SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

26 ta’ Novembru 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ambjent — Skart — Vjaġġi — Regolament (KE) Nru 1013/2006 — Vjaġġi fi ħdan l-Unjoni Ewropea — Punt tad-dħul differenti minn dak previst fin-notifika u fil-kunsens minn qabel — Bidla essenzjali fid-dettalji tal-vjaġġ tal-iskart — Vjaġġ illegali — Proporzjonalità tal-multa amministrattiva”

Fil-Kawża C‑487/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (qorti amministrattiva u tax-xogħol ta’ Budapest, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Novembru 2014, fil-proċedura

SC Total Waste Recycling SRL

vs

Országos Környezetvédelmi és Természetvédelmi Főfelügyelőség,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Ħames Awla, li qed jaġixxi bħala President tas-Seba’ Awla, C. Lycourgos (Relatur) u J.-C. Bonichot, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Havas u D. Loma-Osorio Lerena, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2(35)(d), 17(1), u 50 tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 2006, dwar vjeġġi ta’ skart (ĠU L 190, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 669/2008, tal-15 ta’ Lulju 2008 (ĠU L 188, p. 7, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1013/2006”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn SC Total Waste Recycling SRL (iktar ’il quddiem “Total Waste Recycling”) u l-Országos Környezetvédelmi és Természetvédelmi Főfelügyelőség (awtorità nazzjonali inkarigata mill-ispezzjoni u l-protezzjoni tal-ambjent u tan-natura, iktar ’il quddiem l-“awtorità nazzjonali tal-ispezzjoni”), dwar multa amministrattiva maħruġa minn din tal-aħħar minħabba ksur tal-leġiżlazzjoni dwar vjaġġi tal-iskart.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 1, 7, 13, 14 u 33 tar-Regolament Nru 1013/2006 jipprovdu:

“(1)

L-għan u l-komponent ewlieni u predominanti ta’ dan ir-Regolament huwa l-protezzjoni ta’ l-ambjent, filwaqt li l-effetti tiegħu fuq il-kummerċ internazzjonali huma biss inċidentali.

[...]

(7)

Huwa importanti li jiġu organizzati u regolati s-superviżjoni [sorveljanza] u l-kontroll ta’ vjeġġi ta’ skart b’mod li jittieħed kont tal-ħtieġa li jiġu ppreżervati, protetti u mtejba l-kwalità ta’ l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem u b’mod li jippromovi applikazzjoni aktar uniformi tar-Regolament fil-Komunità kollha.

[...]

(13)

Għalkemm is-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjeġġi ta’ skart fi Stat Membru huma kwistjonijiet għal dak l-Istat Membru, is-sistemi nazzjonali li jikkonċernaw vjeġġi ta’ skart għandhom jieħdu kont tal-ħtieġa għal koerenza mas-sistema Komunitarja sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni ta’ l-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem.

(14)

Fil-każ ta’ vjeġġi ta’ skart destinat għal operazzjonijiet ta’ rimi u skart mhux elenkat fl-Anness III, IIIA jew IIIB destinat għal operazzjonijiet ta’ rkupru, huwa xieraq li jiġu żgurati l-aqwa superviżjoni u kontroll billi jkun meħtieġ permess bil-miktub bil-quddiem għal tali vjeġġi [iktar ’il quddiem il-“permess”]. Tali proċedura għandha, imbagħad, tagħti lok għal notifika minn qabel, li tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jkunu informati bix-xieraq sabiex ikunu jistgħu jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent. Għandha wkoll tippermetti lil dawk l-awtoritajiet iqajmu oġġezzjonijiet motivati għal tali vjeġġi.

[...]

(33)

Għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiġi żgurat li, b’konformità mad-Direttiva 2006/12/KE u leġislazzjoni Komunitarja oħra dwar l-iskart, skart trasportat fil-Komunità u skart importat fil-Komunità jiġi mmaniġġat, tul il-perjodu tal-vjeġġ u inkluż matul l-irkupru jew ir-rimi fil-pajjiż ta’ destinazzjoni, mingħajr ma jipperikola s-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma jintużaw proċessi jew metodi li jkunu jistgħu jagħmlu ħsara lill-ambjent. [...]”

4

L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament:

[...]

(35)

‘vjeġġ illegali’ tfisser kwalunkwe vjeġġ ta’ skart li jitwettaq:

[...]

d)

b’mod li mhuwiex speċifikat materjalment fid-dokumenti ta’ notifika jew ta’ moviment [...]”.

5

L-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006 jipprevedi li l-vjaġġi li għandhom bħala suġġett l-iskart iddestinat li jkun irkuprat u elenkat taħt il-lista bħala “ambru” tal-iskart elenkat fl-Anness IV ta’ dan ir-regolament, huma suġġetti għal proċedura ta’ notifika u kunsens bil-miktub minn qabel, skont id-dispożizzjonijiet tat-titolu II tal-imsemmi regolament.

6

Skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1013/2006, sabiex jipproċedi għal notifika ta’ vjaġġ ta’ skart imsemmija fl-Artikolu 3(1)(b), in-notifikatur għandu jimla d-dokument ta’ notifika espost fl-Anness IA ta’ dan ir-regolament u, skont il-każ, id-dokument ta’ moviment fl-Anness IB tal-imsemmi regolament, billi jirreġistra fuq dawn iż-żewġ dokumenti jew jannetti l-informazzjoni u d-dokumenti elenkati fl-Anness II, partijiet 1 u 2 tal-istess regolament.

7

L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1013/2006 jipprevedi l-proċedura dwar il-kunsensi li l-awtoritajiet kompetenti tad-destinazzjoni, tad-dsipaċċ u ta’ tranżitu mogħtija għal vjaġġi li jkunu ġew innotifikati.

