SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

19 ta’ Lulju 2016 ( *1 )

“Appell — Politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) — Deċiżjoni 2009/906/PESK — Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea (EUPM) fil-Bosnja‑Ħerzegovina — Membru tal-personal nazzjonali kkollokat — Assenjazzjoni mill-ġdid f’uffiċċju reġjonali ta’ din il-missjoni — L-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE — L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE — Rikors għal annullament u għad-danni — Ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni Ewropea — Artikoli 263 TFUE u 268 TFUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE”

Fil-Kawża C‑455/14 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fid-29 ta’ Settembru 2014,

H, residenti f’Catania (l-Italja), irrappreżentata minn M. Velardo, avukat,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-proċedura huma:

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn A. Vitro u F. Naert, bħala aġenti,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Erlbacher, G. Gattinara u J.‑P. Keppenne, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

Il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea (EUPM) fil-Bosnja-Ħerzegovina, stabbilita f’Sarajevo (il-Bosnja-Ħerzegovina),

konvenuti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, M. Ilešič, L. Bay Larsen, T. von Danwitz u C. Lycourgos, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, E. Juhász, A. Borg Barthet, J. Malenovský, E. Levits, J.‑C. Bonichot, M. Berger, K. Jürimäe, M. Vilaras u E. Regan (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Jannar 2016,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑7 ta’ April 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, H qiegħda titlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-10 ta’ Lulju 2014, H vs Il‑Kunsill et (T‑271/10, mhux ippubblikat, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”, EU:T:2014:702), li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors tagħha intiż, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni tas-7 ta’ April 2010, iffirmata mill-Kap tal-Persunal tal-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea (EUPM), li permezz tagħha l-appellanti ġiet assenjata mill-ġdid fil-pożizzjoni ta’ “Criminal Justice Adviser – Prosecutor” fi ħdan l-uffiċċju reġjonali ta’ Banja Luka (il-Bosnja-Ħerzegovina) u, jekk ikun meħtieġ, tad-deċiżjoni tat-30 ta’ April 2010, iffirmata mill-Kap ta’ din il-Missjoni msemmi fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/906/PESK, tat-8 ta’ Diċembru 2009, dwar il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea (EUPM) fil-[Bosnja-Ħerzegovina] (ĠU L 322, p. 22), li tikkonferma d-deċiżjoni tas-7 ta’ April 2010, kif ukoll, min-naħa l-oħra, għall-kundanna tal-Kunsill, tal-Kummissjoni Ewropea u tal-EUPM għall-ħlas ta’ danni.

Il-kuntest ġuridiku

2

Bis-saħħa tal-Artikolu 1(1) tal-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2002/210/PESK, tal‑11 ta’ Marzu 2002, fuq il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 278), inħolqot EUPM sabiex tiżgura l-kontinwità tat-task force tal-pulizija internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Bosnja-Ħerzegovina.

3

Fuq il-bażi tal-Artikolu 28 TUE u tal-Artikolu 43(2) TUE, il-EUPM ġiet estiża diversi drabi, l-aħħar darba permezz tad-Deċiżjoni 2009/906, sal-31 ta’ Diċembru 2011.

4

L-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni, intitolat “Mandat tal-missjoni”, jipprevedi, fl-ewwel paragrafu tiegħu:

“Bħala parti mill-approċċ usa’ għall-istat tad-dritt fil-[Bosnja-Ħerzegovina] u fir-reġjun, l-EUPM, filwaqt li żżomm kapaċitajiet residwali fl-oqsma tar-riforma tal-pulizija u r-responsabbiltà [tal-pulizija], għandha primarjament tappoġġa lill-Aġenziji rilevanti għall-Infurzar tal-Liġi fil-[Bosnja-Ħerzegovina] fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni, notament billi tiffoka fuq l-Aġenziji għall-Infurzar tal-Liġi fil-livell Statali, fuq it-tisħiħ tal-interazzjoni bejn il-pulizija u l-prosekuturi u fuq il-koperazzjoni reġjonali u internazzjonali.”

5

L-Artikolu 4 tal-imsemmija deċiżjoni, intitolat “Struttura tal-Missjoni”, jiddikjara, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-EUPM għandha tkun strutturata kif ġej:

(a)

kwartieri ġenerali prinċipali f’Sarajevo, magħmulin mill-Kap tal-Missjoni u l-persunal kif definit fil-Pjan Operattiv (OPLAN);

(b)

erbgħa Uffiċċji Reġjonali f’Sarajevo, Banja Luka, Mostar u Tuzla;

[...]”

6

L-Artikolu 5 tal-istess deċiżjoni, intitolat “Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili”, jipprevedi, fil-paragrafi 2 sa 4 tiegħu:

“2.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) u [taħt] l-awtorità ġenerali tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (RGħ), għandu jeżerċita l-kmand u l-kontroll tal-EUPM fil-livell strateġiku.

3.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jiżgura implimentazzjoni korretta u effikaċi tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill kif ukoll tad-deċiżjonijiet tal-KPS, anke bil-ħruġ ta’ istruzzjonijiet fil-livell strateġiku kif meħtieġ lill-Kap tal-Missjoni u billi jagħtih pariri u appoġġ tekniku.

4.   Il-persunal kollu sekondat għandu jibqa’ taħt il-kmand sħiħ tal-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat mittenti jew tal-istituzzjoni tal-UE kkonċernata. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu l-Kontroll Operattiv (OPCON) tal-persunal, gruppi u unitajiet tagħhom lill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.”

