SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

14 ta’ Jannar 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Qafas regolatorju komuni għan-netwerks u servizzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi — Direttiva 2002/21/KE — Artikolu 7 (3) — Proċedura ta’ konsolidazzjoni tas-suq intern tal-komunikazzjonijiet elettroniċi — Direttiva 2002/19/KE — Artikoli 8 u 13 — Operatur identifikat li għandu saħħa sinjifikattiva fuq suq — Obbligi imposti mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali — Kontroll tal-prezzijiet u obbligi relatati mas-sistema ta’ kontabilizzazzjoni tal-ispejjeż — Awtorizzazzjoni ta’ tariffi tat-terminazzjoni tat-telefonati mobbli”

Fil-Kawża C‑395/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (qorti amministrattiva federali, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Ġunju 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Awwissu 2014, fil-proċedura

Vodafone GmbH

vs

Bundesrepublik Deutschland,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tat-Tieni Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, C. Toader, E. Levits, E. Jarašiūnas (Relatur) u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Vodafone GmbH, minn T. Tschentscher u D. Herrmann, avukat,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun u L. Nicolae, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva [Qafas]) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349, iktar ’il quddiem id-“Direttiva Qafas”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Vodafone GmbH (iktar ’il quddiem “Vodafone”) u l-Bundesrepublik Deutschland (Repubblika Federali tal-Ġermanja) dwar deċiżjoni tal-Bundesnetzagentur (Aġenzija federali tan-netwerks, iktar ’il quddiem l-“Aġenzija”) li tawtorizza provviżorjament it-tariffi tat-terminazzjoni tat-telefonati mobbli ta’ Vodafone.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva Qafas

3

Id-Direttiva Qafas tistabbilixxi, fil-premessa 38 tagħha:

4

L-Artikolu 1 tad-Direttiva Qafas jiddetermina l-għanijiet u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Dan jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi kwadru armonizzat għar-regolar ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, faċilitajiet assoċjati u servizzi assoċjati. Tistipula x-xogħol ta’ l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji [(iktar ’il quddiem l-‘ARN’)] u tistabbilixxi settt ta’ proċeduri biex tassigura l-applikazzjoni armonizzata tal-kwadru regolatorju mal-Komunità”.

5

L-Artikolu 2(l) tad-Direttiva Qafas jiddefinixxi id-“Direttivi Speċifiċi” li tirreferi għalihom id-Direttiva Qafas bħala d-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 13, Vol. 29, p. 337); id-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva ta’ l-Aċċess) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 13, Vol. 29, p. 323), id-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet ta’ l-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 13, Vol. 29, p. 367), kif ukoll id-Direttiva 97/66 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Diċembru 1997, dwar l-ipproċessar ta’ data personali u l-protezzjoni tal-ħajja privata fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet (ĠU 1998, L 24, p. 1).

6

L-Artikolu 6 tad-Direttiva Qafas, intitolat, “Mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni u trasparenza”, jipprovdi, essenzjalment, li meta l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom l-intenzjoni, b’applikazzjoni tad-Direttiva Qafas jew tad-Direttivi Speċifiċi, li jieħdu miżuri li għandhom impatt sinjifikanti fuq is-suq rilevanti, huma għandhom jagħtu lill-partijiet interessati l-opportunità li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-abbozz ta’ miżuri.

7

L-Artikolu 7 tad-Direttiva Qafas, intitolat “Konsolidazzjoni tas-suq intern għall-komunikazzjonijiet elettroniċi” jipprovdi:

“1.   Fit-twettieq tax-xogħlijiet tagħhom taħt din id-Direttiva u d-Direttivi Speċifiċi, l-[ARN] għandhom jagħtu l-akbar kont tal-miri stipulati f’Artikolu 8, inkluż sal-limitu li dawn jirrelataw mas-suq intern.

2.   L-[ARN] għandhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-suq intern billi jikkoperaw ma’ xulxin u mal-Kummissjoni b’mod trasparenti li jiżgura l-applikazzjoni konsistenti, fl-Istati Membri kollha, tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u tad-Direttivi Speċifiċi [...]

3.   B’żieda mal-konsultazzjoni msemmija f’Artikolu 6, fejn [ARN] jkollha l-ħsieb li tieħu miżuri li:

a)

jaqgħu fl-iskop ta’ Artikoli 15 jew 16 ta’ din id-Direttiva, Artikoli 5 jew 8 tad-Direttiva 2002/19/KE [Direttiva ‘Aċċess’] jew Artikolu 16 tad-Direttiva 2002/22/KE [Direttiva‘Servizz Universali’], u

b)

jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri,

għandha fl-istess żmien tagħmel abbozz tal-miżura aċċessibbli għall-Kummissjoni u għall-[ARN] fl-Istati Membri l-oħra, flimkien mar-raġonament li fuqu tkun bażata l-miżura [...], u tinforma lill-Kummissjoni u lill-[ARN] l-oħra bih. L-[ARN] u l-Kummissjoni għandhom jagħmlu l-kummenti lill-[ARN] konċernata fi żmien xahar jew fi żmien il-prjodu msemmi f’Artikolu 6 jekk dak il-perjodu jkun itwal. Il-perjodu ta’ xahar ma jistgħax jiġi mtawwal.

[...]

5.   L-[ARN] awtorità nazzjonali regolatorja għandha tagħti l-akbar kont tal-kummenti ta’ [ARN] oħra u l-Kummissjoni, u tista’ ħlief f’każijiet koperti bil-paragrafu 4, tadotta l-abbozz tal-miżura li tirriżulta u, fejn tagħmel dan, għandha tikkomunikah lill-Kummissjoni.

[...]”

8

L-Artikolu 8 tad-Direttiva Qafas, intitolat “Miri politiċi u prinċipji regolatorji”, jipprovdi fil-paragrafu 3 tiegħu:

“L-[ARN] għandhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-suq intern billi fost ħwejjeġ oħra:

[...]

d)

jikkoperaw ma’ xulxin u mal-Kummissjoni b’mod trasparenti biex jassiġuraw l-iżvilupp ta’ prattika regolatorja konsistenti u l-applikazzjoni konsistenti ta’ din id-Direttiva u tad-Direttivi Speċifiċi”.

