SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
8 ta’ Ġunju 2016 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Moviment liberu tal-kapital — Artikoli 63 u 65 TFUE — Taxxa fuq id-donazzjonijiet — Donazzjoni ta’ immobbli li jinsab fit-territorju nazzjonali — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għal tnaqqis ta’ taxxa iktar għoli għal persuni residenti milli għal persuni mhux residenti — Eżistenza ta’ sistema fakultattiva li tippermetti lil kull persuna ddomiċiljata fi Stat Membru tal-Unjoni li tibbenifika mit-tnaqqis iktar għoli”
Fil-Kawża C-479/14,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht Düsseldorf (qorti tal-finanzi ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Ottubru 2014, fil-proċedura
Sabine Hünnebeck
vs
Finanzamt Krefeld,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, A. Arabadjiev, J.-C. Bonichot, S. Rodin u E. Regan (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Wathelet,
Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Diċembru 2015,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal S. Hünnebeck, minn M. Sarburg, avukat, |
— |
għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u K. Petersen, bħala aġenti, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wasmeier, W. Roels u B.-R. Killmann, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-18 ta’ Frar 2016,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 63(1) KE u 65 KE. |
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn S. Hünnebeck u l-Finanzamt Krefeld (ċentru tat-taxxi ta’ Krefeld), dwar il-kalkolu tat-taxxa ta’ trasferiment dovuta minħabba donazzjoni ta’ art li tinsab fil-Ġermanja li tagħha S. Hünnebeck kienet koproprjetarja. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE, tal-24 ta’ Ġunju 1988, għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 67 tat-Trattat [artikolu mħassar bit-Trattat ta’ Amsterdam] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 10): “1. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet segwenti, l-Istati Membri għandhom jabolixxu restrizzjonijiet fuq il-movimenti ta’ kapital li jseħħu bejn persuni residenti fi Stati Membri. Biex jiffaċilitaw l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, movimenti ta’ kapital għandhom jkunu kklassifikati skond in-Nomenklatura fl-Anness I. 2. Trasferimenti fir-rigward ta’ movimenti ta’ kapital għandhom isiru fuq il-kondizzjonijiet ta’ l-istess rata ta’ kambju bħal dawk li jirregolaw pagamenti relatanti għal transazzjonijiet kurrenti. ” |
4 |
Fost il-movimenti ta’ kapital elenkati fl-Anness I ta’ din id-direttiva jidhru, taħt it-Titolu XI ta’ dan l-anness, intitolat “Moviment ta’ kapital personali”, b’mod partikolari, id-donazzjonijiet u d-doti. |
Id-dritt Ġermaniż
5 |
L’Erbschaftsteuer- und Schenkungsteuergesetz (liġi fuq it-taxxa tas-suċċessjoni u tad-donazzjoni), fil-verżjoni tagħha ppubblikata fis-27 ta’ Frar 1997 (BGBl. 1997 I, p. 378), kif emendata fl-aħħar lok bl-Artikolu 11 tal-liġi tas-7 ta’ Diċembru 2011 (BGBl. 2011 I, p. 2592) (iktar ’il quddiem l-“ErbStG”), tipprevedi, fl-Artikolu 1 tagħha, intitolat “Tranżazzjonijiet taxxabbli”: “1. It-tranżazzjonijiet segwenti huma suġġett għal taxxa ta’ trasferiment fuq is-suċċessjoni (jew donazzjoni)
[...] 2. Mingħajr ħsara għal dispożizzjonijiet kuntrarji, id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi dwar it-trasferiment ta’ beni causa mortis għandhom japplikaw ukoll għad-donazzjonijiet u għad-donazzjonijiet bi skop speċifiku, kif dawk dwar id-donazzjonijiet għandhom japplikaw ukoll għad-donazzjonijiet bi skop speċifiku inter vivos. ” |
6 |
L-Artikolu 2 tal-ErbStG, intitolat “Obbligu fiskali personali”, jipprovdi: “1. L-obbligu fiskali japplika
[...]
[...] 3. Fuq talba tal-benefiċjarju, it-totalità ta’ trasferiment patrimonjali li jinkludi beni li jaqgħu taħt il-patrimonju intern fis-sens tal-Artikolu 121 tal-[BewG] (paragrafu 1, punt 3) għandha titqies li tkun issuġġettata għal obbligu fiskali illimitat jekk id-decujus, fid-data tal-mewt, id-donatur, fid-data ta’ meta ssir id-donazzjoni, jew il-benefiċjarju, fid-data li fiha jsir l-att li jagħti lok għat-taxxa (Artikolu 9), ikun domiċiljat fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew fi Stat li għalih japplika l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea [tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”)]. F’każ ta’ diversi trasferimenti mill-istess persuna matul l-għaxar snin ta’ qabel u l-għaxar snin ta’ wara t-trasferiment patrimonjali, dawn għandhom jitqiesu wkoll li huma suġġetti għal obbligu fiskali illimitat u totalizzati skont l-Artikolu 14. [...]” |
7 |
L-Artikolu 14 tal-ErbStG, intitolat “Teħid inkunsiderazzjoni tat-trasferimenti preċedenti” jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “F’każ ta’ trasferiment ta’ diversi vantaġġi patrimonjali mill-istess persuna lill-istess benefiċjarju matul perijodu ta’ għaxar snin, dawn għandhom jingħaddu billi jiżdied mal-aħħar beni ttrasferit il-valur li l-beni ttrasferiti preċedentement kellhom fid-data tat-trasferiment tagħhom. It-taxxa ta’ trasferiment fuq l-ammont titnaqqas bit-taxxa li kienet tkun dovuta, fuq il-beni ttrasferiti preċedentement, fid-dawl tas-sitwazzjoni personali tal-benefiċjarju u fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet applikabbli fid-data tal-aħħar trasferiment. [...]” |
8 |
L-Artikolu 15 tal-ErbStG, intitolat “Klassi ta’ tassazzjoni” jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Skont ir-relazzjoni personali li kienet teżisti bejn il-benefiċjarju u d-decujus jew id-donatur, hemm lok li ssir distinzjoni bejn it-tliet klassijiet ta’ tassazzjoni segwenti: Klassi ta’ tassazzjoni I:
