SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

24 ta’ Mejju 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 267 TFUE — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Kwalità ta’ qorti jew tribunal tal-korp tar-rinviju — Kuntratt pubbliku fis-settur tal-infrastruttura ferrovjarja — Proċedura nnegozjata — Direttiva 2004/17/KE — Artikolu 10 — Artikolu 51(3) — Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti — Grupp kompost minn żewġ kumpanniji u li ġie ammess bħala offerent — Offerta ppreżentata minn waħda miż-żewġ kumpanniji, f’isimha stess, filwaqt li l-kumpannija l-oħra ġiet iddikjarata falluta — Kumpannija meqjusa idonea sabiex tiġi ammessa, waħedha, bħala offerent — Għoti tal-kuntratt lil din il-kumpannija”

Fil-Kawża C‑396/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Klagenævnet for Udbud (bord tal-appell fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, id-Danimarka), permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Awwissu 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑20 ta’ Awwissu 2014, fil-proċedura

MT Højgaard A/S,

Züblin A/S

vs

Banedanmark,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi-President, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, J. L. da Cruz Vilaça u A. Arabadjiev, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász (Relatur), A. Borg Barthet, J. Malenovský, E. Levits, J.‑C. Bonichot, C. G. Fernlund u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑8 ta’ Settembru 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal MT Højgaard A/S u Züblin A/S, minn T. Høg, avukat,

għall-Gvern Daniż, minn C. Thorning, bħala aġent, assistit minn R. Holdgaard, avukat,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Grønfeldt u M. Clausen, kif ukoll minn A. Tokár bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑25 ta’ Novembru 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-operaturi ekonomiċi, li jinsab fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑31 ta’ Marzu 2004, li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 19), moqri flimkien mal-Artikolu 51 ta’ din id-direttiva.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn MT Højgaard A/S u Züblin A/S, minn naħa, u Banedanmark, amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja fid-Danimarka, min-naħa l-oħra, dwar ir-regolarità tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku minn dan tal-aħħar, fil-kwalità tiegħu ta’ entità kontraenti, lil Per Aarsleff A/S.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessa 9 tad-Direttiva 2004/17 tipprovdi:

“Sabiex jiġi garantit il-ftuħ għall-kompetizzjoni ta’ kuntratti ta’ akkwist pubbliku mogħtija minn entitajiet li qed joperaw f’setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġijia, it-trasport u tal-posta, huwa ta’ parir li jitfasslu dispożizzjonijiet għal koordinazzjoni tal-Komunità ta’ kuntratti ’l fuq minn ċertu valur. Din il-kordinazzjoni hija bażata fuq ħtiġijiet inferibbli mill-Artikoli 14, 28 u 49 tat-Trattat tal-KE u mill-Artikolu 97 tat-Trattat ta’ l-Euratom, prinċipalment ta’ trattament ugwali, li tiegħu il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ diskriminazzjoni mhuwiex aktar minn espressjoni speċifika, il-prinċipju ta’ għarfien bejn xulxin, il-prinċipju ta’ proporzjonalita, kif ukoll il-prinċipju ta’ trasparenza. Bil-ħsieb tan-natura tas-setturi affettwati minn din il-kordinazzjoni, dan ta’ l-aħħar għandu, fil-waqt li jissalvagwardja l-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji, jistabbilixxi qafas għal prattika kummerċjali soda u għandu jippermetti flessibilita massima.

[...]”

4

L-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, intitolat “Prinċipji ta’ għoti ta’ kuntratti”, jipprovdi:

“Entitajiet kontraenti għandhom jittrattaw lil operaturi ekonomiċi ugwalment (indaqs) u mhux b’mod diskriminatorju u għandhom jaġixxu b’mod trasparenti.”

5

L-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Operaturi ekonomiċi”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Gruppi ta’ operaturi ekonomiċi jistgħu jissottomettu offerti jew jippreżentaw ruħhom bħala kandidati. Sabiex tiġi sottomessa offerta jew talba għal parteċipazzjoni, dawn il-gruppi ma jistgħux jinħtieġu mill-entitajiet kontraenti li jassumu forma legali speċifika; madankollu, il-grupp magħżul jista’ jinħtieġ li jagħmel dan meta jkun ingħata l-kuntratt, sal-punt li din il-bidla hija meħtieġa għat-twettieq sodisfaċenti tal-kuntratt.”

