SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

21 ta’ Jannar 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Unjoni doganali — Kodiċi Doganali tal‑Komunità — Artikolu 29(1)(d) — Determinazzjoni tal-valur doganali — Regolament (KEE) Nru 2454/93 — Artikolu 143(1)(h) — Kunċett ta’ ‘persuni relatati’ għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur doganali — Relazzjonijiet ta’ parentela bejn ix-xerrej, persuna fiżika, u d-direttur tal-kumpannija li tbigħ”

Fil-Kawża C‑430/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Augstākā tiesa (qorti suprema, il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Settembru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Settembru 2014, fil-proċedura

Valsts ieņēmumu dienests

vs

Artūrs Stretinskis,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, F. Biltgen, A. Borg Barthet (Relatur), E. Levits u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Latvjan, minn I. Kalniņš u I. Ņesterova, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Sauka u L. Grønfeldt, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ Ottubru 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 143(1)(h) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 46/1999, tat-8 ta’ Jannar 1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 9, p. 65, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2454/93”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Valsts ieņēmumu dienests (l-awtorità fiskali nazzjonali) u A. Stretinskis dwar id-determinazzjoni tal-valur doganali ta’ merkanzija importata mill-Istati Uniti tal-Amerika fid-dawl tar-rilaxx tagħha għal ċirkulazzjoni libera fit-territorju tal-Unjoni Ewropea.

Il-kuntest ġuridiku

Il-Kodiċi Doganali

3

It-Titolu II tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 82/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 8, p. 179, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”), jinkludi Kapitolu 3 intitolat “Valur ta’ merkanzija għall-iskopijiet doganali”, ikkostitwit mill-Artikoli 28 sa 36 ta’ dan il-kodiċi.

4

Skont l-Artikolu 29(1) u (2) tal-Kodiċi Doganali:

“1.   Il-valur doganali ta’ merkanzija importata għandu jkun il-valur tat-transazzjoni, jiġifieri, il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija meta tinbiegħ għall-esportazzjoni lit-territorju doganali tal-Komunità, aġġustat, fejn ikun meħtieġ, skond l-Artikoli 32 u 33, sakemm:

[...]

(d)

li x-xerrej u l-bejjiegħ ma jiġux minn xulxin, jew, fejn ix-xerrej u l-bejjiegħ jiġu minn xulxin, dak il-valur tat-transazzjoni huwa aċċettabbli għall-iskopijiet doganali taħt il-paragrafu 2.

(a)

Waqt li jkun qed jiġi stabbilit jekk valur ta’ transazzjoni huwiex aċċettabbli għall-iskopijiet tal-paragrafu 1, il-fatt li x-xerrej u l-bejjiegħ jiġu minn xulxin m’għandux fih innifsu jkun raġuni suffiċjenti biex il-valur tat-transazzjoni jitqies bħala mhux aċċettabbli. Fejn ikun meħtieġ, iċ-ċirkostanzi wara l-bejgħ għandhom jiġu eżaminati u l-valur tat-transazzjoni għandu jiġi aċċettat sakemm ir-relazzjoni ma tkunx influwenzat il-prezz. Jekk, fid-dawl ta’ l-informazzjoni mogħtija minn min ikun għamel id-dikjarazzjoni jew mod ieħor, l-awtoritajiet doganali jkollhom raġunijiet biex iqisu li r-relazzjoni tkun influwenzat il-prezz, għandhom jikkomunikaw ir-raġunijiet tagħhom lil min ikun għamel id-dikjarazzjoni u dan għandu jingħata opportunità raġonevoli sabiex jirrispondi. Jekk min ikun għamel id-dikjarazzjoni hekk jitlob, il-komunikazzjoni tar-raġunijiet għandha tkun bil-miktub.

(b)

F’bejgħ bejn persuni li jiġu minn xulxin, il-valur tat-transazzjoni għandu jiġi aċċettat u l-merkanzija stmata skond il-paragrafu 1 kull fejn min jagħmel id-dikjarazzjoni juri li dak il-valur jersaq qrib ħafna ta’ waħda mis-segwenti li jiġru fl-istess ħin jew kważi:

(i)

il-valur tat-transazzjoni fil-bejgħ, bejn xerrejja u bejjiegħa li ma jiġux minn xulxin f’xi każ partikolari, ta’ merkanzija identika jew simili għall-esportazzjoni lejn il-Komunità;

(ii)

il-valur doganali ta’ merkanzija identika jew simili, kif stabbilit taħt l-Artikolu 30(2)(ċ);