[...]” |
9 |
L-Artikolu 16, intitolat “Tnaqqis”, huwa redatt kif ġej: “1. Huwa ħieles f’każ ta’ obbligu fiskali illimitat [il-punti 1 u 3 tal-Artikolu 2(1)] it-trasferiment ta’ beni
[...] 2. F’każ ta’ obbligu fiskali limitat [Artikolu 2(1)(3)] l-ammont tat-tnaqqis previst fil-paragrafu 1 huwa ssostitwit bl-ammont ta’ EUR 2000.” |
10 |
Taħt it-titolu “Patrimonju intern”, l-Artikolu 121 tal-BewG, fil-verżjoni tagħha ppubblikata fl-1 ta’ Frar 1991 (BGBl. 1991 I, p. 230), kif emendata fl-aħħar lok bl-Artikolu 10 tal-liġi tas-7 ta’ Diċembru 2011 (BGBl. 2011 I, p. 2592), huwa fformulat kif ġej: “Il-patrimonju intern jinkludi:
[...]” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
11 |
S. Hünnebeck u ż-żewġt ibniet tagħha huma ċittadini Ġermaniżi. Huma jinsabu ddomiċiljati fi Gloucestershire, ir-Renju Unit. S. Hünnebeck ilha ma tgħix fil-Ġermanja mis-sena 1996. It-tfal tagħha qatt ma għexu fil-Ġermanja. |
12 |
S. Hünnebeck kienet koproprjetarja fi kwota ta’ nofs ta’ art li tinsab f’Düsseldorf, il-Ġermanja. Permezz ta’ kuntratt notarili tal-20 ta’ Settembru 2011, hija tat dan is-sehem lit-tfal tagħha, fi kwoti ta’ 50 % kull waħda. Kien ġie miftiehem li hija kellha tħallas it-taxxa ta’ trasferiment marbuta ma’ din id-donazzjoni li setgħet tkun dovuta. Fit-12 ta’ Jannar 2012, avukat approva, bħala rappreżentant tat-tfal minuri ta’ S. Hünnebeck, id-dikjarazzjonijiet li saru fil-kuntratt tal-20 ta’ Settembru 2011. |
13 |
Permezz ta’ żewġ avviżi tal-31 ta’ Mejju 2012, iċ-ċentru tat-taxxi ta’ Krefeld iffissa l-ammont tat-taxxa ta’ trasferiment dovuta minn S. Hünnebeck fuq il-bażi ta’ kull sehem, fl-ammont ta’ EUR 146509. Fil-kalkolu ta’ din it-taxxa, dan iċ-ċentru naqqas għal kull waħda mill-valur taxxabbli tal-beni ttrasferit it-tnaqqis personali mogħti lill-persuni taxxabbli fuq bażi limitata, fl-ammont ta’ EUR 2000. |
14 |
S. Hünnebeck ressqet azzjoni amministrattiva sabiex titlob l-applikazzjoni, għal kull sehem mogħti liż-żewġ uliedha, it-tnaqqis personali ta’ EUR 400000 li minnu jibbenefikaw il-persuni taxxabbli fuq bażi illimitata, konformement mal-punt 2 tal-Artikolu 16(1) tal-ErbStG. Din l-azzjoni ġiet miċħuda. Wara din iċ-ċaħda, S. Hünnebeck adixxiet lill-Finanzgericht Düsseldorf (qorti tal-finanzi ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) b’azzjoni intiża sabiex tingħata dan it-tnaqqis. Quddiem din il-qorti, S. Hünnebeck issostni li hija ma ppreżentatx talba għal tnaqqis skont l-Artikolu 2(3) tal-ErbStG, minħabba li din id-dispożizzjoni, li daħlet fis-seħħ wara d-donazzjonijiet, ma kinitx applikabbli għaliha u li din timplika li huma meħuda inkunsiderazzjoni donazzjonijiet li jippreċedu d-donazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
15 |
Iċ-ċentru tat-taxxi ta’ Krefeld isostni, quddiem din il-qorti, li l-Artikolu 2(3) tal-ErbStG jiggarantixxi ugwaljanza perfetta fit-trattament bejn il-persuni taxxabbli fuq bażi illimitata u dawk taxxabbli fuq bażi limitata. |
16 |
Il-qorti tar-rinviju għandha dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà, mal-Artikoli 63(1) u 65 TFUE, tal-Artikolu 16(2) tal-ErbStG, inkluż meta dan jinqara flimkien mal-Artikolu 2(3) ta’ din il-liġi. |
17 |
Din il-qorti tinnota li, fis-sentenza tat-22 ta’ April 2010, Mattner (C-510/08, EU:C:2010:216), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà ppronunzjat ruħha fuq il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-Artikolu 16(2) tal-ErbStG, f’verżjoni fformulata f’termini prattikament identiċi għal dawk tad-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Hija tqis li, fid-dawl biss ta’ din is-sentenza, hija għandha tilqa’ l-azzjoni adita biha peress li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi applikazzjoni konġunta tal-punt 3 tal-Artikolu 2(1) u tal-Artikolu 16(2) tal-ErbStG li twassal għall-għoti lil S. Hünnebeck u lit-tfal tagħha ta’ tnaqqis ta’ EUR 2000 minħabba li dawn kienu joqogħdu, fid-data tad-donazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fir-Renju Unit, meta dan it-tnaqqis jitla’ għal EUR 400000, skont id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-punt 1(a) tal-Artikolu 2(1) u tal-punt 2 tal-Artikolu 16(1) tal-ErbStG, jekk id-donatriċi jew id-donatarji kienu joqogħdu, f’dik id-data, il-Ġermanja. |
18 |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk is-sitwazzjoni hijiex differenti wara l-adozzjoni tal-Artikolu 2(3) tal-ErbStG, mil-leġiżlatur Ġermaniż bi tweġiba għas-sentenza tat-22 ta’ April 2010, Mattner (C-510/08, EU:C:2010:216). |
19 |
Billi bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza li toħroġ mis-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation (C-446/04, EU:C:2006:774, punt 162), tat-18 ta’ Marzu 2010, Gielen (C-440/08, EU:C:2010:148, punt 53), u tat-28 ta’ Frar 2013, Beker (C-168/11, EU:C:2013:117, punt 62), din il-qorti tirrileva li, minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ppronunzjatx ruħha fuq dan il-punt, hija mandankollu qieset li leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ applikazzjoni fakultattiva tista’ tmur kontra d-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-imsemmija qorti tqis li huwa probabbli li l-adozzjoni tal-Artikolu 2(3) tal-ErbStG ma hijiex tali li tirrimedja l-inkompatibbiltà tal-Artikolu 16(2) tal-ErbStG mad-dritt tal-Unjoni minħabba, b’mod partikolari, li din id-dispożizzjoni tal-aħħar tapplika sistematikament fl-assenza ta’ talba mill-persuna taxxabbli. |