6

L-Artikolu 51, li jagħmel parti mill-Kapitolu VII tal-istess direttiva u li huwa intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali”, jipprovdi:

“1.   Għall-għan ta’ l-għażla ta’ parteċipanti fil-proċeduri ta’ l-għoti tagħhom:

(a)

entitajiet kontraenti li provdew regoli u kriterji għall-esklużjoni ta’ persuni li jagħmlu l-offerti jew kandidati bi qbil ma’ l-Artikolu 54(1), (2) jew (4) għandhom eskludu operaturi ekonomiċi li jikkonformaw ma’ dawn ir-regoli u jilħqu dawn il-kriterji;

(b)

għandhom jagħżlu persuni li jagħmlu l-offerti u kandidati bi qbil mar-regoli u l-kriterji oġġettivi preskritti skond l-Artikolu 54;

(ċ)

fi proċeduri ristretti u proċeduri negozjati b’sejħa għal kompetizzjoni, għandhom fejn ikun xieraq bi qbil ma’ l-Artikolu 54 inaqqsu n-numru ta’ kandidati magħżula skond is-sottoparagrafi (a) u (b).

[...]

3.   Entitajiet kontraenti għandhom jivverifikaw li l-offerti sottomessi mill-persuni li jagħmlu l-offerti magħżula jikkonformaw mar-regoli u l-ħtiġijiet applikabbli għal offerti u jagħtu l-kuntratt fuq il-bażi tal-kriterji preskritti fl-Artikoli 55 u 57.”

7

Skont l-Artikolu 54 tad-Direttiva 2004/17, intitolat “Kriterji għal għażla kwalitattiva”:

“1.   Entitajiet kontraenti li jistabbilixxu kriterji ta’ għażla fi proċedura miftuħa għandhom jagħmlu dan bi qbil ma’ regoli u kriterji oġġettivi li huma disponibbli għal operaturi ekonomiċi interessati.

2.   Entitajiet kontraenti li jagħżlu kandidati għal proċeduri ristretti jew negozjati għandhom jagħmlu dan skond regoli u kriterji oġġettivi li jkunu stabbilixxew u li huma disponibbli għal operaturi ekonomiċi interessati.

3.   Fi proċeduri ristretti jew negozjati, l-kriterji jistgħu jkunu bażati fuq il-ħtieġa oġġettiva ta’ l-entità kontraenti li tnaqqas in-numru ta’ kandidati għal livell li huwa ġustifikat mill-ħtieġa li jiġu bilanċjati l-karatteristiċi partikolari tal-proċedura ta’ akkwist mar-risorsi meħtieġa biex titmexxa. In-numru ta’ kandidati magħżula għandu, madankollu, iqis il-ħtieġa li tiġi żgurata kompetizzjoni adegwata.

[...]”

Id-dritt Daniż

8

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tal-lov om visse erhvervsdrivende virksomheder (liġi dwar ċerti attivitajiet kummerċjali), ippublikata permezz tad-Digriet ta’ konsolidazzjoni Nru 1295, tal‑15 ta’ Novembru 2013, jinkludi d-definizzjoni li ġejja, stabbilita konformement mal-ġurisprudenza u mad-duttrina:

“Għall-finijiet ta’ din il-liġi, ‘soċjetà f’isem kollettiv’ tfisser impriża fejn is-soċji kollha huma responsabbli personalment, b’mod illimitat u in solidum għall-obbligi tagħha.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9

Permezz ta’ avviż ippubblikat f’Jannar 2013, Banedanmark bdiet proċedura nnegozjata b’sejħa għal kompetizzjoni minn qabel, fis-sens tal-Artikolu 47 tad-Direttiva 2004/17, għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku dwar il-kostruzzjoni ta’ linja ferrovjarja ġdida bejn il-bliet ta’ Copenhagen u Ringsted, proġett li jġib l-isem ta’ “TP 4 Urban Tunnels”. Għall-għoti tal-kuntratt, il-kriterju użat kien dak tal-offerta l-iktar ekonomikament vantaġġjuża.