8

L-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1013/2006 intitolat “Bdil fil-vjaġġ wara l-kunsens” jipprovdi:

“1.   Jekk issir xi bidla essenzjali fid-dettalji u/jew fil-kondizzjonijiet tal-vjeġġ kunsentit, inklużi bidliet fil-kwantità maħsuba, fir-rotta, fl-itinerarju, fid-data tal-vjeġġ jew fit-trasportatur, in-notifikatur għandu jinforma lill-awtoritajiet kompetenti konċernati u lid-destinatarju minnufih u, fejn possibli, qabel jibda l-vjeġġ.

2.   F’każi bħal dawn għandha tiġi preżentata notifika ġdida, sakemm l-awtoritajiet kompetenti konċernati kollha ma jikkunsidrawx li l-bidliet proposti ma jirrikjedux notifika ġdida.

[...]”

9

L-Artikolu 49 tar-Regolament Nru 1013/2006, intitolat “Protezzjoni ta’ l-Ambjent”, fil-paragrafu 1 tiegħu jipprevedi li:

“1. Il-produttur, in-notifikatur u impriżi oħrajn involuti fi vjeġġ ta’ skart u/jew l-irkupru jew ir-rimi tiegħu għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jassiguraw li kull skart li huma jittrasportaw jiġi mmaniġġat mingħajr periklu għas-saħħa umana u b’mod ambjentalment san matul il-perjodu tal-vjeġġ u matul l-irkupru u r-rimi tiegħu. Partikolarment, meta l-vjeġġ isir fil-Komunità, għandhom ikunu rispettati r-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/12/KE u ta’ liġijiet oħra Komunitarji dwar l-iskart.

[...]”

10

L-Artikolu 50 ta’ dan ir-regolament, bit-titolu “Infurzar fl-Istati Membri”, jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu kull miżura neċessarja sabiex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali stipulati għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-liġi nazzjonali dwar il-prevenzjoni u l-iskoperta ta’ vjeġġi illegali u l-pieni għal vjeġġi bħal dawn.

[...]

3.   Il-kontrolli ta’ vjeġġi jistgħu jsiru b’mod partikolari:

[...]

d)

matul il-vjeġġ fil-Komunità.

4,   Il-kontrolli fuq il-vjeġġi għandhom jinkludu l-ispezzjoni ta’ dokumenti, il-konferma ta’ l-identità u, fejn opportun, il-kontroll fiżiku ta’ l-iskart.

[...]”

11.

Il-parti 8 tal-Anness I A, tar-Regolament Nru 1013/2006, intitolat “Dokument ta’ notifika – movimenti transkonfinali/vjeġġi ta’ skart”, huwa kif ġej:

Image

12

Il-partijiet 15 u 16 ta’ dan l-Anness IA huma kif ġej:

Image

13

Il-parti 8 tal-Anness I B, tar-Regolament Nru 1013/2006, intitolat “Dokument ta’ moviment għal moviment transkonfinali/vjeġġi ta’ skart”, huwa kif ġej:

Image

14

Il-punt 26 tal-Anness I C, tar-Regolament Nru 1013/2006, intitolat “Istruzzjonijiet speċifiċi għall-mili tad-dokumenti ta’ notifika u ta’ moviment” huwa fformulat kif ġej:

“Parti 15 (Ara l-Anness II, Taqsima 1, punti 8, 9, 10 u 14): Fil-linja (a) tal-parti 15, agħti l-isem tal-pajjiż [...] ta’ tranżitu u ta’ destinazzjoni jew il-kodiċijiet għal kull pajjiż billi tuża l-abbrevjazzjonijiet ta’ l-Istandard 3166 ta’ l-ISO [...]. Fil-linja (b), agħti fejn japplika, in-numru tal-kodiċi ta’ l-awtorità kompetenti rispettiva għal kull pajjiż u fil-linja (ċ) daħħal l-isem tal-qsim tal-fruntiera jew il-port u, fejn japplika, in-numru tal-kodiċi ta’ l-uffiċju doganali bħala l-punt tad-dħul jew tal-ħruġ minn pajjiż partikolari. Għal pajjiżi ta’ tranżitu agħti t-tagħrif fil-linja (ċ) għall-punti ta’ dħul u ta’ ħruġ. Jekk f’konsenja partikolari hemm involuti aktar miinn tliet pajjiżi ta’ tranżitu, ehmeż it-tagħrif xieraq f’anness. Agħti r-rotta intenzjonata bejn il-punti ta’ ħruġ u ta’ dħul, inklużi l-alternattivi possibbli, ukoll f’każijiet ta’ ċirkostanzi mhux mistennija, f’anness.”

15

L-Anness II tar-Regolament Nru 1013/2006, dwar l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni dwar in-notifika, jipprevedi, fil-Parti 1 intitolata “Informazzjoni li għandha tingħata fid-dokument tan-notifika jew li għandha tiġi mehmuża miegħu”:

“[...]

13.

Mezzi tat-trasport previsti.

14.

Rotot previsti (il-punt tal-ħruġ minn kull pajjiż konċernat u l-punt tad-dħul f’kull pajjiż konċernat, inklużi l-uffiċċji doganali tad-dħul u/jew ħruġ u/jew esportazzjoni mill-Komunità) u rotta prevista (ir-rotta bejn il-punti ta’ ħruġ u ta’ dħul), inklużi alternattivi possibli, ukoll f’każ ta’ ċirkustanzi mhux previsti.

[...]”.

16

Bit-titolu “Informazzjoni li għandha tingħata fid-dokument tan-notifika jew li għandha tiġi annessa miegħu”, il-Parti 2 tal-imsemmi Anness II huwa fformulat kif ġej:

“[...]

3.

Mezzi tat-trasport.

[...]

5.