20 |
Il-qorti tar-rinviju għandha wkoll dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tar-regola stipulata fl-Artikolu 2(3) tal-ErbStG. |
21 |
Minn naħa, skont din id-dispożizzjoni, il-benefiċjarju jista’ jitlob il-benefiċċju tat-tnaqqis iktar għoli biss jekk id-decujus, id-donatur jew il-benefiċjarju kienu, fil-mument tat-trasferiment patrimonjali, iddomiċiljati fit-territorju ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew ta’ Stat li għalih japplika l-Ftehim ŻEE, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tas-17 ta’ Ottubru 2013, Welte (C-181/12, EU:C:2013:662), iddeċidiet li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru dwar il-kalkolu ta’ taxxa tas-suċċessjoni li tipprovdi li, fil-każ ta’ suċċessjoni ta’ immobbli li tinsab fit-territorju ta’ dan l-Istat, it-tnaqqis fuq il-bażi taxxabbli, meta d-decujus u l-benefiċjarju tas-suċċessjoni kienu residenti, fil-mument tal-mewt, f’pajjiż terz, ikun inqas mit-tnaqqis li jiġi applikat kieku mill-inqas wieħed minnhom kien jirrisjedi, fl-istess mument, fl-imsemmi Stat Membru. |
22 |
Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li t-tieni sentenza tal-Artikolu 2(3) tal-ErbStG timponi li t-trasferimenti kollha li joriġinaw mill-istess persuna fi żmien għaxar snin qabel u għaxar snin wara t-trasferiment patrimonjali inkwistjoni huma taxxabbli fuq bażi illimitata billi jingħaddu flimkien konformement mal-Artikolu 14 tal-ErbStG. Għalhekk, filwaqt li, fir-rigward tal-persuni taxxabbli msemmija fil-punt 1 tal-Artikolu 2(1) tal-ErbStG, it-tnaqqis japplika għall-patrimonju kollu ttrasferit mill-istess persuna matul perijodu ta’ għaxar snin, il-perijodu meħud inkunsiderazzjoni, għall-persuni taxxabbli msemmija fl-Artikolu 2(3), huwa ta’ 20 sena. |
23 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht Düsseldorf (qorti tal-finanzi ta’ Düsseldorf) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domanda preliminari segwenti: “Id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 63(1) TFUE u tal-Artikolu 65 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, għall-finijiet tal-kalkolu tat-taxxa fuq donazzjoni, tipprevedi li t-tnaqqis fuq il-bażi taxxabbli fil-każ ta’ donazzjoni ta’ proprjetà immobbli li tinsab fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru jkun inqas meta d-donatur u d-donatarju jkunu jirresjedu, fid-data li fiha ssir id-donazzjoni, fi Stat Membru ieħor, mit-tnaqqis li jiġi applikat jekk tal-inqas wieħed minnhom kien jirresjedi, fl-istess data, fl-ewwel Stat Membru, anki jekk din il-leġiżlazzjoni tipprevedi wkoll li dan it-tnaqqis tal-aħħar (iktar għoli) huwa applikat fuq talba tad-donatarju (filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-beni kollha rċevuti b’titolu gratuwitu mingħand id-donatur matul l-għaxar snin ta’ qabel u l-għaxar snin ta’ wara d-donazzjoni)?” |
Fuq id-domanda preliminari
Osservazzjonijiet preliminari
24 |
Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-mekkaniżmu istitwit mil-leġiżlatur Ġermaniż, li skontu, għall-kalkolu tat-taxxa fuq id-donazzjonijiet, it-tnaqqis mill-bażi taxxabbli fil-każ ta’ donazzjoni ta’ immobbli li jinsab fit-territorju ta’ dan l-Istat ikun inqas, meta d-donatur u d-donatarju jkunu joqogħdu, fid-data ta’ meta ssir id-donazzjoni, fi Stat Membru ieħor, mit-tnaqqis li kien ikun applikabbli kieku tal-inqas wieħed minnhom kien joqgħod, fl-istess data, fl-ewwel Stat Membru, ġie kklassifikat mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala restrizzjoni mhux iġġustifikata għall-moviment liberu tal-kapital fis-sentenza tat-22 ta’ April 2010, Mattner (C-510/08, EU:C:2010:216) u wassal ukoll għas-sentenza li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, tal-4 ta’ Settembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-211/13, EU:C:2014:2148). |
25 |
F’dan il-każ, huwa paċifiku li dan il-mekkaniżmu ta’ tassazzjoni japplika dejjem, fl-assenza ta’ talba mid-donatarju għall-benefiċċju tat-tnaqqis iktar għoli, fil-każ ta’ donazzjonijiet bejn persuni mhux residenti. L-ebda element tal-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermetti li jiġi kkonstatat li dan il-mekkaniżmu ta’ tassazzjoni għandu jiġi analizzat b’mod differenti fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari. |
26 |
Issa, filwaqt li żamm l-istess mekkaniżmu ta’ tassazzjoni, il-leġiżlatur nazzjonali emenda l-Artikolu 2 tal-ErbStG billi żied paragrafu 3 li permezz tiegħu, fil-każ ta’ donazzjoni bejn persuni mhux residenti, id-donatarju jista’ jitlob il-benefiċċju tat-tnaqqis iktar għoli previst għall-każ ta’ donazzjonijiet li jinvolvu tal-inqas resident. |
27 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi ppreċiżat is-suġġett ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari. |
28 |
L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ssostni li l-kundizzjoni, prevista mill-ErbStG, li l-benefiċjarji mhux residenti jistgħu jitolbu l-applikazzjoni tat-tnaqqis iktar għoli biss jekk dan il-benefiċjarju jew id-donatur ikun iddomiċiljat fi Stat Membru tal-Unjoni jew fi Stat li għalih japplika l-Ftehim ŻEE tmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li toriġina mis-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Welte (C-181/12, EU:C:2013:662), peress li tali tnaqqis ma japplikax għat-trasferimenti bejn donaturi u benefiċjarji residenti fi Stati terzi. |
29 |
Minkejja li l-formulazzjoni tad-domanda ma tirreferix espliċitament għal dan l-aspett tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju għandha wkoll, f’dan ir-rigward, dubji dwar il-kompatibbiltà, mad-dritt tal-Unjoni, tal-leġiżlazzjoni nazzjonali. |