9

L-Artikolu 14 tad-Direttiva Qafas, intitolat “Impriżi b’saħħa sinifikanti fis-suq”, jippreċiża l-kriterji li jippermettu lill-ARN jikkunsidraw li operatur partikolari għandu saħħa sinjifikattiva fuq is-suq.

10

L-Artikolu 16 tad-Direttiva Qafas, intitolat “Proċedura ta’ analiżi tas-suq”, jipprovdi:

“[...]

2.   Fejn [ARN] hija meħtieġa taħt Artikoli 16, 17, 18 jew 19 tad-[Direttiva dwar is-Servizz Universali], jew Artikoli 7 jew 8 tad-Direttiva 2002/19/KE [Direttiva dwar l-Aċċess] li jistabbilixxu jekk jimponux, iżommu, jemendaw jew jirtiraw obbigazzjonijiet fuq impriżi, għandha tistabbilixxi fuq il-bażi ta’ l-analiżi tagħha tas-suq imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan Artikolu jekk is-suq relevanti hux effettivament kompetittiv.

[...]

4.   Fejn [ARN] tistabbilixxi li suq relevanti mhux effettivament kompetittiv, għandha tidentifika impriżi b’saħħa sinifikanti fis-suq fuq dak is-suq skond Artikolu 14 u l-[ARN] għandha fuq dawk l-impriżi timponi l-obbligazzjonijiet speċifiċi adatti msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan Artikolu jew iżżomm jew temenda dawk l-obbligazzjonijiet fejn ġia jeżistu.

[...]

6.   Il-miżuri meħuda skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 3, 4 u 5 ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu suġġetti għall-proċeduri msemmija f’Artikoli 6 u 7”.

11

L-Artikolu 19 tad-Direttiva Qafas, intitolat “Armonizzazzjoni ta’ proċeduri” jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn il-Kummissjoni, [...] toħroġ rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri dwar l-applikazzjoni armonizzata tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u d-Direttivi Speċifiċi sabiex jinkisbu aktar il-miri stipulati f’Artikolu 8, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-[ARN] jagħtu l-akbar kont ta’ dawk ir-rakkomandazzjonijiet fit-twettieq tax-xogħol tagħhom. Fejn [ARN] tagħżel li ma ssegwix rakkomandazzjoni, għandha tinforma lill-Kummissjoni u tagħti r-raġunijiet għall-pożizzjoni tagħha”.

Id-Direttiva “Aċċess”

12

Id-Direttiva “Aċċess” tistabbilixxi, fil-premessi 13 u 20 tagħha:

“(13)

[...] Sabiex jiġi żgurat li l-parteċipanti fis-suq f’ċirkostanzi simili jiġu trattati b’mod simili fi Stati Membri differenti, il-Kummissjoni għandha tkun kapaċi li tiżgura l-applikazzjoni armonizzata tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva. L-[ARN] u l-awtoritajiet nazzjonali fdati bl-implimentazzjoni tal-liġi dwar il-kompetizzjoni għandhom, fejn xieraq, jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom biex jiġi żgurat li l-aktar rimedju adatt jiġi applikat [...]

[...]

(20)

Il-kontroll tal-prezzijiet jista’ jkun meħtieġ meta l-analiżi tas-suq f’suq partikolari juri kompetizzjoni ineffiċjenti. L-intervent regolatorju jista jkun relattivament ħafif, bħal obbligu li l-prezzijiet għall-għażla tal-carrier ikunu raġonevoli [...] jew ħafna aktar tqil bħal obbligu li l-prezzijiet ikunu orjentati ma’ l-ispiża biex tiġi provduta ġustifikazzjoni sħiħa għal dawk il-prezzijiet fejn il-kompetizzjoni ma tkunx b’saħħitha biżżejjed biex tipprevjeni prezzijiet eċċessivi [...]”

13

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni u miri”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fi ħdan il-qafas stipulat fid-[Direttiva Qafas], din id-Direttiva tarmonizza l-mod li bih l-Istati Membri jirregolaw l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ma’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati. L-għan huwa li jiġi stabbilit qafas regolatorju, skond il-prinċipji tas-suq intern, għar-relazzjonijiet bejn il-fornituri ta’ networks u servizzi li ser jirriżultaw f’kompetizzjoni sostenibbli, interoperabilità ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u benefiċċji għall-konsumatur”.

14

L-Artikolu 2(a) u (b) tal-imsemmija direttiva jinkludi d-definizzjonijiet, rispettivament, tal-kunċett ta’ “aċċess” u dak ta’ “interkonnessjoni”. Dan tal-aħħar ifisser il-“konnessjoni fiżika u loġika ta’ networks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet wżati mill-istess impriża jew waħda differenti sabiex tippermetti lill-utenti ta’ impriża waħda li jikkomunikaw ma utenti ta’ l-istess impriża jew oħra [...] L-interkonnessjoni hija tip speċifiku ta’ aċċess implimentat bejn operaturi ta’ netwerks pubbliċi”.

15

L-Artikolu 8 tad-Direttiva “Aċċess”, bit-titolu “Impożizzjoni, emendar jew irtirar ta’ l-obbligi”, jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-[ARN] jkollhom is-setgħa li jimponu l-obbligi identifikati f’Artikoli 9 sa 13.

2.   Fejn operatur huwa identifikat bħala li jkollu saħħa tas-suq sinjifikanti f’suq speċifiku bħala riżultat ta’ l-analiżi tas-suq imwettaq skond Artikolu 16 tad-[Direttiva Qafas], l-[ARN] għandhom jimponu l-obbligi stipulati f’Artikoli 9 sa 13 ta’ din id-Direttiva kif xieraq.

[...]

4.   L-obbligi imposti skond dan Artikolu għandhom ikunu bbażati fuq in-natura tal-problema identifikata, proporzjonati u ġustifikati fid-dawl tal-miri stipulati f’Artikolu 8 tad-[Direttiva Qafas]. Dawn l-obbligi għandhom ikunu imposti biss wara konsultazzjoni skond Artikoli 6 u 7 ta’ dik id-Direttiva.

[...]”