Rotot previsti (il-punt tal-ħruġ minn kull pajjiż konċernat u l-punt tad-dħul f’kull pajjiż konċernat, inklużi l-uffiċċji doganali tad-dħul u/jew ħruġ u/jew esportazzjoni mill-Komunità) u rotta prevista (ir-rotta bejn il-punti ta’ ħruġ u ta’ dħul), inklużi alternattivi possibli, ukoll f’każ ta’ ċirkustanzi mhux previsti.

[...]”.

Id-dritt Ungeriż

17

L-Artikolu 19(1) tal-liġi Nru CLXXXV tal-2012, dwar l-iskart (a hulladékról szóló 2012 évi CLXXXV. törvény), tipprovdi:

“Skart jista’ jiġi introdott fit-territorju Ungeriż skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, kif ukoll tad-digriet governattiv dwar il-moviment transkonfinali tal-iskart.”

18

L-Artikolu 86(1) ta’ din il-liġi jipprevedi:

“Il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, persuni li jaħdmu għal rashom jew organi mingħajr personalità ġuridika li:

a)

jiksru d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, dispożizzjonijiet direttament applikabbli tal-atti tal-Unjoni Ewropea jew deċiżjonijiet amministrattivi fil-qasam tal-ġestjoni tal-iskart,

b)

jeżerċitaw attività ta’ ġestjoni ta’ skart suġġetta għall-kunsens jew għal ftehim tal-awtoritajiet, għal reġistrazzjoni minnhom jew notifika lilhom, mingħajr ma jkunu kisbu tali kunsens, ftehim jew reġistrazzjoni, jew effettwaw tali notifika, jew eżerċitaw l-imsemmija attività skont dettalji differenti minn dawk stabbiliti fiha, jew

c)

ma jkunux, jew ma jkunux debitament informaw l-awtorità responsabbli għall-protezzjoni tal-ambjent bil-produzzjoni jew bil-ħolqien ta’ prodotti sekondarji, jew jużaw, jitqiegħdu fiċ-ċirkolazzjoni jew jaħżnu skart bħala prodotti jew prodotti sekondarji,

huma suġġetti għal multa għal ġestjoni tal-iskart, li hija imposta mill-awtorità responsabbli għall-protezzjoni tal-ambjent skont id-digriet governattiv li jistabbilixxi d-dettalji għall-multi għall-ġestjoni tal-iskart.”

19

L-Artikolu 1 tad-Digriet Governattiv Nru 271, tal-21 ta’ Diċembru 2001, dwar l-ammont tal-multa għall-ġestjoni tal-iskart, u li jiddetermina d-dettalji ta’ impożizzjoni u ta’ determinazzjoni tal-istess [a hulladékgazdálkodási bírság mértékéről, valamint kiszbásának és megállapításának módjáról szóló 271/2001. (XII. 21) Kormányerendelet, iktar ’il quddiem id-“Digriet Governattiv”], jipprovdi:

“1.   L-ammont tal-multa huwa – suġġett għal dak li huwa preskritt fl-Artikolu 2(4) u (8) u l-Artikolu 3(4) ta’ dan id-digriet – fil-prodott, ikkalkulat skont l-Anness, ammonti ta’ bażi tal-multa speċifikata f’dan id-digriet u l-koeffiċjenti ta’ proporzjonalità li jinbidlu

[...]

3.   L-ammont bażiku tal-multa skont il-ġestjoni tal-iskart (iktar ’il quddiem l-‘ammont bażiku’) ma jaqbiżx:

[...]

g)

miljun forint [Ungeriż] fil-każ ta’ moviment transkonfinali illegali ta’ skart perikoluż.”

20

L-Artikolu 3 tad-Digriet Governattiv jipprevedi:

“1.   Id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa jeħtieġ li l-ewwel jiġi identifikat l-ammont bażiku.

[...]

4.   Fil-każ ta’ moviment transkonfinali illegali ta’ skart (importazzjoni, esportazzjoni jew tranżitu mit-territorju nazzjonali), l-ammont tal-multa li għandha titħallas hija stabbilita billi jiġi mmultiplikat l-ammont bażiku identifikat skont l-Artikolu 1(3)(f) jew (g) ta’ dan id-digriet maċ-ċifra li tirrappreżenta l-piż tal-iskart. Jekk il-piż tal-iskart ma jistax jiġi ddeterminat b’mod preċiż, huwa meqjus b’mezz li jinsab f’firxa ta’ piżijiet stmati f’tunnellati.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

21

Fil-21 ta’ Ottubru 2013, trakk ta’ Total Waste Recycling, li kien qed iġorr tagħbija ta’ 8,380 tunnellata ta’ skart fil-lista “ambru” elenkat fl-Anness IV tar-Regolament Nru 1013/2006, jiġifieri skart suġġett għall-proċedura ta’ notifika u ta’ kunsens bil-miktub minn qabel, kien suġġett għal spezzjoni fuq il-qsim tal-fruntiera ta’ Nagylak kif kien lest sabiex jidħol fit-territorju Ungeriż.

22

Din l-ispezzjoni stabbiliet li l-imsemmija tagħbija kienet akkumpanjata mid-dokument ta’ notifika imsemmi fl-Anness IA tar-Regolament Nru 1013/2006, mid-dokument ta’ moviment imsemmi fl-Anness IB ta’ dan ir-regolament kif ukoll mill-kunsensi amministrattivi previsti mill-imsemmi regolament. Madankollu, l-imsemmi dokument ta’ notifika u dawn il-kunsensi indikaw, bħala punt preċiż ta’ dħul fit-territorju Ungeriż il-punt ta’ passaġġ konfinali ta’ Άrtánd (l-Ungerija), li jinsab madwar 180 kilometru fit-Tramuntana ta’ Nagylak (l-Ungerija). Total Waste Recycling iddikjarat, f’dan ir-rigward, li kien minħabba żball ta’ komunikazzjoni li s-sewwieq tal-imsemmi trakk ipprova jidħol fl-Ungerija mill-qsim tal-fruntiera ta’ Naglyak, li kien jinsab eqreb lejn id-domiċilju tiegħu.

