Kawża C‑440/14 P

National Iranian Oil Company

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Appell — Miżuri restrittivi adottati kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran — Lista tal-persuni u tal-entitajiet li japplika għalihom l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi — Regolament ta’ Implementazzjoni (UE) Nru 945/2012 — Bażi legali — Kriterju bbażat fuq l-appoġġ materjali, loġistiku jew finanzjarju lill-Gvern tal-Iran”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-1 ta’ Marzu 2016

  1. Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Regolament li jawtorizza l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi – Obbligu li tissemma l-forma legali tal-atti li jistgħu jiġu adottati – Assenza

    (Artikolu 296 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 267/2012, Artikolu 46(2))

  2. Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi kontra l-Iran – Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew organi li jipparteċipaw fi jew li jsostnu l-proliferazzjoni nukleari – Setgħa tal-Kunsill, fil-qasam ta’ miżuri restrittivi bbażati fuq l-Artikolu 215 TFUE, li juża l-proċedura prevista fl-Artikolu 291(2) TFUE

    (Artikoli 215 TFUE u 291 TFUE)

  3. Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Eżerċizzju tal-kompetenzi – Setgħa ta’ implementazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni jew lill-Kunsill għall-adozzjoni ta’ atti ta’ implementazzjoni – Eżekuzzjoni – Kunċett – Adozzjoni ta’ atti li japplikaw individwalment – Inklużjoni

    (Artikolu 291(2) TFUE)

  4. Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi kontra l-Iran – Bażi legali – Miżuri restrittivi adottati abbażi tal-Artikolu 215 TFUE jew tal-Artikolu 291 TFUE – Distinzjoni bejn il-proċeduri ta’ adozzjoni – Adozzjoni fil-kuntest tal-Artikolu 291 TFUE mhux suġġetta għal proposta konġunta tar-rappreżentant għoli u tal-Kummissjoni – Ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Assenza

    (Artikolu 215 TFUE, ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u Artikolu 291(2) TFUE)

  5. Atti tal-istituzzjonijiet – Regolamenti – Regolament dwar l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra l-Iran – Kompetenzi ta’ implementazzjoni rriżervati mill-Kunsill – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet – Każijiet speċifiċi u motivati

    (Artikoli 291(2) TFUE u 296 TFUE; Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK; Regolament tal-Kunsill Nru 267/2012, Artikolu 23(2) u (3))

  6. Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Obbligu li tissemma l-bażi legali – Assenza fil-każ ta’ determinazzjoni skont elementi oħra

    (Artikolu 296 TFUE)

  7. Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi kontra l-Iran – Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew organi li jipparteċipaw fi jew li jsostnu l-proliferazzjoni nukleari – Miżuri adottati abbażi ta’ setgħa ta’ implementazzjoni – Interpretazzjoni tal-att ta’ implementazzjoni b’mod konformi mal-att bażiku – Teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni

    (Artikolu 215(2) TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 267/2012)

  1.  Għalkemm il-preambolu ta’ regolament dwar l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi għandu jindika b’mod ċar il-bażi legali li tawtorizza lill-istituzzjoni kompetenti tadotta tali miżuri fil-konfront ta’ persuna jew ta’ entità, madankollu ma huwiex neċessarju li tiġi indikata, fid-dispożizzjoni msemmija bħala li tikkostitwixxi l-bażi legali, il-forma legali tal-atti li jistgħu jiġu adottati abbażi tagħha sabiex ir-riferiment għal din id-dispożizzjoni jkun jikkostitwixxi motivazzjoni suffiċjenti tal-bażi legali tal-imsemmi regolament.

    (ara l-punt 19)

  2.  Mit-test stess tal-Artikolu 215 TFUE jirriżulta li din id-dispożizzjoni ma tipprekludix li regolament adottat fuq il-bażi tiegħu jagħti kompetenzi ta’ implementazzjoni lill-Kummissjoni jew lill-Kunsill fil-kundizzjonijiet iddefiniti fl-Artikolu 291(2) TFUE, meta kundizzjonijiet uniformi ta’ implementazzjoni ta’ ċerti miżuri restrittivi previsti minn dan ir-regolament ikunu neċessarji. B’mod partikolari, mill-Artikolu 215(2) TFUE ma jirriżultax li l-miżuri restrittivi individwali meħuda kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi, gruppi jew entitajiet mhux Statali għandhom neċessarjament jiġu adottati skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 215(1) TFUE u ma jistgħux jiġu adottati abbażi tal-Artikolu 291(2) TFUE.

    Barra minn hekk, l-ebda dispożizzjoni tat-Trattat FUE ma tipprovdi li s-sitt parti tiegħu, dwar id-dispożizzjonijiet istituzzjonali u finanzjarji, ma hijiex applikabbli fil-qasam ta’ miżuri restrittivi. Għalhekk, ir-rikors għall-Artikolu 291(2) TFUE, ma huwiex eskluż, sakemm il-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni jkunu ssodisfatti.