16

L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva “Aċċess”, intitolat “Kontroll tal-prezzijiet u obbligi ta’ kontabilità ta’ l-ispejjeż”, jipprevedi:

“1.   L-[ARN] tista’, skond id-dispożizzjonijiet ta’ Artikolu 8, timponi obbligi li jirrelataw ma l-irkupru ta’ l-ispejjeż u l-kontrolli tal-prezzijiet, inklużi obbligi għall-orjentazzjoni tal-prezzijiet għall-ispejjeż u obbligi li jikkonċernaw sistemi ta’ kontabilità ta’ l-ispejjeż, għall-forniment ta’ tipi speċifiċi ta’ interkonnessjoni u/jew aċċess, f’sitwazzjonijiet fejn analiżi tas-suq jindika li n-nuqqas ta’ kompetizzjoni effettiva jfisser li l-operatur konċernat jista’ jsofri prezzijiet f’livell eċċessivament għoli, jew jikkumpressa l-prezzijiet, għad-detriment ta’ l-utenti finali. L-[ARN] jieħdu kont tal-investiment magħmul mill-operatur u jippermettulu rata raġonevoli ta’ qliegħ fuq il-kapital adegwat investit, waqt li jittieħed kont tar-riskji involuti.

2.   L-[ARN] għandhom jiżguraw li kull mekkaniżmu ta’ rkupru ta’ l-ispejjeż jew metodoloġija ta’ l-iffissar tal-prezzijiet li jkun obbligatoru jservi biex jippromwovi l-effiċjenza u l-kompetizzjoni sostenibbli u jimmassimizza l-benefiċċji għall-konsumatur. F’dan ir-rigward l-[ARN] jistgħu wkoll jieħdu kont tal-prezzijiet disponibbli fi swieq kompetittivi komparabbli.

3.   Fejn operatur ikollu obbligu li jorjenta l-prezzijiet tiegħu ma’ l-ispejjeż, l-oneru tal-prova li l-prezzijiet huma bażati fuq l-ispejjeż inkluża rata raġonevoli ta’ qliegħ fuq l-investiment għandu jkun fuq l-operatur konċernat. Għall-għan tal-kalkolu tal-kost tal-forniment effiċjenti ta’ servizzi, l-[ARN] jistgħu jużaw metodi ta’ kontabilità ta’ l-ispejjeż indipendenti minn dawk użati mill-impriża. L-[ARN] jistgħu jeħtieġu operatur li jipprovdi ġustifikazzjoni sħiħa għall-prezzijiet tiegħu, u jistgħu, fejn xieraq, jeħtieġu li l-prezzijiet jiġu aġġustati.

[...]”

Id-dritt Ġermaniż

17

It-Telekommunikationsgesetz (Liġi dwar it-telekomunikazzjonijiet), tat-22 ta’ Ġunju 2004 (BGBl. 2004 I, p. 1190), kif emendata bil-Liġi tas-17 ta’ Frar 2010 (BGBl. 2010 I, p. 78, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar it-telekomunikazzjonijiet”), tipprovdi fl-Artikolu 12 tagħha:

“1)   L-[Aġenzija] għandha tagħti lill-partijiet interessati l-possibbiltà li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, fit-terminu stabbilit, dwar l-abbozz tal-konklużjonijiet msemmija fl-Artikoli 10 u 11. [...]

2)   Għalkemm l-Artikolu 10(3) u l-Artikolu 11(3) jipprovdu għal trażmissjoni konformi ma’ dan l-artikolu, il-proċedura segwenti hija applikabbli:

1.

Meta l-proċedura stabbilita fil-paragrafu 1 tintemm, l-[Aġenzija] għandha tqiegħed l-abbozz tal-konklużjonijiet imsemmija fl-Artikoli 10 u 11, flimkien mal-motivi li hija bbażata fuqhom, għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni kif ukoll, fl-istess ħin, tal-[ARN] ta’ Stati Membri oħra u għandha tinforma b’dan lill-Kummissjoni kif ukoll lill-[ARN] l-oħra. L-[Aġenzija] ma tistax tadotta l-konklużjonijiet imsemmija fl-Artikoli 10 u 11 qabel ma jiddekorri terminu ta’ xahar jew ta’ terminu itwal stabbilit skont il-paragrafu 1.

2.

L-[Aġenzija] għandha tieħu l-ikbar kont tal-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Kummissjoni u mill-[ARN] l-oħra skont il-punt 1. Hija għandha tikkomunika l-abbozz finali lill-Kummissjoni.

[...]

4.

F’ċirkustanzi eċċezzjonali, meta l-[Aġenzija] tikkunsidra li huwa urġenti li tittieħed azzjoni, b’deroga għall-proċedura stabbilita fil-paragrafu 1 u fil-punti 1 sa 3, sabiex tinżamm il-kompetizzjoni u jiġu protetti l-interessi tal-utenti, hija tista’ tadotta immedjatament miżuri provviżorji proporzjonati. Hija għandha tikkomunika mingħajr dewmien dawn il-miżuri, debitament motivati, lill-Kummissjoni u lill-[ARN]. Kull deċiżjoni tal-[Aġenzija] li trendi dawn il-miżuri permanenti jew li testendi l-perijodu li matulu huma applikabbli hija suġġetta għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 u tal-punti 1 sa 3”.

18

L-Artikolu 13(1) ta’ din il-liġi jipprovdi:

“Meta, wara analiżi tas-suq magħmula skont l-Artikolu 11 l-[Aġenzija] timponi, temenda, iżżomm jew tirrevoka (deċiżjoni ta’ regolament) obbligi skont l-Artikoli [...], 30 [...], il-proċedura prevista fl-Artikolu 12(1) u l-punti (1), (2) u (4) tal-Artikolu 12(2) hija applikabbli mutatis mutandis, sa fejn il-miżura għandha effetti fuq l-iskambji bejn l-Istati Membri [...]”

19

L-Artikolu 30(1) tal-imsemmija liġi jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi segwenti, it-tariffi tal-provvisti ta’ aċċess imposti skont l-Artikolu 21 fuq l-operatur ta’ netwerk pubbliku ta’ telekomunikazzjonijiet li għandu saħħa sinjifikattiva fuq is-suq huma suġġett għall-awtorizzazzjoni tal-[Aġenzija] fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 31. [...]”

20

Skont l-Artikolu 31(1) tal-Liġi dwar it-telekomunikazzjonijiet:

“It-tariffi li huma suġġetti għall-awtorizzazzjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 30(1), [...] jistgħu jiġu awtorizzati meta ma jeċċedux l-ispejjeż tal-provvista ta’ prestazzjoni effikaċi. [...]”

