (8) tar-Regolament, sabiex tkun tista’ tiddetermina l-qorti Belġjana li jkollha ġurisdizzjoni abbażi tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, biex tiddeċiedi jekk hijiex din l-istess cour d’appel, adita bil-proċedura fuq il-mertu dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, li għandha tiddeċiedi b’mod konformi mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 11(6) sa (8) tar-Regolament. |
|
34 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-cour d’appel ta’ Brussell iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti: “L-Artikolu 11(7) u (8) tar-[Regolament] jista’ jiġi interpretat bħala li jipprekludi Stat Membru milli:
|
Fuq il-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari
|
35 |
Il-cour d’appel ta’ Brussell talbet li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jinstema’ bil-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, minħabba l-urġenza estrema tal-kawża prinċipali. Fil-fatt, din tikkonċerna l-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri u l-kustodja tal-wild f’kuntest fejn hemm riskju ta’ deterjorazzjoni irreparabbli tar-rabta bejn il-missier u l-iben, fejn fil-preżent dan tal-aħħar jgħix imċaħħad mill-kuntatti ma’ missieru. |
|
36 |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament li ġie adottat, b’mod partikolari, abbażi tal-Artikolu 61(ċ) KE, illum l-Artikolu 67 TFUE, li jinsab taħt it-Titolu V tal-Tielet Parti tat-Trattat FUE, dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, b’mod li l-imsemmi rinviju jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari ddefinita fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura. |
|
37 |
Fit-tieni lok, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li SF tirrifjuta li tikkonforma mas-sentenza mogħtija mill-cour d’appel ta’ Brussell, fit-30 ta’ Lulju 2014, li biha, din tal-aħħar ordnat, minn naħa, lil SF biex tikkomunika lil RG, fi żmien tmient-ijiem mill-komunikazzjoni tas-sentenza msemmija, l-indirizz tal-post ta’ residenza ġdida tagħha mal-wild u, min-naħa l-oħra, iddikjarat li RG kellu jeżerċita dritt għall-aċċess fir-rigward ta’ TE, mingħajr preġudizzju għal ftehim ieħor bejn il-partijiet, għal weekend fuq tlieta. |
|
38 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kawża preżenti tikkonċerna wild ta’ tliet snin, li ilu separat minn ma’ missieru għal iktar minn sena. Għalhekk, l-estensjoni tas-sitwazzjoni attwali, barra minn hekk ikkaratterizzata mid-distanza kbira li tissepara r-residenza tal-missier minn fejn jgħix il-wild, tista’ tippreġudika serjament ir-relazzjoni futura ta’ dan tal-aħħar minn ma’ missieru. |
|
39 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raba’ Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja, abbażi tal-Artikolu 108 tar-Regoli tal-Proċedura, iddeċidiet, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tilqa’ t-talba mressqa mill-qorti tar-rinviju intiża biex ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi ssuġġettat għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari. |
Fuq id-domanda preliminari
|
40 |
Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 11(7) u (8) tar-Regolament għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jattribwixxi lil qorti speċjalizzata l-kompetenza biex teżamina l-kwistjonijiet ta’ ritorn jew ta’ kustodja tal-wild fil-kuntest tal-proċedura prevista minn dawn id-dispożizzjonijiet, anki meta qorti jew tribunal ikollu diġà quddiemu, barra minn hekk, kawża fil-mertu relattiva għar-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward tal-wild. |
|
41 |
Għandu jitfakkar li r-Regolament ma għandux l-għan li jarmonizza r-regoli tad-dritt sostantiv u proċedurali tad-diversi Stati Membri. Madankollu, l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli nazzjonali ma għandhiex tippreġudika l-effett utli ta’ dan ir-Regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Rinau, C‑195/08 PPU, EU:C:2008:406, punt 82). |
|
42 |