10

Konformement mal-avviż tal-kuntratt, Banedanmark kellha l-intenzjoni tistieden minn erba’ sa sitt kandidati biex jissottomettu offerta u, fil-każ li n-numru ta’ kandidati kien ta’ iktar minn sitta, hija kellha tipproċedi b’għażla preliminari. Barra minn hekk, mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jirriżulta li l-proċedura mibdija kienet tipprevedi li l-offerenti jkunu mistiedna jippreżentaw tliet offerti suċċessivi matul il-proċedura. Issir negozjazzjoni wara l-preżentazzjoni tal-ewwel żewġ offerti, bit-tielet u l-aħħar waħda twassal għall-għoti tal-kuntratt.

11

Ħames operaturi ekonomiċi ppreżentaw att tal-kandidatura fil-qafas tal-preselezzjoni. Fosthom kien hemm il-grupp ikkostitwit minn MT Højgaard u Züblin (iktar ’il quddiem il-“grupp Højgaard u Züblin”) kif ukoll il-grupp ikkostitwit minn Per Aarsleff u E. Pihl og Søn A/S (iktar ’il quddiem il-“grupp Aarsleff u Pihl”). Banedanmark ippreselezzjonat il-ħames kandidati kollha u stednithom sabiex jissottomettu offerti.

12

F’Ġunju 2013, waħda mill-impriżi rrinunzjat għall-proċedura, b’tali mod li kien baqa’ biss erba’ offerenti ppreselezzjonati.

13

Il-kuntratt ta’ kostituzzjoni tal-grupp Aarsleff u Pihl ġie konkluż bejn iż-żewġ kumpanniji fis‑26 ta’ Awwissu 2013. F’din l-istess data, il-qorti kompetenti tat sentenza li tiddikjara l-falliment ta’ E. Pihl og Søn. Banedanmark kien avżat b’din is-sentenza waranofsinhar ta’ dik l-istess ġurnata u immedjatament staqsa lil Per Aarsleff dwar l-effetti ta’ din is-sentenza fuq il-proċedura ta’ kuntratt pendenti. Minkejja din id-dikjarazzjoni ta’ falliment, il-grupp Aarsleff u Pihl issottometta l-ewwel offerta fis‑27 ta’ Awwissu 2013, iffirmata minn dawn iż-żewġ kumpanniji iżda mhux mil-likwidatur tal-falliment.

14

Fil‑15 ta’ Ottubru 2013, Banedanmark informa lill-offerenti kollha bid-deċiżjoni tiegħu li jawtorizza lil Per Aarsleff tkompli tipparteċipa waħidha fil-proċedura. Banedanmark iġġustifika din id-deċiżjoni bil-fatt li Per Aarsleff, li kienet l-ewwel imprenditur fid-Danimarka f’termini ta’ dħul mill-bejgħ matul is-snin finanzjarji 2012 u 2013, kienet tissodisfa r-rekwiżiti meħtieġa sabiex tipparteċipa fil-proċedura nnegozjata, anki mingħajr il-kapaċitajiet tekniċi u finanzjarji ta’ E. Pihl og Søn. Barra minn hekk, Per Aarsleff kienet ħadet iktar minn ħamsin ħaddiem ta’ E. Pihl og Søn, inklużi persuni essenzjali għat-twettiq tal-proġett inkwistjoni.