    (ara l-punti 34, 35)

  3.  Il-kunċett ta’ “implementazzjoni” previst fl-Artikolu 291(2) TFUE jinkludi fl-istess waqt l-elaborazzjoni ta’ regoli ta’ applikazzjoni u l-applikazzjoni ta’ regoli għal każijiet partikolari permezz ta’ atti li japplikaw individwalment.

    (ara l-punt 36)

  4.  Fid-dawl tal-effett negattiv sostanzjali tagħha fuq il-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tal-persuna jew tal-entità kkonċernata, kull inklużjoni fuq lista ta’ persuni jew ta’ entitajiet ikkonċernati minn miżuri restrittivi, kemm jekk tkun ibbażata fuq l-Artikolu 215 TFUE jew fuq l-Artikolu 291(2) TFUE, tiftaħ għal din il-persuna jew għal din l-entità, sa fejn għandha l-effett fil-konfront tagħha ta’ deċiżjoni individwali, l-aċċess għall-qorti tal-Unjoni, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, għall-finijiet, b’mod partikolari, li tiġi vverifikata l-konformità ta’ din id-deċiżjoni individwali mal-kriterji ġenerali ta’ inklużjoni stabbiliti mill-att bażiku.

    Barra minn hekk, id-differenza li teżisti bejn il-proċedura skont l-Artikolu 215 TFUE u dik skont l-Artikolu 291(2) TFUE tirrispondi, min-naħa tagħha, għal volontà li ssir distinzjoni, abbażi ta’ kriterji oġġettivi, bejn l-att bażiku u att ta’ implementazzjoni fil-qasam ta’ miżuri restrittivi. F’dan il-kuntest, ir-rekwiżit, previst fl-Artikolu 215(1) TFUE, dwar proposta konġunta tar-rappreżentant għoli tal-Unjoni għall-affarijiet barranin u għall-politika ta’ sigurtà u tal-Kummissjoni jikkostitwixxi kundizzjoni inerenti għall-proċedura prevista minn din id-dispożizzjoni, u mhux garanzija proċedurali li għandha tiġi rrikonoxxuta, b’mod ġenerali, lil kull persuna jew entità li hija suġġett ta’ inklużjoni f’lista dwar miżuri restrittivi, fuq kwalunkwe bażi tkun xi tkun. Għaldaqstant, il-fatt li, fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ kompetenza ta’ implementazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 291(2) TFUE, l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi ma tkunx, kuntrarjament għall-każ fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 215(1) TFUE, suġġetta għall-preżentazzjoni ta’ tali proposta konġunta ma tistax titqies li hija ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-inklużjonijiet fuq tali lista.

    (ara l-punti 44, 45)

  5.  In-neċessitajiet ta’ koerenza, ta’ koordinazzjoni u ta’ rapidità fl-adozzjoni ta’ miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi jiġġustifikaw li miżuri ta’ inklużjoni adottati abbażi tat-Trattat FUE fl-istess ħin bħall-miżuri ta’ inklużjoni adottati fil-kuntest tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni jitqiesu li jaqgħu taħt każijiet speċifiċi, fis-sens tal-Artikolu 291(2) TFUE, li jiġġustifikaw li ssir deroga mill-prinċipju li jgħid li hija l-Kummissjoni li normalment għandha teżerċita din il-kompetenza. Għalhekk, il-Kunsill jista’ leġittimament jirriżerva lilu nnifsu l-kompetenza ta’ implementazzjoni.

    Barra minn hekk, fir-rigward tar-rekwiżit dwar il-ġustifikazzjoni tal-għoti ta’ kompetenza lill-Kunsill, l-att inkwistjoni għandu jitqies li huwa ġġustifikat b’mod xieraq, fis-sens tal-Artikolu 291(2) TFUE, meta, fid-dawl tal-preżenza ta’ klawżola li tirriżerva l-kompetenza ta’ implementazzjoni lill-Kunsill u tal-ġustifikazzjoni tagħha f’atti preċedenti għall-att inkwistjoni, l-eżistenza ta’ din il-kompetenza tal-Kunsill tista’ tiġi rrikonoxxuta bħala li tagħmel parti mill-kuntest li fih l-att inkwistjoni ġie adottat.

    (ara l-punti 56, 58, 60, 64)

  6.  L-ommissjoni ta’ riferiment għal dispożizzjoni preċiża tat-Trattat FUE fil-motivazzjoni ta’ att ma tistax tikkostitwixxi vizzju sostanzjali meta l-bażi legali ta’ att tista’ tiġi stabbilita permezz ta’ elementi oħra tiegħu.

    (ara l-punt 66)

  7.  Regolament li jipprovdi miżuri restrittivi kontra l-Iran għandu jiġi interpretat mhux biss fid-dawl tad-deċiżjoni adottata fil-kuntest tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni, imsemmija fl-Artikolu 215(2) TFUE, iżda wkoll fil-kuntest storiku li jaqgħu taħtu d-dispożizzjonijiet adottati mill-Unjoni u li r-regolament jagħmel parti minnu. L-istess japplika għal deċiżjoni adottata fil-qasam tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni, li għandha tiġi interpretata billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li tagħmel parti minnu.

    (ara l-punt 78)