SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

17 ta’ Diċembru 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika kummerċjali — Dumping — lajters tal-but, taż-żnied, li ma jistgħux jerġgħu jimtlew — Regolament (KE) Nru 1225/2009 — Artikolu 11(2) — Skadenza — Artikolu 13 — Evażjoni — Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 260/2013 — Validità — Estensjoni tad-dazju antidumping f’data li fiha r-regolament li stabbilixxih ma għadux fis-seħħ — Bħala bidla fix-xejra tal-kummerċ”

Fil-Kawża C‑371/14,

għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht Hamburg (qorti tal-finanzi ta’ Hamburg, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Ġunju 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ Awwissu 2014, fil-proċedura

APEX GmbH Internationale Spedition

vs

Hauptzollamt Hamburg-Stadt,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tat-Tielet Awla, li qed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, J. Malenovský, M. Safjan, A. Prechal u K. Jürimäe (Relatur) Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Lulju 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal APEX GmbH Internationale Spedition, minn M. Hackert, avukat, kif ukoll minn R. Etehad,

għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn S. Boelaert, bħala aġent, assistita inizjalment minn D. Geradin u N. Tuominen, sussegwentement minn N. Tuominen, avukati,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Erlbacher u T. Maxian Rusche kif ukoll minn A. Stobiecka-Kuik, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Lulju 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 260/2013 tat-18 ta’ Marzu 2013 li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost bir-Regolament (KE) Nru 1458/2007 fuq l-importazzjoni ta’ lajters tal-but, tal-gass u ż-żnied, li ma jistgħux jerġgħu jimtlew, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għall-importazzjoni ta’ lajters tal-but, taż-żnied, li ma jistgħux jerġgħu jimtlew, li joriġinaw mir-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, kemm jekk ikun iddikjarat li joriġinaw mir-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam u jekk le (ĠU L 82, p. 10, iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn APEX GmbH Internationale Spedition (iktar ’il quddiem “APEX”) u l-Hauptzollamt Hamburg-Stadt (uffiċċju prinċipali doganali tal-belt ta’ Hamburg, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem il-“Hauptzollamt”), dwar deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li jimponi fuq APEX il-ħlas ta’ dazji antidumping.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament (KE) Nru 1225/2009

3

Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-applikazzjoni ta’ miżuri antidumping mill-Unjoni, fis-seħħ fid-data tal-fatti li taw lok għall-kawża prinċipali, kienu jinsabu fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51, rettifika ĠU 2010, L 7, p. 22), fil-verżjoni tiegħu oriġinali kif ukoll fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament (UE) Nru 765/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2012 (ĠU L 237, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku’).

4

Skont il-premessa 19 tar-Regolament bażiku:

“[...] huwa meħtieġ li jiġu introdotti disposizzjonijiet ġodda fil-leġislazzjoni tal-Komunità li jkollhom x’jaqsmu mad-drawwiet, li jinkludu s-sempliċi assemblaġġ tal-merkanzija fil-Komunità jew f’pajjiż terz, li jkollhom bħala l-iskop ewlieni tagħhom, l-evitar tal-miżuri kontra d-dumping.”

5

L-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Retroattività”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu li:

“Miżuri proviżorji u dazji definittivi kontra d-dumping għandhom jiġu applikati biss għal prodotti li jidħlu f’ċirkolazzjoni ħielsa wara ż-żmien meta d-deċiżjoni meħuda skond l-Artikoli 7(1) jew 9(4), kif jista’ jkun il-każ, tiġi infurzata, soġġetta għall-eċċezzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament.”

6

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11(2) tal-imsemmi regolament jipprovdi li:

“Miżura definittiva kontra d-dumping għandha tiskadi ħames snin wara l-impożizzjoni tagħha jew ħames snin mid-data tal-konklużjoni ta’ l-iktar reviżjoni riċenti li kopriet kemm id-dumping kif ukoll il-ħsara, sakemm ma jiġix stabbilit f’reviżjoni li d-data ta’ skadenza kienet x’aktarx twassal għal kontinwazzjoni jew rikorrenza tal-bejgħ taħt il-prezz u l-ħsara. Reviżjoni ta’ skadenza bħal din għandha tinbeda fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, jew fuq talba magħmula minn, jew għan-nom ta’, produtturi Komunitarji, u l-miżura għandha tibqa’ infurzata fl-istennija tar-riżultat ta’ reviżjoni bħal din.”

7

L-Artikolu 13 tal-istess regolament, intitolat “Evażjoni”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Id-dazji ta’ kontra d-dumping imposti skond dan ir-Regolament jistgħu jiġu estiżi għal importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, ta’ prodotti simili, kemm jekk ftit modifikati kemm jekk le; jew għal importazzjonijiet ta’ prodotti simili ftit modifikati mill-pajjiż li hu soġġett għall-miżuri; jew għal partijiet minnhom, meta tkun qed issir evażjoni mill-miżuri fis-seħħ. Id-dazji ta’ kontra d-dumping li ma jeċċedux d-dazju residwu ta’ kontra d-dumping impost skond l-Artikolu 9(5) jistgħu jiġu estiżi għal importazzjonijiet minn kumpanniji li jibbenefikaw minn dazji individwali fil-pajjiżi li huma suġġetti għall-miżuri fejn qed titwettaq l-evażjoni. Evażjoni għandha tiġi mfissra bħala bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn pajjiżi terzi u l-Komunità jew bejn kumpanniji individwali fil-pajjiż soġġett għall-miżuri u l-Komunità, li tinħoloq minn prattika, proċess jew ħidma li għalihom hemm raġuni tajba jew ġustifikazzjoni ekonomika insuffiċjenti ħlief l-imposizzjoni ta’ dazju, u fejn ikun hemm xhieda ta’ ħsara jew li l-effetti tad-dazju biex iġibu rimedju qiegħdin jiddgħajfu fir-rigward tal-prezzijiet u/jew il-kwantitajiet ta’ prodott simili, u fejn ikun hemm xhieda ta’ dumping rigward il-valuri normali stabbiliti preċedentement għall-prodott simili, jekk ikun neċessarju skond id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 2.

Il-prattika, proċess jew ħidma msemmija fl-ewwel subparagrafu jinkludu, inter alia, il-modifika żgħira tal-prodott konċernat biex jaqa’ taħt kodiċijiet doganali li normalment ma humiex soġġetti għall-miżuri, sakemm il-modifika ma tibdilx il-karatteristiċi essenzali tiegħu; il-kunsinna tal-prodott soġġett għall-miżuri permezz ta’ pajjiżi terzi; l-organizzazzjoni mill-ġdid mill-esportaturi u l-produtturi tax-xejriet tagħhom u tal-kanali tal-bejgħ fil-pajjiż soġġett għall-miżuri sabiex eventwalment il-prodotti tagħhom jiġu esportati lejn il-Komunità permezz ta’ produtturi li jibbenefikaw minn dazju individwali li hu inqas minn dak li japplika għall-prodotti tal-fabbrikanti; u, fiċ-ċirkostanzi imsemmija fil-paragrafu 2, l-assemblaġġ ta’ partijiet minn operazzjoni ta’ l-assemblaġġ fil-Komunità jew f’pajjiż terz.

2.   Operazzjoni ta’ assembleġġ fil-Komunità jew pajjiż terz għandha tiġi kkunsidrata li tevadi l-miżuri fis-seħħ meta:

a)

l-operazzjoni bdiet jew żdiedet sostanzjalment minn meta, jew eżatt qabel, il-bidu ta’ l-investigazzjoni kontra dumping u l-partijiet ikkonċernati huma mill-pajjiż soġġett għall-miżuri, u

[...]