15

Per Aarsleff ippreżentat it-tieni offerta, f’isimha stess, u ddikjarat li hija kienet qiegħda tissottomettiha fil-kwalità tagħha ta’ suċċessur tal-grupp Aarsleff u Pihl, li l-likwidatur tal-falliment ma kienx indika jekk kienx beħsiebu jkompli l-kuntratt tal-grupp u li, konsegwentement, Per Aarsleff kienet xoljiet dan il-kuntratt. Wara l-evalwazzjoni tat-tieni offerti rċevuti, Banedanmark għamel l-għażla, konformement mal-kundizzjonijiet tal-avviż tal-kuntratt, li jżomm tliet offerti sabiex jiddetermina liema minnhom kienet l-iktar ekonomikament vantaġġjuża u talab lit-tliet offerenti miżmuma jippreżentaw it-tielet u l-aħħar offerta. Fosthom kien hemm Per Aarsleff kif ukoll il-grupp Højgaard u Züblin. Dawn l-offerti tal-aħħar ġew ippreżentati mit-tliet offerenti fit‑12 ta’ Diċembru 2013.

16

Fl‑20 ta’ Diċembru 2013, Banedanmark informa lit-tliet offerenti miżmuma li huwa kien iddeċieda li jagħti l-kuntratt lil Per Aarsleff, li l-offerta tagħha kienet, kemm mill-perspettiva tal-kwalità kif ukoll tal-prezz, l-iktar ekonomikament vantaġġjuża. Din l-offerta kienet tirrigwarda ammont ta’ DKK 920300000 (madwar EUR 123402000).

17

Wara din id-deċiżjoni, MT Højgaard u Züblin ippreżentaw rikors quddiem il-Klagenævnet for Udbud (bord tal-appell fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, id-Danimarka), u sostnew, b’mod partikolari, li, billi ppermetta lil Per Aarsleff tipparteċipa fil-proċedura minflok il-grupp Aarsleff u Pihl, minkejja li Per Aarsleff ma kinitx ġiet ippreselezzjonata personalment, Banedanmark kiser il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza stabbiliti fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/17. MT Højgaard u Züblin għalhekk talbu lill-Klagenævnet for Udbud (bord tal-appell fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi) tannulla d-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt lil Per Aarsleff, kif ukoll tordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tagħha.

18

Il-Klagenævnet for Udbud (bord tal-appell fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi) l-ewwel nett iddeċieda li ma jagħtix effett sospensiv lir-rikors. Huwa qies, sussegwentement, fid-deċiżjoni tar-rinviju tiegħu, li, abbażi tal-informazzjoni kkomunikata dwar Per Aarsleff, din il-kumpannija kienet tiġi ppreselezzjonata li kieku hija kienet ippreżentat att tal-kandidatura f’isimha stess minflok ma ppreżentatu permezz tal-grupp Aarsleff u Pihl. Il-Klagenævnet for Udbud (bord tal-appell fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi) jirrileva wkoll li ma teżisti ebda dispożizzjoni fid-dritt Daniż li tipprojbixxi l-bidla fil-kompożizzjoni ta’ grupp ta’ imprendituri li jipparteċipa fi proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku, li sseħħ wara s-sottomissjoni tal-offerti.

19

Il-Klagenævnet for Udbud (bord tal-appell fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi) josserva barra minn hekk li, fl-avviż tal-kuntratt, Banedanmark ma stabbilixxiex rekwiżiti minimi kwalitattivi dwar il-kapaċitajiet tekniċi tal-offerenti u kellu jipproċedi għal evalwazzjoni kwalitattiva tal-kandidaturi biss fil-każ li n-numru tagħhom kien iktar minn sitta. Per Aarsleff għalhekk setgħet tiġi ppreselezzjonata f’isimha stess, mingħajr ma tkun parti mill-grupp Aarsleff u Pihl. Il-fatt li Per Aarsleff issostitwixxiet lilha nnifisha għal dan il-grupp ma għandu, barra minn hekk, ebda effett fuq is-sitwazzjoni tal-offerenti, peress li ebda wieħed mill-kandidati ma ġie eskluż matul il-preselezzjoni u ebda wieħed ma kien jiġi miċħud kieku Per Aarsleff għamlet att tal-kandidatura f’isimha. Barra minn hekk, għandha ssir distinzjoni bejn is-sitwazzjoni meta l-bidla ta’ grupp isseħħ qabel l-għoti tal-kuntratt u dik meta din il-bidla sseħħ wara dan l-għoti.