7

L-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2009/906, intitolat “Kap tal-Missjoni”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 sa 5 tiegħu:

“1.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jieħu r-responsabbiltà u jeżerċita kmand u kontroll tal-EUPM fil-livell operattiv fuq il-post.

2.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita kmand u kontroll fuq il-persunal, gruppi u unitajiet minn Stati kontribwenti kif allokati mill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili flimkien mar-responsabbiltà amministrattiva u loġistika inkluża dik mill-assi, mir-riżorsi u mill-informazzjoni mqiegħdin għad-dispożizzjoni tal-EUPM.

3.   Il-Kap tal-Missjoni għandu joħroġ istruzzjonijiet lill-persunal kollu tal-EUPM għat-twettiq effikaċi tal-EUPM fil-post, jassumi l-koordinazzjoni u l-amministrazzjoni ta’ kuljum tagħha, u jsegwi l-istruzzjonijiet fil-livell strateġiku tal-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.

4.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-EUPM. Għal dan il-għan, il-Kap tal-Missjoni għandu jiffirma kuntratt mal-Kummissjoni.

5.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-kontroll dixxiplinari fuq il-persunal. Għall-persunal sekondat, l-azzjoni dixxiplinarja għandha tiġi eżerċitata mill-awtorità nazzjonali, jew tal-UE, konċernata.”

8

L-Artikolu 7 ta’ din id-deċiżjoni, intitolat “Persunal tal-EUPM”, jipprovdi:

“[...]

2.   L-EUPM għandha tikkonsisti primarjament f’persunal sekondat mill-Istati Membri jew mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Kull Stat Membru jew istituzzjoni tal-UE għandu jerfa’ l-ispejjeż ta’ kwalunkwe persunal sekondat minnu, inklużi l-ispejjeż tal-ivvjaġġar lejn u mill-post tal-iskjerament [tal-kollokament], is-salarji, il-kopertura medika u l-allowances, minbarra allowances tal-ġurnata [...] kif ukoll allowances għat-tbatija u għar-riskju [applikabbli].

3.   L-EUPM tista’ tirrekluta persunal ċivili internazzjonali u persunal lokali, skont kif ikun meħtieġ, fuq bażi kuntrattwali, jekk il-funzjonijiet meħtieġa ma jkunux provduti minn persunal sekondat mill-Istati Membri. [...]

4.   Il-persunal kollu għandu jirrispetta l-istandards operattivi minimi ta’ sigurtà speċifiċi għall-missjoni u l-pjan ta’ sigurtà tal-Missjoni li jappoġġaw il-politika tal-UE ta’ sigurtà fuq il-post. Fir-rigward tal-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE li l-persunal ikun fdat biha waqt li jwettaq dmirijietu, il-persunal għandu jirrispetta l-prinċipji tas-sigurtà u l-istandards minimi stabbiliti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad-19 ta’ Marzu 2001 li tadotta r-regolamenti tal-Kunsill rigward is-sigurtà [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 263] [...]”

9

Intitolat “Status tal-Missjoni u tal-persunal tal-EUPM”, l-Artikolu 8 tal-imsemmija deċiżjoni jinkludi paragrafu 2 li huwa fformulat kif ġej:

“L-Istat jew l-istituzzjoni tal-UE li jkunu ssekondaw membru tal-persunal għandhom ikunu responsabbli sabiex iwieġbu għal kwalunkwe pretensjoni marbuta mas-sekondar, minn jew dwar il-membru tal-persunal. L-Istat jew l-istituzzjoni tal-UE in kwistjoni għandhom ikunu responsabbli għall-bidu ta’ kwalunkwe azzjoni kontra l-persuna sekondata.”

10

Skont l-Artikolu 9 tal-istess deċiżjoni, intitolat “Linja ta’ kmand”:

“1.   L-EUPM għandha jkollha linja ta’ kmand unifikata bħala operazzjoni ta’ maniġġar ta’ kriżi.

2.   Taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill, il-KPS għandu jeżerċita l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-EUPM.

3.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-KPS u l-awtorità ġenerali tar-RGħ, għandu jkun il-kmandant tal-EUPM fil-livell strateġiku u, bħala tali, għandu joħroġ istruzzjonijiet lill-Kap tal-Missjoni u jipprovdilu konsulenza u appoġġ tekniku.

[...]

5.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita kmand u kontroll tal-EUPM fil-livell operattiv fuq il-post u għandu jkun direttament responsabbli lejn il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.”

11

Intitolat “Kontroll politiku u direzzjoni strateġika”, l-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni 2009/906 jiddikjara, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-KPS għandu jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill, il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-EUPM. Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-KPS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet relevanti konformement mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 38 [TUE]. Din l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi s-setgħat sabiex jinħatar Kap [tal-Missjoni], fuq proposta mir-RGħ, u sabiex jiġu emendati il-[kunċett tal-operazzjonijiet] u l-[pjan operattiv]. Is-setgħat deċiżjonali fir-rigward tal-objettivi u t-terminazzjoni tal-EUPM għandhom jibqgħu f’idejn il-Kunsill.”