21

L-Artikolu 35(3) ta’ din il-liġi jipprovdi:

“L-awtorizzazzjoni tingħata integralment jew parzjalment meta t-tariffi huma konformi mar-rekwiżiti tal-Artikoli 28 u 31, fil-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu 2, u li ma teżistix raġuni ta’ rifjut fis-sens tat-tieni jew tat-tielet sentenza [...]”.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

22

Vodafone hija kumpannija li tuża netwerks ta’ telekomunikazzjonijiet mobbli interkonnessi ma’ netwerks ta’ operaturi oħra ta’ telekomunikazzjonijiet. Fil-kuntest ta’ proċedura preċedenti għal dik li wasslet għat-tilwima fil-kawża prinċipali, l-Aġenzija identifikat lil Vodafone bħala operatur b’saħħa sinjifikattiva fuq is-suq tat-telefonija mobbli u ssuġġettat għal awtorizzazzjoni t-tariffi tagħha tat-terminazzjoni ta’ telefonata mobbli.

23

F’Settembru 2010, Vodafone talbet tali awtorizzazzjoni tat-tariffi mingħand l-Aġenzija għal perijodu li jibda jiddekorri mill-1 ta’ Diċembru 2010. Bl-intenzjoni li tibda fil-konfronti tagħha l-proċeduri ta’ konsultazzjoni u ta’ konsolidazzjoni previsti rispettivament fl-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva Qafas, l-Aġenzija, permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Novembru 2010, awtorizzat dawn it-tariffi provviżorjament. Meta ntemmu l-imsemmija proċeduri, din, permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Frar 2011, tat lil Vodafone awtorizzazzjoni definittiva tal-imsemmija tariffi, b’effett retroattiv mill-1 ta’ Diċembru 2010 valida sat-30 ta’ Novembru 2012.

24

Vodafone ikkontestat id-deċiżjoni tat-30 ta’ Novembru 2010 quddiem il-Verwaltungsgericht Köln (qorti amministrattiva ta’ Cologne), minħabba li din kienet nieqsa minn bażi legali, peress li proċedura ta’ konsolidazzjoni ma għandhiex, skont din il-kumpannija, tiġi segwita mill-għoti ta’ awtorizzazzjoni ta’ tariffi. Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Settembru 2012, din il-qorti, minn naħa, ċaħdet it-talba għal annullament imressqa minn Vodafone bħala inammissibbli, peress li d-deċiżjoni kkontestata kienet saret mingħajr oġġett, u, min-naħa l-oħra, ċaħdet it-talba sussidjarja ta’ Vodafone sabiex tiġi kkonstatata l-illegalità tal-imsemmija deċiżjoni.

25

Vodafone ippreżentat appell għal “Reviżjoni” kontra din is-sentenza quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (qorti amministrattiva Federali), fejn hija talbet li tiġi kkonstatata l-illegalità tad-deċiżjoni tat-30 ta’ Novembru 2010. Din il-qorti tippreċiża, f’dan ir-rigward, li, anki jekk id-deċiżjoni tat-30 ta’ Novembru 2010 saret mingħajr oġġett, Vodafone għad għandha interess leġittimu li tiġi kkonstatata l-illegalità tagħha, sa fejn huwa possibbli li, fil-futur, l-Aġenzija taġixxi għal darb’oħra fis-sens ikkontestat minn din il-kumpannija.

26

Fil-mertu, il-Bundesverwaltungsgericht tindika li, fid-dawl tad-dritt Ġermaniż biss, l-appell ippreżentat minn Vodafone għandu jiġi milqugħ. Peress li l-Liġi dwar it-telekomunikazzjonijiet ma tipprovdix li proċedura ta’ konsolidazzjoni tista’ tinbeda qabel ma tingħata awtorizzazzjoni ta’ tariffi, ma huwiex possibbli li tingħata awtorizzazzjoni provviżorja intiża sabiex ittaffi l-inkonvenjenti marbuta mal-adozzjoni tardiva ta’ deċiżjoni definittiva li tirriżulta mis-segwitu ta’ din il-proċedura.

27

Din il-qorti tistaqsi lilha nnifisha madankollu dwar il-konformità tad-dritt Ġermaniż mad-dritt tal-Unjoni. Hija tirrileva li, ċertament, jista’ jingħad, fir-rigward tal-Artikoli 12(2), l-ewwel sentenza tal-Artikolu 31(1), u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 35(3) tal-Liġi dwar it-telekomunikazzjonijiet kif ukoll tal-Artikoli 7(3) tad-Direttiva Qafas u 8 u 13 tad-Direttiva “Aċċess”, li l-Aġenzija għandha ssegwi l-proċedura ta’ konsolidazzjoni qabel ma tagħti awtorizzazzjoni ta’ tariffi sa fejn tali awtorizzazzjoni tista’ taqa’ taħt il-kunċett ta’ “obbligi li jirrelataw ma l-irkupru ta’ l-ispejjeż u l-kontrolli tal-prezzijiet, inklużi obbligi għall-orjentazzjoni tal-prezzijiet għall-ispejjeż”, stabbilit fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva “Aċċess”, u għandha ġeneralment effetti fuq l-iskambji bejn l-Istati Membri.

28

L-imsemmi qorti tqis, madankollu, li jibqa’ dubju dwar l-eżattezza ta’ tali interpretazzjoni. Fid-dritt tal-Unjoni ma teżisti l-ebda dispożizzjoni dettaljata li tikkonċerna l-proċedura fil-kuntest ta’ kontroll tal-prezzijiet jew il-kriterji li għandhom jiġu applikati fil-qasam ta’ tariffi. L-Artikolu 13 tad-Direttiva “Aċċess” għalhekk jippermetti li l-organizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tat-tariffi tkun, essenzjalment, irregolata mid-dritt nazzjonali. F’dan il-każ, il-Liġi dwar it-telekomunikazzjonijiet stabbilixxiet proċedura f’żewġ passi, fejn l-ewwel wieħed minnhom biss, dwar l-obbligu astratt li jiġu riflessi l-ispejjeż, u mhux fuq l-iffissar tat-tariffi konkreti, jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu. Il-paragrafu 3 tiegħu jista’ fil-fatt, skont il-qorti tar-rinviju, jinftiehem fis-sens li d-dritt tal-Unjoni jistabbilixxi wkoll sistema fi gradi ta’ leġiżlazzjoni tat-tariffi. Barra minn hekk, indħil dirett tal-Kummissjoni fl-iffissar tat-tariffi konkreti jista’ jiġi kkunsidrat kuntrarju għall-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità.