ċ)

l-effetti ta’ rimedju tad-dazju ma jkunux qegħdin jiġu kkunsidrati fejn jidħlu l-prezzijiet u/jew il-kwantitajiet tal-prodott simili mibni u hemm evidenza ta’ dumping fejn għandhom x’jaqsmu l-valuri normali qabel stabbiliti għal prodotti simili jew bħalhom.

3.   L-investigazzjonijiet għandhom jinbdew skond dan l-Artikolu fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni jew fuq talba ta’ l-Istati Membri jew xi parti interessata fuq il-bażi ta’ xiedha suffiċjenti rigward il-fatturi stabbiliti fil-paragrafu 1. Il-bidu tal-investigazzjonijiet għandu jsir, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, permezz ta’ Regolament tal-Kummissjoni li jista’ wkoll jagħti istruzzjonijiet lill-awtoritajiet doganali biex jagħmlu l-importazzjonijiet soġġetti għal reġistrazzjoni skont l-Artikolu 14(5) jew li jitolbu garanziji. L-investigazzjonijiet għandhom jitwettqu mill-Kummissjoni, li tista’ tkun assistita minn awtoritajiet doganali u għandhom jintemmu fi żmien disa’ xhur. Jekk il-fatti kif finalment aċċertati jiġġustifikaw l-estensjoni tal-miżuri, dan għandu jsir mill-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta ppreżentata mill-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv. Il-proposta tiġi adottata mill-Kunsill kemm-il darba ma jiddeċidix b’maġġoranza sempliċi li jirrifjuta l-proposta, fi żmien xahar wara li tkun ġiet sottomessa mill-Kummissjoni. L-estensjoni tibda’ sseħħ mid-data li fiha ġiet imposta r-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 14(5) jew li fiha ġew mitluba l-garanziji. Id-disposizzjonijiet rilevanti dwar proċedura ta’ dan ir-Regolament rigward il-bidu u t-tmexxija ta’ investigazzjonijiet għandhom jgħoddu bis-saħħa ta’ dan l-Artikolu.

[...]”

8

Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku:

“Il-Kummissjoni tista’, wara li tkun infurmat lill-Istati Membri fi żmien debitu, tagħti struzzjonijiet lill-awtoritajiet doganali sabiex jieħdu l-passi adatti biex jirreġistraw l-importazzjonijiet, sabiex il-miżuri jkunu jistgħu sussegwentement jiġu applikati kontra dawk l-importazzjonijiet mid-data ta’ dik ir-reġistrazzjoni. L-importazzjonijiet jistgħu jsiru soġġetti għal reġistrazzjoni wara talba mill-industrija Komunitarja li jkun fiha biżżejjed evidenza biex tiġġustifika azzjoni bħal din. Għandha tiġi introdotta reġistrazzjoni mir-regolament li għandu jispeċifika l-iskop ta’ l-azzjoni u, jekk xieraq, l-ammont stmat ta’ obbligazzjoni possibbli fil-ġejjieni. L-importazzjonijiet ma għandhomx jiġu magħmula soġġetti għal reġistrazzjoni ta’ perjodu itwal minn disa xhur.”

9

L-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“1.   F’każijiet fejn kwalunkwe parti interessata tirrifjuta aċċess għal, jew inkella ma tagħtix informazzjoni neċessarja fi żmien il-limiti ta’ żmien mogħtija f’dan ir-Regolament, jew timpedixxi l-investigazzjoni b’mod sinifikanti, is-sejbiet proviżorji jew finali, affirmattivi jew negattivi, jistgħu jiġu magħmula fuq il-bażi tal-fatti disponibbli. [...]

[...]

6.   Jekk parti interessata ma tikkoperax, jew tikkopera biss parzjalment, sabiex informazzjoni rilevanti tiġi b’hekk miżmuma, ir-riżultat jista jkun inqas favorevoli għall-parti milli kieku kienet ikkoperat.”

Ir-regolamenti antidumping dwar il-lajters taż-żnied tal-but, li jaħdmu bil-gass u li ma jistgħux jerġgħu jimtlew

10

Sussegwentement għal ilment li permezz tiegħu l-Kummissjoni Ewropea ġiet adita, matul l-1989, mill-Federazzjoni Ewropea tal-Manifatturi tal-Lajters, ġie adottat ir-Regolament li jimponi dazju ta’ anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ flint lighters tal-but li jaħdmu bil-gass u li ma jerġgħux jimtlew u li joriġinaw mill-Ġappun, mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, mir-Repubblika tal-Korea u t-Tajlandja u li definittivament jiġbru d-dazju proviżorju ta’ anti-dumping. (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 17, p. 292).

11

Skont l-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, ġie stabbilit dritt antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ lajters tal-but, taż-żnied, li ma jistgħux jerġgħu jimtlew, li joriġinaw b’mod partikolari mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (iktar ’il quddiem ir-“RPĊ”).

12

Fi tmiem investigazzjoni dwar evażjoni tad-dazju antidumping, ġie adottat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 192/1999, tal-25 ta’ Jannar 1999, li jestendi d-dazju definittiv kontra r-rimi, impost bir-Regolament Nru 3433/91 fuq lajters taż-żnied tal-but importati, li jitqabbdu bil-gass u li ma jistgħux jerġgħu jimtlew, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina jew ikkunsinnat minn jew li joriġinaw mit-Tajwan, u li jtemm il-proċedura dwar lajters li ma jistgħux jerġgħu jimtlew importati kkunsinnati minn Ħong Kong u l-Makaw (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 30, p. 170).

13

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprevedi l-estensjoni tad-dazju antidumping stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3433/91 mibgħuta jew li joriġinaw mit-Tajwan u għal importazzjonijiet ta’ ċerti lajters tal-but, tal-gass u ż-żnied u li jistgħu jerġgħu jimtlew, li joriġinaw mir-RPĊ jew mibgħuta jew li joriġinaw mit-Tajwan.

14

Id-dazju antidumping stabbilit bir-Regolament Nru 3433/91 u estiż bir-Regolament Nru 192/1999 inżamm bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1824/2001 tat-12 ta’ Settembru 2001 li jimponi dazju definittiv kontra x-xiri taħt il-prezz (dumping) fuq l-importazzjoni ta’ lighters żgħar tal-gass u żnied, li ma jimtlewx, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u kunsinnati minn jew joriġinaw mit-Tajwan u fuq l-importazzjoni ta’ ċertu lighters żgħar taż-żnied, li jimtlew, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u kunsinnati minn jew joriġinaw mit-Tajwan (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11 Vol. 38, p. 143), kif ukoll bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1458/2007 tal-10 ta’ Diċembru 2007 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjoni ta’ lighters tal-but, tal-gass u ż-żnied, li ma jistgħux jerġgħu jimtlew, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u kunsinnati jew joriġinaw mit-Tajwan u fuq l-importazzjoni ta’ ċerti lighters tal-but, taż-żnied, li jistgħu jerġgħu jimtlew, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u kunsinnati jew joriġinaw mit-Tajwan (ĠU L 326, p. 1).

15

Permezz ta’ “avviż dwar l-iskadenza imminenti ta’ ċerti miżuri antidumping”, ippublikat fl-1 ta’ Mejju 2012 fil-Ġurnal uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2012, C 127, p. 3.), il-Kummissjoni osservat li, sakemm ma jkunux eżaminati mill-ġdid skont il-proċedura ddefinita fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-miżuri antidumping jirrigwardaw, b’mod partikolari, l-importazzjonijiet ta’ lajters tal-but, taż-żnied, li ma jistgħux jerġgħu jimtlew, li joriġinaw mir-RPĊ u mibgħuta jew li joriġinaw mit-Tajwan skadew fit-13 ta’ Diċembru 2012. Ebda talba għal eżami mill-ġdid debitament sostnuta ma ġiet imressqa wara l-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż, il-Kummissjoni ħabbret, permezz ta’ “[a]vviż tal-iskadenza ta’ ċerti miżuri antidumping”, ippubblikat fit-12 ta’ Diċembru 2012 f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 382, p. 12), li l-miżuri antidumping skadew effittivament fit-13 ta’ Diċembru 2012.

