SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

28 ta’ Lulju 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Agrikoltura — Regolament (KE) Nru 1/2005 — Protezzjoni tal-annimali matul it-trasport — Vjaġġi twal — Punt 1.4(d) tal-Kapitolu V tal-Anness I , — Ħinijiet ta’ vjaġġar u ta’ mistrieħ tal-annimali matul it-trasport — Trasport tal-annimali tal-ifrat — Kunċett ta’ ‘perijodu ta’ mistrieħ biżżejjed ta’ mill-inqas siegħa’ — Possibbiltà li t-trasport jiġi interrott diversi drabi — Artikolu 22 — Dewmien matul it-trasport — Regolamenti (KE) Nru 1234/2007 u (UE) Nru 817/2010 — Ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni — Rekwiżiti fil-qasam tal-benesseri tal-annimali tal-ifrat ħajjin matul it-trasport tagħhom — Regolament Nru 817/2010 — Artikolu 2(2) sa (4) — Veterinarju uffiċjali fil-punt tal-ħruġ — Rapport u entrata fid-dokument li jikkostitwixxi l-evidenza tal-ħruġ tal-annimali mit-territorju doganali tal-Unjoni fir-rigward tal-osservanza jew tan-nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet applikabbli tar-Regolament Nru 1/2005 — Riżultat mhux sodisfaċenti tal-kontrolli mwettqa — Artikolu 5(1)(ċ) — Natura vinkolanti jew le tal-imsemmija entrata fir-rigward tal-awtorità nazzjonali kompetenti għall-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni”

Fil-Kawża C‑469/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht Hamburg (qorti tal-finanzi ta’ Hamburg, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Awwissu 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑14 ta’ Ottubru 2014, fil-proċedura

Masterrind GmbH

vs

Hauptzollamt Hamburg-Jonas,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, D. Šváby (Relatur), J. Malenovský, M. Safjan u M. Vilaras, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Hauptzollamt Hamburg-Jonas, minn S. Heise, bħala aġent,

għall-Gvern Franċiż, minn S. Ghiandoni u D. Colas, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Eggers u B. Schima, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑21 ta’ Jannar 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni, minn naħa, tal-punt 1.4(d) tal-Kapitolu V tal-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005, tat‑22 ta’ Diċembru 2004, dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati u li temenda d-Direttivi 64/432/KEE u 93/119/KE u r-Regolament (KE) Nru 1255/97 (ĠU 2005, L 3, p. 1), u, min-naħa l-oħra, tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 817/2010, tas‑16 ta’ Settembru 2010, li jippreskrivi regoli dettaljati skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward ta’ rekwiżiti għall-għoti ta’ rifużjonijiet konnessi mal-welfare tal-annimali tal-ifrat ħajjin matul it-trasport (ĠU 2010, L 245, p. 16).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża li permezz tagħha Masterrind GmbH tikkontesta r-regolarità ta’ deċiżjoni tal-Hauptzollamt Hamburg-Jonas (l-uffiċċju doganali ewlieni ta’ Hamburg-Jonas, il-Ġermanja) dwar l-irkupru totali ta’ ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni li kienu ingħatawlha għall-esportazzjoni lejn il-Marokk ta’ konsenja ta’ sitt annimali tal-ifrat għat-tgħammir.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Nru 1/2005

3

Il-premessi 11 u 19 tar-Regolament Nru 1/2005 huma redatti kif ġej:

“(11)

Sabiex tiġi assigurata applikazzjoni effettiva u konsistenti ta’ dan ir-Regolament madwar il-Komunità fid-dawl tal-prinċipju bażiku tagħha skond liema l-annimali m’għandhomx jiġu trasportati b’mod li jista’ jikkawwża uġiegħ u tbatija żejda għalihom, huwa xieraq li jiġu stabbiliti disposizzjonijiet dettaljati li jindirizzaw il-bżonnijiet speċifiċi li jivverfikaw ruħhom rigward it-tipi varji ta’ trasport. Tali disposizzjonijiet dettaljati għandhom jiġu interpretati u applikati in konformità mal-prinċipju msemmi hawn il-quddiem u għandhom jiġu emendati fil-ħin meta, b’mod partikolari fid-dawl ta’ parir xjentifiku ġdid, jidhru li m’ għadhomx jiżguraw konformità mal-prinċipju t’ hawn fuq għal speċi jew tipi ta’ trasport partikolari.

[...]

(19)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 ta’ l‑20 ta’ Diċembru 1985 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġislazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 319] jipprovdi għal perijodi massimi tas-sewqan u perijodi ta’ mistrieħ minimi għal sewwieqa. Huwa xieraq li l-vjaġġi għall-annimali jkunu regolati b’mod simili. Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 ta’ l‑20 ta’ Diċembru 1985 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 227] jipprovdi għal apparat ta’ reġistrazzjoni sabiex ikun installat u wżat sabiex jiġu assigurati spezzjonijiet effettivi rigward il-konformità mal-leġislazzjoni soċjali li tikkonċerna t-trasport bit-triq. Huwa meħtieġ li tali data ta’ reġistrazzjoni tkun disponibbli u eżaminata sabiex jiġu nfurzati limiti bil-ħin rigward l-ivvjaġġar taħt il-leġislazzjoni dwar il-benesseri ta’ l-annimal.”

4

Skont l-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kondizzjonijiet ġenerali għat-trasport ta’ l-annimali”:

“L-ebda persuna m’għandha titrasporta annimali jew twassal li annimali jiġu trasportati b’mod li jista’ jwassal għal korriment jew tbatija bla bżonn.

Barra minn hekk, il-kondizzjonijiet li ġejjin għandhom jiġu rispettati:

(a)

l-arranġamenti meħtieġa kollha jkunu saru bil-quddiem sabiex jiġi mnaqqas it-tul tal-vjaġġ u sabiex il-ħtiġijiet ta' l-annimali matul il-vjaġġ ikunu sodisfatti;

[...]

(f)

it-trasport isir bla dewmien għall-post destinat u l-kondizzjonijiet tal-benesseri ta’ l-annimali huma eżaminati regolarment u miżmuma b’mod xieraq;

[...]

(h)

jiġu mogħtija ilma, ġwies u mistrieħ lill-annimali f’ intervalli xierqa u li jkunu xierqa fil-kwalità u l-kwantità għall-ispeċi u l-qies tagħhom.”

