Kawża C‑428/14

DHL Express (Italy) Srl u DHL Global Forwarding (Italy) SpA

vs

Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika tal-kompetizzjoni — Artikolu 101 TFUE — Regolament (KE) Nru 1/2003 — Settur tal-ispedizzjonijiet internazzjonali tal-merkanzija — Awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni — Valur legali tal-istrumenti tan-netwerk Ewropew tal-kompetizzjoni — Programm mudell ta’ dan in-netwerk fil-qasam tal-klemeneza — Talba għall-immunità mressqa quddiem il-Kummissjoni — Talba sommarja għal immunità mressqa quddiem l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni — Rabta bejn dawn iż-żewġ talbiet”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-20 ta’ Jannar 2016

  1. Kompetizzjoni — Regoli tal-Unjoni — Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni u dwar l-immunità minn multi u t-tnaqqis tal-ammont tagħhom — Programm mudell fil-qasam tal-klemenza redatt fil-kuntest tan-netwerk Ewropew tal-kompetizzjoni

    (Artikolu 101 TFUE u 102 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003; Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni 2004/C 101/03 u 2006/C 298/11)

  2. Kompetizzjoni — Regoli tal-Unjoni — Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni u dwar l-immunità minn multi u t-tnaqqis tal-ammont tagħhom — Awtonomija bejn il-programm ta’ klemenza tal-Unjoni u dawk tal-Istati Membri — Obbligu tal-impriżi kkonċernati li jressqu talbiet għal immunità distinti quddiem, minn naħa, il-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti

    (Artikolu 101 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003)

  3. Kompetizzjoni — Regoli tal-Unjoni — Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni u dwar l-immunità minn multi u t-tnaqqis tal-ammont tagħhom — Programm mudell fil-qasam tal-klemenza, redatt fil-kuntest tan-netwerk Ewropew tal-kompetizzjoni

    (Artikolu 101 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003; Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni 2004/C 101/03 u 2006/C 298/11)

  4. Kompetizzjoni — Regoli tal-Unjoni — Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni u dwar immunità minn multi u t-tnaqqis tal-ammont tagħhom — Programm mudell fil-qasam tal-klemenza, redatt fil-kuntest tan-netwerk Ewropew tal-kompetizzjoni

    (Artikolu 101 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003; Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni 2004/C 101/03 u 2006/C 298/11)

  1.  Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, partikolarment l-Artikolu 101 TFUE u r-Regolament Nru 1/2003, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-istrumenti adottati fil-kuntest tan-netwerk Ewropew tal-kompetizzjoni, partikolarment il-programm mudell ta’ dan in-netwerk fil-qasam tal-klemeneza, ma għandhomx effett vinkolanti fir-rigward tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni.

    (ara l-punti 33, 35, 36, 42, 44, dispożittiv 1)

  2.  L-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni huma liberi li jadottaw programmi ta’ klemenza u kull wieħed minn dawn il-programmi huwa awtonomu meta mqabbel mhux biss mal-programmi nazzjonali l-oħra, iżda wkoll mal-programm ta’ klemenza tal-Unjoni. Il-koeżistenza u l-awtonomija li b’dan il-mod jikkaratterizzaw ir-relazzjonijiet eżistenti bejn il-programm ta’ klemenza tal-Unjoni u dawk tal-Istati Membri huma l-espressjoni tas-sistema ta’ kompetenzi paralleli tal-Kummissjoni u tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni stabbilita mir-Regolament Nru 1/2003.

    Minn dan joħroġ li, fil-każ ta’ akkordju li l-effetti antikompetittivi tiegħu jistgħu jilħqu diversi Stati Membri u, konsegwentement, jistgħu jwasslu għal intervent minn diversi awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u kif ukoll mill-Kummissjoni, l-impriża li tkun tixtieq tibbenefika mis-sistema ta’ klemenza minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju kkonċernat ikollha interess tressaq talbiet għall-immunità, mhux biss quddiem il-Kummissjoni, iżda wkoll quddiem l-awtoritajiet nazzjonali possibbilment kompetenti sabiex japplikaw l-Artikolu 101 TFUE.

    L-awtonomija ta’ dawn it-talbiet toħroġ direttament mill-fatt li ma hemmx, fil-livell tal-Unjoni, sistema unika li taħtha impriżi li jipparteċipaw f’akkordji bi ksur tal-Artikolu 101 TFUE jirraportaw lilhom infushom. Barra minn hekk, din l-awtonomija ma tistax tiġi affettwata mill-fatt li d-diversi talbiet ikollhom bħala suġġett l-istess ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni.