16

Fil-frattemp, permezz tal-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 548/2012 tal-25 ta’ Ġunju 2012 li jibda investigazzjoni dwar il-possibbiltà ta’ ċirkomvenzjoni tal-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1458/2007 fuq l-importazzjoni ta’ lighters tal-but, tal-gass u ż-żnied, li ma jistgħux jerġgħu jimtlew, li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina permezz ta’ importazzjonijiet ta’ lighters tal-but, tal-gass u ż-żnied, li ma jistgħux jerġgħu jimtlew, li huma konsenjati mill-Vjetnam, sew jekk iddikjarati li joriġinaw fil-Vjetnam u sew jekk le, u li jagħmel tali importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni (ĠU L 165, p. 37), il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni bil-għan li jiġi ddeterminat jekk l-importazzjonijiet, fl-Unjoni, ta’ lajters tal-but, taż-żnied, li ma jistgħux jerġgħu jimtlew, mibgħuta il-Vjetnam jevadu l-miżuri antidumping stabbiliti mir-Regolament Nru 1458/2007.

17

Skont l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi xierqa sabiex jirreġistraw l-importazzjonijiet identifikati fl-Artikolu 1 tal-imsemmi regolament, skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku.

18

Ir-regolament ikkontestat ġie adottat wara l-investigazzjoni miftuħa permezz tar-Regolament Nru 548/2012, billi din tal-aħħar kienet tkopri l-perijodu mill-1 ta’ April 2011 sal-31 ta’ Marzu 2012, imsejjaħ “perijodu ta’ riferiment” (iktar ’il quddiem il-“PR”).

19

Il-premessi 28 sa 30 u 36 tar-regolament ikkontestat, li jirrigwardaw il-grad ta’ kooperazzjoni tal-manifatturi-esportaturi Vjetnamiżi, huma fformulati kif ġej:

“(28)

Kif iddikjarat fil-premessa (18), seba’ kumpaniji wieġbu l-kwestjonarju. Għall-PR, il-volum totali ta’ lajters irraportati bħala mibjugħa lill-Unjoni skont dawn it-tweġibiet jirrappreżentaw iktar minn 100 % tal-volum totali tal-lajters irraportati bħala importati fl-Unjoni skont il-bażi tad-dejta Eurostat Comext. Minkejja l-fatt li l-informazzjoni dwar il-volumi ta’ bejgħ fit-tweġibiet ma kinitx ikkunsidrata affidabbli kif spjegat fil-premessa (29) hawn taħt, huwa kkunsidrat li din xorta tindika li l-koperazzjoni kienet għolja u l-kumpaniji investgati huma rappreżentattivi.

(29)

Matul iż-żjarat ta’ verifika mwettqa fuq il-post tas-seba’ produtturi esportaturi Vjetnamiti, instab li kull wieħed minnhom kien preżenta informazzjoni li ma tistax tkun ikkunsidrata affidabbli għall-iskop li jkunu stabbiliti s-sejbiet relevanti għall-investigazzjoni. Partikolarment, is-seba’ kumpaniji instabu li ddikkjaraw ħażin il-volumi ta’ produzzjoni tagħhom, l-importazzjoni ta’ partijiet tal-lajters u t-total ta’ bejgħ. Instab ukoll li l-parti tan-negozju relatat mal-prodott investigat ma kinitx inkluża fil-kontijiet uffiċjali u li ċerti operazzjonijiet ta’ assemblaġġ twettqu minn subkuntratturi mhux uffiċjali. Barra minn hekk, kwantitajiet ta’ importazzjonijiet ta’ partijiet mir-RPĊ ma kinux iddikjarati jew iddikjarati ħażin, u parti mill-bejgħ ma kinitx inkluża fil-kontabbiltà tal-kumpaniji. B’riżultat ta’ dan ma kienx possibbli li jkunu stabbiliti b’mod affidabbli, b’mod partikolari, il-volumi totali ta’ produzzjoni u bejgħ tal-kumpaniji kkonċernati, jew li jkunu rikonċiljati l-prezzijiet reali għall-bejgħ tal-prodott investigat u l-kostijiet relatati mal-materjali ewlenin ta’ input bħal gass mad-dejta provduta fit-tweġibiet għall-kwestjonarju.

(30)

Fid-dawl tas-sitwazzjoni deskritta fil-premessa 29, il-produtturi esportaturi kienu infurmati li skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku kien mistenni li s-sejbiet u l-konklużjonijiet tal-investigazzjoni ikunu bbażati fuq l-aħjar fatti disponibbli. [...]

[...]

(36)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, sejbiet rigward l-importazzjonijiet ta’ lajters tal-but, tal-gass u ż-żnied, li ma jistgħux jerġgħu jimtlew mill-Vjetnam għall-Unjoni għandhom isiru abbazi tal-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku. B’konsegwenza ta’ dan, sabiex ikun żgurat li n-nuqqas tal-partijiet li jipprovdu l-informazzjoni ma jfixkilx l-investigazzjoni, il-Kummissjoni biddlet id-dejta mhux verifikabbli pprovduta mill-produtturi Vjetnamiti b’dejta oħra disponibbli, bħall-bażi tad-dejta Eurostat Comext biex tiddetermina l-volumi globali ta’ importazzjoni mill-Vjetnam għall-Unjoni, u dejta tal-kost ipprovduta fit-talba biex tiddetermina s-sehem tal-partijiet Ċiniżi (ara l-premessa 50 hawn taħt).”

20

Il-premessa 37 ta’ dan ir-regolament, li tirrigwarda il-grad ta’ kooperazzjoni tal-qui concerne le degré de coopération des produtturi esportaturi Ċiniżi, jistabbilixxi:

“Il-produtturi esportaturi Ċiniżi ma kkoperawx. Għalhekk, is-sejbiet fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat fl-Unjoni u l-esportazzjonijiet ta’ ċerti lajters tal-but, tal-gass u ż-żnied, li ma jistgħux jerġgħu jimtlew mir-RPĊ lejn il-Vjetnam kellhom isiru abbazi tal-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku. L-istatistika tal-Comtrade tan-NU fit-talba ntużat biex ikunu determinati l-esportazzjonijiet globali lejn il-Vjetnam mir-RPĊ.”

21

Il-premessi 38 sa 44 tal-imsemmi regolament, dwar bidla fix-xejra tal-kummerċ, jipprevedu:

“2.4. Il-bidla fix-xejra tal-kummerċ

(38)

Importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mir-RPĊ naqsu fl-1991 meta l-miżuri kienu introdotti. L-importazzjonijiet baqgħu baxxi matul il-modifikazzjonijiet u l-estensjonijiet suċċessivi tal-miżuri fl-1995, l-1999, l-2001 u l-2007.

(39)

Importazzjonijiet tal-lajters mir-RPĊ bejn l-1 ta’ Jannar 2008 u l-31 ta’ Marzu 2012 kienu relattivament stabbli f’termini ta’ volum, madwar 50 miljun biċċa għall-2008 u l-2009, 70 miljun biċċa għall-2010 u 60 miljun biċċa għall-2011 u l-PR. Madanakollu, huma kkonsistew biss f’mudelli li jistgħu jimtlew u lajters elettriċi tat-tip piezo li ma kinux suġġetti għall-miżuri.

(40)

L-importazzjonijiet tal-prodott investigat mill-Vjetnam żdiedu matul iż-żmien. Waqt li fl-1997 prattikament ma kien hemm l-ebda importazzjonijiet tal-prodott investigat mill-Vjetnam lejn l-Unjoni, mill-2007 kien hemm żieda rapida fil-volum ta’ importazzjoni tal-prodott investigat.