5

Skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 1/2005, it-trasportaturi għandhom jittrasportaw l-annimali skont ir-regoli tekniċi stabbiliti fl-Anness I ta’ dan ir-regolament.

6

Dan l-anness jinkludi, fil-Kapitolu V tiegħu, ir-regoli relatati mal-intervalli għat-tisqija u għall-għalif kif ukoll mal-ħinijiet tal-ivvjaġġar u ta’ mistrieħ. Il-punt 1.4 ta’ dan il-kapitolu jirrigwarda t-trasport bit-triq b’mod partikolari tal-annimali tal-ifrat minbarra l-għoġġiela mhux miftuma għal vjaġġi twal, li huma ddefiniti fl-Artikolu 2(m) tar-Regolament Nru 1/2005 bħala vjaġġi li jaqbżu t-tmien sigħat, li jibdew minn meta l-ewwel annimal tal-konsenja jiġi mmobilitat. It-Taqsima 1 ta’ dan il-kapitolu hija fformulata kif ġej:

“1.1.

Ir-rekwiżiti stabbiliti f’din it-Taqsima japplikaw għall-moviment ta’ equidae domestiċi, ħlief equidae reġistrati, annimali domestiċi ta’ speċi bovina, ovina, kaprina u suwina, għajr f’każ ta’ trasport bl-ajru.

1.2.

Il-ħin tal-vjaġġi għal annimali ta’ l-ispeċi msemmija f’punt 1.1. m’għandux jeċċedi tmien sigħat.

1.3.

Il-ħin tal-vjaġġ massimu f’punt 1.2. jista’ jiġi estiż jekk ikunu sodisfatti r-rekwiżiti addizzjonali tal-Kapitoli VI.

1.4.

L-intervalli ta’ l-ilma u l-ikel, il-ħin tal-vjaġġi u l-perijodi tal-mistrieħ meta jintużaw vetturi tat-triq li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-punt 1.3. huma spjegati kif inhu ġej:

(a)

Għoġġiela mhux miftuma [...]

(b)

Qżieqeż […]

(ċ)

Equidae domestiċi [...]

(d)

L-annimali l-oħra kollha ta’ l-ispeċi msemmija fil-punt 1.1. għandhom, wara 14‑il siegħa ta’ vjaġġar, jingħataw perijodu ta’ mistrieħ ta’ mill-anqas siegħa biżżejjed għalihom b’mod partikolari jingħataw likwidi u jekk hemm bżonn ikel. Wara dan il-perijodu ta’ mistrieħ, jisgħtu jiġu trasportati għal 14‑il siegħa oħra.

1.5.

Wara l-ħin stabbilit tal-vjaġġ, l-annimali għandhom jinħattu, jiġu mitmugħa u misqija u jitħallew jistrieħu għal mill-anqas 24 siegħa.

[...]

1.8.

Fl-interess ta’ l-annimali, il-ħin tal-vjaġġi fil-punti 1.3, 1.4. u 1.7. (b) jistgħu jiġu estiżi b’sagħtejn, meħuda in konsiderazzjoni, b’mod partikolari il-qrib lejn il-post tad-destinazzjoni.

[...]”

7

L-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1/2005, intitolat “Dewmien matul it-trasport”, jipprovdi:

“1.   L-awtorità kompetenti għandha tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tippreveni jew tnaqqas għal minimu kull dewmien matul it-trasport jew tbatija ta’ l-annimali meta ċirkostanzi mhux previsti jimpedixxu l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. L-awtorità kompetenti għandha tassigura li arranġamenti speċjali huma magħmula fil-postijiet tat-trasferiment, punti tal-ħruġ u f’postijiet ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera sabiex tingħata prijorita lit-trasport ta’ l-annimali.

2.   L-ebda kunsinna ta’ l-annimali m’għandha tinżamm matul it-trasport jekk dan ma jkunx strettament neċessarju għall-benesseri ta’ l-annimali jew raġunijiet ta’ sigurta’ pubblika. M’għandu jsir l-ebda dewmien żejjed bejn il-kompletar tat-tqandil u tat-tluq. Jekk tkun ġiet miżmuma kunsinna ta’ l-annimali matul it-trasport għal aktar minn sagħtejn, l-awtorità kompetenti għandha tassigura li jsiru arranġamenti speċjali għall-kura ta’ l-annimali u, fejn huwa neċessarju, it-tmiegħ, l-ilma, il-ħatt u l-akkommodazzjoni tagħhom.”

Ir-Regolamenti (KE) Nru 1234/2007 u Nru 817/2010

8

Skont l-Artikolu 168 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007, tat‑22 ta’ Ottubru 2007, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU 2007, L 299, p. 1), l-għoti u l-pagament tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni ta’ annimali tal-ifrat ħajjin għandhom ikunu suġġetti għall-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-benesseri tal-annimali u, b’mod partikolari, dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport.

9

Din id-dispożizzjoni hija implementata bir-Regolament Nru 817/2010.

10

Il-premessa 5 ta’ dan ir-regolament tal-aħħar tistabbilixxi li l-“valutazzjoni tal-kondizzjoni fiżika u stat ta’ saħħa tal-annimali tirrikjedi kompetenza u esperjenza speċifiċi. Il-kontrolli għalhekk għandhom isiru minn veterinarju. Barra minn dan, l-estensjoni ta’ dawk il-kontrolli għandha tkun iċċarata u rapport mudell għandu jkun stabbilit biex dawk il-kontrolli jintgħamlu b’mod preċiż u armonizzat”.

11

Huwa speċifikat b’mod partikolari fil-premessa 7 tal-imsemmi regolament li, “mingħajr preġudizzju għal kawżi ta’ force majeure rikonoxxuti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja [...], il-ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet dwar il-benesseri tal-annimali twassal għat-telf tar-rifużjoni tal-esportazzjoni u mhux għal tnaqqis tagħha, skont l-għadd ta’ annimali li għalih ma jkunux ġew imħarsa r-rekwiżiti tal-benesseri”.

12

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 817/2010 jipprovdi li l-pagament tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni għandu jkun suġġett għall-osservanza tal-Artikoli 3 sa 9 tar-Regolament Nru 1/2005 u tal-annessi tiegħu waqt it-trasport tal-annimali tal-ifrat ħajjin lejn l-ewwel post tal-ħatt fil-pajjiż terz tad-destinazzjoni finali.