30 |
Madankollu, għandu jitfakkar li, minkejja li d-domandi marbuta mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-qafas regolamentari u fattwali li hija tiddefinixxi li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma jaqax taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta milli tagħti deċiżjoni fuq talba mressqa minn qorti nazzjonali jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew ukoll meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Beker, C-168/11, EU:C:2013:117, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
31 |
F’dan il-każ, huwa paċifiku li S. Hünnebeck u ż-żewġt itfal tagħha, benefiċjarji tad-donazzjoni kkonċernata, kienu t-tlieta li huma ddomiċiljati fir-Renju Unit fid-data li fiha saret din id-donazzjoni. |
32 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li ma hijiex marbuta mal-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali, il-problema tal-inkompatibbiltà allegata msemmija fil-punt 28 ta’ din is-sentenza hija ipotetika u, għaldaqstant, ma titlobx risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ din il-proċedura. |
33 |
It-tieni nett, hemm nuqqas ta’ qbil dwar l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fir-rigward tal-perijodu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għat-totalizzazzjoni tad-donazzjonijiet fl-ipoteżi prevista fl-Artikolu 2(3) tal-EsrbStG. |
34 |
Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tqis li, fl-imsemmija ipoteżi, il-bażi taxxabbli li minnha jsir it-tnaqqis mogħti hija ugwali għat-total tad-donazzjonijiet li jkunu saru matul perijodu ta’ 20 sena, filwaqt li, fil-każ li d-donatur jew il-benefiċjarju jirrisjedu fil-Ġermanja, din il-bażi taxxabbli hija ugwali għat-total tad-donazzjonijiet li jkunu saru matul perijodu ta’ għaxar snin. |
35 |
Min-naħa l-oħra, il-Gvern Ġermaniż jikkontesta din l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2(3) u 14 tal-ErbStG. Skont dan il-gvern, fil-każ kemm ta’ donazzjoni bejn persuni mhux residenti kif ukoll ta’ donazzjoni li fiha jkun hemm tal-inqas parti waħda residenti, jingħaddu d-donazzjonijiet li jkunu saru matul il-perijodu ta’ għaxar snin qabel l-aħħar donazzjoni. Mill-banda l-oħra, l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għat-talba tal-benefiċjarju twassal għal tassazzjoni fuq bażi illimitata tal-beni kollha ttrasferiti matul perijodu ta’ 20 sena. |
36 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-qorti tar-rinviju biss hija kompetenti sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tal-kawża li jkollha quddiemha kif ukoll sabiex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali (ara s-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2008, Eckelkamp et, C-11/07, EU:C:2008:489, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għandu jitfakkar ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha, fil-prinċipju, tillimita l-eżami tagħha għall-elementi ta’ evalwazzjoni li l-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissottometti quddiemha. Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, għalhekk, timxi abbażi tas-sitwazzjoni li l-qorti nazzjonali tikkunsidra bħala stabbilita u ma tistax tkun marbuta b’ipoteżijiet imqajma minn waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali (sentenza tas-6 ta’ Marzu 2003, Kaba, C-466/00, EU:C:2003:127, punt 41). Għaldaqstant, huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju u mhux tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddetermina l-portata u l-effett, fid-dritt Ġermaniż, tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni u, b’mod partikolari, il-konsegwenzi legali għall-benefiċjarji mhux residenti tal-applikazzjoni, fuq talba tagħhom, tat-tnaqqis iktar għoli. |
37 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 63 u 65 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, għad-donazzjonijiet bejn persuni mhux residenti, minn naħa, fl-assenza ta’ talba speċifika mill-benefiċjarju, l-użu ta’ metodu ta’ kalkolu tat-taxxa bl-applikazzjoni ta’ tnaqqis fiskali inqas u, min-naħa l-oħra, fuq it-talba ta’ tali benefiċjarju, l-użu ta’ metodu ta’ kalkolu tat-taxxa bl-applikazzjoni tat-tnaqqis iktar għoli li jipprevali għad-donazzjonijiet li fihom hemm tal-inqas parti residenti, filwaqt li l-eżerċizzju ta’ din l-għażla mill-benefiċjarju mhux residenti jimplika t-totalizzazzjoni, għall-finijiet tal-kalkolu tat-taxxa dovuta fuq il-bażi tad-donazzjoni kkonċernata, tad-donazzjonijiet kollha rċevuti minn dan id-donatarju mingħand l-istess persuna matul l-għaxar snin ta’ qabel u l-għaxar snin ta’ wara din id-donazzjoni. |
Fuq l-eżistenza ta ’ restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital
38 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 63(1) TFUE jipprojbixxi b’mod ġenerali r‑restrizzjonijiet fuq il-moviment tal-kapital bejn Stati Membri (ara s-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, F. E. Familienprivatstiftung Eisenstadt, C‑589/13, EU:C:2015:612, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
39 |
F’dan il-każ, huwa stabbilit li d-donazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi tranżazzjoni li taqa’ taħt l-Artikolu 63(1) TFUE. |
40 |
Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni tikkostitwixxix restrizzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jiddeterminaw il-valur ta’ beni immobbli għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tat-taxxa dovuta fil-każ ta’ akkwist permezz ta’ donazzjoni jistgħu mhux biss ikunu ta’ natura li jiskoraġġixxu x-xiri ta’ beni immobbli li jinsabu fl-Istat Membru kkonċernat, iżda jista’ wkoll ikollhom l-effett li jnaqqsu l-valur tad-donazzjoni ta’ resident ta’ Stat Membru li ma jkunx dak li fit-territorju tiegħu jinsabu l-imsemmija beni (ara s-sentenza tat-22 ta’ April 2010, Mattner, C-510/08, EU:C:2010:216, punt 25). |
41 |
F’din il-kawża, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta, minn naħa, li l-mekkaniżmu ta’ tassazzjoni introdott bl-adozzjoni tal-Artikolu 2(3) tal-ErbStG, li jippermetti lill-benefiċjarju ta’ donazzjoni bejn persuni mhux residenti li jibbenefika mit-tnaqqis iktar għoli previst fil-każ ta’ donazzjonijiet li jinvolvu tal-inqas parti residenti, huwa applikabbli b’mod fakultattiv u, min-naħa l-oħra, li l-eżerċizzju ta’ din l-għażla mill-benefiċjarju mhux residenti jimplika t-totalizzazzjoni, għall-finijiet tal-kalkolu tat-taxxa dovuta fuq il-bażi tad-donazzjoni kkonċernata, tad-donazzjonijiet kollha rċevuti minn dan id-donatarju mingħand l-istess persuna matul l-għaxar snin ta’ qabel u l-għaxar snin ta’ wara din id-donazzjoni, meta, għad-donazzjonijiet li jinvolvu tal-inqas parti residenti, jingħaddu biss id-donazzjonijiet li jkunu saru matul perijodu ta’ għaxar snin. |
42 |
Fir-rigward tan-natura fakultattiva ta’ dan il-mekkaniżmu ta’ tassazzjoni, għandu jiġi enfasizzat li, anki jekk jitqies li dan il-mekkaniżmu huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, skont ġurisprudenza stabbilita sistema nazzjonali li tirrestrinġi l-libertajiet ta’ moviment tista’ tibqa’ inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, minkejja li l-applikazzjoni tagħha tkun fakultattiva. L-eżistenza ta’ għażla li eventwalment tippermetti li sitwazzjoni ssir kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni ma għandhiex l-effett li tirrimedja, waħedha, in-natura illegali ta’ sistema, bħal dik inkwistjoni, li tibqa’ tinkludi mekkaniżmu ta’ tassazzjoni mhux kompatibbli ma’ dan id-dritt. Għandu jingħad ukoll li l-istess jgħodd b’iktar raġuni fil-każ fejn, bħal f’dan il-każ, il-mekkaniżmu inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni huwa dak li huwa awtomatikament applikat fin-nuqqas ta’ għażla mill-persuna taxxabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Beker, C-168/11, EU:C:2013:117, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
43 |
Issa, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju fil-kuntest ta’ din il-kawża, għandu jsir eżami tal-kwistjoni tal-kompatibbiltà ta’ mekkaniżmu ta’ tassazzjoni, bħal dak introdott bl-adozzjoni tal-Artikolu 2(3) tal-ErbStG, mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-kapital. |
44 |
F’dan ir-rigward, fir-rigward tat-tul tal-perijodu ta’ totalizzazzjoni tad-donazzjonijiet meħuda inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-tnaqqis iktar għoli, minkejja li t-tnaqqis iktar għoli applikat għad-donazzjonijiet bejn persuni mhux residenti fuq it-talba tal-benefiċjarji huwa ta’ ammont identiku għal dak applikat għad-donazzjonijiet li jkollhom tal-inqas parti waħda residenti, xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-perijodu miżmum għat-totalizzazzjoni tad-donazzjonijiet huwa differenti skont jekk dawn humiex donazzjonijiet li jaqgħu taħt l-ewwel jew taħt it-tieni minn dawn il-kategoriji. |
45 |
F’tali ipoteżi, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tikkonferma, għandu jiġi kkonstatat, mingħajr ħtieġa ta’ deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ mekkaniżmu, bħal dak previst fl-Artikolu 2(3) tal-ErbStG, sa fejn dan jissuġġetta t-trasferimenti kollha ta’ persuna mhux residenti għal tassazzjoni fuq bażi illimitata, li l-fatt li jinżamm perijodu ta’ totalizzazzjoni itwal għad-donazzjonijiet bejn persuni mhux residenti, milli għad-donazzjonijiet li jkollhom tal-inqas parti waħda residenti jista’ jwassal, jekk ikun il-każ, għall-konsegwenza li t-tnaqqis jinvolvi, għall-ewwel kategorija ta’ donazzjonijiet, bażi taxxabbli ikbar minn dik għat-tieni kategorija u li, għalhekk, din l-ewwel kategorija ta’ donazzjonijiet tkun suġġetta għal taxxa tad-donazzjonijiet ogħla minn dik imposta għat-tieni kategorija ta’ donazzjonijiet. Tali mekkaniżmu għandu l-effett li jirrestrinġi l-moviment tal-kapital, peress li dan jista’ jnaqqas il-valur tad-donazzjoni li tinkludi tali beni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-22 ta’ April 2010, Mattner, C-510/08, EU:C:2010:216, punt 27). |
46 |
Għandu jiġi osservat ukoll li tali sitwazzjoni hija aggravata bil-fatt li, b’mod differenti mid-donazzjonijiet li fihom tal-inqas parti waħda hija residenti, għall-kalkolu tat-taxxa li għaliha huma biss id-donazzjonijiet preċedenti li jistgħu jiġu magħduda fit-total, u b’hekk il-persuna taxxabbli tkun tista’ tipprevedi l-ammont ta’ taxxa dovuta, għad-donazzjonijiet bejn persuni mhux residenti, it-totalizzazzjoni tat-trasferimenti tinkludi wkoll dawk li jseħħu matul l-għaxar snin ta’ wara d-donazzjoni kkunsidrata, b’mod li l-benefiċjarji ma jkunux jafu t-taxxa ta’ trasferiment sussegwentement dovuta. F’dan ir-rigward, S. Hünnebeck tiddikjara li ma talbitx l-benefiċċju tat-tnaqqis iktar għoli skont l-Artikolu 2(3) tal-ErbStG, partikolarment, minħabba din l-imprevedibbiltà. |
47 |
Għandu jiġi kkonstatat li tali nuqqas ta’ prevedibbiltà jista’ jkollu l-konsegwenza li jiddisswadi lill-persuni mhux residenti milli jakkwistaw jew iżommu beni li jinsabu fil-Ġermanja, billi t-trasferiment sussegwenti ta’ dawn il-beni lil persuni oħra mhux residenti jqiegħed għal żmien itwal lil dawn tal-aħħar fl-inċertezza fir-rigward tat-taxxi futuri li eventwalment jiġu mitluba minn dan l-Istat Membru (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2011, Halley, C-132/10, EU:C:2011:586, punti 22 sa 25). |