(41)

Fil-PR importazzjonijiet mill-Vjetnam irrappreżentaw 84 % tal-importazzjonijiet kollha lejn l-Unjoni.

Importazzjonijiet mill-Vjetnam lejn l-Unjoni tal-lajters li ma jistgħux jerġgħu jintlew bħala persentaġġ % tal-importazzjonijiet kollha

 

2008

2009

2010

2011

PR

Is-sehem fis-suq

80 %

84 %

83 %

84 %

84 %

Sors: Statistika pprovduta fit-talba

Esportazzjonijiet ta’ partijiet tal-lajters mir-RPĊ għall-Vjetnam

(42)

Partijiet tal-lajters taż-żnied kienu esportati mir-RPĊ lejn il-Vjetnam matul il-PI. Il-Vjetnam huwa l-iktar destinazzjoni ta’ import-export importanti tal‑partijiet ta’ lajters taż-żnied mir-RPĊ. Skont l-istatistika pprovduta fit-talba, l-esportazzjonijiet tal-partijiet tal-lajters mir-RPĊ lejn il-Vjetnam żdiedu b’mod sinifikanti mill-1999. Fl-1999, l-esportazzjonijiet tal-partijiet tal-lajters mir-RPĊ lejn il-Vjetnam kienu inqas minn 3 % tal-esportazzjonijiet totali, waqt li fl-2010 l-Vjetnam sar l-ewwel destinazzjoni ta’ esportazzjoni tal-partijiet tal-lajters b’sehem ta’ 26 % tal-importazzjonijiet. F’volumi, dan jikkorrisppondi għal żieda minn inqas minn 50 miljun għal 200 miljun lajter lesti.

Volumi ta’ produzzjoni ta’ lajters tal-but, tal-gass u ż-żnied, li ma jistgħux jerġgħu jimtlew fil-Vjetnam.

(43)

Minħabba li l-informazzjoni pprovduta mal-produtturi Vjetnamiti kellha tkun imwarrba, l-ebda informazzjoni verifikabbli ma setgħet tinkiseb dwar il-livelli possibbli tal-produzzjoni ġenwina tal-lajters tal-but, tal-gass u ż-żnied, li ma jistgħux jerġgħu jimtlew.

2.5. Konklużjoni dwar il-bidla fix-xejra tal-kummerċ.

(44)

It-tnaqqis ġenerali fl-esportazzjonijiet mir-RPĊ lejn l-Unjoni u ż-żieda parallela tal-esportazzjoni mill-Vjetnam lejn l-Unjoni mill-2007 u ż-żieda sinifikanti fl-esportazzjonijiet mir-RPĊ lejn il-Vjetnam mill-1999 jikkostitwixxu bidla fix-xejra kummerċjali bejn ir-RPĊ u l-Vjetnam, minn naħa u l-Unjoni, min-naħa l-oħra.”

22

L-Artikolu 1 tal-istess regolament jipprevedi:

“1.   Id-dazju anti-dumping definittiv impost bl-Artikolu 1(2) tar-Regolament [Nru 1458/2007] fuq l-importazzjoni ta’ lajters tal-but, tal-gass u ż-żnied, li ma jistgħux jerġgħu jimtlew, li joriġinaw mir-[RPĊ] huwa b’dan estiż għall-importazzjoni ta’ lajters tal-but, taż-żnied, li ma jistgħux jerġgħu jimtlew, ikkonsenjati mill-Vjetnam, kemm jekk ikun iddikjarat li joriġinaw fil-Vjetnam u jekk le, li bħalissa jaqaw taħt il-kodiċi tan-NM ex 9613 10 00.

2.   Id-dazju estiż permezz tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jinġabar għall-importazzjonijiet ikkonsinnati mill-Vjetnam mis-27 ta’ Ġunju 2012 sat-13 ta’ Diċembru 2012, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Vjetnam kif ukoll jekk le, reġistrati skont l-Artikolu 2 tar-Regolament [Nru 548/2012], u l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-[Regolament bażiku].

[...]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

23

Bejn ix-xahar ta’ Awwissu u dak ta’ Diċembru 2012, APEX, kumpannija tat-trasport internazzjonali, irrilaxxat għal ċirkulazzjoni libera fl-Unjoni 4024080 lajters tal-but, taż-żnied, li ma jistgħux jerġgħu jimtlew, mibgħuta mill-Vjetnam.

24

Fis-26 ta’ Marzu 2013, permezz ta’ stima ta’ taxxa, l-uffiċċju doganali prinċipali tal-belt ta’ Hamburg impona fuq APEX, skont dan ir-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera, il-ħlas ta’ dazji antidumping fl-ammont totali ta’ EUR 261565.20, abbażi tar-regolament ikkontestat.

25

Fil-15 ta’ April 2013, APEX ippreżentat azzjoni amministrattiva kontra din l-istima ta’ taxxa. Peress li din l-azzjoni ġiet miċħuda fil-5 ta’ Ġunju 2013, APEX ressqet kawża quddiem il-Finanzgericht Hamburg (qorti tal-finanzi ta’ Hamburg) fil-5 ta’ Lulju 2013.

26

Fl-ewwel lok, din il-qorti għandha dubji dwar il-possibbiltà li għandu l-Kunsill li jestendi d-dazju antidumping stabbilit mir-Regolament Nru 1458/2007, peress li dan ma kienx għadu fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tar-regolament ikkontestat. Fil-fatt, skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, b’mod partikolari mill-espressjoni “meta tkun qed issir evażjoni mill-miżuri fis-seħħ”, jirriżulta li l-miżuri antidumping jistgħu jiġu estiżi biss jekk ikunu fis-seħħ u, għaldaqstant, jekk ma jkunux skadew. L-istruttura u l-għan ta’ dawn il-miżuri antidumping jimmilitaw ukoll favur din l-interpretazzjoni. B’hekk, l-impożizzjoni ta’ dazji antidumping ma tikkostitwixxix is-sanzjoni ta’ aġir preċedenti, iżda miżura ta’ difiża u ta’ protezzjoni kontra l-kompetizzjoni żleali li tirriżulta minn prattiki ta’ dumping intiżi sabiex iwaqqfu jew irendu mhux ekonomikament vijabbli l-importazzjonijiet suġġetti għal dumping.

27

Il-Finanzgericht Hamburg (qorti tal-finanzi ta’ Hamburg) tammetti madankollu li l-espressjoni “meta tkun qed issir evażjoni mill-miżuri fis-seħħ” tista’ tinftiehem fis-sens li hija tirrigwarda l-perijodu ta’ applikazzjoni tal-estensjoni tad-dazju antidumping u mhux id-data tal-adozzjoni tar-regolament li jirrigwarda estensjoni ta’ dan id-dazju antidumping. F’dan ir-rigward, din il-qorti tenfasizza li s-sitt sentenza tal-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku tipprevedi espliċitament l-estensjoni retroattiva ta’ dazju antidumping mid-data li fiha r-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet saret obbligatorja konformement mal-Artikolu 14(5) ta’ dan l-aħħar regolament. Barra minn hekk, il-Finanzgericht Hamburg (qorti tal-finanzi ta’ Hamburg) għamlet riferiment għall-fatt, skont l-għan u l-istruttura tal-imsemmi regolament, li regolament li jirrigwarda l-estensjoni ta’ miżuri antidumping għandu bħala għan waħdieni li jiżgura l-effikaċja tagħhom u li jevita li jkun hemm evażjoni tagħhom. Għaldaqstant, dan ir-regolament ma għandux natura aċċessorja fir-rigward tal-miżuri antidumping inizjali, li jista’ jfisser li l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku ma għandux data ta’ skadenza għall-adozzjoni ta’ regolament li jirrigwarda l-estensjoni ta’ dazju antidumping.