13

Skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 817/2010:

“Il-veterinarju uffiċjali fil-punt ta’ ħruġ għandu jivverifika skont id-Direttiva tal-Kunsill 96/93/KE[, tas‑17 ta’ Diċembru 1996, dwar ċ-ċertifikazzjoni tal-annimali u tal-prodotti tal-annimali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 20, p. 197)], għal dawk l-annimali li għalihom dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni hija aċċettata jekk:

(a)

ir-rekwiżiti preskritti fir-Regolament (KE) Nru 1/2005 kinux osservati mill-post tat-tluq, kif iddefinit fl-Artikolu 2 (r) ta’ dak ir-Regolament, sal-punt ta’ ħruġ;

[...]

L-uffiċjal veterinarju li jkun mexxa l-kontrolli għandu jimla rapport skont il-mudell miġjub fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament li jiċċertifika jekk ir-riżultati tal-kontrolli mwettqa skont l-ewwel subparagrafu humiex sodisfaċenti jew mhux sodisfaċenti.

[...] Kopja tar-rapport għandha tintbagħat lill-aġenżija tal-ħlas.”

14

Konformement mal-paragrafi 3 u 4 tal-istess artikolu, meta l-imsemmi veterinarju jkun issodisfatt li r-rekwiżiti tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu ntlaħqu, huwa għandu jiċċertifika dan fid-dokument li jikkostitwixxi l-evidenza tal-ħruġ mit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea, minbarra, jekk ikun il-każ, l-annimali li għalihom ir-rekwiżiti tar-Regolament Nru 1/2005 ma kinux osservati.

15

L-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament Nru 817/2010 jipprovdu:

“Artikolu 4

Proċedura għal ħlas ta’ rifużjonijiet ta’ esportazzjoni

[...]

2.

Applikazzjonijiet għall-ħlas ta’ rifużjonijiet ta’ esportazzjoni [...] għandhom ikunu ssupplimentati [...]:

(a)

bid-dokument li jirreferi għalih l-Artikolu 2(3) ta’ dan ir-Regolament mimli b’mod dovut;

[...]

Artikolu 5

Nuqqas ta’ pagament ta’ rifużjonijiet ta’ esportazzjoni

1.   Is-somma totali tar-rifużjoni tal-esportazzjoni għal kull annimal li tiġi kkalkolata skont it-tieni subparagrafu ma għandhiex titħallas għal:

[...]

(c)

annimali li għalihom, fid-dawl tad-dokumenti msemmija fl-Artikolu 4(2) u/jew l-elementi l-oħra kollha disponibbli għaliha li jikkonċernaw il-konformità ma’ dan ir-Regolament, l-awtorità kompetenti tqis li ma tkunx inżammet konformità mal-Artikoli 3 sa 9 tar-Regolament (KE) Nru 1/2005 u l-Annessi msemmija fihom.

[...]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16

Matul ix-xahar ta’ Ġunju 2011, Masterrind iddikjarat l-esportazzjoni lejn il-Marokk ta’ sitt annimali tal-ifrat għat-tgħammir u kisbet il-pagament bil-quddiem tal-ħlasijiet marbuta ma’ din l-esportazzjoni b’deċiżjoni tal-uffiċċju doganali ewlieni ta’ Hamburg-Jonas, tat‑13 ta’ Lulju 2011.

17

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-trasport bi trakk minn Northeim (il-Ġermanja), fejn tgħabbew l-annimali, sal-port ta’ Sète (Franza), fejn tgħabbew fuq bastiment għall-kumplament tal-vjaġġ, seħħ kif ġej:

16 ta’ Ġunju 2011 mill-għaxra u nofs ta’ filgħodu: tagħbija;

l-istess jum lejn il-ħdax u nofs ta’ filgħodu: tluq mill-post tat-tagħbija;

l-istess jum fis-sebgħa ta’ filgħaxija: waqfa ta’ siegħa f’Wasserbillig (il-Lussemburgu) għall-għalf;

l-istess jum fl-għaxra ta’ filgħaxija: waqfa ta’ għaxar sigħat f’Épinal (Franza) għat-tieni waqfa għall-għalf, meħtieġa fid-dawl tal-obbligi fil-qasam tal-ħinijiet tas-sewqan u l-perijodi ta’ mistrieħ statutorji li jirriżultaw mir-Regolament (KE) Nru 561/2006, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑15 ta’ Marzu 2006, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 (ĠU 2006, L 102, p. 1);

17 ta’ Ġunju lejn it-tmienja ta’ filgħodu: tkomplija tal-vjaġġ;

l-istess jum fil-ħamsa ta’ filgħaxija: wasla f’Sète.

18

Wara verifika mwettqa f’dan il-post mill-veterinarju uffiċjali fil-punt tal-ħruġ, dan għamel l-entrata “Ma jikkonformax mal-verifika uffiċjali skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 817/2010”, għall-annimali kollha, fir-rapport ta’ verifika. Deher ukoll li, skont l-evalwazzjoni tal-awtoritajiet veterinarji Franċiżi, trasport ta’ annimali tal-ifrat mingħajr ħatt li t-tul totali tiegħu, inkluż il-perijodu ta’ mistrieħ preskritt għas-sewwieqa tat-trakkijiet, jaqbeż il-31 siegħa ma jissodisfax ir-rekwiżiti li jirriżultaw mir-Regolament Nru 1/2005.

19

Konsegwentement, b’deċiżjoni tal‑5 ta’ Ġunju 2012, l-uffiċċju doganali ewlieni ta’ Hamburg-Jonas talab ir-rimbors tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni mogħtija lil Masterrind, miżjuda b’ 10 %.

20

Wara li ressqet kontestazzjoni kontra din id-deċiżjoni, hija indirizzat ruħha lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tikseb l-opinjoni tagħha fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kapitolu V tal-Anness I tar-Regolament Nru 1/2005, dwar il-ħin tal-vjaġġ u l-perijodi ta’ mistrieħ. Din l-istituzzjoni qalet li hija kienet tqis li dawn id-dispożizzjonijiet kienu jimplikaw li t-tul massimu tal-vjaġġ mingħajr ħatt awtorizzat għall-annimali tal-ifrat huwa ta’ 29 siegħa, magħduda mit-tagħbija u li jinkludu ħin ta’ mistieħ ta’ siegħa fil-vettura, iżda li, fl-interess tal-annimali, fid-dawl b’mod partikolari tal-prossimità tal-post ta’ destinazzjoni, dan it-tul jista’ jiġi estiż b’sagħtejn, b’tali mod li t-tul tal-vjaġġ ma jista’ fl-ebda każ jeċċedi l-31 siegħa.