12

L-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej, stabbiliti permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68, tad-29 ta’ Frar 1968, li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej kif ukoll il-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra ta’ dawn il-Komunitajiet, u li jistabbilixxi miżuri partikolari temporanjament applikabbli għall-uffiċċjali tal-Kummissjoni (ĠU L 56, p. 1), kif emendat bir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1080/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Novembru 2010 (ĠU L 311, p. 1, u rettifika fil-ĠU 2012, L 144, p. 48) (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-“Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollu ġurisdizzjoni f’kull tilwima bejn l-Unjoni u kull persuna li għaliha japplikaw dawn ir-Regolamenti tal-Persunal dwar il-legalità ta’ att li jaffettwa ħażin lit-tali persuna [...]”.

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjonijiet kontenzjużi

13

H hija maġistrat Taljana li kienet ikkollokata mal-EUPM f’Sarajevo (il-Bosnja-Ħerzegovina) permezz ta’ digriet tal-Ministru tal-Ġustizzja Taljan tas-16 ta’ Ottubru 2008, sabiex hemmhekk teżerċita l-funzjonijiet ta’ “Criminal Justice Unit Adviser”, b’effett mill-14 ta’ Novembru 2008.

14

Permezz ta’ digriet tal-imsemmi ministru tas-7 ta’ April 2009, il-kollokament tar-rikorrenti ġie estiż sal-31 ta’ Diċembru 2009 sabiex teżerċita l-funzjonijiet ta’ “Chief Legal Officer”. Permezz ta’ digriet tal-istess ministru tad-9 ta’ Diċembru 2009, il-kollokament tar-rikorrenti reġa’ ġie estiż sal-31 ta’ Diċembru 2010, sabiex tkompli teżerċita dawn l-istess funzjonijiet.

15

Permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ April 2010, iffirmata mill-Kap tal-Persunal tal-EUPM, ir-rikorenti ġiet assenjata mill-ġdid fil-pożizzjoni “Criminal Justice Adviser – Prosecutor” fi ħdan l-uffiċċju reġjonali ta’ Banja Luka, għal raġunijiet operattivi, b’effett mid-19 ta’ April 2010.

16

Wara li rċeviet id-deċiżjoni tas-7 ta’ April 2010, ir-rikorrenti ressqet ilment quddiem l-awtoritajiet Taljani.

17

Permezz ta’ ittra elettronika tal-15 ta’ April 2010, uffiċjal tar-Rappreżentanza Permanenti tar-Repubblika Taljana fi ħdan l-Unjoni informa lir-rikorrenti li d-deċiżjoni tas-7 ta’ April 2010 kienet ġiet sospiża.

18

Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ April 2010, iffirmata mill-Kap tal-Missjoni msemmi fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2009/906, dan tal-aħħar wieġeb għall-ilment tar-rikorrenti filwaqt li kkonferma d-deċiżjoni tas-7 ta’ April 2010 (iktar ’il quddiem, flimkien, id-“deċiżjonijiet kontenzjużi”). F’din l-okkażjoni, il-Kap tal-Missjoni ppreċiża li din id-deċiżjoni tas-7 ta’ April 2010 kienet ittieħdet minnu stess u li r-raġuni operattiva tal-assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrenti kienet tissodisfa l-ħtieġa li l-uffiċċju ta’ Banja Luka jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu konsulenti fil-qasam kriminali.

19

Fl-4 ta’ Ġunju 2010, ir-rikorrenti ppreżentat, quddiem it-Tribunale amministrativo regionale del Lazio (qorti amministrattiva reġjonali tal-Lazio, l-Italja), rikors kontra l-EUPM intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tas-7 ta’ April 2010 u għall-kumpens għad-dannu allegatament imġarrab. Matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rikorrenti indikat li din il-proċedura kienet għadha pendenti. Ir-rikorrenti ressqet ukoll, quddiem l-imsemmija qorti Taljana, talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digriet appellat

20

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Ġunju 2010, ir-rikorrenti ppreżentat quddiem dik il-qorti rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjonijiet kontenzjużi u għall-għoti ta’ danni.

21

Kemm il-Kunsill u kemm il-Kummissjoni qajmu, permezz ta’ atti separati, eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fuq il-bażi tal-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, fil-verżjoni tagħhom li kienet applikabbli dak iż-żmien, filwaqt li sostnew, essenzjalment, li d-deċiżjonijiet kontenjużi huma atti li jaqgħu taħt azzjoni operattiva adottata u mwettqa fil-kuntest tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK), b’tali mod li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikors ippreżentat quddiemha, fid-dawl tal-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE.

22

Ir-rikorrenti talbet li tinċaħad kull waħda mill-eċċezzjonijiet imqajma, minħabba li d-deċiżjonijiet kontenzjużi ma humiex atti politiċi jew strateġiċi li jikkonċernaw il-PESK u li n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali kien ser iċaħħadha mid-dritt għal rimedju effettiv, peress li l-qorti nazzjonali la tista’ tannulla l-imsemmija deċiżjonijiet u lanqas ma tista’ tordna lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jikkumpensaw id-dannu kkawżat minnhom.

23

Permezz tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali, peress li qieset li ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikors, ċaħditu bħala inammissibbli.

It-talbiet tal-partijiet

24

Permezz tal-appell tagħha, l-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet appellat, sa fejn il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tagħha bħala inammissibbli;

tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tieħu deċiżjoni, u

tikkundanna lill-kovenuti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż.