48 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, mingħajr ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju fir-rigward tat-tul tal-perijodu miżmum għall-finijiet tal-applikazzjoni, fuq it-talba tal-benefiċjarji mhux residenti, tat-tnaqqis iktar għoli, li jaqgħu taħt l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt Ġermaniż, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward tat-tul tal-perijodu ta’ totalizzazzjoni tad-donazzjonijiet meħuda inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-tnaqqis iktar għoli, it-trattament fiskali inqas favorevoli tad-donazzjonijiet bejn persuni mhux residenti meta mqabbel ma’ dak tad-donazzjonijiet li fihom tal-inqas parti waħda hija residenti, jikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital ipprojbita, fil-prinċipju, mill-Artikolu 63(1) TFUE. |
49 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Ġermaniż, din id-differenza fit-trattament ma tistax titqies li hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE marbuta mal-moviment liberu tal-kapital peress li din tikkonċerna sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament paragunabbli. B’mod partikolari, dan il-gvern isostni li s-sitwazzjoni tal-persuni residenti u dik tal-persuni mhux residenti ma humiex paragunabbli f’dak li jirrigwarda l-bażi taxxabbli tagħhom. Dawn iż-żewġ kategoriji ta’ persuni taxxabbli ma jistgħux jiġu ttrattati eżattament bl-istess mod minħabba l-prinċipju ta’ territorjalità. |
50 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 65(1)(a) TFUE, l-Artikolu 63 TFUE “m’għandh[ux] jippreġudika[...] d-dritt ta’ l-Istati Membri […] li japplikaw id-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi fiskali tagħhom li jagħmlu distinzzjoni bejn persuni li jħallsu t-taxxa li mhumiex fl-istess sitwazzjoni rigward il-post ta’ residenza tagħhom jew rigward il-post fejn il-kapital tagħhom ikun investit”. |
51 |
Din id-dispożizzjoni tal-Artikolu 65 TFUE, sa fejn tikkostitwixxi deroga mill-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-kapital, għandha tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta. Għaldaqstant, din ma tistax tiġi interpretata fis-sens li kull leġiżlazzjoni fiskali li tagħmel distinzjoni bejn il-persuni taxxabbli skont il-post fejn ikunu residenti jew skont l-Istat Membru fejn jinvestu l-kapital tagħhom hija awtomatikament kompatibbli mat-Trattat (ara s-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Welte, C-181/12, EU:C:2013:662, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
52 |
Fil-fatt, id-deroga prevista fl-Artikolu 65(1)(a) TFUE hija hi stess limitata mill-paragrafu 3 tal-istess artiklu, li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fl-imsemmi paragrafu 1 “m’għandhomx jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-moviment liberu ta’ kapital u ħlasijiet kif definit fl-Artikolu 63” (ara s-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Welte, C-181/12, EU:C:2013:662, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
53 |
Għalhekk, għandha ssir distinzjoni bejn it-trattamenti differenti permessi skont l-Artikolu 65(1)(a) TFUE u d-diskriminazzjonijiet arbitrarji pprojbiti skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-istess artikolu. Issa, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, sabiex leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, għall-finijiet tal-kalkolu tat-taxxa fuq id-donazzjonijiet, tagħmel distinzjoni fejn jidħol il-perijodu miżmum għall-applikazzjoni tat-tnaqqis għall-bażi taxxabbli ta’ beni immobbli li jinsab f’dan l-Istat skont jekk id-donatur jew id-donatarju huwiex residenti f’dan l-Istat jew jekk it-tnejn li huma humiex residenti fi Stat Membru ieħor, tkun tista’ titqies li hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital, huwa meħtieġ li din id-differenza fit-trattament tikkonċerna sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament paragunabbli jew tkun iġġustifikata minħabba raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali. Barra minn hekk, sabiex id-differenza fit-trattament bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ donazzjonijiet tkun iġġustifikata, din ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni jinkiseb (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Welte, C-181/12, EU:C:2013:662, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
54 |
Fir-rigward tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ammont tat-taxxa fuq id-donazzjonijiet marbuta ma’ immobbli li jinsab fil-Ġermanja huwa kkalkolat, skont l-ErbStG, fuq il-bażi tal-valur ta’ dan il-beni immobbli flimkien mar-rabta ta’ familja li possibbilment teżisti bejn id-donatur u d-donatarju. Issa, la wieħed u lanqas l-ieħor minn dawn iż-żewġ kriterji ma jiddependu mill-post ta’ residenza tad-donatur jew tad-donatarju. Għalhekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 62 tal-konklużjonijiet tiegħu, fir-rigward tat-taxxa fuq id-donazzjonijiet dovuta fuq il-bażi ta’ beni immobbli li jinsab fil-Ġermanja u li huwa mogħti b’donazzjoni, ma jista’ jkun hemm l-ebda differenza oġġettiva li tiġġustifika inugwaljanza fit-trattament fiskali bejn, rispettivament, is-sitwazzjoni li fiha l-ebda waħda mill-partijiet għad-donazzjoni ma tkun residenti f’dan l-Istat Membru u dik li fiha tal-inqas waħda minn dawn tal-aħħar tkun residenti fl-imsemmi Stat. B’hekk, is-sitwazzjoni tat-tfal ta’ S. Hünnebeck hija paragunabbli ma’ dik ta’ kull donatarju li jakkwista b’donazzjoni beni immobbli li jkun jinsab fil-Ġermanja mingħand persuna li tkun residenti fit-territorju Ġermaniż u li magħha jkollu rabta ta’ ġenitur u wild, kif ukoll ma’ dik ta’ kull donatarju li jkun residenti f’dan it-territorju u li jirċievi donazzjoni mingħand persuna li ma tkunx residenti hemm (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-22 ta’ April 2010, Mattner, C-510/08, EU:C:2010:216, punt 36). |