21

B’deċiżjoni tad‑19 ta’ Lulju 2013, l-uffiċċju doganali ewlieni ta’ Hamburg-Jonas ċaħad il-kontestazzjoni ta’ Masterrind, billi indika li huwa kien marbut bl-evalwazzjoni tal-veterinarju uffiċjali tal-punt tal-ħruġ.

22

Masterrind ressqet rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Finanzgericht Hamburg (qorti tal-finanzi ta’ Hamburg, il-Ġermanja), li fih argumentat li l-kliem “perijodu ta’ mistrieħ ta’ mill-inqas siegħa” fil-punt 1.4(d) tal-Kapitolu V tal-Anness I tar-Regolament Nru 1/2005 jimplika li l-ħin ta’ mistrieħ bejn iż-żewġ stadji ta’ trasport jista’ jkun ta’ iktar minn siegħa.

23

Skont il-qorti tar-rinviju, is-soluzzjoni tal-kawża li hija adita biha tiddependi mill-kwistjoni, minn naħa, jekk effettivament il-kliem “perijodu ta’ mistrieħ ta’ mill-inqas siegħa” fil-punt 1.4(d) tal-Kapitolu V tal-Anness I tar-Regolament Nru 1/2005 jimplikawx li l-ħin ta’ mistrieħ bejn iż-żewġ perijodi ta’ trasport jista’ jkun ta’ iktar minn siegħa u, min-naħa l-oħra, jekk l-entrata tal-veterinarju uffiċjali fil-punt tal-ħruġ, fi Franza, li t-trasport inkwistjoni fil-kawża prinċipali seħħ b’mod mhux konformi ma’ dan ir-regolament, tistax tiġi kkontestata jew le quddiem l-awtorità Ġermaniża kompetenti għall-pagament tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni tal-annimali ttrasportati.

24

Fir-rigward tal-ewwel punt, il-qorti tar-rinviju tqis, l-ewwel nett, li ma huwiex rilevanti li t-trasport inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kienx maqsum f’żewġ perijodi ta’ vjaġġar, kif indikat fl-imsemmi punt 1.4(d), iżda fi tlieta, b’tul ta’ tmien sigħat u nofs, ta’ sagħtejn u ta’ disa’ sigħat rispettivament, peress li ebda waħda minn dawn l-istadji, jew żewġ stadji wara xulxin, ma eċċedew it-tul massimu ta’ 14‑il siegħa impost minn din id-dispożizzjoni għal kull wieħed miż-żewġ stadji ta’ trasport li hija tipprevedi.

25

It-tieni nett, filwaqt li tfakkar il-kliem tal-punt 15 tas-sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2008, Interboves (C‑277/06, EU:C:2008:548), kif ukoll il-punt 18 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi f’din il-kawża Interboves (C‑277/06, EU:C:2008:162), il-qorti tar-rinviju hija tal-opinjoni li l-imsemmija dispożizzjoni timponi perijodu ta’ mistrieħ intermedjarju li għandu jkun ta’ mill-inqas siegħa, iżda li jista’ jeċċedi dan il-perijodu. Hija tqis li r-regola ġenerali mniżżla fil-punt (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1/2005, li l-arranġamenti meħtieġa kollha kellhom isiru bil-quddiem sabiex jiġi mnaqqas it-tul tal-vjaġġ u sabiex il-ħtiġijiet tal-annimali matul il-vjaġġ ikunu ssodisfatti, ġiet ikkonkretizzata mil-leġiżlatur tal-Unjoni, fir-rigward tat-trasport bit-triq tal-annimali tal-ifrat, fir-regola mniżżla fil-punt 1.4(d) tal-Kapitolu V tal-Anness I ta’ dan ir-regolament, li jippreskrivi perijodu ta’ mistrieħ intermedjarju ta’ mill-inqas siegħa, u mhux ta’ siegħa kif tinsisti l-Kummissjoni.

26

Fir-rigward tar-raġuni għal dan il-perijodu ta’ mistrieħ, il-qorti tar-rinviju tqis li dan ma għandux għalfejn ikun intiż esklussivament għax-xorb jew għall-ikel tal-annimali, billi tagħmel riferiment għall-kliem “b’mod partikolari” jew għal kliem ekwivalenti użati fid-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ din ir-regola, fl-espressjoni “perijodu ta’ mistrieħ ta’ mill-inqas siegħa biżżejjed b’mod partikolari sabiex jingħatawlhom likwidi u ikel jekk hemm bżonn”. L-imsemmi perijodu ta’ mistrieħ jista’ għalhekk jiġi ġġustifikat, bħal f’dan il-każ, bl-osservanza tal-leġiżlazzjoni fil-qasam ta’ ħinijiet tas-sewqan u ta’ mistrieħ applikabbli għas-sewwieqa fit-toroq, peress li l-annimali jibbenefikaw mill-ikel fl-istess ħin.

27

Fl-aħħar nett, skont il-qorti tar-rinviju, il-perijodu ta’ mistrieħ ma’ żewġ perijodi ta’ vjaġġar ta’ massimu ta’ 14‑il siegħa ma jistgħux, huma stess, jaqbżu total ta’ 14‑il siegħa, li jikkorrispondi għat-tul massimu ta’ perijodu ta’ vjaġġar. Tali limitazzjoni, li din il-qorti tqis li hija ferm inqas mill-perijodu ta’ mistrieħ ta’ 24 siegħa bil-ħatt impost fil-punt 1.5 tal-Kapitolu V tal-Anness I tar-Regolament Nru 1/2005 wara żewġ perijodi ta’ vjaġġar ta’ massimu ta’ 14‑il siegħa kull wieħed, hija ġġustifikata mill-fatt li perijodu ta’ mistrieħ mingħajr ħatt għandu inqas benefiċċju u mill-għan li tiġi limitata, sa fejn possibbli, akkumulazzjoni kbira ta’ perijodi ta’ vjaġġar mingħajr ħatt.