(iii)

il-valur doganali ta’ merkanzija identika jew simili, kif stabbilit taħt l-Artikolu 30(2)(d);

Waqt li jsiru t-testijiet hawn fuq imsemmija, għandhom ikunu kkonsidrati id-differenzi li jidhru f’livelli kummerċjali, livelli ta’ kwantità, l-elementi enumerati fl-Artikolu 32 u spejjeż li ntefqu mill-bejjiegħ f’bejgħ li fih hu u x-xerrej ma jiġux minn xulxin u fejn dawk l-ispejjez ma gewx minfuqa mill-bejjiegħ f’bejgħ li fih hu u x-xerrej jiġu minn xulxin.

(ċ)

It-testijiet imsemmija fil-subparagrafu (b) għandhom jiġu wżati fuq l-inizjattiva ta’ min jagħmel id-dikjarazzjoni u għal skopijiet ta’ paragun biss. Valuri sostituti ma jistgħux jiġu stabbiliti taħt l-imsemmi subparagrafu.”

5

L-Artikolu 30 ta’ dan il-kodiċi jipprovdi:

“1.   Fejn il-valur doganali ma jistax jiġi stabbilit taħt l-Artikolu 29, għandu jiġi stabbilit billi timxi sekwenzjalment minn subparagrafi (a), (b), (ċ) u (d) tal-paragrafu 2 għall-ewwel subparagrafu li taħtu jista’ jiġi stabbilit [...]

2.   Il-valur doganali kif stabbilit taħt dan l-Artikolu għandu jkun:

(a)

il-valur tat-transazzjoni ta’ merkanzija identika mibjugħa għall-esportazzjoni lejn il-Komunità u esportata fi jew kważi fl-istess żmien bħall-merkanzija li qed tkun valutata;

(b)

il-valur tat-transazzjoni tal-merkanzija simili mibjugħa għall-esportazzjoni lejn il-Komunità u esportata fi jew kważi fl-istess żmien bħall-merkanzija li qed tkun valutata;

(ċ)

il-valur ibbażat fuq il-prezz ta’ l-unità li bih il-merkanzija importata għal oġġetti identiċi jew simili jinbiegħu fil-Komunità fl-akbar kwantità totali lil persuni li ma jiġux mill-bejjiegħa;

(d)

il-valur maħdum, magħmul mis-somma ta’:

il-prezz jew valur ta’ materjali u fabbrikazzjoni jew proċessar ieħor imħaddem fil-produzzjoni tal-merkanzija importata,

ammont għal profitt u spejjeż ġenerali li jkun daqs dak normalment rifless fil-bejgħ ta’ merkanzija ta’ l-istess klassi jew xorta bħal merkanzija li qed tkun stmata li tkun magħmula minn produtturi fil-pajjiż ta’ l-esportazzjoni għall-esportazzjoni lill-Komunità,

il-prezz jew valur ta’ l-oġġetti li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 32(1)(e).

[...]”

6

L-Artikolu 31 tal-imsemmi kodiċi jipprovdi:

“1.   Fejn il-valur doganali ta’ merkanzija importata ma jistax jiġi stabbilit taħt l-Artikoli 29 jew 30, għandu jiġi stabbilit, skont il-bażi ta’ data disponibbli fil-Komunità, bl-użu ta’ mezzi raġonevoli konsistenti mal-prinċipji u dispożizzjonijiet ġenerali ta’:

il-ftehim dwar l-implimentazzjoni ta’ l-Artikolu VII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994,

L-Artikolu VII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994,

[u]

id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu.

[...]”

Ir-Regolament Nru 2454/93

7

L-Artikolu 143(1) tar-Regolament Nru 2454/93 jipprovdi:

“Għall-għanjiet tat-Titolu II, Kapitolu 3 tal-[Kodiċi Doganali] u ta’ dan it-Titolu, persuni jitqiesu li jiġu minn xulxin biss jekk:

(a)

ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju ta’ xulxin;

(b)

ikunu legalment rikonoxxuti bħala soċji fin-negozju;

(ċ)

ikunu min jimpjega u impjegat;

(d)

kull persuna li direttament jew indirettament tippossjedi, tikkontrolla jew ikollha 5 % jew aktar ta’ l-ishma jew ta’ kwoti ta’ ishma li jivvutaw jew tat-tnejn;

(e)

wieħed minnhom, direttament jew indirettament jikkontrolla lill-ieħor;

(f)

it-tnejn li huma huma direttament jew indirettament ikkontrollati minn terza persuna;