29

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bundesverwaltungsgericht iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

Fuq id-domanda preliminari

30

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva Qafas għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta ARN timponi fuq operatur li ġie identifikat li għandu saħħa sinjifikanti fuq is-suq li jipprovdi servizzi ta’ terminazzjoni ta’ telefonata mobbli u ssuġġettat għal awtorizzazzjoni t-tariffi ta’ dawn is-servizzi fi tmiem il-proċedura prevista minn din id-dispożizzjoni, din l-ARN għandhiex mill-ġdid timplementa l-proċedura qabel kull għoti, lil dan l-operatur, ta’ awtorizzazzjoni ta’ dawn it-tariffi.

31

L-imsemmija dispożizzjoni tipprovdi li, fil-każ fejn ARN għandha l-intenzjoni li tieħu miżura li, minn naħa, taqa’ b’mod partikolari taħt l-Artikolu 16 tad-Direttiva Qafas jew l-Artikolu 8 tad-Direttiva “Aċċess” u, min-naħa l-oħra, għandha effetti fuq l-iskambji bejn l-Istati Membri, hija tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni u tal-ARN l-oħra l-abbozz ta’ miżura kif ukoll il-motivi li hija bbażata fuqhom u tinforma b’dan lill-Kummissjoni u lill-ARN l-oħra.

32

Skont l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva Qafas, meta, skont, b’mod partikolari, l-Artikolu 8 tad-Direttiva “Aċċess”, l-ARN għandha tieħu deċiżjoni dwar l-impożizzjoni, iż-żamma, il-modifika jew it-tħassir ta’ obbligi fil-konfronti tal-impriżi, hija għandha tiddetermina, abbażi tal-analiżi tas-suq imsemmija fl-Artikolu 16(1), jekk suq rilevanti huwiex effettivament kompetittiv. Skont Artikolu 16(4), meta ARN tiddetermina jekk suq rilevanti huwiex effettivament kompetittiv, hija għandha tidentifika l-impriżi b’saħħa sinjifikanti fis-suq u timponi fuq dawn l-impriżi l-obbligi regolamentari speċifiċi msemmija b’mod partikolari fl-Artikolu 8 tad-Direttiva “Aċċess” jew iżżomm jew timmodifika dawn l-obbligi fejn dawn diġà huma applikati. Il-paragrafu 6 tal-istess Artikolu 16 jippreċiża li l-miżuri meħuda skont il-paragrafu 4 ta’ dan huma b’mod partikolarment suġġetti għall-proċedura ta’ konsolidazzjoni prevista fl-Artikolu 7 tad-Direttiva Qafas.

33

Fir-rigward tal-Artikolu 8 tad-Direttiva “Aċċess”, dan jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu li, meta, wara analiżi tas-suq magħmula skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva Qafas, operatur jiġi identifikat li għandu saħħa sinjifikattiva fuq suq partikolari, l-ARN jimponulu l-obbligi elenkati fl-Artikoli 9 sa 13 ta’ din id-Direttiva “Aċċess”, skont il-każ. Dan l-Artikolu 8 jipprovdi, barra minn hekk, fil-paragrafu 4 tiegħu, li l-obbligi imposti skont l-imsemmi Artikolu 8 jistgħu jiġu imposti biss wara l-konsultazzjoni prevista b’mod partikolari fl-Artikolu 7 tad-Direttiva Qafas.

34

L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva “Aċċess” jistabbilixxi, min-naħa tiegħu, li l-ARN jistgħu, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8, jimponu obbligi li jirrelataw mal-irkupru tal-ispejjeż u l-kontrolli tal-prezzijiet, inklużi obbligi għall-orjentazzjoni tal-prezzijiet għall-ispejjeż u obbligi li jikkonċernaw sistemi ta’ kontabbiltà tal-ispejjeż, għall-forniment ta’ tipi speċifiċi ta’ interkonnessjoni u/jew aċċess, f’sitwazzjonijiet fejn analiżi tas-suq jindika li n-nuqqas ta’ kompetizzjoni effettiva jfisser li l-operatur konċernat jista’ jsofri prezzijiet f’livell eċċessivament għoli, jew jikkumpressa l-prezzijiet, għad-detriment tal-utenti finali.

35

Għalhekk, minn qari flimkien tal-Artikoli 7(3) u 16(4) tad-Direttiva Qafas kif ukoll mill-Artikoli 8(2) u 13(1) tad-Direttiva “Aċċess” jirriżulta li, meta ARN ikollha l-intenzjoni li tadotta kontra operatur identifikat li għandu saħħa sinjifikattiva fuq suq partikolari miżura li timponi “obbligi li jirrelataw ma l-irkupru ta’ l-ispejjeż u l-kontrolli tal-prezzijiet, inklużi obbligi għall-orjentazzjoni tal-prezzijiet għall-ispejjeż u obbligi li jikkonċernaw sistemi ta’ kontabbiltà ta’ l-ispejjeż, għall-forniment ta’ tipi speċifiċi ta’ interkonnessjoni u/jew aċċess” u li għandhom effetti fuq l-iskambji bejn l-Istati Membri, din l-ARN għandha timplementa l-proċedura ta’ konsolidazzjoni prevista f’dan l-Artikolu 7(3).

36

Huwa irrelevanti f’dan ir-rigward li din il-proċedura ta’ konsolidazzjoni tkun diġà ġiet segwita preċedentement, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ analiżi tas-suq magħmula skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva Qafas u li fit-tmiem tagħha jkunu jistgħu diġà ġew imposti obbligi fuq l-operatur ikkonċernat, peress li, billi tipprovdi, fl-Artikolu 16(2) li l-ARN jistgħu jkunu obbligati jagħtu deċiżjoni dwar “jekk jimponux, iżommu[x], jemendaw[x] jew jirtiraw[x]” obbligi previsti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 8 tad-Direttiva “Aċċess” fil-konfront ta’ impriża, id-Direttiva Qafas tipprovdi espressament li l-istess obbligu jista’ jkun is-suġġett ta’ diversi proċeduri ta’ konsolidazzjoni, li jwasslu, skont il-każ, għall-impożizzjoni, iż-żamma, l-emenda jew l-irtirar ta’ dan l-obbligu.