28

Fir-rigward tat-tieni punt, jiġifieri n-natura vinkolanti fil-konfront tal-awtorità kompetenti għall-pagament tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni tal-entrata mill-veterinarju uffiċjali fil-punt tal-ħruġ li t-trasport inkwistjoni fil-kawża prinċipali seħħ b’mod mhux konformi mar-Regolament Nru 1/2005, il-qorti tar-rinviju tqis li l-entrata, minn dan il-veterinarju, dwar l-evalwazzjoni tiegħu fir-rigward tal-osservanza ta’ dan ir-regolament kif ukoll it-timbru tiegħu jikkostitwixxu formalità amministrattiva li tista’ tiġi kkontestata biss flimkien mad-deċiżjoni, fil-mertu, li tirrifjuta l-għoti ta’ ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni mill-awtorità responsabbli għall-pagament tagħhom.

29

Insostenn ta’ din l-opinjoni, l-imsemmija qorti tqis, fl-ewwel lok, li l-intervent mill-veterinarju uffiċjali fil-punt tal-ħruġ ma għandux effett leġiżlattiv dirett fil-konfront tal-esportatur u ta’ terzi, peress li s-sitwazzjoni legali tal-esportatur hija affettwata biss bid-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti għall-pagament tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni. Għalhekk dan l-intervent jidher bħala pass fi proċedura li tinkludi diversi passi, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament Nru 817/2010, li jitratta l-entrata magħmula mill-veterinarju uffiċjali fil-punt tal-ħruġ bħala kundizzjoni proċedurali, kundizzjoni li hija ssodisfatta indipendentement mill-kontenut, pożittiv jew negattiv, ta’ din l-entrata, filwaqt li l-evalwazzjoni fil-mertu għandha titwettaq mill-awtorità kompetenti għall-pagament tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni.

30

Fit-tieni lok, hija tagħmel riferiment għas-sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 2008, Viamex Agrar Handel (C‑96/06, EU:C:2008:158), u tal‑25 ta’ Novembru 2008, Heemskerk u Schaap (C‑455/06, EU:C:2008:650), minn fejn jirriżulta li l-evalwazzjoni pożittiva tal-veterinarju uffiċjali fil-punt tal-ħruġ ma tikkostitwixxix prova inkonfutabbli tal-osservanza tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw it-trasport tal-annimali u, konsegwentement, ma torbotx lill-awtorità kompetenti għall-pagament tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni fid-dawl ta’ elementi kuntrarji għal din l-evalwazzjoni.

31

Fl-aħħar lok, il-qorti tar-rinviju tqis li r-rapport fuq ir-riżultat tal-verifiki magħmula, li l-veterinarju uffiċjali fil-punt tal-ħruġ għandu jistabbilixxi b’mod parallel mal-entrata fuq id-dokument ta’ esportazzjoni u li huwa għandu jindirizza lill-imsemmija awtorità, jinkludi elementi li jaqgħu taħt il-kompetenza partikolari tal-veterinarju, li din il-qorti tifhem li għandha valur partikolari, liema kompetenza madankollu ma hijiex relatata mal-verifika fid-dritt, mill-aġenzija li tħallas, li ġew issodisfatti l-kundizzjonijiet tad-dritt għal ħlasijiet lura fid-dawl tal-konstatazzjonijiet magħmula minn dan il-veterinarju.

32

F’dawn iċ-ċirkustanzi il-Finanzgericht Hamburg (qorti tal-finanzi ta’ Hamburg) iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Id-dispożizzjoni tal-punt 1.4 tal-Kapitolu V tal-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005, li tipprovdi li wara 14‑il siegħa ta’ vjaġġar l-annimali għandhom jingħataw perijodu ta’ mistrieħ ta’ mill-inqas siegħa li jkun biżżejjed għalihom b’mod partikolari sabiex jingħataw likwidi u jekk hemm bżonn ikel u li, wara dan il-perijodu ta’ mistrieħ, dawn l-annimali jkunu jistgħu jiġu ttrasportati għal 14-il siegħa oħra, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-perijodi ta’ trasport jistgħu jiġu interrotti [...] b’perijodu ta’ mistrieħ ta’ iktar minn siegħa jew b’diversi perijodi ta’ mistrieħ li [...] wieħed minnhom ikun ta’ [mill-inqas] siegħa?

2)

L-aġenzija tal-ħlas tal-Istat Membru individwali hija marbuta bl-entrata tal-veterinarju uffiċjali fil-punt tal-ħruġ skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 817/2010, bil-konsegwenza li l-legalità [tan-natura negattiva ta’ din l-]entrata hija suġġetta għal stħarriġ biss mill-awtorità li hija responsabbli għall-azzjonijiet [ta’ dan il-veterinarju], jew [din] l-entrata [...] ma hija xejn iktar minn att proċedurali tal-awtorità li jista’ jiġi kkontestat biss flimkien mal-appelli li jistgħu jsiru kontra d-deċiżjonijiet sostantivi tal-aġenzija tal-ħlas?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

33

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, permezz tal-ewwel parti tal-ewwel domanda, jekk il-punt 1.4 tal-Kapitolu V tal-Anness I tar-Regolament Nru 1/2005, għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ trasport bit-triq tal- annimali tal-ispeċi msemmija, b’mod partikolari tal-annimali tal-ifrat, iż-żewġ perijodi ta’ vjaġġar ta’ erbatax-il siegħa jistgħux jiġu interrotti b’perijodu ta’ mistrieħ ta’ iktar minn siegħa.

34

Għandu jiġi kkonstatat li r-risposta għal din id-domanda tirriżulta espressament mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni, li tipprovdi li l-annimali tal-ispeċi msemmija għandhom jingħataw, wara erbatax-il siegħa ta’ trasport, perijodu ta’ mistrieħ biżżejjed, “ta’ mill-anqas siegħa”. Fil-fatt, dan il-kliem mhux ambigwu jindika li t-tul tal-perijodu ta’ mistrieħ intermedjarju jista’ jkun ta’ iktar minn siegħa.

35

Madankollu, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 58, 59 u 62 tal-konklużjonijiet tiegħu, trasport ta’ annimali ħajjin għandu, anki f’dan ir-rigward, jikkonforma mar-rekwiżiti ġenerali msemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1/2005. Fil-fatt, bħalma huwa stabbilit fil-premessa 11 ta’ dan tal-aħħar, id-dispożizzjonijiet iddettaljati dwar il-bżonnijiet partikolari fir-rigward tat-tipi differenti ta’ trasport, bħall-punt 1.4 tal-Kapitolu V tal-Anness I tal-imsemmi regolament, għandhom jiġu interpretati u applikati konformement mal-prinċipju li l-annimali ma għandhomx jiġu ttrasportati f’kundizzjonijiet li fihom jistgħu jkorru jew ibatu mingħajr bżonn, liema prinċipju jinsab fl-ewwel paragrafu tal-imsemmi Artikolu 3 u li ċerti implikazzjonijiet ġenerali tiegħu jissemmew fit-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu. Fost dawn tal-aħħar hemm dawk li jitnaqqas kemm jista’ jkun it-tul tal-vjaġġ u li t-trasport isir mingħajr dewmien, elenkati fil-punti (a) u (f) ta’ dan it-tieni paragrafu.