55 |
Il-leġiżlazzjoni Ġermaniża tqis, bħala regola, kemm lill-benefiċjarju ta’ donazzjoni bejn persuni mhux residenti kif ukoll dak ta’ donazzjoni li jkollha tal-inqas parti waħda residenti bħala persuni li huma suġġetti għall-finijiet tal-ġbir tat-taxxa ta’ trasferiment fuq id-donazzjonijiet ta’ beni immobbli li jinsabu fil-Ġermanja. Huwa biss fir-rigward tal-perijodu meħud inkunsiderazzjoni għall-applikazzjoni tat-tnaqqis għall-bażi taxxabbli li din il-leġiżlazzjoni topera, għall-finijiet tal-kalkolu ta’ din it-taxxa, differenza fit-trattament bejn id-donazzjonijiet li jkunu saru bejn persuni mhux residenti u dawk li għalihom tal-inqas parti waħda tkun residenti. Mill-banda l-oħra, ma huwiex ikkontestat li d-determinazzjoni tal-klassi u tar-rata ta’ taxxa ssir skont l-istess regoli għal dawn iż-żewġ kategoriji ta’ donazzjonijiet (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-22 ta’ April 2010, Mattner, C-510/08, EU:C:2010:216, punt 37). |
56 |
Sa fejn leġiżlazzjoni nazzjonali tqiegħed fuq l-istess livell, għall-finijiet tat-tassazzjoni tat-trasferiment b’donazzjoni ta’ beni immobbli li jinsab fl-Istat Membru kkonċernat, minn naħa, id-donatarji mhux residenti li jkunu akkwistaw dan il-beni mingħand persuna mhux residenti u, min-naħa l-oħra, id-donatarji mhux residenti li jkunu akkwistaw tali beni mingħand donatur residenti kif ukoll id-donatarji residenti li jkunu akkwistaw dan l-istess beni mingħand donatur mhux residenti, din il-leġiżlazzjoni ma tistax, mingħajr ma tikser ir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, tittratta lil dawn id-donatarji b’mod differenti, fil-kuntest tal-istess tassazzjoni, fir-rigward tal-applikazzjoni tat-tnaqqis mill-bażi taxxabbli ta’ dan il-beni immobbli. Billi jittratta b’mod identiku, ħlief fir-rigward tal-perijodu meħud inkunsiderazzjoni għall-applikazzjoni tat-tnaqqis li d-donatarju jista’ jibbenefika minnu, id-donazzjonijiet li jsiru għall-benefiċċju ta’ dawn iż-żewġ kategoriji ta’ persuni, il-leġiżlatur nazzjonali ammetta, fil-fatt, li bejn dawn tal-aħħar ma hemm, fid-dawl tal-modalitajiet u tal-kundizzjonijiet li bihom it-taxxa fuq id-donazzjoni tinġabar, l-ebda differenza oġġettiva li tiġġustifika differenza fit-trattament (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-22 ta’ April 2010, Mattner, C-510/08, EU:C:2010:216, punt 38). |
57 |
Ċertament, għandu jiġi aċċettat li, kif essenzjalment isostni l-Gvern Ġermaniż, il-bażi taxxabbli tad-donazzjoni ta’ donatarju mhux residenti, meta jkun suġġett għat-taxxa fuq id-donazzjonijiet fil-Ġermanja fuq bażi limitata, hija, fil-prinċipju, iżgħar minn dik ta’ donatarju, residenti jew mhux residenti, li jkun suġġett għal din it-taxxa f’dan l-Istat Membru fuq bażi illimitata (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Welte, C-181/12, EU:C:2013:662, punt 52). |
58 |
Madankollu, dan il-fatt ma jistax iqiegħed f’dubju l-konstatazzjonijiet preċedenti, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, partikolarment, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2014, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-127/12, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2130, punti 77 u 78), u dan iktar u iktar minħabba l-fatt li l-perijodu meqjus għall-applikazzjoni tat-tnaqqis mill-bażi taxxabbli previst mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali bl-ebda mod ma jvarja skont l-ammont tal-bażi taxxabbli tad-donazzjoni, iżda jibqa’ identiku irrispettivament minn dan l-ammont tal-aħħar. |
59 |
Minn dan jirriżulta li peress li l-perijodu rilevanti meħud inkunsiderazzjoni għall-applikazzjoni tat-tnaqqis ma huwiex marbut mal-ammont tal-bażi taxxabbli, iżda japplika għad-donatarju fil-kwalità tiegħu ta’ persuna taxxabbli, il-karatteristiċi tal-bażi taxxabbli tad-donatarju mhux residenti li jirċievi donazzjoni mingħand donatur mhux residenti ma humiex ta’ natura li jrendu oġġettivament differenti, fir-rigward ta’ dan il-perijodu, is-sitwazzjoni ta’ dan id-donatarju meta mqabbla ma’ dik tad-donatarju mhux residenti li jirċievi donazzjoni mingħand donatur residenti jew ma’ dik tad-donatarju residenti li jirċievi donazzjoni mingħand donatur mhux residenti (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Welte, C-181/12, EU:C:2013:662, punt 55). |
60 |
Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk restrizzjoni għall-moviment tal-kapital, bħal dik ikkonstatata fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, tistax tiġi oġġettivament iġġustifikata minn xi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali. |
Fuq il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni minħabba raġuni imperattiva ta ’ interess ġenerali
61 |
Fir-rigward tal-eżistenza possibbli ta’ ġustifikazzjoni, ibbażata fuq raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, tar-restrizzjoni li t-trattament inqas favorevoli ta’ persuni mhux residenti jikkostitwixxi fir-rigward tal-perijodu ta’ totalizzazzjoni tad-donazzjonijiet meħuda inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-tnaqqis iktar għoli, ir-raġunijiet imressqa mill-Gvern Ġermaniż huma infondati. |