28

Fit-tieni lok, il-Finanzgericht Hamburg (qorti tal-finanzi ta’ Hamburg) tikkunsidra li ma huwiex probabbli ħafna li l-kundizzjonijiet dwar l-eżistenza ta’ evażjoni, previsti fl-Artikolu 13(1) u (2)(a) tar-Regolament bażiku, jiġu sodisfatti f’dan il-każ.

29

L-ewwel nett, il-bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn il-pajjiżi terzi kkonċernati, jiġifieri ir-RPĊ u l-Vjetnam, u l-Unjoni, imsemmija fit-tielet sentenza tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, ma ġietx stabbilita. Fil-fatt, il-figuri relatati mal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li ġej mir-RPĊ ma humiex speċifikati biżżejjed jew, fir-rigward tal-informazzjoni li tissemma fil-premessa 39 tar-regolament ikkontestat, huma irrilevanti. Barra minn hekk, l-informazzjoni li tirrigwarda l-importazzjonijiet li ġejjin mill-Vjetnam, li jissemmew fil-premessa 40 ta’ dan ir-regolament, ma jkopru la l-2007 u lanqas is-snin preċedenti u jistgħu biss jiġu rrelatati b’mod mhux komplut mal-iżviluppi tal-premessa 42 tal-imsemmi regolament li jirrigwardaw l-esportazzjonijiet ta’ partijiet għal-lajters mir-RPĊ lejn Vjetnam.

30

Barra minn hekk, teżisti lakuna fiż-żmien bejn il-waqa’ fl-importazzjonijiet mir-RPĊ, matul l-1991, iż-żieda fl-esportazzjonijiet tal-partijiet għal-lajters mir-RPĊ lejn Vjetnam, mill-1999, u ż-żieda fl-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-prodott ikkonċernat li ġej mill-Vjetnam, matul l-2007. Il-Finanzgericht Hamburg (qorti tal-finanzi ta’ Hamburg) tispeċifika li konxja li l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku ma jipprevedix qafas temporali li jirrigwarda l-bidla fix-xejra tal-kummerċ. Madankollu, hija tikkunsidra li spjegazzjoni speċifika hija neċessarja meta l-konfigurazzjoni tal-kummerċ bejn il-pajjiżi terzi u l-Unjoni tkun ġiet emendata biss wara ħafna snin minn mindu l-miżuri antidumping ikunu ġew stabbiliti.

31

Barra minn hekk, ir-regolament ikkontestat ma jindika la għaliex iż-żieda fl-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li ġej mill-Vjetnam ma ġietx immedjatament preċeduta mill-esportazzjonijiet tal-partijiet għal-lajters mir-RPĊ lejn Vjetnam, u lanqas jekk iż-żieda fl-importazzjonijiet ta’ lajters li ġejjin mill-Vjetnam mill-2007 jikkorrispondux għal waqa’ fl-iskala paragunabbli mal-importazzjonijiet ta’ lajters li ġejjin mir-RPĊ.

32

It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju tiddubita li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament bażiku humiex sodisfatti. Minn naħa, l-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma setgħux “bd[ew] jew żdied[u] sostanzjalment minn meta, jew eżatt qabel, il-bidu ta’ l-investigazzjoni kontra l-bejgħ taħt il-prezz [antidumping]”. Min-naħa l-oħra, ma tantx huwa probabbli li dawn l-operazzjonijiet ma kellhomx motivazzjoni suffiċjenti jew ma kellhomx ġustifikazzjoni ekonomika oħra barra li jevadu l-miżuri antidumping stabbiliti mir-Regolament Nru 1458/2007. L-imsemmija operazzjonijiet setgħu, b’mod partikolari, jiġu ġġustifikati mill-kunsiderazzjonijiet dwar prezz baxx tax-xogħol.

33

F’dawn iċ-ċirkustanzi il-Finanzgericht Hamburg (qorti tal-finanzi ta’ Hamburg), iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel is-segwenti domandi għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Ir-[regolament ikkontestat] huwa invalidu, minħabba li, fil-mument tal-adozzjoni [tiegħu], id-dazju antidumping stabbilit bir-Regolament Nru 1458/2007 u estiż permezz tar-[regolament ikkontestat], ma kienx iktar fis-seħħ?

2)

Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta negattiva:

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, ir-[regolament ikkontestat] huwa invalidu minħabba li ma tista’ tiġi kkonstatata l-ebda evażjoni, fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-[Regolament bażiku], tal-miżuri imposti bir-Regolament Nru 1458/2007 [...]?”

Fuq id-domandi preliminari

34

Permezz tad-domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju titlob, essenzjalment, jekk ir-regolament ikkontestat huwa invalidu, peress li, minn naħa, dan ġie adottat meta r-Regolament Nru 1458/2007 ma baqax fis-seħħ u, min-naħa l-oħra, li l-Kunsill ma stabbilixxiex b’mod legalment suffiċjenti l-eżistenza ta’ evażjoni skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku.

Osservazzjonijiet preliminari

35

Għandu jiġi rrilevat li, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha li hija ppreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, APEX qajmet motiv ta’ invalidità tar-regolament ikkontestat li ma ġiex irrilevat mill-qorti tar-rinviju, fit-talba preliminari tagħha. Hija argumentat li, mill-Ħarifa 2012, kien ċar li l-miżuri stabbiliti mir-Regolament Nru 1458/2007 ma kinux se jiġu estiżi minħabba l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat ġejjin mir-RPĊ ma baqgħu jirrappreżentaw ebda riskju ta’ dumping. F’dan il-kuntest, skont APEX, l-effetti korrettivi tad-dazju antidumping ikkonċernat ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala kompromessi, skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku.

36

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija bbażata fuq separazzjoni netta bejn il-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, b’tali mod li hija biss il-qorti nazzjonali, li hija adita bil-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li tintervjeni, li tevalwa, fid-dawl tal-partikolaritajiet tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tiddeċiedi kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja (is-sentenza Simon, Evers & Co., C‑21/13, EU:C:2014:2154, punt 26).

37

Minn ġurisprudenza stabbilita sew mill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-Artikolu 267 TFUE ma jiftaħx rimedji ġudizzjarji lill-partijiet f’kawża pendenti quddiem il-qorti nazzjonali, b’mod li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tkun obbligata li tevalwa l-validità tad-dritt tal-Unjoni għar-raġuni biss li din il-kwistjoni ġiet invokata quddiemha minn waħda minn dawn il-partijiet fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha (ara s-sentenza Simon, Evers & Co., C‑21/13, EU:C:2014:2154, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

38

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li l-eżami tal-validità tar-regolament ikkontestat jiġi estiż fir-rigward ta’ motivi mhux imsemmija mill-qorti tar-rinviju.

Fuq il-motiv ta ’ invalidità bbażata fuq il-fatt li r-regolament ikkontestat ġie adottat meta r-Regolament Nru 1458/2007 ma kienx għadu fis-seħħ

39

Il-qorti tar-rinviju tinvoka, fl-ewwel lok, l-invalidità tar-regolament ikkontestat, li estenda il-miżuri antidumping stabbiliti mir-Regolament Nru 1458/2007, fi tmiem ta’ investigazzjoni dwar evażjoni potenzjali skont l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, peress li ġie adottat meta r-Regolament Nru 1458/2007 ma kienx għadu fis-seħħ u li wassal għal ġbir esklużivament retroattiv tad-dazju antidumping estiż, li jirrigwarda l‑perijodu inklużiv bejn id-data li fiha r-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet saret obbligatorja u d-data ta’ skadenza tal-imsemmija miżuri.