23

Permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Frar 2014, l-awtorità nazzjonali tal-ispezzjoni, skont il-liġi Nru CLXXXV tal-2012, dwar l-iskart, ordnat lil Total Waste Recycling li tħallas multa ta’ HUF 8380000 (forints Ungeriżi) (madwar EUR 26864.26) għall-ksur ta’ obbligu tal-ġestjoni tal-iskart kif ukoll għall-ispejjeż tal-proċedura ta’ HUF 256500 (madwar EUR 822.158). Hija ġġustifikat id-deċiżjoni tagħha billi ddikjarat li t-tagħbija inkwistjoni ma daħlitx fit-territorju Ungeriż mill-punt ta’ passaġġ konfinali indikat mill-kunsensi u li Total Waste Recycling kienet naqset li tinforma lill-awtoritajiet kompetenti bil-bidla magħmula fir-rotta awtorizzata minn qabel, b’tali mod li l-vjaġġ kien illegali fis-sens tal-Artikolu 2(35)(d) tar-Regolament Nru 1013/2006. Sabiex jiġi ddeterminat l-ammont ta’ din il-multa, l-imsemmija awtorità għandha, skont id-Digriet Governattiv, żżomm l-ammont massimu bażiku ta’ HUF miljun (madwar EUR 3205.099) li hija mmultiplikat bil-piż tal-iskart trasportat.

24

Fir-rikors tagħha quddiem il-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság Gyulai Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (qorti amministrattiva u tax-xogħol ta’ Budapest, l-Ungerija), Total Waste Recycling qed titlob l-annullament ta’ din id-deċiżjoni. Hija ssostni li ma kienx hemm “vjeġġ illegali” ta’ skart fis-sens tal-Artikolu 2(35)(d) tar-Regolament Nru 1013/2006, peress li l-“mod” kif sar il-vjaġġ fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri bl-art, ma kienx inbidel u kienu biss ir-rotot previsti li kienu ġew mibdula. Hija ssostni wkoll li jirriżulta mill-annessi ta’ dan ir-regolament li l-kunċetti ta’ “mezz ta’ trasport” u ta’ “rotot previsti” huma differenti: il-punt 13 tal-Anness II tal-imsemmi regolament jikkonċerna l-“mezz ta’ trasport”, filwaqt li l-punt 14 ta’ dan l-anness huwa dwar ir-“rotot previsti”.

25

L-awtorità nazzjonali tal-ispezzjoni titlob li din it-talba tiġi miċħuda. Hija ssostni li, peress li l-itinerarji previsti f’dan il-każ inbidlu, Total Waste Recycling kellha, skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1013/2006, tinforma lill-awtoritajiet kompetenti bla dewmien. Hija tqis li l-argument ta’ Total Waste Recycling ibbażat fuq l-imsemmija Anness II huwa inammissibbli u li huwa irrelevanti li din tipprova tinvoka l-lista ta’ abbrevjazzjonijiet u l-kodiċijiet elenkati fl-Anness IA ta’ dan ir-regolament.

26

Il-qorti tar-rinviju tqis li t-test tar-Regolament Nru 1013/2006 ma jindikax b’mod ċar jekk il-fatt li għal tagħbija ta’ skart, li tidħol fil-pajjiż ta’ tranżitu minn post differenti mill-punt ta’ passaġġ konfinali indikat fid-dokument ta’ notifika u fil-kunsens, għandhiex titqies bħala bidla fil-mezz ta’ trasport jew bħala vjaġġ ta’ skart imwettaq b’mod mhux indikat fin-notifika u, għalhekk, bħala “vjeġġ illegali” ta’ skart fis-sens tal-Artikolu 2(35)(d) ta’ dan ir-regolament, b’kont meħud ukoll tal-obbligu tan-notifikatur, skont l-Artikolu 17(1) tal-imsemmi regolament, li jinforma mingħajr dewmien lill-awtoritajiet kompetenti bit-tibdil kollu essenzjali li twettaq fid-dettalji tal-vjaġġ, inklużi r-rotta u l-itinerarji previsti. Jekk wieħed jassumi li għandna nikkunsidraw il-vjaġġ bħala illegali, din il-qorti tistaqsi, barra minn hekk, fuq il-proporzjonalità tal-multa imposta, tenut kont taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali.

27

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság Gyulai Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (qorti amministrattiva u tax-xogħol ta’ Budapest, l-Ungerija) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Il-vjeġġi [vjeġġ] ta’ skart li jitwettqu [jitwettaq] “b’mod li mhuwiex speċifikat materjalment fid-dokumenti ta’ notifika”, fis-sens tal-Artikolu 2(35)(d) tar-Regolament Nru 1013/2006, għandu jinftiehem fis-sens li huwa mezz ta’ trasport (bit-triq, bil-ferrovija, bil-baħar, bl-ajru jew kanali interni) kif imsemmi fl-Anness IA jew IB tal-imsemmi regolament?

2)

Jekk isir bdil essenzjali fid-dettalji u/jew fil-kundizzjonijiet tal-vjeġġ kunsentit [bil-kunsens], skont it-termini tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1013/2006, in-nuqqas ta’ notifika b’dan il-bdil lill-awtoritajiet kompetenti għandu l-konsegwenza li l-vjeġġ ta’ skart jista’ jiġi kkunsidrat li jkun sar “b’mod li mhuwiex speċifikat materjalment fid-dokumenti ta’ notifika”, fis-sens tal-Artikolu 2(35)(d) tar-Regolament, u għaldaqstant bħala illeċitu?