62 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tar-raġuni bbażata fuq in-neċessità li tiġi ssalvagwardata l-koerenza tas-sistema fiskali Ġermaniża, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta ċar li din ir-raġuni tista’ tiġġustifika restrizzjoni għall-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat. Madankollu, sabiex ġustifikazzjoni bħal din tkun tista’ tintlaqa’, huwa meħtieġ li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn l-għoti tal-vantaġġ fiskali kkonċernat u t-tpaċija ta’ dan il-vantaġġ permezz ta’ impożizzjoni fiskali speċifika (ara s-sentenza tat-22 ta’ April 2010, Mattner, C-510/08, EU:C:2010:216, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
63 |
Issa, f’dan il-każ, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li, minkejja li l-Gvern Ġermaniż isostni biss, f’termini pjuttost ġeneriċi, li l-Artikolu 2(3) tal-ErbStG involva “emenda kompleta” tas-sistema ta’ tassazzjoni personali tad-donatarji mhux residenti u li l-vantaġġi u l-iżvantaġġi kollha li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ xi waħda miż-żewġ sistemi fiskali personali li minnhom il-benefiċjarju mhux residenti jista’ jagħżel “jikkumpensaw għal xulxin”, huwa ma jurix kif it-totalizzazzjoni tad-donazzjonijiet fuq perijodu ta’ 20 sena, meta l-benefiċjarju jitlob il-benefiċċju tat-tnaqqis iktar għoli, tista’ titqies mezz xieraq sabiex jintlaħaq l-għan ta’ salvagwardja tal-koerenza tas-sistema fiskali Ġermaniża. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-vantaġġ fiskali li jirriżulta mit-teħid inkunsiderazzjoni, għall-applikazzjoni tat-tnaqqis iktar għoli, ta’ perijodu ta’ għaxar snin qabel id-donazzjoni li fiha tal-inqas parti waħda tkun residenti ma huwa kkumpensat minn ebda ħlas fiskali ddeterminat fuq il-bażi tat-taxxa fuq id-donazzjonijiet (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-22 ta’ April 2010, Mattner, C-510/08, EU:C:2010:216, punt 54, u tas-17 ta’ Ottubru 2013, Welte, C-181/12, EU:C:2013:662, punt 60). |
64 |
Minn dan isegwi li restrizzjoni, bħal dik ikkonstatata fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, ma tistax tiġi ġġustifikata mill-ħtieġa tal-ħarsien tal-koerenza tas-sistema fiskali Ġermaniża. |
65 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-ġustifikazzjoni bbażata fuq il-prinċipju ta’ territorjalità u tal-allegata neċessità li jiġi żgurat tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri, għandu jitfakkar li dan huwa għan leġittimu rrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, K, C‑322/11, EU:C:2013:716, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
66 |
Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, id-differenza fit-trattament fir-rigward tal-perijodu meqjus għall-applikazzjoni tat-tnaqqis iktar għoli tirriżulta biss mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2008, Arens-Sikken, C-43/07, EU:C:2008:490, punt 41). Barra minn hekk, il-Gvern Ġermaniż ma jurix li din id-differenza fit-trattament hija neċessarja sabiex tiġi ggarantita s-setgħa ta’ tassazzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Għalhekk, il-Gvern Ġermaniż ma huwiex korrett meta jinvoka tali ġustifikazzjoni. |
67 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, ma huwiex stabbilit li restrizzjoni, bħal dik ikkonstatata fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, tippermetti li jintlaħqu l-għanijiet ta’ interess ġenerali li l-Gvern Ġermaniż jafferma li jfittex. |
68 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, għad-domanda mressqa għandha tingħata r-risposta li l-Artikoli 63 u 65 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, għad-donazzjonijiet bejn persuni mhux residenti, fl-assenza ta’ talba speċifika mill-benefiċjarju, l-użu ta’ metodu ta’ kalkolu tat-taxxa bl-applikazzjoni ta’ tnaqqis fiskali iżgħar. Dawn l-artikoli jipprekludu wkoll, u fi kwalunkwe każ, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, fuq it-talba ta’ tali benefiċjarju, l-użu ta’ metodu ta’ kalkolu tat-taxxa bl-applikazzjoni tat-tnaqqis ogħla prevalenti għad-donazzjonijiet li fihom tal-inqas parti waħda tkun residenti, billi l-eżerċizzju ta’ din l-għażla mill-benefiċjarju mhux residenti jimplika t-totalizzazzjoni, għall-finijiet tal-kalkolu tat-taxxa dovuta fuq il-bażi tad-donazzjoni kkonċernata, tad-donazzjonijiet kollha rċevuti minn dan id-donatarju mingħand l-istess persuna matul l-għaxar snin ta’ qabel u l-għaxar snin ta’ wara din id-donazzjoni. |
Fuq l-ispejjeż
69 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikoli 63 u 65 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, għad-donazzjonijiet bejn persuni mhux residenti, fl-assenza ta’ talba speċifika mill-benefiċjarju, l-użu ta’ metodu ta’ kalkolu tat-taxxa bl-applikazzjoni ta’ tnaqqis fiskali iżgħar. Dawn l-artikoli jipprekludu wkoll, u fi kwalunkwe każ, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, fuq it-talba ta’ tali benefiċjarju, l-użu ta’ metodu ta’ kalkolu tat-taxxa bl-applikazzjoni tat-tnaqqis ogħla prevalenti għad-donazzjonijiet li fihom tal-inqas parti waħda tkun residenti, billi l-eżerċizzju ta’ din l-għażla mill-benefiċjarju mhux residenti jimplika t-totalizzazzjoni, għall-finijiet tal-kalkolu tat-taxxa dovuta fuq il-bażi tad-donazzjoni kkonċernata, tad-donazzjonijiet kollha rċevuti minn dan id-donatarju mingħand l-istess persuna matul l-għaxar snin ta’ qabel u l-għaxar snin ta’ wara din id-donazzjoni. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.