37

F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tat-30 ta’ Novembru 2010, Vodafone kienet identifikata mill-Aġenzija bħala operatur b’saħħa sinjifikanti fuq is-suq tat-telefonija mobbli fis-sens tal-Artikolu 14 tad-Direttiva Qafas. Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, għalhekk jibqa’ li jiġi ddeterminat jekk l-għoti ta’ awtorizzazzjoni ta’ tariffi ta’ terminazzjoni ta’ telefonata mobbli, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, taqax taħt il-miżuri msemmija fl-Artikolu 7(3)(a) tad-Direttiva Qafas u, skont il-każ, jekk l-għoti ta’ tali awtorizzazzjoni huwiex suxxettibbli li jkollu effetti fuq l-iskambji bejn l-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 7(3)(b) tad-Direttiva Qafas.

38

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-punt jekk l-għoti ta’ awtorizzazzjoni ta’ tariffi ta’ terminazzjoni ta’ telefonata mobbli jaqax taħt miżuri msemmija fl-Artikolu 7(3)(a) tad-Direttiva Qafas, għandu jitfakkar li dan għandu jinqara flimkien mal-Artikoli 8(2) u 13(1) tad-Direttiva “Aċċess” u li minn qari flimkien ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li tali awtorizzazzjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 7(3)(a), jekk hija taqa’ taħt l-“obbligi li jirrelataw ma l-irkupru ta’ l-ispejjeż u l-kontrolli tal-prezzijiet, inklużi obbligi għall-orjentazzjoni tal-prezzijiet għall-ispejjeż u obbligi li jikkonċernaw sistemi ta’ kontabilità ta’ l-ispejjeż, għall-forniment ta’ tipi speċifiċi ta’ interkonnessjoni u/jew aċċess”, msemmija fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva “Aċċess”.

39

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm il-kunċetti ta’ “aċċess” u ta’ “interkonnessjoni” huma ddefiniti fl-Artikolu 2(a) u (b) tad-Direttiva “Aċċess” rispettivament, l-ebda dispożizzjoni ta’ dan tal-aħħar ma tippreċiża dak li għandu jinftiehem bil-kunċett ta’ “obbligi li jirrelataw ma l-irkupru ta’ l-ispejjeż u l-kontrolli tal-prezzijiet, inklużi obbligi għall-orjentazzjoni tal-prezzijiet għall-ispejjeż u obbligi li jikkonċernaw sistemi ta’ kontabilità ta’ l-ispejjeż, għall-forniment ta’ tipi speċifiċi ta’ interkonnessjoni u/jew aċċess” li jinsab fl-imsemmi Artikolu 13(1).

40

Għalhekk, sabiex jiġi interpretat dan il-kunċett, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss it-termini tiegħu, iżda wkoll il-kuntest tiegħu u l-għanijiet intiżi mil-leġiżlazzjoni li jagħmel parti minnha [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi The Number (UK) u Conduit Enterprises, C‑16/10, EU:C:2011:92, punt 28, kif ukoll KPN, C‑85/14, EU:C:2015:610, punt 33].

41

Fir-rigward tal-formulazzjoni tagħha, għandu jiġi rrelevat, qabel xejn, li mill-espressjoni “inklużi”, li hija użata fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva “Aċċess”, li l-“obbligi għall-orjentazzjoni tal-prezzijiet għall-ispejjeż” huma sempliċi eżempji tal-“obbligi li jirrelataw ma l-irkupru ta’ l-ispejjeż u l-kontrolli tal-prezzijiet” imsemmija f’din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, għandu jitwarrab mill-ewwel l-argument ta’ Vodafone li l-għoti ta’ awtorizzazzjoni ta’ tariffi ta’ terminazzjoni ta’ telefonata mobbli ma jaqax taħt miżuri msemmija fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva “Aċċess” u, sussegwentement, fl-Artikolu 8(2) ta’ din l-istess direttiva u fl-Artikolu 7(3)(a) tad-Direttiva Qafas, minħabba li ma huwiex “obblig[u] għall-orjentazzjoni tal-prezzijiet għall-ispejjeż”.

42

Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-kunċett ta’ “obbligi li jirrelataw [...] [mal]-kontrolli tal-prezzijiet” għandu tifsira wiesgħa u li, fid-dawl tas-sens abitwali tat-termini li huma użati, hija tinkludi neċessarjament miżura bħall-għoti ta’ awtorizzazzjoni ta’ tariffi ta’ terminazzjoni ta’ telefonata mobbli, peress li tali miżura mmirata għal operatur partikolari, li hija preliminari għall-implementazzjoni tat-tariffi kkonċernati, hija, min-natura tagħha, miżura ta’ kontroll tal-prezzijiet.

43

Fl-aħħar nett, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva “Aċċess” jirriżulta li l-“obbligi li jirrelataw [...] [mal]-kontrolli tal-prezzijiet” li huma msemmija għandhom jikkonċernaw il-“forniment ta’ tipi speċifiċi ta’ interkonnessjoni u/jew aċċess”. Issa, minn naħa, l-interkonnessjoni hija ddefinita fl-Artikolu 2(b) ta’ din id-direttiva bħala li tikkonsisti, b’mod partikolari, “[f]il-konnessjoni fiżika u loġika ta’ networks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet wżati mill-istess impriża jew waħda differenti sabiex tippermetti lill-utenti ta’ impriża waħda li jikkomunikaw ma utenti ta’ l-istess impriża jew oħra, jew li jkollhom aċċess għal servizzi provduti minn impriża oħra”. Min-naħa l-oħra, skont l-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Kummissjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja, it-terminazzjoni ta’ telefonata mobbli hija s-servizz li jippermetti li ssir telefonata lill-abbonat mitlub. Minn dan isegwi, neċessarjament li l-għoti ta’ awtorizzazzjoni ta’ tariffi ta’ terminazzjoni ta’ telefonata mobbli tikkonċerna l-“forniment ta’ tipi speċifiċi ta’ interkonnessjoni u/jew aċċess”, fis-sens tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva “Aċċess”.