Fil-kuntest preżenti, għandu jiġi enfasizzat ukoll li mill-premessa 33 tar-Regolament jirriżulta li dan jirrikonoxxi d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji stabbiliti mill-Karta billi jħares, b’mod partikolari, li jiġu osservati d-drittijiet fundamentali tal-wild, kif stabbiliti fl-Artikolu 24 tagħha, fosthom, b’mod partikolari, id-dritt li jinżammu regolarment relazzjonijiet personali u kuntatti diretti mill-wild maż-żewġ ġenituri tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza McB, C‑400/10 PPU, EU:C:2010:582, punt 60). |
|
43 |
Skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament, jekk, wara ħtif ta’ wild, qorti tagħti deċiżjoni li l-wild ma jiġix irritornat abbażi tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, din il-qorti għandha immedjatament tibgħat kopja tad-deċiżjoni ġudizzjarja li l-wild ma jiġix irritornat u tad-dokumenti rilevanti lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni jew lill-Awtorità ċentrali tal-Istat Membru li fih il-wild kellu r-residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel iċ-ċaqliq tiegħu jew in-nuqqas ta’ ritorn illegali tiegħu, b’mod konformi ma’ dak li jistabbilixxi d-dritt nazzjonali. Għandu jiġi rrilevat li r-referenza espressa għad-dritt nazzjonali tindika b’mod partikolari li huwa l-Istat Membru li fih il-wild kellu r-residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel iċ-ċaqliq li għandu jiddetermina, fl-osservanza tal-għanijiet tar-Regolament, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar il-kwistjoni tar-ritorn tal-wild, wara deċiżjoni li l-wild ma jiġix irritornat mogħtija fl-Istat Membru li dan il-wild ġie maħtuf lejh. |
|
44 |
Fir-rigward tal-Artikolu 11(7) tar-Regolament, dan jipprovdi li, meta tkun ġiet adottata deċiżjoni ġudizzjarja ta’ nuqqas ta’ ritorn, sakemm il-qrati tal-Istat Membru li fih il-wild kellu r-residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel iċ-ċaqliq tiegħu jew in-nuqqas ta’ ritorn illegali tiegħu jkunu diġà ġew aditi, il-qorti jew l-Awtorità ċentrali li tirċievi l-informazzjoni relattiva għal din id-deċiżjoni ġudizzjarja għandha tinnotifikaha lill-partijiet u tistidinhom jippreżentaw osservazzjonijiet lill-qorti, sabiex din teżamina l-kwistjoni tal-kustodja tal-wild. Issa, la d-dispożizzjoni msemmija tar-Regolament u lanqas l-Artikolu 11(6) tiegħu ma jidentifika l-qorti nazzjonali kompetenti biex teżamina l-kwistjoni tal-kustodja tal-wild wara deċiżjoni li ma jiġix irritornat. L-istess japplika fir-rigward tal-paragrafu 8 ta’ dan l-Artikolu. |
|
45 |
F’dan ir-rigward, għalkemm, konformement mal-Artikolu 11(7) tar-Regolament, din il-qorti jew l-Awtorità ċentrali għandha b’mod partikolari tinnotifika lill-partijiet kopja tad-deċiżjoni li l-wild ma jiġix irritornat abbażi tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, bil-għan li tippermetti, jekk ikun il-każ, l-eżami tal-kwistjoni tal-kustodja tal-wild, sakemm il-qrati tal-Istat Membru li fih il-wild kellu r-residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel iċ-ċaqliq tiegħu jew in-nuqqas ta’ ritorn illegali tiegħu jkunu diġà ġew aditi, il-punt jekk, meta jseħħ tali rikors quddiem dawn il-qrati, il-qorti ddeterminata bħala kompetenti mill-Istat Membru għall-eżami msemmi titlifx il-kompetenza tagħha favur qrati oħra ta’ dan l-istess Stat Membru huwa suġġett għad-dritt nazzjonali. |
|
46 |
Fil-fatt, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 60 tal-opinjoni tiegħu, l-Artikolu 11(7) tar-Regolament jikkostitwixxi mhux regola intiża biex tiddetermina l-qorti li għandha ġurisdizzjoni, iżda pjuttost regola ta’ natura teknika li għandha prinċipalment l-għan li tiddetermina l-metodi ta’ notifika tal-informazzjoni relattiva għad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ ritorn. |
|
47 |
