Kawża C‑425/14
Impresa Edilux Srl
u
Società Italiana Costruzioni e Forniture Srl (SICEF)
vs
Assessorato Beni Culturali e Identità Siciliana – Servizio Soprintendenza Provincia di Trapani et
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Giustizia amministrativa per la Regione siciliana)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kuntratti pubbliċi — Direttiva 2004/18/KE — Raġunijiet għall-esklużjoni mill-parteċipazzjoni f’sejħa għal offerti — Kuntratt li ma jilħaqx il-limitu għall-applikazzjoni ta’ din id-direttiva — Regoli fundamentali tat-Trattat FUE — Dikjarazzjoni ta’ aċċettazzjoni ta’ protokoll ta’ legalità rigward il-ġlieda kontra l-attivitajiet kriminali — Esklużjoni minħabba nuqqas ta’ preżentata ta’ tali dikjarazzjoni — Ammissibbiltà — Proporzjonalità”
Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tat-22 ta’ Ottubru 2015
Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Domanda mqajma fir-rigward ta’ kuntratt pubbliku li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni — Inklużjoni fid-dawl tal-interess transkonfinali ċert tal-kuntratt
(Artikolu 267 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18)
Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi — Direttiva 2004/18 — Għoti ta’ kuntratti — Kawżi ta’ esklużjoni mill-parteċipazzjoni f’sejħa għal offerti — Setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri — Limiti — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil awtorità kontraenti teskludi lill-offerenti li ma jkunux aċċettaw protokoll ta’ legalità rigward il-ġlieda kontra l-attivitajiet kriminali — Ammissibbiltà — Esklużjoni awtomatika tal-offerenti li jastjenu milli jikkonfermaw l-assenza ta’ ftehim jew ta’ relazzjoni ta’ kontroll jew ta’ assoċjazzjoni ma’ offerenti oħra u l-impenn tagħhom li ma humiex ser jagħmlu subappalti ta’ kompiti lil parteċipanti oħra fil-proċedura — Inammissibbiltà — Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18)
Il-fatt li qorti nazzjonali fformulat domanda preliminari billi rreferiet għal ċerti dispożizzjonijiet biss tad-dritt tal-Unjoni ma huwiex ta’ ostakolu sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi lil din il-qorti l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, kemm jekk hija rreferiet għalihom jew le meta ressqet id-domandi tagħha. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeduċi mill-elementi kollha prodotti mill-qorti tar-rinviju, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti ta’ liġi tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża.
Fir-rigward ta’ domanda preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/18, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi, anki jekk il-kuntratt pubbliku inkwistjoni jkun ta’ valur inferjuri għal-limitu għall-applikazzjoni rilevanti ta’ din id-direttiva, għandu jitqies li l-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt inkwistjoni hija madankollu suġġetta għar-regoli fundamentali u għall-prinċipji ġenerali tat-Trattat FUE, b’mod partikolari għall-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità u kif ukoll għall-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minnhom, peress li l-qorti tar-rinviju taċċetta l-applikazzjoni fil-kawża li tressqet quddiemha tal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni u tosserva, f’dan il-kuntest, l-eżistenza ta’ interess transkonfinali ċert.
(ara l-punti 20-23)
Ir-regoli fundamentali u l-prinċipji ġenerali tat-Trattat FUE, b’mod partikolari l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni kif ukoll l-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minnhom, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li bis-saħħa tagħha awtorità kontraenti tista’ tipprovdi li kandidat jew offerent jiġi eskluż awtomatikament minn proċedura ta’ sejħa għal offerti dwar kuntratt pubbliku talli ma ppreżentax, flimkien mal-offerta tiegħu, aċċettazzjoni bil-miktub tal-impenji u tad-dikjarazzjonijiet li jinsabu fi protokoll ta’ legalità li l-għan tiegħu huwa li jiġġieled kontra l-infiltrazzjonijiet tal-kriminalità organizzata fis-settur tal-kuntratti pubbliċi. Madankollu, sa fejn dan il-protokoll jinkludi dikjarazzjonijiet skont liema l-kandidat jew l-offerent ma humiex f’relazzjoni ta’ kontroll jew ta’ assoċjazzjoni ma’ kandidati jew offerenti oħra, ma kkonkludiex u mhux ser jikkonkludi ftehim ma’ parteċipanti oħra fil-proċedura tas-sejħa għal offerti u ma huwiex ser jagħmel subappalti għal ebda tip ta’ obbligu lill-impriżi oħra li qed jipparteċipaw f’din il-proċedura, l-assenza ta’ tali dikjarazzjonijiet ma jistax ikollha bħala konsegwenza l-esklużjoni awtomatika ta’ kandidat jew ta’ offerent mill-imsemmija proċedura.
Fil-fatt, l-Istati Membri għandhom jingħataw ċertu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiġu adottati miżuri intiżi li jiggarantixxu l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u tal-obbligu tat-trasparenza, li huma imposti fuq l-awtoritajiet kontraenti f’kull proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku. Fil-fatt, kull Stat Membru jinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex jidentifika, fid-dawl ta’ kunsiderazzjonijiet storiċi, ġuridiċi, ekonomiċi jew soċjali partikolari għalih, is-sitwazzjonijiet li jiffavorixxu mġiba li tista’ tinvolvi ksur ta’ dan il-prinċipju u ta’ dan l-obbligu. Madankollu, konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, tali miżura bħal dik tal-obbligu li tiġi ddikjarata l-aċċettazzjoni ta’ protokoll ta’ legalità ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkiseb l-għan intiż. F’dan ir-rigward, l-esklużjoni awtomatika tal-kandidati jew tal-offerenti li jinsabu f’relazzjoni ta’ kontroll jew ta’ assoċjazzjoni ma’ kandidati oħra jew ma’ offerenti oħra tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tevita l-aġir kollużiv u, għalhekk, sabiex tiżgura l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-osservanza tal-obbligu tat-trasparenza. Fil-fatt, tali esklużjoni awtomatika tikkostitwixxi preżunzjoni inkonfutabbli ta’ interferenza reċiproka fl-offerti rispettivi, għall-istess kuntratt, ta’ impriżi marbuta f’relazzjoni ta’ kontroll jew ta’ assoċjazzjoni. Hija teskludi b’dan il-mod il-possibbiltà għal dawn il-kandidati jew offerenti milli juri l-indipendenza tal-offerti tagħhom u għalhekk hija tmur kontra l-interess tal-Unjoni li jitlob li tiġi żgurata l-ikbar parteċipazzjoni ta’ offerenti possibbli f’sejħa għal offerti.
(ara l-punti 26, 29, 36, 41 u d-dispożittiv)