3)

Ikun hemm bdil essenzjali fid-dettalji u/jew fil-kundizzjonijiet tal-vjeġġ kunsentit skont it-termini tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1013/2006, meta tagħbija ta’ skart tidħol fil-pajjiż ta’ transitu indikat mill-punt ta’ passaġġ konfinali differenti minn dak li jkun imsemmi fil-kunsens u fuq id-dokument ta’ notifika?

4)

Jekk jiġi kkunsidrat li jkun hemm vjeġġ illegali ta’ skart meta tagħbija ta’ skart tidħol fil-pajjiż ta’ tranżitu indikat mill-punt ta’ passaġġ konfinali differenti minn dak li jkun imsemmi fil-kunsens u fuq id-dokument ta’ notifika, multa imposta għal din ir-raġuni, li l-ammont tagħha jikkorrispondi għal dak tal-multa li tiġi imposta fuq il-persuni li ma josservawx l-obbligu li jiksbu kunsens u li jinnotifikaw [bil-miktub] minn qabel, hija proporzjonata?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel sat-tielet domandi

28

Permezz tal-ewwel sat-tielet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1013/2006 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-vjaġġ tal-iskart, bħal dak elenkat fl-Anness IV ta’ dan ir-regolament, fil-pajjiż ta’ tranżitu permezz ta’ punt ta’ passaġġ konfinali differenti minn dak indikat fid-dokument ta’ notifika u li kien suġġett għal kunsens mill-awtoritajiet kompetenti għandu jitqies bħala bidla essenzjali fid-dettalji u/jew fil-kundizzjonijiet tal-vjaġġ peress illi kien suġġett għal kunsens skont it-termini ta’ din id-dispożizzjoni, u, jekk iva, jekk il-fatt li ma kinux informati l-awtoritajiet kompetenti b’din il-bidla għandhiex l-konsegwenza li l-vjaġġ tal-iskart huwa illegali, għaliex “twettaq b’mod li ma huwiex speċifikat materjalment fid-dokumenti ta’ notifika” fis-sens tal-Artikolu 2(35)(d) tal-imsemmi regolament.

29

Preliminarjament, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 1(1) u mill-premessa 7 tar-Regolament Nru 1013/2006 jirriżulta li dan tal-aħħar jistabbilixxi l-proċeduri u s-sistemi ta’ kontroll għall-vjaġġi tal-iskart b’mod li jieħu kont tal-bżonn li jippreserva, jipproteġi u jtejjeb il-kwalità tal-ambjent u s-saħħa tal-bniedem. B’mod partikolari, mill-Artikolu 3(1) u 4(1) ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-premessa 14 ta’ dan tal-aħħar, jirriżulta li l-vjaġġi bejn l-Istati Membri ta’ skart iddestinat għar-rimi u skart perikoluż iddestinat għall-irkupru huma suġġetti għal notifika minn qabel bil-miktub lill-awtoritajiet kompetenti sabiex ikunu jistgħu jieħdu l-miżuri meħtieġa għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Ragn-Sells, C‑292/12, EU:C:2013:820, punt 52, kif ukoll Shell Nederland u Belgian Shell, C‑241/12 u C‑242/12, EU:C:2013:821, punt 32).

30

Sabiex titwettaq notifika bħal din, l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1013/2006 jeħtieġ li n-notifikatur jimla d-dokument ta’ notifika li jinsab fl-Anness IA ta’ dan ir-regolament u, jekk ikun il-każ, id-dokument ta’ moviment espost fl-Anness IB tal-imsemmi regolament, billi jirreġistra fuq dawn iż-żewġ dokumenti jew jannetti l-informazzjoni u d-dokumenti elenkati fil-partijiet 1 u 2 tal-Anness II tal-imsemmi regolament. Huwa fuq il-bażi ta’ dawn id-dokumenti kollha u tal-informazzjoni nnotifikata lill-imsemmija awtoritajiet li dawn tal-aħħar japprovaw jew jirrifjutaw il-kunsens tagħhom għal kull vjaġġ ta’ skart, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1013/2006.

31

Wara l-għoti tal-kunsens u fil-każ li għandhom isiru tibdiliet fid-dettalji u/jew fil-kundizzjonijiet tal-vjaġġ li kien suġġett għal dan il-kunsens, inkluż tibdil fil-kwantità prevista, fir-rotta, fl-itinerarju, fid-data tal-vjaġġ jew tat-trasportatur, l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1013/2006 jobbliga lin-notifikatur li għandu jinforma bla dewmien u, jekk ikun possibbli, qabel ma jibda l-vjaġġ, lill-awtoritajiet kompetenti kif ukoll lid-destinatarju.

32

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li jirriżulta biċ-ċar mill-qari tal-imsemmi Artikolu 17(1) li bdil fl-itinerarju jikkostitwixxi “bidla essenzjali [...] fid-dettalji u/jew fil-kundizzjonijiet tal-vjeġġ kunsentit”. Fil-fatt, bl-użu tal-kliem “inklużi bidliet [...] fl-itinerarju”. Din id-dispożizzjoni tindika li dawn il-bidliet jistgħu jikkostitwixxu bidla materjali fid-dettalji u/jew kundizzjonijiet tal-vjaġġ meqjusa bħal essenzjali.

33

Hekk kif jirriżulta mill-punt 14 tal-Parti 1 tal-Anness II tar-Regolament Nru 1013/2006, ir-“rotot previsti” huma definiti bħala “punt ta’ ħruġ u punt tad-dħul minn kull pajjiż ikkonċernat” permezz tal-vjaġġ, jiġifieri kif speċifikat fil-parti 15 tad-“[d]okument ta’ notifika” msemmi fl-Anness IA tal-imsemmi regolament, il-punti tal-passaġġ konfinali.

34

Dawn il-punti ta’ ħruġ u ta’ dħul għandhom jigu msemmija fl-imsemmi parti 15 tad-“Dokument ta’ notifika”, dan huwa spjegat kemm fit-test tal-imsemmi dokument u fil-punt 26 tal-Anness I C tar-Regolament Nru 1013/2006, li fih istruzzjonijiet speċifiċi għall-mili tad-dokument inkwistjoni.