20

Madankollu, il-Klagenævnet for Udbud (bord tal-appell fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi) għandha ċerti dubji dwar il-kompatibbiltà tal-proċedura segwita mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, filwaqt li tenfasizza li, fir-rigward tal-kuntratti pubbliċi fis-setturi ta’ attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17, il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea ma stabbilixxiex regoli ddettaljati fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju bħal dawk li jinsabu fid-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132).

21

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Klagenævnet for Udbud (bord tal-appell fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament previst fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/17/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 51 tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, jipprekludi li entità kontraenti tagħti kuntratt lil offerent li ma jkunx ippreżentata l-kandidatura tiegħu għall-preselezzjoni u għaldaqstant ma ġiex preselezzjonat?”

Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

22

Fil-punt 15 tas-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 1999, Unitron Scandinavia u 3‑S (C‑275/98, EU:C:1999:567), il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-kwalità ta’ “qorti jew tribunal”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, lill-Klagenævnet for Udbud (bord tal-appell fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi). Il-Gvern Daniż jirrileva, madankollu, li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2014, TDC (C‑222/13, EU:C:2014:2265), min-naħa l-oħra, ċaħdet din il-kwalità lit-Teleklagenævnet (bord tal-appell fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet, id-Danimarka). Konsegwentement, huwa jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkjarifika iktar il-kriterji applikabbli f’dan ir-rigward u sabiex tikkonferma, jekk ikun il-każ, il-kwalità ta’ “qorti jew tribunal” tal-Klagenævnet for Udbud (bord tal-appell fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi).

23

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tevalwa l-kwalità ta’ “qorti jew tribunal” tal-korp tar-rinviju, kwistjoni li hija rregolata biss mid-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni sensiela ta’ kriterji, bħal jekk dan il-korp huwiex stabbilit mil-liġi, jekk huwiex permanenti, jekk il-ġurisdizzjoni tiegħu hijiex ta’ natura obbligatorja, jekk il-proċedura hijiex ta’ natura kontradittorja, jekk l-imsemmi korp japplikax regoli tad-dritt, kif ukoll jekk huwiex indipendenti (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Consorci Sanitari del Marseme, C‑203/14, EU:C:2015:664, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

Fil-kawża prinċipali, ma jirriżulta minn ebda prova fil-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-korp tar-rinviju ma jissodisfax il-kriterji fir-rigward tal-fatt li huwa stabbilit mil-liġi, li huwa permanenti, li l-ġurisdizzjoni tiegħu hija ta’ natura obbligatorja, li l-proċedura segwita quddiemu hija ta’ natura kontradittorja u li dan il-korp japplika regoli tad-dritt.

25

F’dak li jirrigwarda l-kriterju dwar l-indipendenza, kriterju li t-Teleklagenævnet (bord tal-appell fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet) ma kienx jissodisfa, konformement ma’ dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2014, TDC (C‑222/13, EU:C:2014:2265), enfasizzata mill-Gvern Daniż, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li, b’differenza minn dan il-korp ta’ appell tal-aħħar, il-Klagenænet for Udbud (bord tal-appell fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi) ma jintervjenix bħala parti fil-proċeduri ta’ appell imressqa kontra d-deċiżjonijiet tiegħu quddiem il-qrati ordinarji. Minn dan jirriżulta li huwa għandu l-kwalità ta’ terz fil-konfront tal-partijiet fil-kawża, b’mod partikolari fil-konfront tal-awtorità li adottat d-deċiżjoni kkontestata quddiemu.

26

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-proċess jirriżulta li l-Klagenænet for Udbud (bord tal-appell fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi) ma għandu ebda rabta funzjonali mal-ministeru tal-impriżi u tat-tkabbir. Il-fatt li s-segretarjat ta’ dan il-korp huwa marbut mal-imsemmi ministeru ma jistax iqiegħed din il-konstatazzjoni fid-dubju. Barra minn hekk, l-imsemmi korp jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu b’awtonomija assoluta, mingħajr ma huwa ssubordinat għal rabta ġerarkika u mingħajr ma jirċievi istruzzjonijiet minn kwalunkwe persuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Consorci Sanitari del Maresme, C‑203/14, EU:C:2015:664, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

F’dak li jirrigwarda l-indipendenza tal-membri li jikkomponu l-korp tar-rinviju, għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 1(4) tal-bekendtgørelse nr. 887 om Klagenævnet for Udbud med senere ændringer (Digriet Nru 887, dwar il-bord tal-appell fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, kif emendat), tal‑11 ta’ Awwissu 2011, dawn huma obbligati jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom b’mod indipendenti.