Barra minn hekk, jista’ jitfakkar li, b’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, mill-Artikolu 11(7) tar-Regolament ma jistax jiġi dedott li deċiżjoni dwar il-kustodja tal-wild tikkostitwixxi neċessarjament kundizzjoni meħtieġa għall-adozzjoni, jekk ikun il-każ, ta’ deċiżjoni li tordna r-ritorn tal-wild. Fil-fatt, din l-aħħar deċiżjoni intermedjarja sservi wkoll għat-twettiq tal-għan tal-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji, jiġifieri r-regolarizzazzjoni tas-sitwazzjoni tal-wild (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Povse, C-211/10 PPU, EU:C:2010:400, punt 53). |
|
48 |
Għalkemm il-Gvern Belġjan josserva li, skont id-dritt proċedurali nazzjonali, il-qorti speċjalizzata adita bil-kwistjoni tar-ritorn tal-wild b’applikazzjoni tal-Artikolu 11(6) sa (8) tar-Regolament setgħet, fuq talba ta’ waħda mill-partijiet, tirrinvija l-kawża quddiem il-cour d’appel adita fuq il-mertu tat-tilwima relattiva għar-responsabbiltà tal-ġenituri sabiex din tal-aħħar tiddeċiedi fuq din il-kwistjoni tar-ritorn kif ukoll fuq il-kwistjoni tal-kustodja tal-wild, dan il-punt jikkonċerna l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali u ma jidħolx fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk, huma l-qrati Belġjani li għandhom jiddeċiedu dwar il-punt imsemmi. |
|
49 |
Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li d-determinazzjoni tal-qorti nazzjonali kompetenti biex teżamina l-kwistjonijiet ta’ ritorn jew tal-kustodja tal-wild fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 11(6) sa (8) tar-Regolament tinsab f’idejn l-Istati Membri, u dan anki fil-każ meta fid-data tan-notifika tad-deċiżjoni li wild ma jiġix irritornat qorti jew tribunal ikun diġà adit bi proċedura fuq il-mertu relattiva għar-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward ta’ dan il-wild. |
|
50 |
Madankollu, hekk kif jirriżulta mill-punt 41 ta’ din is-sentenza, tali għażla ma għandhiex tikser l-effett utli tar-Regolament. |
|
51 |
Issa, il-fatt, għal Stat Membru, li jattribwixxi lil qorti speċjalizzata l-kompetenza biex teżamina l-kwistjonijiet tar-ritorn jew tal-kustodja tal-wild fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 11(7) u (8) tar-Regolament, anki meta qorti jew tribunal ikollu diġà quddiemu, barra minn hekk, kawża fil-mertu relattiva għar-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward tal-wild, ma jistax, bħala tali, jikser l-effett utli tar-Regolament. |
|
52 |
Madankollu, għandu jitħares li, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tali attribuzzjoni ta’ kompetenza tkun tosserva d-drittijiet fundamentali tal-wild hekk kif stabbiliti fl-Artikolu 24 tal-Karta u, b’mod partikolari, mal-għan ta’ ħeffa ta’ dawn il-proċeduri. |
|
53 |
F’dak li jikkonċerna l-għan ta’ ħeffa, għandu jitfakkar li bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt intern, il-qorti nazzjonali adita biex tinterpretahom hija marbuta li tagħmel dan fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari tar-Regolament. |
|
54 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domanda li saret għandha tkun li l-Artikolu 11(7) u (8) tar-Regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix, fil-prinċipju, li Stat Membru jattribwixxi lil qorti speċjalizzata l-kompetenza biex teżamina l-kwistjonijiet ta’ ritorn jew ta’ kustodja tal-wild fil-kuntest tal-proċedura prevista minn dawn id-dispożizzjonijiet, anki meta qorti jew tribunal ikollu diġà quddiemu, barra minn hekk, kawża fuq il-mertu relattiva għar-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward tal-wild. |
Fuq l-ispejjeż
|
55 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 11(7) u (8) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix, fil-prinċipju, li Stat Membru jattribwixxi lil qorti speċjalizzata l-kompetenza biex teżamina l-kwistjonijiet ta’ ritorn jew ta’ kustodja tal-wild fil-kuntest tal-proċedura prevista minn dawn id-dispożizzjonijiet, anki meta qorti jew tribunal ikollu diġà quddiemu, barra minn hekk, kawża fuq il-mertu relattiva għar-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward tal-wild. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.
( 1 ) L-ismijiet li jidhru fil-punti 2, 14, 15 u 37 ġew issostitwiti b’ittri b’riżultat ta’ talba għall-anonimizzazzjoni.