35

Għaldaqstant, il-bidla ta’ punt ta’ passaġġ konfinali, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jammonta għal bidla fl-itinerarju, li tikkostitwixxi, skont l-Artikolu 17(1) tal-imsemmi regolament, “bidla essenzjali” fid-dettalji u/jew fil-kundizzjonijiet tal-vjaġġ bil-kunsens, li għandha tiġi kkomunikata lill-awtoritajiet kompetenti.

36

Meta tali bidla sseħħ, huwa previst fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1013/2006 li, fil-prinċipju, għandha ssir notifika ġdida. Fil-fatt, id-dettalji tal-vjaġġ innotifikati qabel u mogħtija l-kunsens mill-awtoritajiet ikkonċernati ma jikkorrispondix iktar, bħala riżultat ta’ din il-bidla, mar-realtà u, għalhekk ma jistgħux jitqies iktar li l-kunsens ingħata.

37

Dan il-vjaġġ, li huwa differenti minn dak li huwa msemmi fin-notifika magħmula, għandu jiġi deskritt bħala “illegali” għaliex “twettaq b’mod li mhux speċifikat materjalment fid-dokument ta’ notifika”, fis-sens tal-Artikolu 2(35)(d) ta’ dan ir-regolament.

38

Din l-analiżi litterali u kuntestwali tar-Regolament Nru 1013/2006 hija kkorroborata minn interpretazzjoni teleoloġika ta’ dan.

39

Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li l-premessa 1 tar-Regolament Nru 1013/2006 tiddikjara li l-għan ta’ dan ir-regolament huwa l-protezzjoni tal-ambjent. Barra minn hekk, skont il-premessa 7 tal-imsemmi regolament, huwa importanti li jiġu organizzati u rregolati s-sorveljanza u l-kontroll tal-vjaġġi ta’ skart b’mod li jittieħed kont tal-bżonn li jippreservaw, jipproteġu u jtejbu l-kwalità tal-ambjent u s-saħħa tal-bniedem.

40

Fir-rigward tal-vjaġġi ta’ skart inklużi fil-lista “ambru” ta’ skart li tinsab ti fl-Anness IV tar-Regolament Nru 1013/2006, bħal dawk fil-kawża prinċipali, il-premessa 14 ta’ dan ir-regolament tippreċiża li għandha tiġi żgurata sorveljanza u kontroll mill-aqwa billi tirrikjedi l-kisba ta’ kunsens minn qabel bil-miktub għal dawn it-tip ta’ vjaġġi u li tali proċedura għandha fiha nnifisha tagħti lok għal notifika minn qabel, li tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti li jkunu debitament informati b’mod li jistgħu jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jipproteġu l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem, iżda wkoll li jkunu jistgħu jqajmu oġġezzjonijiet motivati kontra dan il-vjaġġ.

41

L-informazzjoni meħtieġa fid-dokument ta’ notifika fl-Anness IA tar-Regolament Nru 1013/2006, bħall-punt ta’ passaġġ konfinali tal-vjaġġ, huwa meħtieġ għat-twettiq xieraq tal-kompiti tal-awtoritajiet kompetenti.

42

Għaldaqstant, jekk bidla tal-punt ta’ passaġġ konfinali tal-vjaġġ indikat fid-dokument ta’ notifika u fuq liema l-imsemmija awtoritajiet taw il-kunsens tagħhom seħħet mingħajr ma dawn tal-aħħar kienu informati, bi ksur tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1013/2006, l-imsemmija operazzjonijiet ta’ sorveljanza u kontroll ma setgħux jitwettqu bl-aħjar mod, skont dan ir-regolament.

43

Konsegwentement, bidla bħal din tista’ titqies biss bħala essenzjali u bħala li taqa’ fl-Artikolu 17(1), hekk li vjaġġ imwettaq fil-pajjiż ta’ tranżitu minn punt ta’ passaġġ konfinali differenti minn dak li huwa indikat fid-dokument ta’ notifika, mingħajr ma l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati kienu informati u mingħajr ma saret notifika ġdida tal-vjaġġ, għandha tiġi kklassifikata bħala “vjeġġ illegali”. Interpretazzjoni opposta tippriva minn kull effettività l-proċeduri u s-sistemi ta’ kontroll stabbiliti mir-Regolament Nru 1013/2006.

44

Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-problema ta’ terminoloġija li hija s-suġġett tal-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju. Permezz tal-imsemmija domanda, din tal-aħħar tfittex, essenzjalment, li tkun taf jekk, fl-espressjoni “mwettqa b’mod li ma huwiex speċifikat materjalment fid-dokument ta’ notifika”, li tinsab fid-definizzjoni ta’ “vjeġġ illegali” stabbilita fl-Artikolu 2(35)(d) tar-Regolament Nru 1013/2006, il-kelma “mod” (“módon”, bl-Ungeriż) tkopri biss il-mezzi ta’ trasport (szállítás módjai) (bl-art, bil-ferrovija, bil-baħar, bl-ajru jew b’kanali interni) kif previsti fl-Annessi IA u IB ta’ dan ir-regolament.