36

Fir-rigward tal-“perijodu ta’ mistrieħ” fis-sens tal-imsemmi punt 1.4(d), li l-annimali għandhom jibbenefikaw minnu b’mod partikolari sabiex jingħataw likwidi u ikel jekk ikun hemm bżonn, il-funzjoni ta’ dan il-perijodu ta’ mistrieħ hija, bħalma jindika l-kliem, li l-annimali ttrasportati jkunu jistgħu jistrieħu mill-għejja u mill-inkonvenjenzi sofferti matul il-perijodu ta’ vjaġġar preċedenti u, għalhekk, li jibdew it-tieni perijodu ta’ vjaġġar f’kundizzjonijiet tajbin. Sakemm il-waqfa tal-vettura tissodisfa dan il-bżonn essenzjali ta’ mistrieħ, din il-waqfa tista’ titqies iġġustifikata, mingħajr ma jkun meħtieġ li l-prolongazzjoni tagħha tissodisfa dan il-bżonn esklussivament jew anki ħtiġijiet oħrajn marbuta mat-trasport innifsu.

37

Għalhekk, it-tul tal-perijodu ta’ mistrieħ intermedjarju ma jista’ qatt jikkostitwixxi, f’ċirkustanzi konkreti li fihom iseħħ dan il-mistrieħ u t-trasport fit-totalità tiegħu, riskju ta’ korriment jew ta’ tbatija mingħajr bżonn għall-annimali ttrasportati. Hija l-awtorità nazzjonali kompetenti għall-pagament tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni u, jekk ikun il-każ, il-qrati nazzjonali li għandhom jagħmlu l-evalwazzjonijiet meħtieġa f’dan ir-rigward f’kull każ partikolari, fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha, b’mod partikolari fid-dawl ta’ jekk il-miżuri ta’ organizzazzjoni adottati humiex adegwati.

38

Fl-istess waqt, għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament Nru 1/2005 jipprekludi li t-tul tal-vjaġġ u ta’ mistrieħ meħuda flimkien, kif previst fil-punt 1.4 tal-Kapitolu V tal-Anness I ta’ dan ir-regolament, jeċċedi 29 siegħa, suġġett għall-possibbiltà li jiġi estiż b’sagħtejn fl-interess tal-annimali, konformement mal-punt 1.8 ta’ dan il-kapitolu, u bla ħsara għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament, dwar id-dewmien matul it-trasport fil-każ ta’ ċirkustanzi mhux prevedibbli li jipprekludu l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

39

Fil-fatt, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 51 sa 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn naħa, l-awtorizzazjoni ta’ tul tal-vjaġġ u ta’ mistrieħ meħuda flimkien ta’ iktar minn 29 siegħa tmur kontra l-prinċipju stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1/2005, imfakkar fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, jiġifieri li għandhom jiġu evitati r-riskji ta’ korriment u ta’ tbatija mingħajr bżonn għall-annimali ttrasportati, kif ukoll l-implikazzjonijiet ta’ dan il-prinċipju li huma l-obbligi li t-tul tal-vjaġġ jiġi limitat kemm jista’ jkun u li t-trasport isir mingħajr dewmien. F’dan ir-rigward, skont il-punt 1.5 tal-Kapitolu V tal-Anness I ta’ dan ir-regolament, wara t-tul ta’ vjaġġ stabbilit konformement mal-punt 1.4 tal-imsemmi Kapitolu V, l-annimali għandhom jinħattu, jiġu mitmugħa u misqija, u għandhom jitħallew jistrieħu għal mill-inqas 24 siegħa. Min-naħa l-oħra, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-fatt li l-punt 1.8 ta’ dan il-kapitolu jipprevedi li t-tul tal-vjaġġ stabbilit fil-punt 1.4 tal-imsemmi kapitoli jista’ jiġi estiż b’sagħtejn biss, u dan fl-interess tal-annimali biss, fid-dawl b’mod partikolari tal-prossimità tal-post ta’ destinazzjoni.

40

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi sussegwentement, essenzjalment, jekk il-punt 1.4(d) tal-Kapitolu V tal-Anness I tar-Regolament Nru 1/2005 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ trasport bit-triq ta’ annimali tal-ispeċi msemmija, b’mod partikolari tal-annimali tal-ifrat, iż-żewġ perijodi ta’ vjaġġar ta’ massimu erbatax-il siegħa, li għandhom jiġu interrotti b’ perijodu ta’ mistrieħ ta’ mill-inqas siegħa, jistgħu jinkludu wkoll stadji oħrajn ta’ waqfien.

41

Irrispettivament mill-fatt li ma huwiex prattiku fir-realtà li s-sewwieqa ta’ vetturi ta’ trasport tal-annimali inkwistjoni jiġu obbligati jieqfu biss fl-aħħar ta’ perijodu ta’ vjaġġar, ta’ tul massimu ta’ erbatax-il siegħa, għandu jiġi kkonstatat li, f’ċirkustanzi normali, stadju ta’ trasport li matulu l-vettura titneħħa miċ-ċirkulazzjoni u titwaqqaf oġġettivament joħloq inqas inkonvenjent għall-annimali ttrasportati minn stadju ta’ vjaġġar, bħalma jirriżulta mid-definizzjoni ta’ “post ta’ mistrieħ” fl-Artikolu 2(t) tar-Regolament Nru 1/2005, li jsemmi “kull waqfa matul il-vjaġġ li m’huwiex post ta’ destinazzjoni” u minn ċerti partijiet mill-opinjoni fuq il-benesseri tal-annimali matul it-trasport, stabbilita fil‑11 ta’ Marzu 2002, mill-kumitat xjentifiku dwar is-saħħa u l-benesseri tal-annimali, li jenfasizzaw il-konsegwenzi negattivi tal-movimenti tal-vettura fuq il-benesseri tal-annimali ttrasportati. Għalhekk, il-fatt li perijodu ta’ vjaġġar ta’ tul massimu ta’ erbatax-il siegħa jinkludi stadju wieħed jew iktar ta’ waqfien ma għandux, bħala prinċipju, jitqies bħala sfavorevoli għall-benesseri tal-annimali.