44

Għalhekk, mill-formulazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni jirriżulta li l-għoti ta’ awtorizzazzjoni ta’ tariffi ta’ terminazzjoni ta’ telefonata mobbli jaqa’ taħt l-obbligi marbuta mal-kontroll tal-prezzijiet imsemmi fl-imsemmija dispożizzjoni li l-ARN huma, abbażi tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva “Aċċess”, awtorizzati jimponu fuq operatur li għandu saħħa sinjifikattiva fuq is-suq tat-telefonija mobbli, u li, jekk huma kkunsidrati u sa fejn għandhom effetti fuq l-iskambji bejn l-Istati Membri, jistgħu jiġu imposti biss, skont l-Artikolu 8(4), fi tmiem il-proċedura prevista fl-Artikolu 7 tad-Direttiva Qafas.

45

Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva “Aċċess” hija sostnuta mill-kuntest li taqa’ fih din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, minbarra t-titolu tal-imsemmi Artikolu 13, li jsemmi espressament il-“kontroll tal-prezzijiet”, il-paragrafu 2 tiegħu jirreferi b’mod partikolari għall-“metodoloġija ta’ l-iffissar tal-prezzijiet li jkun obbligatoru” minn ARN. Barra minn hekk, il-premessa 20 tad-Direttiva “Aċċess” tistabbilixxi, essenzjalment li, fil-kuntest ta’ kontroll tal-prezzijiet, “[l-intervent tal-ARN] jista jkun relattivament ħafif [...] jew ħafna aktar tqil [...]. F’dan is-sens ukoll, l-Artikolu 16(4) tad-Direttiva Qafas, moqri flimkien mal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, jirreferi għall-“obbligazzjonijiet speċifiċi adatti” msemmija b’mod partikolari fl-Artikolu 8 tad-Direttiva “Aċċess”.

46

Kemm id-Direttiva “Aċċess” kif ukoll id-Direttiva Qafas jipprovdu għalhekk li obbligi preċiżi marbuta mal-kontroll tal-prezzijiet, tant speċifiċi bħall-għoti ta’ awtorizzazzjoni ta’ tariffi ta’ terminazzjoni ta’ telefonata mobbli, jistgħu jaqgħu taħt l-obbligi msemmija fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva “Aċċess” li l-ARN jistgħu jimponu fuq l-operaturi li għandhom saħħa sinjifikattiva fuq is-suq.

47

L-interpretazzjoni esposta fil-punt 44 ta’ din is-sentenza hija, barra minn hekk, ikkorraborata mill-għanijiet intiżi, minn naħa, mid-Direttiva “Aċċess”, li tfittex, skont l-Artikolu 1(1) tagħha li tarmonizza l-mod kif l-Istati Membri jirregolaw l-aċċess għan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi kif ukoll l-interkonnessjoni tagħhom. F’dan ir-rigward, din id-Direttiva tfakkar, fil-premessa 13 tagħha, li, sabiex, f’ċirkustanzi simili, l-atturi tas-suq jkunu ttrattati bl-istess mod fl-Istati Membri kollha, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tiżgura ruħha li ssir applikazzjoni armonizzata tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva u l-ARN għandhom jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom sabiex jiġi żgurat li jiġi applikat l-iktar rimedju xieraq.

48

Min-naħa l-oħra, u b’mod analogu, l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva Qafas jippreċiża li din b’mod partikolari għandha l-għan li tistabbilixxi serje ta’ proċeduri intiżi sabiex jiggarantixxu l-applikazzjoni armonizzata ta’ dan il-qafas regolatorju fl-Unjoni Ewropea kollha. Għalhekk, mill-Artikolu 7(2) tad-Direttiva Qafas jirriżulta li l-għan tal-proċedura prevista fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, fil-fatt intitolat “Konsolidazzjoni tas-suq intern għall-komunikazzjonijiet elettroniċi”, huwa li jippermetti lill-ARN jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-suq intern billi jikkooperaw bejniethom u mal-Kummissjoni, b’mod trasparenti, sabiex ikun żgur li ssir applikazzjoni koerenti, fl-Istati Membri kollha, tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva u tad-direttiva partikolari. Dan l-obbligu ta’ kooperazzjoni trasparenti tal-ARN u tal-Kummissjoni huwa, barra minn hekk, espressament impost fuq l-ARN mill-Artikolu 8(3)(d) tad-Direttiva Qafas, li jżid li din il-kooperazzjoni għandha wkoll tipprovdi għall-elaborazzjoni ta’ prattiċi leġiżlattivi koerenti.

49

Issa, skont l-indikazzjonijiet tal-Aġenzija esposti mill-qorti tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet iddepożitati mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-għoti ta’ awtorizzazzjoni ta’ tariffi ta’ terminazzjoni ta’ telefonata mobbli, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa intiż sabiex jimplementa obbligi astratti ddefiniti f’deċiżjoni preċedenti u, għalhekk, għandu effett konkret u dirett fuq is-suq, għall-impriżi rregolati, iżda wkoll għall-applikanti għal aċċess li jindirizzaw lil dawn tal-aħħar, f’temini ta’ spejjeż u ta’ kompetittività. Barra minn hekk, l-applikazzjoni effettiva ta’ tali obbligi astratti, li għoti ta’ tali awtorizzazzjoni jippermetti, huwa, kif tosserva l-Kummissjoni, suxxettibbli li jwassal għal differenzi kunsiderevoli fit-trattament leġiżlattiv tat-tariffi ta’ terminazzjoni ta’ telefonata mobbli.

50

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-għanijiet kollha ta’ armonizzazzjoni, ta’ koordinazzjoni, ta’ kooperazzjoni u ta’ trasparenza, intiża għall-konsolidazzjoni tas-suq intern tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, intiżi mid-Direttiva Qafas u d-Direttiva “Aċċess”, jkunu kompromessi jekk l-għoti ta’ tali awtorizzazzjoni jkun jaqa’ barra mill-applikazzjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu 17(3) tad-Direttiva Qafas.

51

Għandu jiġi rrelevat ukoll li la l-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, la l-istruttura ġenerali tad-Direttiva “Aċċess” jew tad-Direttiva Qafas, u lanqas l-għanijiet li huma jfittxu ma jippermettu li jiġi kkunsidrat li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni, bħal ma jissuġġerixxu Vodafone u l-qorti tar-rinviju, li jagħmel distinzjoni, fost l-obbligi marbuta mal-kontroll tal-prezzijiet imsemmi fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva “Aċċess”, bejn miżuri li huma msejħa “bażiċi”, “fundamentali” jew “ta’ regolamentazzjoni”, li għandhom jiġu suġġetti għall-proċedura prevista fl-Artikolu 7(3) tad-Direttiva Qafas, u miżuri li huma msejħa “ta’ implementazzjoni” ta’ dawn tal-ewwel, li jistgħu, huma, jaħarbu mill-imsemmija proċedura.