25

Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell;

twettaq sostituzzjoni tal-motivi fir-rigward tad-delega ta’ setgħa, u

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

26

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet appellat;

tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli sa fejn ġie ppreżentat kontra l-Kummissjoni u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tieħu deċiżjoni, u

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

27

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tqajjem żewġ aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, fil-verżjoni tagħhom li kienet applikabbli fid-data tad-digriet appellat, u tad-drittijiet tad-difiża. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq l-argument li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi meta ddikjarat li ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu deċiżjoni dwar ir-rikors.

L-argumenti tal-partijiet

28

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, li għandu jiġi eżaminat fl-ewwel lok, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali, fl-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, talli qieset li d-deċiżjonijiet kontenzjużi ma kinux jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħha skont l-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE kif ukoll skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE u, fit-tieni parti, talli imputat dawn id-deċiżjonijiet lill-awtoritajiet nazzjonali.

29

Fir-rigward tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, l-appellanti ssostni li d-deċiżjonijiet kontenzjużi huma sempliċi atti amministrattivi li jikkonċernaw l-assenjazzjoni ta’ riżorsi umani, u b’hekk jagħmlu parti mill-amministrazzjoni ta’ kuljum tal-operazzjonijiet tal-EUPM fil-Bosnja-Ħerzegovina. Huma biss l-atti tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill imsemmija fl-Artikolu 25 TUE u adottati skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 31 TUE li jikkostitwixxu atti marbuta mal-PESK.

30

Barra minn hekk, skont l-appellanti, il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni sabiex teżamina l-legalità tad-deċiżjonijiet kontenzjużi tirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 215 TFUE u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE kif ukoll mill-għanijiet segwiti minn dawn id-dispożizzjonijiet, li jikkonferixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja l-ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjonijiet li jipprevedu miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi. Peress li, dejjem skont l-appellanti, id-deċiżjonijiet kontenzjużi pproduċew, f’dan il-każ, effetti legali fil-konfront tagħha, dawn id-deċiżjonijiet kontenzjużi jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju, konformement mas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ottubru 2008, Sogelma vs AER (T‑411/06, EU:T:2008:419).

31

Il-Kummissjoni, filwaqt li tirreferi għas-sentenzi tas-27 ta’ Frar 2007, Segi et vs Il‑Kunsill (C‑355/04 P, EU:C:2007:116, punti 51 sa 54), u tal-24 ta’ Ġunju 2014, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑658/11, EU:C:2014:2025, punt 70), issostni li l-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE ma jfissrux li kull att adottat fil-kuntest tal-PESK jevita awtomatikament milli jaqa’ fil-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni. Il-limitazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-PESK hija deroga mir-regola ta’ ġurisdizzjoni ġenerali prevista fl-Artikolu 19 TUE u għalhekk għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv. L-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali fis-sens li ma għandhiex ġurisdizzjoni, għas-sempliċi raġuni li d-deċiżjonijiet kontenzjużi ttieħdu minn korp maħluq permezz ta’ att adottat taħt il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE hija, skont il-Kummissjoni, kuntrarja għall-kliem, għall-istruttura ġenerali u għall-għanijiet tal-imsemmija dispożizzjonijiet tat-Trattati.

32

Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jkunu meħtieġa jadottaw atti jew jistgħu jkunu l-oriġini ta’ azzjonijiet jew ta’ ommissjonijiet li, għalkemm jaqgħu fil-kuntest tal-PESK, ma jkunux marbuta, bħala atti governattivi, mal-eżerċizzju tal-PESK. Issa, dejjem skont il-Kummissjoni, l-awturi tat-Trattati ma kellhomx l-intenzjoni li jeskludu mill-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ħlief dawn l-atti biss. B’hekk, is-sistema kif stabbilita permezz tat-Trattati tagħmel distinzjoni bejn l-atti governattivi u l-atti ta’ implementazzjoni adottati fuq il-bażi tal-atti governattivi. Anki jekk dawn l-atti tal-aħħar ikunu adottati fuq il-bażi tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tagħhom tirriżulta mir-regoli ġenerali previsti fl-Artikolu 263 TFUE, mingħajr ma jkun meħtieġ li tkun stabbilita b’mod espliċitu.

33

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li interpretazzjoni teleoloġika tat-Trattati, li huma kkaratterizzati mir-rekwiżit tar-rispett tad-drittijiet fundamentali, titlob li l-kliem “ċerti deċiżjonijiet previsti fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 275 [TFUE]” li jintużaw fl-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jirreferu għal kull att meħud minn istituzzjoni tal-Unjoni fil-konfront ta’ persuna li jipproduċi, fil-konfront tagħha, effetti legali li jistgħu jippreġudikaw id-drittijiet fundamentali tagħha.

34

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tipproponi żewġ interpretazzjonijiet alternattivi tal-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, li jwasslu, parzjalment, għal riżultati differenti f’termini ta’ ġurisdizjoni tal-qorti tal-Unjoni, fejn l-ewwel interpretazzjoni tikkonsisti fl-eżami tal-kontenut tal-att, tal-azzjoni jew tal-ommissjoni inkwistjoni filwaqt li t-tieni waħda hija bbażata fuq il-motivi mqajma quddiem il-qorti tal-Unjoni. Skont l-ewwel interpretazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tasal għall-konklużjoni li l-qorti tal-Unjoni ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ din il-kawża, u dan sa fejn id-deċiżjonijiet kontenzjużi jikkostitwixxu atti operattivi li jaqgħu taħt il-PESK u li ma jipproduċux effetti legali fir-rigward tal-appellanti b’mod li jista’ jkun inkompatibbli mad-drittijiet fundamentali tagħha. Fir-rigward tal-applikazzjoni tat-tieni interpretazzjoni, din għandha twassal għal eżami tal-motivi mressqa fir-rikors ippreżentat fl-ewwel istanza. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tħaddan l-imsemmija interpretazzjoni, hija jkollha tiċħad parzjalment ir-rikors bħala inammissibbli minħabba nuqqas ta’ ġurisdizzjoni u, mill-bqija, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali jew tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà u l-mertu.