45

Ir-raġuni għaliex din id-domanda ġiet magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja hija li l-verżjoni Ungeriża tar-Regolament Nru 1013/2006 tvarja mill-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, bl-eċċezzjoni għall-parti 8 tad-“[d]okument ta’ notifika”, li tinsab fl-Anness IA ta’ dan ir-regolament, fejn jintużaw korrettement il-kliem “szállítás eszköz” sabiex jittraduċu l-kliem “mezzi ta’ trasport”, dawn l-aħħar kliem kienu tradotti, fil-lista tal-abbrevjazzjonijiet u tal-kodiċijiet li jsegwu l-imsemmija Anness IA, kif ukoll l-Annessi IB (parti 8 u l-lista ta’ abbrevjazzjonijiet u l-kodiċijiet li jsegwu l-Anness IB) u II (punt 13 tal-parti 1 u -punt 3 tal-parti 2 tal-imsemmi regolament, bil-kliem “szállítás módjait” u jużaw b’hekk l-ekwivalenti Ungeriża tal-kelma Franċiża “mod”, jiġifieri l-kelma “mód”. Dan ippermetta lil Total Waste Recycling li ssostni li ma kienx sar “vjeġġ illegali” fis-sens tal-Artikolu 2(35)(d) tar-Regolament Nru 1013/2006, meta l-mezz ta’ trasport użat ivarja minn dak indikat fin-notifika.

46

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew tingħata prijorità meta mqabbla mal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom fil-fatt jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti bil-lingwi kollha tal-Unjoni Ewropea. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-istruttura ġenerali u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li tagħha tikkostitwixxi element (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Léger, C-528/13, EU:C:2015:288, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

Fir-rigward tal-istruttura ġenerali u tal-għanijiet tar-Regolament Nru 1013/2006, ġie rrilevat fil-punti 33 sa 43 ta’ din is-sentenza li, sabiex tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti, fil-qasam tal-vjaġġi tal-iskart, li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa għall-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem bħala parti mid-dmirijiet tagħhom ta’ sorveljanza u ta’ kontroll, dawn l-awtoritajiet għandhom jiġu debitament informati u li, f’dan ir-rigward, huwa indispensabbli li dawn ikollhom l-informazzjoni kollha meħtieġa fid-dokument ta’ notifika li jinsab fl-Anness IA ta’ dan ir-regolament, u mhux biss informazzjoni fuq il-mezz ta’ trasport użat.

48

Minn dan isegwi li l-istruttura ġenerali u l-għan tar-Regolament Nru 1013/2006 iwasslu sabiex tadotta l-interpretazzjoni skont liema l-kelma “mod” li tidher fl-Artikolu 2(35)(d) ta’ dan ir-regolament ma tistax tinftiehem fis-sens biss ta’ “mezz ta’ trasport”, iżda għandha minflok tingħata tifsira wiesgħa, fis-sens li tkopri ċirkustanzi jew mezzi ta’ trasport tal-vjaġġi li jinkludu l-itinerarji ta’ dan il-vjaġġ.

49

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tingħata risposta lill-ewwel tliet domandi li l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1013/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-vjaġġ tal-iskart, bħal dawk imsemmija fl-Anness IV ta’ dan ir-regolament, fil-pajjiż ta’ tranżitu minn punt ta’ passaġġ konfinali differenti minn dak indikat fid-dokument ta’ notifika u li kien suġġett għal kunsens mill-awtoritajiet kompetenti għandu jitqies bħala bidla essenzjali fid-dettalji u/jew fil-kundizzjonijiet tal-vjaġġ peress li kien suġġett għal kunsens, tat-tip li l-fatt li ma ġewx informati l-awtoritajiet kompetenti b’din il-bidla għandu l-konsegwenza li l-vjaġġ tal-iskart huwa illegali, peress illi “twettaq b’mod li ma huwiex speċifikat materjalment fid-dokument ta’ notifika”, fis-sens tal-Artikolu 2(35)(d) tal-imsemmi regolament.

Fuq ir-raba ’ domanda

50

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 50(1) tar-Regolament Nru 1013/2006, skont liema s-sanzjonijiet applikati mill-Istati Membri f’każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament għandhom ikunu proporzjonati, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-impożizzjoni ta’ multa, li tippenalizza l-vjaġġ tal-iskart, kif elenkat fl-Anness IV tal-imsemmi regolament, fil-pajjiż ta’ tranżitu minn punt ta’ passaġġ konfinali differenti minn dak indikat fid-dokument ta’ notifika li kien suġġett għal kunsens mill-awtoritajiet kompetenti, sakemm l-ammont ta’ din il-multa jikkorrispondi ma’ dak tal-multa applikata fil-każ ta’ ksur tal-obbligu li jinkiseb kunsens u li titwettaq notifika bil-miktub minn qabel.

51

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, l-Artikolu 50(1) tar-Regolament Nru 1013/2006 jobbliga lill-Istati Membri sabiex jistabbilixxu “r-regoli dwar is-sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet [ta’ dan] ir-regolament [...] Is-sanzjonijiet previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi”. Għandu jiġi kkonstatat li r-regolament imsemmi ma fihx regoli iktar preċiżi f’dak li jirrigwarda l-istabbiliment tas-sanzjonijiet nazzjonali msemmija, u b’mod partikolari ma jistabbilixxi ebda kriterju espliċitu għall-evalwazzjoni tan-natura proporzjonata ta’ tali sanzjonijiet.

52

Skont ġurisprudenza stabbilita, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet previsti minn sistema stabbilita b’din il-leġiżlazzjoni, l-Istati Membri għandhom is-setgħa li jagħżlu s-sanzjonijiet li jidhrilhom li huma xierqa. Madankollu, huma marbuta li jeżerċitaw is-setgħa tagħhom filwaqt li josservaw id-dritt tal-Unjoni u l-prinċipji ġenerali tiegħu, u konsegwentement, billi josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Urbán, C‑210/10, EU:C:2012:64, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sabiex jiġi evalwat jekk is-sanzjoni inkwistjoni hijiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jittieħed kont, b’mod partikolari, tan-natura u l-gravità tal-ksur li din is-sanzjoni hija intiża li tippenalizza, kif ukoll tal-metodi għad-determinazzjoni tal-ammont tal-istess multa (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Rodopi-M 91, C‑259/12, EU:C:2013:414, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-prinċipju ta’ proporzjonalità għalhekk jimponi fuq l-Istati Membri b’mod ugwali l-evalwazzjoni tal-elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-iffissar tal-multa (sentenza Urbán, C‑210/10, EU:C:2012:64, punt 54).

