Każ C-465/14

Raad van bestuur van de Sociale verzekeringsbank

vs

F. Wieland

u

H. Rothwangl

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Centrale Raad van Beroep)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikoli 18 u TFUE — Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti — Regolament (KEE) Nru 1408/71 — Artikolu 3 u 94 — Regolament (KE) Nru 859/2003 — Artikolu 2(1) u (2) — Assigurazzjoni għax-xjuħija u assigurazzjoni għall-mewt — Ex baħrin ċittadini ta’ Stat terz li sar membru tal-Unjoni Ewropea fl-1995 — Esklużjoni mid-dritt għall-benefiċċji tax-xjuħija”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-27 ta’ Ottubru 2016

  1. Sigurtà soċjali – Ħaddiema migranti – Assigurazzjoni għax-xjuħija – Perijodi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni – Perijodu ta’assigurazzjoni allegatament imwettaq taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru għal ħaddiem barrani, ċittadin ta’ Stat li ssieħbet fl-Unjoni Ewropea wara t-twettiq ta’ dan il-perijodu – Leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru li ma tieħux inkunsiderazzjoni dan il-perijodu – Ammissibbiltà

    (Regolament tal-Kunsill Nru 1408/71, Artikolu 94(1) u (2))

  2. Ċittadinanza tal-Unjoni – Moviment liberu tal-persuni – Ħaddiema – Restrizzjonijiet – Baħri li għamel parti matul perijodu determinat, mill-ekwipaġġ ta’ bastiment b’port ta’ reġistrazzjoni tiegħu fit-territorju ta’ Stat Membru u li kien jirrisjedi abbord dan il-bastiment, mingħajr ma jkun ċittadin ta’ Stat Membru matul l-imsemmi perijodu – Leġiżlazzjoni tal-imsemmi Stat Membru li jeskludi dan il-baħri mill-benefiċċju tal-assigurazzjoni għax-xjuħija – Ammissibbiltà

    (Artikoli 18 TFUE u 45 TFUE)

  3. Sigurtà soċjali – Ħaddiema migranti – Leġiżlazzjoni tal-Unjoni – Kamp ta' applikazzjoni ratione personae – Tkabbir liċ-ċittadini ta’ Stati terzi li ma jibbenefikawx minn din il-leġiżlazzjoni minħabba n-nazzjonalità tagħhom – Ħaddiem impjegat li sar ċittadin ta’ pajjiż terz matul perijodu ta’ impjieg imwettaq taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, iżda li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 859/2003 fil-mument ta’ talba għal pensjoni tax-xjuħija – Leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-imsemmi perijodu għad-determinazzjoni tad-drittijiet għal pensjoni ta’ dan il-ħaddiem – Ammissibbiltà

    (Regolament tal-Kunsill Nru 859/2003, Artikolu 2(1) u (2))

  1.  L-Artikolu 94(1) u (2) tar-Regolament Nru 1408/71, dwar [l-applikazzjoni] tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u l-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni tiegħu kif emendata u aġġornata bir-Regolament Nru 118/97, kif emendat bir-Regolament Nru 647/2005, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li ma tiħux inkunsiderazzjoni, għad-determinazzjoni tad-drittijiet għal benefiċċji tax-xjuħija, perijodu ta’ assigurazzjoni allegatament imwettaq taħt il-leġiżlazzjoni proprja tiegħu minn ħaddiem barrani meta l-Istat li tiegħu dan il-ħaddiem huwa ċittadin issieħeb fl-Unjoni Ewropea wara t-twettiq ta’ dan il-perijodu.

    Fil-fatt, sabiex wieħed ikun jista’ validament jinvoka l-benefiċċju tal-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 1408/71, applikant għandu jkun jista’ jidentifika perijodu ta’ assigurazzjoni mwettaq kif ukoll, jekk ikun il-każ, perijodi ta’ impjieg jew ta’ residenza mwettqa taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru qabel l-1 ta’ Ottubru 1972 jew, fir-rigward tal-Istati Membri li ssieħbu fl-Unjoni wara dik id-data, qabel id-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

    Madankollu, il-leġiżlazzjoni ċċitata iktar ’il fuq kienet teskludi l-ħaddiem mill-benefiċċju tal-assigurazzjoni għax-xjuħija minħabba li kien ċittadin ta' pajjiż terz u kien jirresjedi abbord bastimenti li tagħhom kien membru tal-ekwipaġġ. Tali esklużjoni, minkejja li bbażata fuq in-nazzjonalità, ma kinitx ipprojbita mid-dritt tal-Unjoni fiż-żmien tal-fatti inkwistjoni, fid-dawl tal-fatt li dan il-pajjiż kien għadu ma ssieħbitx fl-Unjoni.

    (ara l-punti 56, 64, 66, dispożittiv 1)

  2.  L-Artikoli 18 u 45 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, li bis-saħħa tagħha baħri li għamel parti, matul perijodu determinat, mill-ekwipaġġ ta’ bastiment b’port ta’ reġistrazzjoni tiegħu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru u li kien jirrisjedi abbord dan il-bastiment huwa eskluż mill-benefiċċju tal-assigurazzjoni tax-xjuħija fir-rigward ta’ dan il-perijodu minħabba li ma kienx ċittadin ta’ Stat Membru matul l-imsemmi perijodu.

    Fil-fatt, ma jirriżulta milll-Att ta’ Adeżjoni tal-pajjiż li tiegħu l-baħri huwa ċittadin ebda obbligu għall-Istati Membri eżistenti li għandhom jittrattaw iċ-ċittadini nazzjonali bl-istess mod li huma kienu jittrattaw iċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra qabel l-adeżjoni ta’ dawn tal-aħħar fl-Unjoni.

    (ara l-punti 71, 73, dispożittiv 2)

  3.  L-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament Nru 859/2003, intiż li jestendi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 u r-Regolament Nru 574/72 għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti b’dawk id-dispożizzjonijiet unikament minħabba n-nazzjonalità tagħhom, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tgħid li perijodu ta’ impjieg imwettaq taħt il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru minn ħaddiem impjegat li ma kienx ċittadin ta’ Stat Membru matul dan il-perijodu, iżda li, fil-mument meta jitlob il-ħlas ta’ pensjoni tax-xjuħija, jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, ma jittiħidx inkunsiderazzjoni minn dan l-Istat Membru għad-determinazzjoni tad-drittijiet għal pensjoni ta’ dan il-ħaddiem.

    (ara l-punt 79, dispożittiv 3)