(g)

flimkien huma direttament jew indirettament jikkontrollaw terza persuna; jew

(h)

huma membri ta’ l-istess familja. Persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri ta’ l-istess familja jekk ikollhom biss ir-relazzjonijiet li ġejjin bejniethom:

[...]

aħwa (sew jekk ta’ l-istess ġenituri jew aħwa minn genitur wieħed),

[...]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8

Bejn is-sena 2008 u s-sena 2010, A. Stretinskis importa mill-Istati Uniti ħwejjeġ użati, bil-għan li jirrilaxxahom għal ċirkulazzjoni libera fit-territorju tal-Unjoni. Fid-dokumenti amministrattivi uniċi li huwa mela għal dan il-għan, A. Stretinskis ikkalkola l-valur doganali ta’ din il-merkanzija skont il-metodu tal-valur tat-tranżazzjoni filwaqt li bbaża ruħu fuq il-prezz totali indikati fuq il-fatturi prodotti minn Latcars LLC u Dexter Plus LLC (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“kumpanniji bejjiegħa”), kif ukoll fuq l-ispiża tat-trasport bil-baħar.

9

Wara li eżaminat id-dokumenti prodotti minn A. Stretinskis u wara li wettqet spezzjoni tal-postijiet tan-negozju tiegħu, l-awtorità fiskali nazzjonali esprimiet dubji fir-rigward tan-natura eżatta tal-valuri ddikjarati b’dan il-mod minħabba, b’mod partikolari, li d-direttur tal-kumpanniji bejjiegħa kien ħu A. Stretinskis. Peress li qieset li dan kien każ ta’ persuni relatati fis-sens tal-Artikolu 143(1)(h) tar-Regolament Nru 2453/93, l-awtorità fiskali nazzjonali, permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Lulju 2010, wettqet determinazzjoni ġdida tal-valur doganali tal-merkanzija fuq il-bażi tal-Artikolu 31 tal-Kodiċi Doganali.

10

A. Stretinskis ippreżenta rikors għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni quddiem il-qorti amministrattiva kompetenti fl-ewwel istanza. Din tal-aħħar ċaħdet dan ir-rikors.

11

Adita fl-appell, il-qorti amministrattiva kompetenti laqgħet ir-rikors ta’ A. Stretinskis. Dik il-qorti ddeċidiet, b’mod partikolari, li d-dubji tal-awtorità fiskali nazzjonali fir-rigward tan-natura eżatta tal-valuri doganali ddikjarati fir-rigward tal-merkanzija kkonċernata ma kinux issostanzjati b’mod suffiċjenti peress li l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ parentela, fis-sens tal-Artikolu 143(1)(h) tar-Regolament Nru 2454/93, setgħet tiġi rrikonoxxuta biss, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, fil-każ li ħu A. Stretinskis kien il-proprjetarju tal-kumpanniji bejjiegħa, punt dan li din l-awtorità ma kinitx ivverifikat.

12

L-imsemmija awtorità ppreżentat appell fil-kassazzjoni kontra din is-sentenza fejn sostniet, b’mod partikolari, li l-qorti amministrattiva kompetenti fl-appell kien imissha qieset li A. Stretinskis u d-direttur tal-kumpanniji bejjiegħa kienu persuni relatati, fis-sens tal-Artikolu 143(1)(h) tar-Regolament Nru 2454/93.

13

Billi qieset li s-soluzzjoni għat-tilwima fil-kawża prinċipali tiddependi mill-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, l-Augstākā tiesa (qorti suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 143(1)(h) tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju, għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tirreferi mhux biss għal sitwazzjonijiet li fihom il-partijiet fi tranżazzjoni huma biss persuni fiżiċi, iżda wkoll għal sitwazzjonijiet li fihom jeżistu rabtiet tal-familja jew ta’ parentela bejn direttur ta’ waħda mill-partijiet – persuna ġuridika – fi tranżazzjoni u l-parti l-oħra f’din it-tranżazzjoni (persuna fiżika) jew direttur ta’ din tal-aħħar (fil-każ ta’ persuna ġuridika)?

2)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva: il-qorti adita bil-kawża għandha twettaq analiżi iktar fil-fond taċ-ċirkustanzi tal-kawża sabiex tiddetermina l-influwenza reali eżerċitata mill-persuna fiżika inkwistjoni fuq il-persuna ġuridika?”