54

Madankollu, fl-aħħar mill-aħħar, hija l-qorti nazzjonali li għandha, b’kont meħud taċ-ċirkustanzi fattwali u legali tal-kawża li għandha quddiemha, li tevalwa jekk l-ammont tas-sanzjoni ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni. Fil-fatt, fir-rigward tal-applikazzjoni konkreta ta’ dan il-prinċipju ta’ proporzjonalità, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa l-kompatibbiltà ta’ miżuri nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss tipprovdilha l-kriterji għall-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jippermettulha tevalwa tali kompatibbiltà (ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza Profaktor Kulesza, Frankowski, Jóźwiak, Orlowski, C‑188/09, EU:C:2010:454, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55

Fir-rigward tas-sanzjonijiet applikabbli f’każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1013/2006, li għandu l-għan li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem, il-qorti nazzjonali għandha, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-proporzjonalità ta’ tali sanzjoni, tieħu kont partikolari tar-riskji li jistgħu jiġu kkawżati permezz ta’ dan il-ksur fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem.

56

Għalhekk, għandu jiġi rrilevat li l-impożizzjoni ta’ multa li tippenalizza vjaġġ tal-iskart, bħal dawk elenkati fl-Anness IV tal-imsemmi regolament, fil-pajjiż ta’ tranżitu minn punt ta’ passaġġ konfinali differenti minn dak indikat fid-dokument ta’ notifika li kien suġġett għal kunsens mill-awtoritajiet kompetenti, fejn l-ammont bażiku tagħha jikkorrispondi ma’ dak applikat fil-każ ta’ ksur tal-obbligu li jinkiseb kunsens u li titwettaq notifika bil-miktub minn qabel, titqies proporzjonata biss jekk iċ-ċirkustanzi tal-ksur jagħmluha possibbli li wieħed jara li jirrigwardaw ksur ta’ gravità ekwivalenti.

57

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tingħata risposta għar-raba’ domanda li l-Artikolu 50(1) tar-Regolament Nru 1013/2006, skont liema s-sanzjonijiet applikati mill-Istati Membri fil-każ ta’ ksur ta’ dan ir-regolament iridu jkunu proporzjonati, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-impożizzjoni ta’ multa sabiex tippenalizza vjaġġ tal-iskart, bħal dawk elenkati fl-Anness IV tal-imsemmi regolament, fil-pajjiż ta’ tranżitu minn punt ta’ passaġġ konfinali differenti minn dak indikat fid-dokument ta’ notifika li kien suġġett għal kunsens mill-awtoritajiet kompetenti, inkluż li l-ammont bażiku tagħha jikkorrispondi ma’ dak tal-multa applikata fil-każ ta’ ksur tal-obbligu li jinkiseb kunsens u li titwettaq notifika bil-miktub minn qabel, ma tistax titqies bħala proporzjonali biss jekk iċ-ċirkustanzi tal-ksur kommess jagħmluha possibbli li wieħed jara li huwa ksur ta’ gravità ekwivalenti. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha fattwali u ġuridiċi tal-każ li għandha quddiemha u, b’mod partikolari, ir-riskji li jistgħu jiġu kkawżati mill-ksur fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent u s-saħħa tal-bniedem, jekk l-ammont tas-sanzjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet li jkun żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem.

Fuq l-ispejjeż

58

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 17(1) tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 2006, dwar vjeġġi ta’ skart, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 669/2008, tal-15 ta’ Lulju 2008, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-vjaġġ tal-iskart, bħal dak imsemmi fl-Anness IV ta’ dan ir-regolament, fil-pajjiż ta’ tranżitu minn punt ta’ passaġġ konfinali differenti minn dak indikat fid-dokument ta’ notifika u li kien suġġett għal kunsens mill-awtoritajiet kompetenti għandu jitqies bħala bidla essenzjali fid-dettalji u/jew il-kundizzjonijiet tal-vjaġġ suġġetti għal kunsens, tat-tip li l-fatt li ma ġewx informati l-awtoritajiet kompetenti b’din il-bidla għandu l-konsegwenza li l-vjaġġ tal-iskart huwa illegali, peress illi “twettaq b’mod li ma huwiex speċifikat materjalment fid-dokument ta’ notifika”, fis-sens tal-Artikolu 2(35)(d) tal-imsemmi regolament.

 

2)

L-Artikolu 50(1) tar-Regolament Nru 1013/2006, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 669/2008, skont liema s-sanzjonijiet applikati mill-Istati Membri fil-każ ta’ ksur ta’ dan ir-regolament iridu jkunu proporzjonati, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-impożizzjoni ta’ multa sabiex tippenalizza l-vjaġġ tal-iskart, bħal dawk elenkati fl-Anness IV tal-imsemmi regolament, fil-pajjiż ta’ tranżitu minn punt ta’ passaġġ konfinali differenti minn dak indikat fid-dokument ta’ notifika suġġett għal kunsens mill-awtoritajiet kompetenti, inkluż li l-ammont bażiku jikkorrispondi ma’ dak tal-multa imposta fil-każ ta’ ksur tal-obbligu li jinkiseb kunsens u li titwettaq notifika bil-miktub minn qabel, ma tistax titqies bħala proporzjonali biss jekk iċ-ċirkustanzi tal-ksur kommess jagħmluha possibbli li wieħed jara li huma ksur ta’ gravità ekwivalenti. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha fattwali u ġuridiċi tal-każ li għandha quddiemha u, b’mod partikolari, ir-riskji li jistgħu jiġu kkawżati mill-ksur fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent u s-saħħa tal-bniedem, jekk l-ammont tas-sanzjoni ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet li jkun żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.