35

Il-Kunsill jitlob li l-ewwel parti tat-tieni aggravju tiġi miċħuda. Huwa jqis, l-ewwel nett, li l-esklużjoni tal-atti tal-PESK mill-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni tkopri, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, id-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat li jikkonċernaw il-PESK kif ukoll l-atti kollha “adottati abbażi tagħhom”. Din l-esklużjoni tkopri wkoll, skont il-Kunsill, l-azzjonijiet ta’ “missjoni PESK”. Fil-fatt, l-Artikolu 24(1) TUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE ma jkoprux biss ir-rwol tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill, iżda wkoll ir-rwol tar-RGħ u dak tal-Istati Membri fl-implementazzjoni tal-PESK.

36

It-tieni nett, il-Kunsill isostni li l-kunċett ta’ “miżuri restrittivi”, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, ma jistax jingħata portata wiesgħa. Fil-fatt, skont il-Kunsill, dan il-kunċett ikopri biss il-politika ta’ sanzjonijiet tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-kliem użat f’din id-dispożizzjoni għandhom tifsira komuni iktar limitata minn dik tal-atti “maħsuba li joħolqu effetti legali”, imsemmija fl-Artikolu 263 TFUE. Issa, f’dan ir-rigward, ma tista’ tiġi stabbilita ebda analoġija mas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-8 ta’ Ottubru 2008, Sogelma vs AER (T‑411/06, EU:T:2008:419, punti 33 sa 57), peress li, minn naħa, il-kawża li wasslet għal dik is-sentenza kienet tikkonċerna rikors kontra organu tal-“Komunità”, fil-kuntest ta’ dak li kien l-ewwel pilastru, u mhux deċiżjoni li tikkonċerna l-PESK, u peress li, min-naħa l-oħra, għall-kuntrarju tal-organu inkwistjoni fl-imsemmija kawża, il-EUPM ma għandhiex personalità ġuridika.

37

Fl-aħħar nett, fir-rigward tan-natura tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, il-Kunsill iqis li dawn jaqgħu fil-kuntest ta’ deċiżjoni operattiva tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża, li ma humiex koperti mill-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni. Fil-fatt, il-fatt li prosekutur, fil-kuntest ta’ missjoni ta’ ġestjoni ta’ kriżi li topera f’kuntest sensittiv, jiġi assenjat mill-ġdid ma jistax jitqies bħala deċiżjoni purament amministrattiva. F’dan ir-rigward, il-fatt li tali deċiżjoni tista’ tiġi kklassifikata bħala att ta’ “amministrazzjoni ta’ kuljum” ma jistax ifisser li din id-deċiżjoni hija purament amministrattiva, u dan peress li d-deċiżjonijiet fil-qasam tal-amministrazzjoni ta’ kuljum ikopru l-parti l-kbira tad-deċiżjonijiet operattivi, bħalma huma, b’mod partikolari, dawk li jiddeterminaw il-post u l-modalitajiet ta’ intervent.

38

Sussidjarjament, il-Kunsill isostni li, sa fejn id-deċiżjonijiet kontenzjużi jinkludu elementi ta’ natura amministrattiva, dawn l-elementi ma jistgħux jiġu sseparati mill-elementi operattivi. Fil-fatt, ma hemm xejn li jippermetti, skont il-Kunsill, li l-espressjoni “kwalunkwe pretensjoni marbuta mas-sekondar”, li tinsab fl-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 2009/906, tiġi interpretata b’mod restrittiv billi ssir distinzjoni bejn id-deċiżjoni ta’ kollokament u l-implementazzjoni tagħha permezz ta’ kuntratt. Għall-kuntrarju, mill-Artikolu 6(5) ta’ din id-deċiżjoni, li jipprevedi li, fir-rigward tal-persunal ikkollokat, l-azzjonijiet dixxiplinari jaqgħu taħt l-awtorità amministrattiva ta’ oriġini, jirriżulta li d-deċiżjonijiet dwar il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-kollokament jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

39

Għandu jitfakkar li, skont l-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, ma għandhiex ġurisdizzjoni fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar il-PESK kif ukoll fir-rigward tal-atti adottati fuq il-bażi tagħhom (sentenzi tal-24 ta’ Ġunju 2014, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑658/11, EU:C:2014:2025, punt 69, u tat-12 ta’ Novembru 2015, Elitaliana vs Eulex Kosovo, C‑439/13 P, EU:C:2015:753, punt 41).

40

Madankollu, l-imsemmija dispożizzjonijiet jintroduċu deroga mir-regola ta’ ġurisdizzjoni ġenerali li l-Artikolu 19 TUE jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiżgura l-osservanza tad-dritt fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-Trattati u, għaldaqstant, għandhom jiġu interpretati b’mod ristrettiv (sentenzi tal-24 ta’ Ġunju 2014, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑658/11, EU:C:2014:2025, punt 70, u tat-12 ta’ Novembru 2015, Elitaliana vs Eulex Kosovo, C‑439/13 P, EU:C:2015:753, punt 42).