Fuq id-domandi preliminari

14

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 143(1)(h) tar-Regolament Nru 2454/93 għandux jiġi interpretat fis-sens li xerrej, persuna fiżika, u bejjiegħ, persuna ġuridika li d-direttur tagħha huwa ħu dan ix-xerrej, għandhomx jitqiesu li huma persuni relatati fis-sens tal-Artikolu 29(1)(d) tal-Kodiċi Doganali.

15

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 29(1) ta’ dan il-kodiċi, il-valur doganali tal-merkanzija importata għandu jkun, bħala prinċipju, il-valur tat-tranżazzjoni, jiġifieri l-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għal din il-merkanzija meta din tinbiegħ għall-esportazzjoni lejn it-territorju doganali tal-Unjoni.

16

Madankollu, mill-Artikolu 29(1)(d) u (2) tal-imsemmi kodiċi jirriżulta li, meta l-bejjiegħ u x-xerrej ikunu relatati, il-valur tat-tranżazzjoni għandu jiġi aċċettat biss sakemm dawn ir-relazzjonijiet ma jkunux influwenzaw il-prezz tal-bejgħ.

17

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 143(1) tar-Regolament Nru 2454/93 jelenka, b’mod eżawrjenti, il-każijiet partikolari fejn għandu jitqies li persuni huma relatati għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali.

18

Skont l-Artikolu 143(1)(h) huma b’mod partikolari meqjusa li huma relatati l-persuni li huma membri tal-istess familja. Skont din id-dispożizzjoni, li hija wkoll ifformulata b’mod eżawrjenti, persuni għandhom jitqiesu li huma membru tal-istess familja “jekk ikollhom biss ir-relazzjonijiet [imsemmija] bejniethom”. Fost dawn ir-relazzjonijiet jinsabu, b’mod partikolari, ir-relazzjoni bejn l-aħwa.

19

Huwa minnu li mid-diċitura tal-Artikolu 143(1)(h) tar-Regolament Nru 2454/93 jirriżulta li r-relazzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni jorbtu persuni fiżiċi filwaqt li, fil-kawża prinċipali, il-bejjiegħ tal-merkanzija kkonċernata huwa persuna ġuridika.

20

Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 143(1)(h) tar-Regolament Nru 2453/93 huwa dispożizzjoni li timplementa l-Kapitolu 3, intitolat “Valur ta’ merkanzija għall-iskopijiet doganali”, tat-Titolu II tal-Kodiċi Doganali, li minnu jagħmel parti l-Artikolu 29 ta’ dan il-kodiċi.

21

Għaldaqstant, l-Artikolu 143(1)(h) tar-Regolament Nru 2454/93 għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-istruttura ta’ dawn id-dispożizzjonijiet kif ukoll tal-għan tagħhom.

22

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-istima doganali hija intiża li tistabbilixxi sistema ġusta, uniformi u newtrali li teskludi l-użu ta’ valuri doganali arbitrarji jew fittizji (sentenza Christodoulou et, C‑116/12, EU:C:2013:825, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

Għandu jiġi enfasizzat ukoll li filwaqt li, skont l-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali, il-valur doganali tal-merkanzija importata għandu bħala prinċipju jkun il-valur tat-tranżazzjoni tagħhom, l-Artikolu 29(1)(d) u (3) ta’ dan il-kodiċi għandhom l-għan li jiżguraw li l-valur doganali jirrifletti l-valur ekonomiku reali tal-merkanzija importata u ma jkunx ta’ natura arbitrarja jew fittizja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Mitsui & Co. Deutschland, C‑256/07, EU:C:2009:167, punt 20, kif ukoll Christodoulou et, C‑116/12, EU:C:2013:825, punti 39 sa 40). Għal dan il-għan, l-awtoritajiet doganali huma awtorizzati sabiex jeżaminaw il-prezz indikat mid-dikjarant u sabiex jirrifjutawh jekk iqisu li dan tal-aħħar kien ġie influwenzat mir-relazzjonijiet li jeżistu bejn il-partijiet fit-tranżazzjoni (sentenza Carboni e derivati, C‑263/06, EU:C:2008:128, punt 37).

24

F’dan il-kuntest, l-Artikolu 143(1) tar-Regolament Nru 2454/93 jelenka, skont l-Artikolu 29(2)(a) tal-Kodiċi Doganali, is-sitwazzjonijiet li fihom il-prezz tal-bejgħ tal-merkanzija kkonċernata jista’ jkun influwenzat mir-relazzjonijiet li jeżistu bejn il-partijiet fit-tranżazzjoni.