28

Mill-proċess jirriżulta li l-korp tar-rinviju huwa kompost, konformement mal-Artikolu 9(1) tal-lov nr. 492 om håndhævelse af udbudsreglerne med senere ændringer (Liġi Nru 492, dwar l-implementazzjoni tar-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, kif emendata), tat‑12 ta’ Mejju 2010 (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 492”), minn president u minn ċertu numru ta’ viċi presidenti, li jifformaw il-presidenza, kif ukoll minn ċertu numru ta’ membri esperti. Il-presidenza hija komposta, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tal-Liġi Nru 492, minn imħallfin tal-qrati distrettwali u tal-qrati reġjonali superjuri.

29

Il-kompożizzjoni tal-Klagenævnet for Udbud (bord tal-appell fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi) hija konġunta. Fil-kompożizzjoni ordinarja tiegħu, dan il-korp huwa kkostitwit minn membru tal-presidenza li jaġixxi bħala president u minn membru espert. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 10(5) tal-Liġi Nru 492, id-deċiżjonijiet tiegħu jittieħdu b’maġġoranza sempliċi tal-voti, bil-vot tal-president ikun deċiżiv fil-każ ta’ ugwaljanza. Konsegwentement, il-membri ta’ dan il-korp li ġejjin mill-kulleġġ tal-maġistrati Daniżi għandhom, fil-każijiet kollha, il-maġġoranza tal-voti u, għalhekk, piż deċiżiv fit-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-imsemmi korp.

30

Il-membri tal-korp tar-rinviju li għandhom l-istatus ta’ maġistrati tal-ordni ġudizzjarju jgawdu, f’dan ir-rigward, il-protezzjoni partikolari kontra t-tneħħija mill-kariga prevista fl-Artikolu 64 tal-Kostituzzjoni Daniża, protezzjoni li testendi wkoll għat-twettiq tal-funzjonijiet ta’ membru tal-presidenza tal-korp tar-rinviju.

31

Fid-dawl tal-piż deċiżiv tal-voti li għandhom il-membri tal-korp tar-rinviju li, fil-kwalità tagħhom ta’ maġistrati, igawdu din il-protezzjoni partikolari, il-fatt li l-membri esperti ta’ dan il-korp ma jgawdux l-istess protezzjoni ma jistax, fi kwalunkwe każ, iwassal sabiex iqiegħed fid-dubju l-indipendenza tal-imsemmi korp.

32

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonfermat li l-Klagenævnet for Udbud (bord tal-appell fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi) jissodisfa wkoll il-kriterju tal-indipendenza u għandu, għalhekk, jiġi kklassifikat bħala “qorti jew tribunal”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

33

Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi d-domanda magħmula.

Fuq id-domanda preliminari

34

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-operaturi ekonomiċi, li jinsab fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/17, moqri flimkien mal-Artikolu 51 tagħha, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li entità kontraenti tawtorizza operatur ekonomiku, li kien jagħmel parti minn grupp ta’ żewġ impriżi li ġie ppreselezzjonat u li għamel l-ewwel offerta fi proċedura nnegozjata għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku, ikompli jipparteċipa f’ismu stess f’din il-proċedura, wara x-xoljiment tal-imsemmi grupp.

35

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2004/17 ma tipprevedix regoli li jirrigwardaw b’mod speċifiku l-bidliet li jseħħu fir-rigward tal-kompożizzjoni ta’ grupp ta’ operaturi ekonomiċi li ġie ppreselezzjonat bħala offerent għal kuntratt pubbliku, b’mod li r-regolamentazzjoni ta’ tali sitwazzjoni taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2003, Makedoniko Metro u Michaniki, C‑57/01, EU:C:2003:47, punt 61).