42

Madankollu, dan jew dawn l-istadji ta’ waqfien addizzjonali għandhom, minn naħa, ikunu ġġustifikati minn ħtiġijiet marbuta mat-trasport innifsu u, min-naħa l-oħra, jiżdiedu mal-istadji ta’ vjaġġar għall-komputazzjoni tal-perijodu ta’ vjaġġar ta’ tul massimu ta’ erbatax-il siegħa li jagħmlu parti minnu, b’osservanza tal-punt 1.4(d) tal-Kapitolu V tal-Anness I tar-Regolament Nru 1/2005.

43

Għalhekk ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-punt 1.4(d) tal-Kapitolu V tal-Anness I tar-Regolament Nru 1/2005 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ trasport bit-triq ta’ annimali tal-ispeċi msemmija, b’mod partikolari tal-annimali tal-ifrat minbarra l-għoġġiela mhux miftuma, minn naħa, il-perijodu ta’ mistrieħ bejn il-perijodi ta’ vjaġġar jista’, bħala prinċipju, ikun ta’ iktar minn siegħa. Madankollu, dan il-perijodu, jekk jeċċedi siegħa, ma għandux jikkostitwixxi, fiċ-ċirkustanzi konkreti li fihom iseħħu dan il-mistrieħ u t-trasport fit-totalità tiegħu, riskju ta’ korriment jew ta’ tbatija mingħajr bżonn għall-annimali ttrasportati. Barra minn hekk, it-tul tal-vjaġġ u l-perijodu ta’ mistrieħ meħuda flimkien, kif previst fil-punt 1.4(d) ta’ dan il-kapitolu, ma għandux jeċċedi 29 siegħa, suġġett għall-possibbiltà li jiġi estiż b’sagħtejn fl-interess tal-annimali, konformement mal-punt 1.8 tal-imsemmi kapitolu, u bla ħsara għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament fil-każ ta’ ċirkustanzi mhux prevedibbli. Min-naħa l-oħra, il-perijodi ta’ vjaġġar ta’ massimu 14‑il siegħa kull wieħed jistgħu jinkludu stadju wieħed jew iktar ta’ waqfien. Dawn l-istadji ta’ waqfien għandhom jiżdiedu mal-istadji ta’ vjaġġar għall-komputazzjoni tat-tul totali tal-perijodu ta’ vjaġġar ta’ massimu ta’ 14‑il siegħa li jagħmlu parti minnu.

Fuq it-tieni domanda

44

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolament Nru 817/2010 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità kompetenti għall-pagament tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni tal-annimali tal-ifrat hijiex marbuta bl-entrata, magħmula mill-veterinarju uffiċjali fil-punt tal-ħruġ fid-dokument li jikkostitwixxi l-evidenza tal-ħruġ mit-territorju doganali tal-Unjoni tal-annimali inkwistjoni, li d-dispożizzjonijiet applikabbli tar-Regolament Nru 1/2005 ma ġewx osservati fil-kuntest tat-trasport ta’ dawn l-annimali, f’parti minnhom jew fit-totalità tagħhom.

45

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 2(2) sa (4) tar-Regolament Nru 817/2010, l-intervent tal-veterinarju uffiċjali fil-punt tal-ħruġ huwa limitat li jivverifika l-osservanza tad-dispożizzjonijiet applikabbli tar-Regolament Nru 1/2005 u li jagħmel, lill-awtorità kompetenti għall-pagament tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni, rapport li jiċċertifika r-riżultati tal-kontrolli mwettqa, fejn dawn ir-riżultati jkunu wkoll is-suġġett ta’ entrata fid-dokument li jikkostitwixxi l-evidenza tal-ħruġ mit-territorju doganali tal-Unjoni.

46

Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 5(1)(c) tar-Regolament Nru 817/2010, hija l-awtorità kompetenti għall-pagament tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni li għandha tevalwa jekk id-dispożizzjonijiet applikabbli tar-Regolament Nru 1/2005 ġewx osservati jew le fil-kuntest tat-trasport inkwistjoni, u d-deċiżjoni f’dan ir-rigward għandha tittieħed abbażi tad-dokumenti msemmija fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 817/2010 u/jew ta’ kull element ieħor għad-dispożizzjoni tagħha fir-rigward tal-osservanza ta’ dan ir-regolament tal-aħħar. L-imsemmi Artikolu 4(2) isemmi, għall-parti tat-trasport imwettqa fit-territorju tal-Unjoni, id-dokument li jikkostitwixxi l-evidenza tal-ħruġ minn dan it-territorju kif ikkompletat mill-veterinarju uffiċċjali fil-punt tal-ħruġ konformement mal-Artikolu 2(3) jew (4) ta’ dan ir-regolament tal-aħħar. Barra minn hekk, fost l-elementi l-oħrajn għad-dispożizzjoni ta’ din l-awtorità hemm ir-rapport ta’ dan il-veterinarju uffiċjali, imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tal-istess regolament. Stabbilit konformement mal-mudell li jikkostitwixxi l-Anness I ta’ dan l-istess regolament, dan ir-rapport jinkludi indikazzjonijiet preċiżi kif ukoll osservazzjonijiet li, jekk ikun il-każ, jippermettu lill-awtorità kompetenti għall-pagament tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni li ssir taf fid-dettall ir-raġunijiet li għalihom il-veterinarju uffiċjali fil-punt tal-ħruġ qies li r-riżultati tal-kontrolli mwettqa għall-annimali ttrasportati kollha jew parti minnhom ma kinux sodisfaċenti, u semma din l-evalwazzjoni fid-dokument li jikkostitwixxi l-evidenza tal-ħruġ mit-territorju doganali tal-Unjoni, kif previst fl-imsemmi Artikolu 2(4).