25

Skont l-Artikolu 143(1)(h) tal-imsemmi regolament, dan ikun il-każ, b’mod partikolari, meta l-imsemmija partijiet ikunu membri tal-istess familja.

26

Issa, ir-riskju li persuni li jiġu minn xulxin jinfluwenzaw il-prezz tal-bejgħ ta’ merkanzija importata jeżisti wkoll meta l-bejjiegħ ikun persuna ġuridika li fi ħdanha persuna li tiġi mix-xerrej ikollha s-setgħa li tinfluwenza l-prezz tal-bejgħ favur dan tal-aħħar.

27

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-istima doganali, kif imfakkra fil-punti 22 u 23 ta’ din is-sentenza, tkun qiegħda tiġi kompromessa l-effettività tal-Artikolu 29(1)(d) tal-Kodiċi Doganali jekk jiġi eskluż a priori li xerrej u bejjiegħ jistgħu jitqiesu li huma persuni relatati, fis-sens tal-Artikolu 143(1)(h) tar-Regolament Nru 2454/93, minħabba li waħda mill-partijiet fil-kuntratt tal-bejgħ hija persuna ġuridika. Fil-fatt, f’dan il-każ, l-awtoritajiet doganali jiġu mċaħħda mill-possibbiltà li jeżaminaw, skont l-Artikolu 29(2)(a) tal-Kodiċi Doganali, iċ-ċirkustanzi partikolari tal-bejgħ ikkonċernat, minkejja li jkun hemm raġunijiet għaliex wieħed iqis li l-valur tat-tranżazzjoni tal-merkanzija importata seta’ ġie influwenzat mir-relazzjonijiet ta’ parentela li jeżistu bejn ix-xerrej u membru tal-persuna ġuridika bejjiegħa.

28

Għaldaqstant, għandu jitqies li, meta, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, persuna fiżika jkollha, fi ħdan persuna ġuridika, is-setgħa li tinfluwenza l-prezz tal-bejgħ ta’ merkanzija importata, favur xerrej li tkun tiġi minnu, il-kwalità ta’ persuna ġuridika tal-bejjiegħ ma tostakolax li x-xerrej u l-bejjiegħ ta’ din il-merkanzija jkunu jistgħu jitqiesu li huma relatati, fis-sens tal-Artikolu 29(1)(d) tal-Kodiċi Doganali.

29

Sabiex jiġi evalwat jekk il-persuna li tiġi mix-xerrej għandhiex tali setgħa fi ħdan il-persuna ġuridika bejjiegħa, il-funzjonijiet eżerċitati minnha fi ħdan din il‑persuna ġuridika jew, jekk ikun il-każ, il-fatt li tali persuna tkun l-unika persuna li teżerċita attività fi ħdan il-persuna ġuridika huma elementi rilevanti li l-awtoritajiet doganali għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni.

30

Għaldaqstant, l-awtoritajiet doganali kompetenti għandhom, skont l-Artikolu 29(2)(a) tal-Kodiċi Doganali, jeżaminaw, jekk ikun meħtieġ, iċ-ċirkustanzi partikolari tal-bejgħ ikkonċernat u għandhom jaċċettaw il-valur tat-tranżazzjoni sakemm relazzjonijiet, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jkunux influwenzaw il-prezz tal-bejgħ tal-merkanzija importata.

31

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li l-Artikolu 143(1)(h) tar-Regolament Nru 2454/93 għandu jiġi interpretat fis-sens li xerrej, persuna fiżika, u bejjiegħ, persuna ġuridika li fi ħdanha persuna li tiġi minn dan ix-xerrej ikollha effettivament is-setgħa li tinfluwenza l-prezz tal-bejgħ tal-imsemmija merkanzija favur l-imsemmi xerrej, għandhom jitqiesu li huma persuni relatati fis-sens tal-Artikolu 29(1)(d) tal-Kodiċi Doganali.

Fuq l-ispejjeż

32

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 143(1)(h) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 46/1999, tat-8 ta’ Jannar 1999, għandu jiġi interpretat fis-sens li xerrej, persuna fiżika, u bejjiegħ, persuna ġuridika li fi ħdanha persuna li tiġi minn dan ix-xerrej ikollha effettivament is-setgħa li tinfluwenza l-prezz tal-bejgħ tal-imsemmija merkanzija favur l-imsemmi xerrej, għandhom jitqiesu li huma persuni relatati fis-sens tal-Artikolu 29(1)(d) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 82/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Diċembru 1996.

 

Firem


( *1 )   Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.