36

La l-leġiżlazzjoni Daniża u lanqas l-avviż tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jinkludu regoli speċifiċi f’dan ir-rigward. Madankollu, il-possibbiltà, għall-entità kontraenti, li tawtorizza tali bidla għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u tal-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minn dan, kif ukoll tal-għanijiet ta’ dan id-dritt fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi.

37

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-obbligu ta’ trasparenza jfissru, b’mod partikolari, li l-offerenti għandhom ikunu f’pożizzjoni ta’ ugwaljanza kemm meta jkunu qegħdin jippreparaw l-offerti tagħhom kif ukoll meta dawn jiġu evalwati mill-awtorità kontraenti u jikkostitwixxu l-bażi tar-regoli tal-Unjoni dwar il-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Michaniki, C‑213/07, EU:C:2008:731, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-offerenti, li għandu l-għan li jiffavorixxi l-iżvilupp ta’ kompetizzjoni b’saħħitha u effettiva bejn l-impriżi li jipparteċipaw f’kuntratt pubbliku, jimponi li l-offerenti kollha jkollhom l-istess opportunitajiet fil-formulazzjoni tat-termini tal-offerti tagħhom u għaldaqstant jimplika li dawn ikunu suġġetti għall-istess kundizzjonijiet għall-kompetituri kollha (sentenzi tad‑29 ta’ April 2004, Il‑Kummissjoni vs CAS Succhi di Frutta, C‑496/99 P, EU:C:2004:236, punt 110, u tat‑12 ta’ Marzu 2015, eVigilo, C‑538/13, EU:C:2015:166, punt 33).

39

Applikazzjoni stretta tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn offerenti, kif spjegat fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/17, moqri flimkien mal-Artikolu 51 tagħha, twassal għall-konklużjoni li huma biss l-operaturi ekonomiċi li ġew ippreselezzjonati bħala tali li jistgħu jippreżentaw offerti u jsiru offerenti rebbieħa.

40

Dan l-approċċ għandu l-bażi tiegħu fl-Artikolu 51(3) tad-Direttiva 2004/17, li skontu l-awtoritajiet kontraenti “għandhom jivverifikaw li l-offerti sottomessi mill-persuni li jagħmlu l-offerti magħżula jikkonformaw”, li jippreżupponi, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, identiċità legali u materjali bejn l-operaturi ekonomiċi ppreselezzjonati u dawk li jippreżentaw l-offerti.

41

Madankollu, ir-rekwiżit ta’ identiċità legali u materjali msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza jista’ jittaffa sabiex tiġi żgurata, fi proċedura nnegozjata, kompetizzjoni suffiċjenti, bħalma jeħtieġ l-Artikolu 54(3) tad-Direttiva 2004/17.

42

Fil-kawża prinċipali, bħalma jirriżulta mill-punt 10 ta’ din is-sentenza, l-entità kontraenti qieset li l-kandidati kellhom ikunu mill-inqas erbgħa sabiex tiġi żgurata tali kompetizzjoni.

43

Madankollu, il-kontinwazzjoni tal-parteċipazzjoni fil-proċedura nnegozjata, minn operatur ekonomiku f’ismu stess, wara x-xoljiment tal-grupp li kien jagħmel parti minnu u li kien ġie ppreselezzjonat mill-entità kontraenti, għandha sseħħ ukoll f’kundizzjonijiet li ma jippreġudikawx il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti kollha.

44

F’dan ir-rigward, entità kontraenti ma tiksirx dan il-prinċipju meta hija tawtorizza wieħed miż-żewġ operaturi ekonomiċi li kienu jagħmlu parti minn grupp ta’ impriżi li, bħala tali, kien mistieden jissottometti offerti minn din l-entità, sabiex jissostitwixxi ruħu għal dan il-grupp wara x-xoljiment tiegħu u sabiex jipparteċipa, f’ismu stess, fil-proċedura nnegozjata għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku, sakemm ikun stabbilit, minn naħa, li dan l-operatur ekonomiku jissodisfa waħdu r-rekwiżiti ddefiniti mill-imsemmija entità u, min-naħa l-oħra, li l-kontinwazzjoni tal-parteċipazzjoni tiegħu fl-imsemmija proċedura ma twassalx għal deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni kompetittiva tal-offerenti l-oħrajn.