40

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku jipprevedi l-possibbiltà għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni, meta jikkonstataw li l-miżuri antidumping joħolqu evażjoni, li jestendu dawn il-miżuri għall-importazzjonijiet ta’ prodotti simili, kemm jekk ftit immodifikati kemm jekk le, li ġejjin minn pajjiżi terzi li ma humiex il-pajjiżi suġġetti għal dawn il-miżuri.

41

Għall-finijiet tal-eżami tal-ewwel motiv ta’ invalidità invokat mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku jippermettix l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ estensjoni ta’ miżuri antidumping meta dawn il-miżuri kienu skadew.

42

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiġi ddeterminata l-portata ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, f’dan il-każ l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm it-termini, il-kuntest kif ukoll l-għanijiet tagħha (is-sentenza Angerer, C 477/13, EU:C:2015:239, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

Fir-rigward tal-kliem tal-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, għandu jiġi rrilevat, minbarra l-obbligu fil-paragrafu 3 tiegħu, li tiġi konkluża l-investigazzjoni fit-terminu ta’ disa’ xhur mid-data tal-ftuħ tagħha, dan l-artikolu ma fih ebda indikazzjoni fir-rigward tal-mument li fih deċiżjoni eventwali li jiġu estiżi l-miżuri antidumping għandhom jiġu adottati.

44

Ċertament, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, id-dazji antidumping jistgħu jiġu estiżi “meta tkun qed issir evażjoni mill-miżuri fis-seħħ”. Madankollu, din is-sentenza għandha l-għan li tiċċirkonskrivi ċ-ċirkustanzi li fihom deċiżjoni ta’ estensjoni ta’ dazji antidumping tista’ tiġi adottata. Ma jistax jiġi kkunsidrat li, b’riferiment għall-“miżuri fis-seħħ”, il-leġiżlatur ried jieħu pożizzjoni dwar il-mument li fih din id-deċiżjoni ta’ estensjoni għandha tiġi adottata u, għalhekk, jipprojbixxi l-adozzjoni tagħha meta l-miżuri antidumping li kienu s-suġġett ta’ evażjoni, skadew.

45

Bil-kontra, ir-riferiment għal “miżuri fis-seħħ”, li jissemmew fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, jimplika li l-perijodu ta’ applikazzjoni tal-miżuri antidumping estiżi ma jistax jeċċedi l-perijodu li matulu l-miżuri antidumping li huma jestendu jkunu fis-seħħ.

46

Għalhekk, minn dan isegwi, li kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 31 tal-Konklużjonijiet tiegħu, li l-analiżi tal-kliem tal-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku ma tippermettix li tiġi eskluża l-possibbiltà li jiġi adottat regolament li jirrigwarda l-estensjoni ta’ miżuri antidumping li jkunu skadew.

47

L-analiżi tal-kuntest tal-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku kif ukoll l-għanijiet ta’ dan l-artikolu u, b’mod iktar ġenerali, ta’ dan ir-regolament, tikkonferma li regolament ta’ estensjoni ta’ miżuri antidumping jista’ jiġi adottat wara l-iskadenza ta’ dawn il-miżuri, bl-intendiment, madankollu, li l-miżuri jkunu jistgħu jiġu estiżi biss għall-perijodu preċedenti għal din l-iskadenza, b’tali mod li l-miżuri estiżi jkollhom natura esklużivament retroattiva.

48

L-ewwel nett, f’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, l-Artikolu 10(1) tar-Regolament bażiku jistabbilixxi l-prinċipju ta’ nonretroattività tal-miżuri antidumping, peress li dawn ma jistgħux, bħala prinċipju, jiġu applikati għal prodotti rrilaxxati għal ċirkulazzjoni libera wara d-data li fiha r-regolament li jistabbilixxihom jidħol fis-seħħ, diversi dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku jidderogaw minn dan il-prinċipju. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet jawtorizzaw l-applikazzjoni ta’ miżuri antidumping għal prodotti rrilaxxati għal ċirkulazzjoni libera qabel id-dħul fis-seħħ tar-regolament li jistabbilixxihom, bil-kundizzjoni li l-importazzjonijiet ikkonċernati jkunu ġew irreġistrati konformement mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku.

49

Fir-rigward, b’mod partikolari, tar-regoli li jirrigwardaw l-evażjoni, it-tieni sentenza tal-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku jipprevedi li l-investigazzjoni tinfetaħ b’regolament tal-Kummissjoni li jista’ wkoll jagħti istruzzjonijiet lill-awtoritajiet doganali sabiex jagħmlu r-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet obbligatorju konformement mal-Artikolu 14(5) ta’ dan ir-regolament jew li jimponu garanziji. Is-sitt sentenza tal-Artikolu 13(3) ta’ dan tal-aħħar jipprevedi, fir-rigward tiegħu, li l-estensjoni tal-miżuri antidumping tibda sseħħ mid-data li fiha r-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet, konformement mal-Artikolu 14(5) tal-imsemmi regolament, ikun sar obbligatorju. Għalhekk, il-ġbir retroattiv ta’ dazji antidumping estiżi bir-regolament ta’ estensjoni adottat abbażi tal-Artikolu 13 ta’ dan l-istess regolament huwa awtorizzat minnu.

50

It-tieni nett, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 19 u mill-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku li regolament li jirrigwarda l-estensjoni ta’ dazju antidumping għandu bħala għan uniku li jiżgura l-effikaċja tiegħu u sabiex jevita li ssir evażjoni tiegħu. Barra minn hekk, l-obbligu ta’ reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet inkwistjoni, fil-kuntest speċifiku ta’ tali evażjoni, jkopri wkoll l-effikaċja ta’ miżuri definittivi estiżi billi jirrendi possibbli l-applikazzjoni retroattiva tad-dazji sabiex jiġi evitat li l-miżuri definittivi li għandhom jiġu applikati ma jiġux imċaħħda mill-effettività tagħhom (is-sentenza Paltrade, C‑667/11, EU:C:2013:368, punti 2829).

51

Issa kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 36 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-għan tal-effikaċja mfittex mill-miżuri intiżi sabiex jiġġieldu l-evażjoni jkun kompromess jekk jitqies li regolament li jestendi dazju antidumping ma jistax jiġi adottat wara li jiskadu dawn il-miżuri. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ adozzjoni ta’ dan ir-regolament wara din l-iskadenza, il-protezzjoni tal-effett korrettiv tal-miżuri antidumping, permezz tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, tkun tista’ tiġi kkontestata mill-importazzjonijiet imwettqa matul il-perijodu tal-investigazzjoni dwar l-evażjoni. Fil-prattika, din ma tkunx tista’ tiżgura l-effikaċja tal-miżuri antidumping sakemm jiskadi l-perijodu ta’ applikazzjoni taħt l-Artikolu 11(2) tal-imsemmi regolament, li huwa, bħala prinċipju ta’ ħames snin.

52

Barra minn hekk, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, li regolament li jirrigwarda l-estensjoni ta’ miżuri antidumping, skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku, jiġi kkunsidrat li ma jistax jiġi adottat wara l-iskadenza ta’ dawn il-miżuri jimponi fuq il-Kummissjoni, jekk ikun il-każ, li tikkonkludi l-investigazzjoni tagħha f’terminu inqas mit-terminu ta’ disa’ xhur previst minn din id-dispożizzjoni. Bl-istess mod, din il-kunsiderazzjoni għandha bħala konsegwenza li tippermetti l-adozzjoni ta’ dan ir-regolament immedjatament qabel l-iskadenza tal-miżuri estiżi minnha iżda li tipprojbixxihom immedjatament wara din l-iskadenza, mingħajr ebda ġustifikazzjoni legali jew loġika.