41

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, kif jirriżulta kemm mill-Artikolu 2 TUE, li jinsab fid-dispożizzjonijiet komuni tat-Trattat UE, u kemm mill-Artikolu 21 TUE, li jikkonċerna l-azzjoni esterna tal-Unjoni u li għalih jirreferi l-Artikolu 23 TUE, dwar il-PESK, l-Unjoni hija bbażata, b’mod partikolari, fuq il-valuri ta’ ugwaljanza u tal-Istat tad-dritt (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2007, Segi et vs Il‑Kunsill, C‑355/04 P, EU:C:2007:116, punt 51, kif ukoll Opinjoni 2/13, tat-18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punti 168169). Issa, l-eżistenza stess ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv maħsub sabiex tiġi żgurata l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni hija inerenti għall-eżistenza ta’ tali Stat tad-dritt (ara s-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems, C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

F’dan il-każ, huwa minnu li għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjonijiet kontenzjużi jagħmlu parti mill-kuntest tal-PESK. Fil-fatt, dawn id-deċiżjonijiet, meħuda mill-Kap tal-EUPM fil-Bosnja-Ħerzegovina, stabbilita fuq il-bażi tal-Artikolu 28 TUE u tal-Artikolu 43(2) TUE, sabiex timtela, permezz ta’ assenjazzjoni mill-ġdid, pożizzjoni fl-uffiċċju reġjonali ta’ din il-missjoni, huma deċiżjonijiet marbuta ma’ azzjoni operattiva tal-Unjoni adottata u mwettqa fil-kuntest tal-PESK, li, essenzjalment, għandha l-għan li tassisti, kif jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2009/906, lill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi tal-Bosnja-Ħerzegovina fil-ġlieda tagħhom kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni.

43

Madankollu, tali fatt ma jistax iwassal neċessarjament għall-esklużjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Ġunju 2014, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑658/11, EU:C:2014:2025, punti 69 sa 74, u tat-12 ta’ Novembru 2015, Elitaliana vs Eulex Kosovo, C‑439/13 P, EU:C:2015:753, punti 43 sa 50).

44

B’hekk, f’dan il-każ, għandu jiġi osservat li, kif il-Kunsill stess indika matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-qrati tal-Unjoni għandhom ġurisdizzjoni, konformement mal-Artikolu 270 TFUE, sabiex jiddeċiedu dwar kull rikors ippreżentat mill-membri tal-persunal tal-Unjoni li jkunu ġew ikkollokati mal-EUPM. Fil-fatt, dawn tal-aħħar jibqgħu suġġetti, matul il-perijodu tal-kollokament tagħhom mal-EUPM, għar-Regolamenti tal-Persunal u, għaldaqstant, jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni, konformement mal-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal.

45

Huwa minnu li mid-Deċiżjoni 2009/906 jirriżulta li l-membri tal-persunal ikkollokati mal-EUPM fil-Bosnja-Ħerzegovina mill-Istati Membri u dawk ikkollokati ma’ din il-missjoni mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jinstabux, fir-rigward ta’ diversi aspetti, f’sitwazzjoni simili jew identika.

46

B’mod partikolari, il-membri tal-persunal ikkollokati mill-Istati Membri jibqgħu, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(4) ta’ din id-deċiżjoni, taħt il-kmand sħiħ tal-awtoritajiet nazzjonali tagħhom, filwaqt li l-membri tal-persunal ikkollokati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jibqgħu, skont din id-dispożizzjonijiet, taħt dak ta’ dawn tal-aħħar.

47

Bl-istess mod, mill-Artikolu 6(5) tal-imsemmija deċiżjoni jirriżulta li l-azzjonijiet dixxiplinari mressqa kontra l-membri tal-persunal ikkollokati mill-Istati Membri jaqgħu taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali, filwaqt li l-istess azzjonijiet, meta jitressqu kontra l-membri tal-persunal ikkollokati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ dawn tal-aħħar.

48

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 7(2) tal-istess deċiżjoni, l-Istati Membri għandhom jieħdu responsabbiltà għall-ispejjeż marbuta mal-membri tal-persunal ikkollokati tagħhom, bħalma huma, b’mod partikolari, l-ispejjeż tal-vjaġġ lejn u mill-post tal-kollokament, is-salarji, l-assigurazzjoni medika u ċerti allowances, filwaqt li, min-naħa tagħhom, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jieħdu responsabbiltà għal dawn l-istess spejjeż meta jkunu marbuta mal-membri tal-persunal ikkollokati tagħhom.

49

Għandu jingħad ukoll li, skont l-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni 2009/906, l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom il-kompetenza li jwieġbu għal kwalunkwe lment marbut mal-kollokament imressaq minn membru tal-persunal ikkollokat minnhom jew li jikkonċerna tali membru tal-persunal, filwaqt li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom il-kompetenza li jwieġbu għal tali lment fil-każ li jitressaq minn membru tal-persunal ikkollokat minnhom jew li jikkonċerna tali membru tal-persunal.

50

Fid-dawl ta’ dan, għandu jiġi kkonstatat li mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta wkoll li l-membri tal-persunal ikkollokati mill-Istati Membri u dawk ikkollokati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma suġġetti għall-istess regoli fir-rigward tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom “fuq il-post”.

