Kawża C‑472/14

Canadian Oil Company Sweden AB u Anders Rantén

vs

Riksåklagaren

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Högsta domstolen)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Reġistrazzjoni, valutazzjoni u awtorizzazzjoni ta’ sustanzi kimiċi — Regolament (KE) Nru 1907/2006 (Regolament REACH) — Estensjoni tal-qasam armonizzat — Reġistrazzjoni ta’ sustanzi mal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi qabel ma jitqiegħdu fis-suq — Artikolu 5 — Reġistru nazzjonali ta’ prodotti kimiċi — Obbligu ta’ notifika għall-finijiet ta’ reġistrazzjoni — Kompatibbiltà mar-Regolament REACH — Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE TFUE — Restrizzjoni kwantitattiva dwar l-importazzjoni”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-17 ta’ Marzu 2016

  1. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Reġistrazzjoni, valutazzjoni u awtorizzazzjoni ta’ sustanzi kimiċi – Regolament REACH – Obbligu ta’ reġistrazzjoni mal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għal obbligu parallel ta’ reġistrazzjoni ta’ prodotti kimiċi manifatturati jew importati fi Stat Membru fuq bażi professjonali – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1907/2006, kif emendat bir-Regolament Nru 552/2009)

  2. Moviment liberu tal-merkanzija – Restrizzjonijiet kwantitattivi – Miżuri li għandhom effett ekwivalenti – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għal obbligu parallel ta’ reġistrazzjoni ta’ prodotti kimiċi manifatturati jew importati fi Stat Membru fuq bażi professjonali – Inammissibbiltà – Ġustifikazzjoni – Protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent – Kompatibbiltà mar-Regolament REACH – Ammissibbiltà

    (Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1907/2006, kif emendat bir-Regolament Nru 552/2009)

  1.  Ir-Regolament Nru 1907/2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 552/2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lil importatur ta’ prodotti kimiċi li jirreġistra dawn il-prodotti mal-awtorità nazzjonali kompetenti, filwaqt li dan l-importatur huwa diġà marbut b’obbligu ta’ reġistrazzjoni ta’ dawn l-istess prodotti skont dan ir-regolament mal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, sakemm din ir-reġistrazzjoni mal-awtorità nazzjonali kompetenti ma tikkostitwixxix kundizzjoni minn qabel għat-tqegħid fis-suq tal-imsemmija prodotti, li tirrigwarda informazzjoni differenti minn dik rikjesta minn dan ir-regolament u li tikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi segwiti minnu, b’mod partikolari sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent kif ukoll il-moviment liberu ta’ dawn is-sustanzi fis-suq intern, b’mod partikolari permezz tal-implementazzjoni ta’ sistema ta’ kontrolli tal-ġestjoni sigura ta’ tali prodotti fl-Istat Membru kkonċernat u permezz tal-evalwazzjoni ta’ din il-ġestjoni, li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika dan.

    Fil-fatt, l-armonizzazzjoni li ssir mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1907/2009 dwar l-obbligu ta’ notifika u ta’ reġistrazzjoni ta’ sustanzi kimiċi, għalkemm hija estiża sabiex tiġi stabbilita sistema integrata ta’ kontroll ta’ dawn is-sustanzi fit-territorju tal-Unjoni li tippermetti li tkun żgurata ġestjoni sigura tagħhom, ma hijiex tali li teskludi reġistrazzjoni oħra, bħal dik intiża essenzjalment sabiex l-awtoritajiet nazzjonali jkollhom disponibbli database neċessarja għas-sorveljanza ta’ prodotti kimiċi fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, u li tikkontribwixxi, b’mod partikolari, għall-implementazzjoni ta’ sistema ta’ kontrolli ta’ din il-ġestjoni fl-Istat Membru kkonċernat u għall-evalwazzjoni tal-imsemmija ġestjoni sabiex, b’mod partikolari, tipproponi, fil-livell tal-Unjoni, kull titjib meħtieġ.

    (ara l-punti 34, 38, 41 u d-diżpożittiv 1)

  2.  Id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux l-obbligu ta’ notifika u ta’ reġistrazzjoni tal-prodotti kimiċi, kif previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li tirrikjedi informazzjoni li tirrigwarda prinċipalment il-kwantitajiet ta’ sustanzi u ta’ preparati preżenti fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, dwar il-post fejn jinsabu f’dan it-territorju, fuq l-oqsma speċifiċi ta’ użu tagħhom u fuq l-atturi kkonċernati.

    Fil-fatt, għalkemm in-natura vinkolanti tar-reġistrazzjoni tal-importazzjoni ta’ sustanzi kimiċi importati mal-awtorità nazzjonali kompetenti tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE, reġistrazzjoni li ssegwi għan marbut ma’ dak tar-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), b’mod partikolari sabiex ikun żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent tista’ tiġġustifika eventwali ostakoli għall-moviment liberu tal-merkanzija. Dan jgħodd ukoll meta r-reġistrazzjoni rikjesta mill-leġiżlazzjoni nazzjonali hija intiża li tikseb data li, minn naħa, hija essenzjalment komplementari għal dik li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1907/2006 u li, min-naħa l-oħra, tikkontribwixxi, b’mod partikolari, għall-implementazzjoni ta’ sistema ta’ ġestjoni sigura ta’ prodotti kimiċi koperti minn dan ir-regolament, u għall-evalwazzjoni ta’ din il-ġestjoni sabiex, b’mod partikolari, tipproponi fil-livell tal-Unjoni, it-titjib kollu rikjest.

    (ara l-punti 37, 44, 46, 48 u d-diżpożittiv 2)