53

It-tielet nett, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li miżura li tirrigwarda l-estensjoni ta’ dazju antidumping definittiv għandu biss natura aċċessorja fir-rigward tal-att inizjali li jistabbilixxi dan id-dazju (is-sentenza Paltrade, C‑667/11, EU:C:2013:368, punt 28).

54

Jekk minn din il-konstatazzjoni, jirriżulta li l-miżuri estiżi ma jistgħux jibqgħu fis-seħħ meta jiskadu dawk il-miżuri li huma jestendu, ma jistax jiġi dedott mill-vinkolu li jorbothom li d-deċiżjoni li jiġu stabbiliti tal-ewwel għandhom iseħħu qabel l-iskadenza tat-tieni.

55

Inkunsiderazzjoni tal-analiżi preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku ma jipprekludix l-adozzjoni ta’ regolament li jirrigwarda l-estensjoni ta’ miżuri antidumping meta dawn il-miżuri ma jkunux għadhom fis-seħħ, bil-kundizzjoni, minn naħa, li l-estensjoni tikkonċerna esklużivament il-perijodu preċedenti għall-iskadenza ta’ dawn il-miżuri u, min-naħa l-oħra, li r-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet ikkonċernati tkun ġiet ordnata, konformement mal-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku, jew, jekk ikun il-każ, li jkunu ġew imposti garanziji, fil-mument tal-ftuħ tal-investigazzjoni fuq l-evażjoni, bil-għan li tippermetti l-applikazzjoni retroattiva tal-miżuri estiżi mid-data ta’ din ir-reġistrazzjoni.

56

Huwa minnu li fil-kawża prinċipali l-miżuri antidumping stabbiliti mir-Regolament Nru 1458/2007 skadew fit-13 ta’ Diċembru 2012, filwaqt li r-regolament ikkontestat, li permezz tiegħu dawn il-miżuri ġew estiżi għall-importazzjonijiet mibgħuta mill-Vjetnam, ġie adottat biss fit-18 ta’ Marzu 2013. Madankollu, huwa stabbilit li fil-25 ta’ Ġunju 2012, il-Kummissjoni fetħet, permezz tar-Regolament Nru 548/2012, investigazzjoni bil-għan li tiddetermina jekk dawn l-importazzjonijiet tal-aħħar jevadux l-imsemmija miżuri, u imponiet fuq l-awtoritajiet doganali l-obbligu li jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jirreġistraw dawn l-importazzjonijiet.

57

Barra minn hekk, l-Artikolu 1(2) tar-regolament ikkontestat illimita l-ġbir tad-dazju hekk estiż biss għall-importazzjonijiet mibgħuta mill-Vjetnam bejn is-27 ta’ Ġunju 2012, data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 548/2012, u t-13 ta’ Diċembru 2012, data tal-iskadenza tal-miżuri antidumping stabbiliti mir-Regolament Nru 1458/2007.

58

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-iżviluppi msemmija fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, li, peress bl-adozzjoni tar-regolament ikkontestat f’data fejn il-miżuri antidumping stabbiliti mir-Regolament Nru 1458/2007 kienu skaduti, il‑Kunsill ma kisirx ir-rekwiżiti li jirriżultaw tal-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, peress li, minn naħa, l-estensjoni ta’ dawn il-miżuri antidumping jirrigwardaw esklużivament il-perijodu preċedenti għall-iskadenza tagħhom u li, min-naħa l-oħra, fid-data tal-ftuħ tal-investigazzjoni dwar l-evażjoni, ir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet ikkonċernati kienu ġew ordnati, konformement mal-Artikoli 13(3) u 14(5) ta’ dan ir-regolament, bil-għan li tippermetti l-applikazzjoni retroattiva tal-miżuri estiżi.

59

Għalhekk, il-fatt li r-regolament ikkontestat ġie adottat meta r-Regolament Nru 1458/2007 ma kienx għadu fis-seħħ ma għandux in-natura li jikkawża l-invalidità tiegħu.

Fuq il-motiv ta ’ invalidità bbażata fuq il-fatt li l-eżistenza ta ’ evażjoni ma ġiex stabbilit b’mod legalment suffiċjenti

60

Il-qorti tar-rinviju tinvoka, fit-tieni lok, l-invalidità tar-regolament ikkontestat sa fejn il-Kunsill ma stabbilixxiex b’mod legalment suffiċjenti l-eżistenza ta’ evażjoni skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, peress li ma ġiex ipprovat li, minn naħa, bidla fix-xejra tal-kummerċ u, min-naħa l-oħra, peress li l-eżistenza tal-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ kienu bdew jew ġew intensifikati b’mod sostanzjali wara jew eżatt qabel il-ftuħ tal-investigazzjoni antidumping u huma ma kellhomx ġustifikazzjoni ekonomika għajr li jevadu l-miżuri antidumping stabbiliti mir-Regolament Nru 1458/2007.

61

Għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni, u b’mod partikolari fil-qasam tal-miżuri ta’ protezzjoni tal-kummerċ, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi li huma għandhom l-obbligu li jeżamina. L-istħarriġ ġudizzjarju ta’ tali evalwazzjoni għandu għalhekk ikun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura, tal-preċiżjoni materjali tal-fatti kkunsidrati sabiex saret l-għażla kkontestata, tal-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti, jew tal-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter (ara s-sentenza Simon, Evers & Co., C‑21/13, EU:C:2014:2154, punt 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

62

F’dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, l-evażjoni tal-miżuri antidumping, l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku jipprovdi li tikkostitwixxi bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn pajjiżi terzi u l-Unjoni li tinħoloq minn prattiki, minn proċessi jew ħidmiet li għalihom ma hemmx raġuni tajba jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni ta’ dazju, u fejn ikun hemm provi ta’ ħsara jew li l-effetti korrettivi tad-dazju qegħdin jiġu kompromessi fir-rigward tal-prezzijiet u/jew tal-kwantitajiet ta’ prodott simili.

63

Skont l-Artikolu 13(3) ta’ dan ir-regolament, hija l-Kummissjoni li għandha tiftaħ investigazzjoni abbażi tal-provi li prima facie jindikaw prattiki ta’ evażjoni. Jekk il-fatti stabbiliti matul din l-investigazzjoni jippermettu li jiġi konkluż li hemm din l-evażjoni, il-Kummissjoni tipproponi lill-Kunsill li jkun hemm estensjoni tal-miżuri antidumping (is-sentenza Simon, Evers & Co., C‑21/13, EU:C:2014:2154, punt 31).

64

Madankollu, l-ebda dispożizzjoni tar-Regolament bażiku ma tagħti lill-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ investigazzjoni dwar l-eżistenza ta’ evażjoni, is-setgħa li ġġiegħel lill-produtturi jew lill-esportaturi kkonċernati minn ilment jipparteċipaw fl-investigazzjoni jew jipproduċu l-informazzjoni neċessarja (is-sentenza Simon, Evers & Co., C‑21/13, EU:C:2014:2154, punt 32).

65

Din hija r-raġuni għala l-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku li, meta parti kkonċernata tirrifjuta l-aċċess għall-informazzjoni neċessarja, jew inkella ma tagħtix, l-informazzjoni neċessarja jew meta timpedixxi b’mod sinjifikattiv l-investigazzjoni, il-konklużjonijiet preliminari jew finali, affirmattivi jew negattivi, jistgħu jiġu stabbiliti fuq il-bażi tal-fatti disponibbli. (is-sentenza Simon, Evers & Co., C‑21/13, EU:C:2014:2154, punt 33).

66

Barra minn hekk, l-Artikolu 18(6) ta’ dan l-istess regolament jispeċifika li, jekk parti kkonċernata tikkoopera biss parzjalment u li, minħabba dan il-fatt, informazzjoni rilevanti tiġi b’hekk miżmuma, ir-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għall-parti milli kieku kkooperat (is-sentenza Simon, Evers & Co., C‑21/13, EU:C:2014:2154, punt 34).