51

Fil-fatt, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 5(4) tal-imsemmija deċiżjoni, l-awtoritajiet nazzjonali ttrasferixxew il-kontroll operattiv tal-membri tal-persunal, tal-gruppi u tal-unitajiet tagħhom lill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili, li għandu jeżerċita, skont l-Artikolu 5(2) ta’ din id-deċiżjoni, il-kmand kif ukoll il-kontroll, fil-livell strateġiku, tal-EUPM fil-Bosnja-Ħerzegovina, u li għandu joħroġ, f’din il-kwalità, istruzzjonijiet, konformement mal-Artikolu 5(3) tal-imsemmija deċiżjoni kif ukoll mal-Artikolu 9(3) tal-istess deċiżjoni, lill-Kap tal-Missjoni.

52

Barra minn hekk, dan tal-aħħar, kif jirriżulta mill-Artikolu 6(1) sa (3) u mill-Artikolu 9(5) tad-Deċiżjoni 2009/906, għandu jeżerċita, bħala l-persuna responsabbli għal din il-EUPM “fuq il-post”, il-kmand u l-kontroll tal-imsemmija missjoni, b’mod partikolari, tal-membri tal-persunal, tal-gruppi u tal-unitajiet “minn Stati kontribwenti” li jkunu ġew assenjati mill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili, fejn l-imsemmi Kap tal-Missjoni huwa barra minn hekk responsabbli sabiex jiżgura l-koordinazzjoni u l-amministrazzjoni ta’ kuljum tal-EUPM fil-Bosnja-Ħerzegovina, billi joħroġ l-istruzzjonijiet neċessarji lill-persunal “kollu”, sabiex din il-missjoni titwettaq b’mod effikaċi f’dan il-post.

53

Bl-istess mod, mill-Artikolu 7(4) ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta li l-persunal kollu tal-imsemmija missjoni għandu josserva l-istandards operattivi minimi ta’ sigurtà speċifiċi għall-istess missjoni u l-pjan ta’ sigurtà tagħha adottat sabiex tiġi sostnuta l-politika ta’ sigurtà tal-Unjoni “fuq il-post”.

54

Issa, għalkemm id-deċiżjonijiet adottati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ din il-missjoni marbuta mal-allokazzjoni tar-riżorsi umani assenjati lilha mill-Istati Membri u mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni għall-finijiet tat-twettiq tal-attivitajiet imwettaq fuq il-post għandhom aspett operattiv li jaqa’ taħt il-PESK, dawn id-deċiżjonijiet jikkostitwixxu wkoll, minħabba l-essenza tagħhom stess, atti ta’ ġestjoni tal-persunal, bħal kull deċiżjoni simili adottata mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom.

55

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li l-portata tal-limitazzjoni derogatorja għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja prevista fl-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE testendi b’tali mod li teskludi li l-qorti tal-Unjoni għandha ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ l-atti ta’ ġestjoni tal-persunal li jikkonċernaw lill-membri tal-persunal ikkollokati mill-Istati Membri li jkunu intiżi li jwieġbu għall-ħtiġijiet tal-imsemmija missjoni fuq il-post, meta l-qorti tal-Unjoni għandha, fi kwalunkwe każ, ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ tali atti meta jkunu jikkonċernaw lill-membri tal-persunal ikkollokati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-24 ta’ Ġunju 2014, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑658/11, EU:C:2014:2025, punt 73, u tat-12 ta’ Novembru 2015, Elitaliana vs Eulex Kosovo, C‑439/13 P, EU:C:2015:753, punt 49).

56

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-ġurisdizzjoni mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi, minn naħa, bis-saħħa tal-Artikolu 11(3)(b) u (6) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1835, tat-12 ta’ Ottubru 2015, li tiddefinixxi l-istatut, is-sede u r-regoli operazzjonali tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (ĠU L 266, p. 55), fuq ir-rikorsi ppreżentati minn esperti nazzjonali kkollokati ma’ din l-aġenzija u, min-naħa l-oħra, bis-saħħa tal-Artikolu 42(1) tad-Deċiżjoni 2012/C 12/04 tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, tat- 23 ta’ Marzu 2011, li tistabbilixxi r-regoli applikabbli għall-Esperti Nazzjonali Sekondati lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (ĠU 2012, C 12, p. 8), fuq ir-rikorsi ppreżentati mill-esperti nazzjonali kkollokati ma’ dan is-servizz.

57

B’mod partikolari, kwalunkwe interpretazzjoni oħra twassal sabiex, meta l-istess att ta’ ġestjoni tal-persunal dwar l-operazzjonijiet “fuq il-post” ikun jikkonċerna kemm membri tal-persunal ikkollokati mill-Istati Membri u kemm membri tal-persunal ikkollokati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, id-deċiżjoni mogħtija fir-rigward tal-ewwel tista’ tkun inkonċiljabbli ma’ dik mogħtija mill-qorti tal-Unjoni fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar.