47

Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, f’deċiżjoni f’sitwazzjoni opposta fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni li kienet preċedentement fis-seħħ, fejn l-entrata magħmula mill-veterinarju uffiċjali fil-punt tal-ħruġ kienet tinkludi evalwazzjoni pożittiva ta’ dan tal-aħħar dwar l-osservanza tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tat-trasport ta’ annimali ħajjin, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-konstatazzjoni magħmula minn dan il-veterinarju ma kinitx tikkostitwixxi prova inkonfutabbli ta’ din l-osservanza, b’tali mod li l-imsemmija konstatazzjoni ma kinitx torbot lill-awtorità kompetenti għall-pagament tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni ta’ annimali tal-ifrat fid-dawl ta’ elementi oġġettivi u konkreti li jistabbilixxu l-kuntrarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 2008, Viamex Agrar Handel, C‑96/06, EU:C:2008:158, punti 34353741, kif ukoll tal‑25 ta’ Novembru 2008, Heemskerk u Schaap, C‑455/06, EU:C:2008:650, punti 2530).

48

Peress li d-dispożizzjonijiet rilevanti għal dawn is-sentenzi huma, essenzjalment, identiċi għad-dispożizzjonijiet fis-seħħ bħalissa, din il-ġurisprudenza għadha applikabbli.

49

Issa, minkejja li jistgħu jitqajmu dubji dwar l-evalwazzjoni tal-veterinarju uffiċjali fil-punt tal-ħruġ meta dan iqis li l-annimali ġew ittrasportati konformement mad-dispożizzjonijiet li għandhom ikunu osservati sabiex wieħed ikun jista’ jibbenefika mill-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni, ma hemmx raġuni li dan ikun mod ieħor meta jagħmel evalwazzjoni opposta.

50

Għalhekk, jidher li, konformement mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 817/2010, id-deċiżjoni dwar l-osservanza tar-rekwiżiti li d-dritt għall-pagament tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni huwa suġġett għalihom, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-osservanza tad-dispożizzjonijiet applikabbli tar-Regolament Nru 1/2005, taqa’ taħt il-kompetenza tal-awtorità nazzjonali kompetenti għal dan il-pagament, fejn l-indikazzjonijiet mogħtija mill-veterinarju uffiċjali fil-punt tal-ħruġ, fil-kuntest tal-kollaborazzjoni bejniethom imwaqqfa mir-Regolament Nru 817/2010, jikkostitwixxu ċertament prova li, iżda, hija konfutabbli.

51

Dan huwa iktar u iktar il-każ meta, bħal fil-kawża prinċipali, l-evalwazzjoni ta’ dan il-veterinarju ma tkunx tirrigwarda l-evalwazzjoni tal-istat fiżiku u tal-istat ta’ saħħa tal-annimali, li, skont il-premessa 5 tar-Regolament Nru 817/2010, tirrikjedi kompetenza u esperjenza speċifiċi li jiġġustifikaw li l-kontrolli jsiru minn veterinarju. Fil-fatt, il-preżunzjoni ta’ rilevanza li naturalment għandhom l-evalwazzjonijiet magħmula minn persuna tas-sengħa fil-qasam tal-kompetenza tagħha ma tapplikax meta dawn l-evalwazzjonijiet jirrigwardaw kwistjonijiet lil hinn minn dan il-qasam ta’ kompetenza.

52

Ir-risposta għat-tieni domanda għalhekk għandha tkun li r-Regolament Nru 817/2010 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità kompetenti għall-pagament tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni ta’ annimali tal-ifrat ma hijiex marbuta mill-entrata, magħmula mill-veterinarju uffiċjali fil-punt tal-ħruġ fid-dokument li jikkostitwixxi l-evidenza tal-ħruġ mit-territorju doganali tal-Unjoni tal-annimali inkwistjoni, li d-dispożizzjonijiet applikabbli tar-Regolament Nru 1/2005 ma ġewx osservati fil-kuntest tat-trasport ta’ dawn l-annimali, f’parti minnhom jew fit-totalità tagħhom.

Fuq l-ispejjeż

53

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-punt 1.4(d) tal-Kapitolu V tal-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005, tat‑22 ta’ Diċembru 2004, dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati u li temenda d-Direttivi 64/432/KEE u 93/119/KE u r-Regolament (KE) Nru 1255/97, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ trasport bit-triq ta’ annimali tal-ispeċi msemmija, b’mod partikolari tal-annimali tal-ifrat minbarra l-għoġġiela mhux miftuma, minn naħa, il-perijodu ta’ mistrieħ bejn il-perijodi ta’ vjaġġar jista’, bħala prinċipju, ikun ta’ iktar minn siegħa. Madankollu, dan il-perijodu, jekk jeċċedi siegħa, ma għandux jikkostitwixxi, fiċ-ċirkustanzi konkreti li fihom iseħħ dan il-mistrieħ u t-trasport fit-totalità tiegħu, riskju ta’ korriment jew ta’ tbatija mingħajr bżonn għall-annimali ttrasportati. Barra minn hekk, it-tul tal-vjaġġ u ta’ mistrieħ meħuda flimkien, kif previst fil-punt 1.4(d) ta’ dan il-kapitolu, ma għandux jeċċedi 29 siegħa, suġġett għall-possibbiltà li jiġi estiż b’sagħtejn fl-interess tal-annimali, konformement mal-punt 1.8 tal-imsemmi kapitolu, u bla ħsara għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament fil-każ ta’ ċirkustanzi mhux prevedibbli. Min-naħa l-oħra, il-perijodi ta’ vjaġġar ta’ massimu 14‑il siegħa kull wieħed jistgħu jinkludu stadju wieħed jew iktar ta’ waqfien. Dawn l-istadji ta’ waqfien għandhom jiżdiedu mal-istadji ta’ vjaġġar għall-komputazzjoni tat-tul totali tal-perijodu ta’ vjaġġar ta’ massimu ta’ 14‑il siegħa li jagħmlu parti minnu.

 

2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 817/2010, tas‑16 ta’ Settembru 2010, li jippreskrivi regoli dettaljati skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward ta’ rekwiżiti għall-għoti ta’ rifużjonijiet konnessi mal-welfare tal-annimali tal-ifrat ħajjin matul it-trasport, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità kompetenti għall-pagament tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni ta’ annimali tal-ifrat ma hijiex marbuta mill-entrata, magħmula mill-veterinarju uffiċjali fil-punt tal-ħruġ fid-dokument li jikkostitwixxi l-evidenza tal-ħruġ mit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea tal-annimali inkwistjoni, li d-dispożizzjonijiet applikabbli tar-Regolament Nru 1/2005 ma ġewx osservati fil-kuntest tat-trasport ta’ dawn l-annimali, f’parti minnhom jew fit-totalità tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.