67

Jekk huwa minnu li r-Regolament bażiku, u partikolarment l-Artikolu 13(3) tiegħu, jistabbilixxi l-prinċipju skont liema l-oneru tal-prova ta’ evażjoni huwa fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, xorta jibqa’ l-fatt li, billi jipprovdi, fil-każ ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-partijiet ikkonċernati, li dawn l-istituzzjonijiet jistgħu jibbażaw il-konklużjonijiet ta’ investigazzjoni dwar l-eżistenza ta’ evażjoni fuq l-informazzjoni disponibbli u li hemm ir-riskju li l-partijiet li ma kkooperawx fl-investigazzjoni jsibu ruħhom f’sitwazzjoni inqas favorevoli, l-Artikolu 18(1) u (6) tar-Regolament bażiku huwa intiż sabiex iħaffef dan l-oneru (is-sentenza Simon, Evers & Co., C‑21/13, EU:C:2014:2154, punt 35).

68

Ċertament, mill-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma riedx jistabbilixxi preżunzjoni legali li tippermetti li min-nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-partijiet interessati jew ikkonċernati tiġi dedotta direttament l-eżistenza ta’ evażjoni u, għalhekk, jeħles lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni minn kull rekwiżit ta’ prova. Madankollu, fid-dawl tal-possibbiltà li jiġu stabbiliti konklużjonijiet, anki definittivi, abbażi tal-informazzjoni disponibbli u li l-parti li ma tikkooperax jew li tikkoopera biss parzjalment tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli milli kieku tkun ikkooperat, huwa daqstant evidenti li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma awtorizzati li jibbażaw ruħhom fuq serje ta’ indizji konkordanti li tippermetti li jiġi deċiż li kienet teżisti evażjoni fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-regolament bażiku (is-sentenza Simon, Evers & Co., C‑21/13, EU:C:2014:2154, punt 36).

69

Kull soluzzjoni oħra tkun tinvolvi r-riskju li l-effettività tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali tal-Unjoni tiġi kompromessa kull darba li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu affaċċjati b’rifjut ta’ kooperazzjoni fil-kuntest ta’ investigazzjoni intiża sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ evażjoni. (is-sentenza Simon, Evers & Co., C‑21/13, EU:C:2014:2154, punt 37).

70

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li jeħtieġ li jiġi eżaminat it-tieni motiv ta’ invalidità mill-qorti tar-rinviju.

71

F’dan ir-rigward, mill-premessi 28 sa 36 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li s-seba’ produtturi esportaturi Vjetnamiżi kkooperaw fl-investigazzjoni dwar l-evażjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Madankollu, il-Kummissjoni kkonstatat, matul iż-żjarat ta’ verifika mwettqa fuq il-post ta’ dawn il-produtturi esportaturi, li l-informazzjoni li ġiet ikkomunikati lilha ma jistgħux jiġu kkunsidrati affidabbli. Barra minn hekk, skont il-premessa 37 ta’ dan ir-regolament, il-produtturi esportaturi Ċiniżi ma kkooperawx.

72

Għalhekk, il-konklużjonijiet dwar l-importazzjonijiet, fl-Unjoni, ta’ lajters tal-but, taż-żnied, li ma jistgħux jerġgħu jimtlew, li ġejjin mill-Vjetnam u mir-RPĊ, kif ukoll dawk dwar l-esportazzjonijiet ta’ partijiet għal-lajters mir-RPĊ lejn Vjetnam kellhom isiru konformement għall-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku. Inkunsiderazzjoni ta’ dan, il-Kummissjoni bbażat ruħha b’mod partikolari fuq l-informazzjoni Comext tal-Eurostat, fuq l-istatistiċi Comtrade tan-Nazzjonijiet Uniti li jissemmew fit-talba li wasslet għall-ftuħ tal-investigazzjoni dwar l-evażjoni kif ukoll fuq informazzjoni inkluża f’din it-talba.

73

Din l-informazzjoni ppermettiet lill-Kummissjoni, li mexxiet l-investigazzjoni li abbażi tagħha r-regolament ikkontestat ġie adottat, u lill-Kunsill li adotta dan ir-regolament, li jistabbilixxu l-ewwel nett, li kif jirriżulta mill-premessa 38 tar-regolament ikkontestat, li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mir-RPĊ tbaxxew matul l-1991, meta l-miżuri antidumping iddaħħlu għall-ewwel darba, u baqgħu baxxi minn dakinhar. It-tieni nett, fil-premessi 40 u 41 ta’ dan ir-regolament, ġie allegat li l-fatt li l-volum ta’ importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat tal-Vjetnam fl-Unjoni żdied malajr mill-2007 u li, dawn l-importazzjonijiet, li jirrappreżentaw 80 % tal-importazzjonijiet kollha ta’ dan il-prodott fl-Unjoni, matul l-2008, kisbu 84 % ta’ dan l-ammont matul il-PR. It-tielet nett, ġie indikat, fil-premessa 42 tal-imsemmi regolament, li l-esportazzjonijiet tal-partijiet għal-lajters mir-RPĊ lejn Vjetnam żdiedu b’mod notevoli mill-1999 u li kienu jirrappreżentaw għall-2010, 26 % tal-esportazzjonijiet ta’ partijiet għal-lajters kollha mir-RPĊ.

74

Fuq din il-bażi, ġie konkluż, fil-premessa 44 tar-regolament ikkontestat, it-tnaqqis ġenerali fl-esportazzjonijiet mir-RPĊ lejn l-Unjoni u ż-żieda tal-esportazzjonijiet mill-Vjetnam lejn l-Unjoni mill-2007, kif ukoll iż-żieda notevoli fl-esportazzjonijiet ta’ partijiet għal-lajters mir-RPĊ lejn Vjetnam mill-1999, ikkostitwixxew bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn ir-RPĊ u l-Vjetnam, minn naħa, u l-Unjoni, min-naħa l-oħra.

75

Jekk ir-regolament ikkontestat jindika li l-volum ta’ importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li ġejjin mir-RPĊ fl-Unjoni ddgħajjef matul l-2007 u li l-volum tal-importazzjonijiet ta’ dan il-prodott li ġej mill-Vjetnam fl-Unjoni żdied b’mod qawwi minn din l-istess sena, u min-naħa l-oħra jirriżulta minn dan ir-regolament li l-esportazzjonijiet ta’ partijiet għal-lajters mir-RPĊ lejn Vjetnam żdiedu mill-1999.

76

Minn dan isegwi li ma jistax jiġi validament konkluż li teżisti rabta bejn, minn naħa, iż-żieda tal-esportazzjonijiet ta’ partijiet għal-lajters mir-RPĊ lejn Vjetnam u, min‑naħa l-oħra, iż-żieda fl-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat fl-Unjoni li ġejjin mill-Vjetnam.

77

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-Kunsill u l-Kummissjoni bbażaw ruħhom fuq serje ta’ indizji suffiċjentement konkordanti, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 68 ta’ din is-sentenza, li tippermettilhom li jikkonkludu li teżisti evażjoni skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku.

78

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi preliminari hija li r-regolament ikkontestat huwa invalidu.

Fuq l-ispejjeż

79

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 260/2013, tat-18 ta’ Marzu 2013, li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost bir-Regolament (KE) Nru 1458/2007 fuq l-importazzjoni ta’ lajters tal-but, tal-gass u ż-żnied, li ma jistgħux jerġgħu jimtlew, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għall-importazzjoni ta’ lajters tal-but, taż-żnied, li ma jistgħux jerġgħu jimtlew, li joriġinaw mir-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, kemm jekk ikun iddikjarat li joriġinaw mir-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam u jekk le, huwa invalidu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.