58

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali u, fil-każ ta’ appell, il-Qorti tal-Ġustizzja, għandhom ġurisdizzjoni sabiex jistħarrġu tali atti. Din il-ġurisdizzjoni tirriżulta, rispettivament, fir-rigward tal-istħarriġ tal-legalità tal-imsemmija atti, mill-Artikolu 263 TFUE, u, fir-rigward tat-tilwim dwar responsabbiltà mhux kuntrattwali, mill-Artikolu 268 TFUE, moqri flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

59

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjonijiet kontenzjużi, sa fejn assenjaw mill-ġdid lir-rikorrenti fi ħdan il-EUPM fil-Bosnja-Ħerzegovina, jikkostitwixxu atti ta’ ġestjoni tal-persunal li għandhom l-għan li jassenjaw mill-ġdid lill-membri tal-missjoni fuq il-post u mhux, għall-kuntrarju ta’ dak li essenzjalment iddeċidiet il-Qorti Ġenerali, fil-punti 45 u 46 tad-digriet appellat, atti li jikkonċernaw kwistjonijiet marbuta mal-kollokament, fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni 2009/906. Għaldaqstant, dawn id-deċiżjonijiet, għalkemm ġew adottati fil-kuntest tal-PESK, ma jikkostitwixxux atti li jaqgħu taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE jew taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE. Dan ifisser li dawn id-deċiżjonijiet jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet ġenerali tat-Trattat FUE msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza.

60

Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 58 tad-digriet appellat, li ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikors li permezz tiegħu r-rikorrenti kienet qiegħda titlob, fl-ewwel istanza, l-annullament ta’ dawn id-deċiżjonijiet u l-għoti ta’ danni.

61

Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tintlaqa’.

62

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi annullat, għal din ir-raġuni biss, id-digriet appellat, mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġu eżaminati l-ewwel aggravju u t-tieni parti tat-tieni aggravju.

Fuq li l-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali

63

Skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. F’tali każ hija tista’ jew tiddeċiedi l-kawża definittivament hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tieħu deċiżjoni.

64

Għar-raġunijiet esposti fil-punti 39 sa 60 ta’ din is-sentenza, l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill u mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, sa fejn huma bbażati fuq in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar ir-rikors, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

65

Barra minn hekk, sa fejn il-Kummissjoni tikkontesta, permezz tal-eċċezzjoni mqajma quddiem il-Qorti Ġenerali, l-ammissibbiltà tar-rikors sa fejn ġie ppreżentat kontriha, għandu jiġi kkonstatat li, peress li din l-istituzzjoni ma hijiex involuta fil-linja tal-kmand tal-EUPM fil-Bosnja-Ħerzegovina u peress li d-deċiżjonijiet kontenzjużi ma jikkonċernawx l-implementazzjoni tal-baġit tal-EUPM, li teħtieġ, skont l-Artikolu 6(4) tad-Deċiżjoni 2009/906, il-konklużjoni ta’ kuntratt bejn il-Kap tal-Missjoni u l-Kummissjoni, dawn id-deċiżjonijiet ma jistgħux jiġu imputati lil din tal-aħħar. Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli sa fejn huwa ppreżentat kontra l-Kummissjoni.

66

Għall-kuntrarju, mill-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni 2009/906 jirriżulta li l-Kap tal-EUPM fil-Bosnja-Ħerzegovina, li adotta d-deċiżjonijiet kontenzjużi, huwa maħtur mill-KPS imsemmi fl-Artikolu 38 TUE. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 5(3) kif ukoll skont l-Artikolu 9(3) u (5) ta’ din id-deċiżjoni, l-imsemmi Kap huwa suġġett għall-awtorità tal-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili, li, skont l-Artikolu 5(2) u skont l-Artikolu 9(3) tal-imsemmija deċiżjoni, huwa min-naħa tiegħu suġġett għall-kontroll tal-KPS u għall-awtorità ġenerali tar-RGħ.

67

Issa, minn naħa, kif jirriżulta mill-Artikolu 5(2), mill-Artikolu 9(2) u mill-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni 2009/906, il-KPS jeżerċita l-kontroll politiku u t-tmexxija strateġika tal-EUPM taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill. Min-naħa l-oħra, konformement mal-Artikolu 5(3) ta’ din id-deċiżjoni, il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jiżgura l-implementazzjoni adegwata u effettiva kemm tad-deċiżjonijiet tal-KPS u kemm ta’ dawk tal-Kunsill.

68

Minn dan isegwi li d-deċiżjonijiet kontenzjużi huma imputabbli lill-Kunsill u li, għaldaqstant, ir-rikors huwa ammissibbli biss sa fejn huwa ppreżentat kontra dan tal-aħħar.

69

Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk id-deċiżjonijiet kontenzjużi humiex ivvizzjati minn illegalità jew jistgħux jagħtu lok għal kumpens li jkun ir-responsabbiltà tal-Unjoni, din timplika l-eżami, f’kuntest li fih l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jgawdu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa, ta’ kwistjonijiet ta’ fatt kumplessi, fuq il-bażi ta’ elementi li ma ġewx eżaminati mill-Qorti Ġenerali u li ma ġewx diskussi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

70

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li l-kawża ineżami ma tinsabx fi stat li tiġi deċiża.

71

Għaldaqstant, din il-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi fuq il-mertu tar-rikors sa fejn dan huwa ppreżentat kontra l-Kunsill u l-ispejjeż għandhom jiġu rriżervati.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-10 ta’ Lulju 2014, H vs Il-Kunsill et (T‑271/10, mhux ippubblikat, EU:T:2014:702), huwa annullat.

 

2)

Ir-rikors ta’ H huwa miċħud bħala inammissibbli sa fejn huwa ppreżentat kontra l-Kummissjoni u l-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea (EUPM) fil-Bosnja-Ħerzegovina.

 

3)

Il-kawża hija mibgħuta lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi fuq il-mertu tar-rikors sa fejn dan huwa ppreżentat kontra l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

 

4)

L-ispejjeż huma rriżervati.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.