52

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li ma hijiex in-natura tal-proċedura mibdija quddiem l-ARN, iżda l-għan stess tal-miżura li l-ARN għandha l-intenzjoni li tieħu kif ukoll l-effetti li hija suxxettibbli li jkollha fuq l-iskambji bejn l-Istati Membri li huma determinanti sabiex jiġi evalwat jekk din il-miżura taqax taħt il-proċedura prevista fl-Artikolu 7(3) tad-Direttiva Qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej u Telefonia Dialog, C‑3/14, EU:C:2015:232, punt 34).

53

Barra minn hekk, minbarra l-fatt li tali distinzjoni hija suxxettibbli li tikkomprometti l-għanijiet intiżi mid-Direttiva Qafas u d-Direttiva “Aċċess” imfakkra fil-punti 47 u 48 ta’ din is-sentenza, sa fejn tista’ twassal għal trattament leġiżlattiv differenti ta’ sitwazzjoni simili, l-ebda argument insostenn ta’ din id-distinzjoni ma jista’ jiġi bbażat fuq l-Artikolu 13(3) tad-Direttiva “Aċċess”, peress li minn dan jirriżulta b’mod univoku li din id-dispożizzjoni tirreferi biss għall-każijiet fejn impriża ġiet suġġetta għal obbligu ta’ orjentazzjoni tal-prezzijiet għall-ispejjeż, obbligu li, kif ġie kkonstatat fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, jikkostitwixxi biss eżempju tal-obbligi msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu.

54

Barra minn hekk, huwa importanti li jiġi kkunsidrat li l-interpretazzjoni esposta fil-punt 44 ta’ din is-sentenza ma jistax jiġi kkunsidrat li huwa kuntrarju għall-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità minħabba li timplika, skont il-qorti tar-rinviju, “indħil dirett tal-Kummissjoni fl-iffissar tat-tariffi”, peress li huwa manifest li la l-proċedura inkwistjoni u lanqas din l-interpretazzjoni ma għandhom l-effett li jagħtu lill-Kummissjoni tali setgħa li tiffissa unilateralment it-tariffi tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

55

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-punt dwar jekk l-għoti ta’ awtorizzazzjoni ta’ tariffi ta’ terminazzjoni ta’ telefonata mobbli għandux effetti fuq l-iskambji bejn l-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 7(3)(b) tad-Direttiva Qafas, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, miżura kkunsidrata minn ARN għandha tali effett fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni jekk hija suxxettibbli li teżerċita, mhux b’mod insinjifikanti, influwenza diretta jew indiretta, reali jew potenzjali, fuq dawn l-iskambji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej u Telefonia Dialog, C‑3/14, EU:C:2015:232, punti 49 sa 54 u 59). Il-premessa 38 tad-Direttiva Qafas tippreċiża, barra minn hekk, li l-miżuri li jista’ jkollhom effett fuq l-iskambji bejn l-Istati Membri jinkludu, fost affarijiet oħra, il-miżuri li jolqtu l-prezzijiet għall-konsumatur fi Stati Membri oħra.

56

F’dan il-każ, mill-pożizzjoni tal-Aġenzija kif hija ppreżentata fit-talba għal deċiżjoni preliminari u fl-osservazzjonijiet imressqa mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-tariffi ta’ terminazzjoni ta’ telefonata mobbli jikkorrispondu għall-prezzijiet li impriżi oħra, inklużi impriżi ta’ Stati Membri oħra, għandhom iħallsu lill-operatur ta’ netwerk ta’ telefonija mobbli msejħa sabiex jirnexxu t-telefonati fuq dan in-netwerk u li dawn it-tariffi għandhom effett fuq il-prezzijiet li l-utenti ta’ Stati Membri oħra għandhom iħallsu meta jċemplu lil klijenti tal-operatur ikkonċernat fi Stat Membru partikolari, peress li dawn it-tariffi ta’ terminazzjoni ta’ telefonata mobbli huma riperkutati fuq it-tariffi tat-telefonati tal-utent finali.

57

F’tali kundizzjonijiet, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, jaqbel, fid-dawl ta’ dak li tfakkar fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, li jiġi kkonstatat li l-għoti ta’ awtorizzazzjoni ta’ tariffi ta’ terminazzjoni ta’ telefonata mobbli għandha effetti fuq l-iskambji bejn l-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 7(3)(b) tad-Direttiva Qafas.

58

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva Qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta ARN timponi fuq operatur li ġie identifikat li għandu saħħa sinjifikattiva fuq is-suq li jipprovdi servizzi ta’ terminazzjoni ta’ telefonati mobbli u ssuġġettat għal awtorizzazzjoni t-tariffi ta’ dawn is-servizzi fi tmiem il-proċedura prevista minn din id-dispożizzjoni, din l-ARN għandha mill-ġdid timplementa din il-proċedura qabel kull għoti, lil dan l-operatur, ta’ awtorizzazzjoni ta’ dawn it-tariffi, peress li din l-aħħar awtorizzazzjoni hija suxxettibbli li jkollha effetti fuq l-iskambji bejn l-Istati Membri fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq l-ispejjeż

59

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva [Qafas]) għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta ARN timponi fuq operatur li ġie identifikat li għandu saħħa sinjifikattiva fuq is-suq li jipprovdi servizzi ta’ terminazzjoni ta’ telefonati mobbli u ssuġġettat għal awtorizzazzjoni t-tariffi ta’ dawn is-servizzi fi tmiem il-proċedura prevista minn din id-dispożizzjoni, din l-ARN għandha mill-ġdid timplementa din il-proċedura qabel kull għoti, lil dan l-operatur, ta’ awtorizzazzjoni ta’ dawn it-tariffi, peress li din l-aħħar awtorizzazzjoni hija suxxettibbli li jkollha effetti fuq l-iskambji bejn l-Istati Membri fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 

Firem


( *1 )   Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.