    (ara l-punti 57-60)

  3.  Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, partikolarment l-Artikolu 101 TFUE u r-Regolament Nru 1/2003, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma hemm ebda rabta ġuridika bejn it-talba għall-immunità li impriża tkun ressqet jew tkun ser tressaq quddiem il-Kummissjoni Ewropea u t-talba sommarja mressqa quddiem awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni għall-istess akkordju, li tobbliga lil din l-awtorità tevalwa t-talba sommarja fid-dawl tat-talba għall-immunità. Il-fatt li t-talba sommarja tirrifletti jew ma tirriflettix b’mod fidil il-kontenut tat-talba mressqa quddiem il-Kummissjoni huwa, f’dan ir-rigward, irrilevanti.

    Fil-fatt, tali rabta legali tqiegħed f’dubju l-awtonomija tad-diversi talbiet u, konsegwentement, l-iskop tas-sistema stess ta’ talbiet sommarji. Din is-sistema hija bbażata fuq il-prinċipju li, fil-livell tal-Unjoni, ma hemmx talba għall-klemenza unika jew talba prinċipali mressqa b’mod parallel ma’ talbiet aċċessorji, iżda talbiet għall-immunità mressqa quddiem il-Kummissjoni u talbiet sommarji mressqa quddiem l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, li l-evalwazzjoni tagħhom hija esklużivament il-kompitu tal-awtorità destinatarja tagħhom.

    Barra min nhekk, meta t-talba sommarja mressqa quddiem awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni jkollha kamp ta’ applikazzjoni materjali iktar ristrett minn dak tat-talba għall-immunità mressqa quddiem il-Kummissjoni, din l-awtorità nazzjonali ma hijiex obbligata li tikkuntattja lill-Kummissjoni jew lill-impriża stess, sabiex tistabbilixxi jekk din l-impriża kkonstatatx l-eżistenza ta’ eżempji konkreti ta’ aġir illegali fis-settur allegatament kopert minn dik it-talba għall-immunità, iżda li ma huwiex kopert minn din it-talba sommarja. Tali obbligu jista’ jnaqqas id-dmir ta’ kooperazzjoni tal-persuni li jitolbu l-klemenza li huwa wieħed mill-pilastri ta’ kull programm ta’ klemenza. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-impriża li titlob lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni l-benefiċċju tas-sistema ta’ klemenza li għandha tiżgura ruħha li kull talba li hija tressaq hija nieqsa minn inċertezzi fir-rigward tal-estent tagħha.

    (ara l-punti 61, 63, 64, 67 u d-dispożittiv 2)

  4.  Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, partikolarment l-Artikolu 101 TFUE u r-Regolament Nru 1/2003, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn ma jipprekludux awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni milli taċċetta talba sommarja għall-immunità minn impriża li ma tkunx ressqet quddiem il-Kummissjoni, talba għall-immunità totali, iżda talba għat-tnaqqis tal-multi.

    F’dan ir-rigward, il-fatt li l-programm mudell tan-netwerk Ewropew tal-kompetizzjoni (NEK) fil-qasam tal-klemenza ma jipprevedix espressament, f’każ partikolari, il-possibbiltà għall-impriżi li jkunu ressqu quddiem il-Kummissjoni talba għal tnaqqis tal-multa li jressqu talba sommarja għall-immunità quddiem l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni ma jistax jiġi interpretat bħala li jipprekludi lil dawn l-awtoritajiet milli jaċċettaw, fil-każijiet kollha, tali talba sommarja. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-applikazzjoni effettiva tal-Artikolu 101 TFUE ma tostakolax sistema nazzjonali ta’ klemenza li tippermetti l-aċċettazzjoni ta’ talba sommarja għall-immunità minn impriża li ma tkunx ressqet quddiem il-Kummissjoni talba għall-immunità totali.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi eskluż li impriża li ma tkunx l-ewwel waħda li ressqet talba għall-immunità quddiem il-Kummissjoni u li, konsegwentement, tkun tista’ tibbenefika biss minn tnaqqis ta’ multa tista’, billi tressaq talba sommarja għall-immunità, tkun l-ewwel waħda li tinforma lill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni bl-eżistenza tal-akkordju kkonċernat. F’tali sitwazzjoni, fil-każ fejn il-Kummissjoni ma tkomplix bl-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-istess fatti rrapportati lill-awtorità nazzjonali, l-impriża kkonċernata tkun tista’ tingħata, fuq il-bażi tas-sistema nazzjonali ta’ klemenza, l-immunità totali.

    (ara l-punti 76, 77, 80, 83, 84 u d-dispożittiv 3)