Kawża C‑361/14 P

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Peter McBride et

“Appell — Miżuri ta’ konservazzjoni ta’ riżorsi u ristrutturar tas-settur tas-sajd — Talbiet għal żieda tat-tunnellaġġ ta’ sigurtà — Annullament mill-qrati tad-deċiżjoni inizjali ta’ ċaħda — Kompetenza u bażi legali għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ġodda — Annullament mill-Qorti Ġenerali ta’ deċiżjonijiet ġodda ta’ ċaħda — Prinċipju ta’ ċertezza legali”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-14 ta’ Ġunju 2016

  1. Rikors għal annullament – Sentenza ta’ annullament – Miżuri ta’ eżekuzzjoni – Tħassir tal-bażi legali li tippermetti l-adozzjoni ta’ att ġdid li jissostitwixxi l-att annullat – Possibbiltà ta’ adozzjoni abbażi tal-Artikolu 266 TFUE – Assenza – Neċessità ta’ bażi legali fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni

    (Artikolu 5(2) TUE; Artikolu 266 TFUE)

  2. Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Riferiment għall-bażi legali ta’ att

    (Artikolu 296 TFUE)

  3. Rikors għal annullament – Termini – Deċiżjoni mhux ikkontestata fit-termini – Natura definittiva fir-rigward tad-destinatarju – Kontestazzjoni ulterjuri tad-deċiżjoni – Esklużjoni

    (Artikolu 263 TFUE)

  4. Appell – Aggravji – Motivazzjoni insuffiċjenti – Użu ta’ motivazzjoni impliċita mill-Qorti Ġenerali – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet

    (Artikolu 256 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 36 u 53(1))

  1.  Skont l-Artikolu 266 TFUE, l-istituzzjoni li minnha joriġina l-att annullat hija obbligata li tadotta miżuri li tinvolvi l-eżekuzzjoni tas-sentenza li ddikjarat l-annullament ta’ dan l-att. Madankollu, qabel l-adozzjoni ta’ tali miżuri mill-istituzzjoni li minnha joriġina l-att annullat, tqum il-kwistjoni dwar il-kompetenza ta’ din l-istituzzjoni, peress li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jaġixxu biss fil-limiti tal-kompetenza tagħhom ratione materiae. Fid-dawl ta’ dan kollu, l-obbligu li taġixxi, naxxenti mill-Artikolu 266 TFUE, ma jikkostitwixxix sors ta’ kompetenza għall-istituzzjoni kkonċernata u lanqas jippermetti lil din tal-aħħar li tibbaża ruħha fuq bażi legali li fil-frattemp tħassret.

    Għalkemm l-osservanza tal-prinċipji li jirregolaw l-applikazzjoni ratione temporis tal-liġi kif ukoll ir-rekwiżiti marbuta mal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jimponu l-applikazzjoni tar-regoli materjali fis-seħħ fid-data tal-fatti inkwistjoni anki meta dawn ir-regoli ma jkunux għadhom fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni ta’ att mill-istituzzjoni tal-Unjoni, għall-kuntrarju, id-dispożizzjoni li tikkostitwixxi l-bażi legali ta’ att u li tawtorizza lill-istituzzjoni tal-Unjoni li tadotta l-att inkwistjoni għandha tkun fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni ta’ dan tal-aħħar. Bl-istess mod, il-proċedura ta’ adozzjoni ta’ dan l-att għandha titmexxa b’mod konformi mar-regoli fis-seħħ fid-data ta’ din l-adozzjoni. F’dan ir-rigward ma jistax jiġi permess li permezz tal-applikazzjoni ta’ prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, istituzzjoni tuża bażi legali li tkun skadiet, għall-finijiet tal-awtorizzazzjoni tal-applikazzjoni ta’ regola materjali, sabiex fuqha tibbaża deċiżjoni wara l-annullament mill-qorti tal-Unjoni tad-deċiżjoni inizjali.

    (ara l-punti 35, 36, 38, 40, 45)

  2.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 47, 48)

  3.  Barra minn hekk deċiżjoni li ma ġietx appellata mid-destinatarju fit-termini stabbiliti fl-Artikolu 263 TFUE ssir definittiva fil-konfront tiegħu. B’hekk, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jimponi li l-validità ta’ tali deċiżjoni li tkun favorevoli għad-destinatarju jew li saret definittiva, ma hijiex affettwata minn sentenza tal-qorti tal-Unjoni li tkun tikkonċerna deċiżjonijiet oħra.

    (ara l-punti 55 u 56)

  4.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punt 61)