45

Fil-kawża prinċipali, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, li kieku Per Aarsleff kienet għamlet, waħedha, att tal-kandidatura, hija kienet tkun ippreselezzjonata (ara l-punt 18 ta’ din is-sentenza).

46

Madankollu, fid-dawl tal-informazzjoni li tinsab fil-proċess, li skontha, minn naħa, il-kuntratt ta’ kostituzzjoni tal-grupp Aarsleff u Pihl ġie konkluż fl-istess ġurnata li fiha ngħatat is-sentenza dikjaratorja ta’ falliment ta’ E. Pihl og Søn u, min-naħa l-oħra, l-ewwel offerta ta’ dan il-grupp ġiet ippreżentata l-għada mingħajr il-firma tal-likwidatur tal-falliment ta’ E. Pihl og Søn, hija mbagħad il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li l-preżentata ta’ din l-ewwel offerta ma kinitx ivvizzjata b’irregolarità li kienet ta’ natura li tostakola li Per Aarsleff tkompli tipparteċipa, f’isimha stess, fil-proċedura nnegozjata inkwistjoni.

47

Fl-aħħar, fir-rigward tal-fatt li, wara x-xoljiment tal-grupp Aarsleff u Pihl, Per Aarsleff ħadet 50 ħaddiem ta’ E. Pihl og Søn, fosthom persuni essenzjali għat-twettiq tal-proġett ta’ kostruzzjoni inkwistjoni, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk Per Aarsleff, minħabba dan il-fatt, gawdietx vantaġġ kompetittiv bi ħsara għall-offerenti l-oħrajn.

48

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-operaturi ekonomiċi, li jinsab fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/17, moqri flimkien mal-Artikolu 51 tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li entità kontraenti ma tiksirx dan il-prinċipju meta hija tawtorizza wieħed miż-żewġ operaturi ekonomiċi li kienu jagħmlu parti minn grupp ta’ impriżi li, bħala tali, kien mistieden jissottometti offerti minn din l-entità, sabiex jissostitwixxi ruħu għal dan il-grupp wara x-xoljiment tiegħu u sabiex jipparteċipa, f’ismu stess, fi proċedura nnegozjata għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku, sakemm ikun stabbilit, minn naħa, li dan l-operatur ekonomiku jissodisfa waħdu r-rekwiżiti ddefiniti mill-imsemmija entità u, min-naħa l-oħra, li l-kontinwazzjoni tal-parteċipazzjoni tiegħu fl-imsemmija proċedura ma twassalx għal deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni kompetittiva tal-offerenti l-oħrajn.

Fuq l-ispejjeż

49

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-operaturi ekonomiċi, li jinsab fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑31 ta’ Marzu 2004, li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali, moqri flimkien mal-Artikolu 51 tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li entità kontraenti ma tiksirx dan il-prinċipju meta hija tawtorizza wieħed miż-żewġ operaturi ekonomiċi li kienu jagħmlu parti minn grupp ta’ impriżi li, bħala tali, kien mistieden jissottometti offerti minn din l-entità, sabiex jissostitwixxi ruħu għal dan il-grupp wara x-xoljiment tiegħu u sabiex jipparteċipa, f’ismu stess, fi proċedura nnegozjata għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku, sakemm ikun stabbilit, minn naħa, li dan l-operatur ekonomiku jissodisfa waħdu r-rekwiżiti ddefiniti mill-imsemmija entità u, min-naħa l-oħra, li l-kontinwazzjoni tal-parteċipazzjoni tiegħu fl-imsemmija proċedura ma twassalx għal deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni kompetittiva tal-offerenti l-oħrajn.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: id-Daniż.