Kawżi magħquda C‑359/14 u C‑475/14
«ERGO Insurance» SE
vs
«If P&C Insurance» AS
u
«Gjensidige Baltic» AAS
vs
«PZU Lietuva» UAB DK
(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vilniaus miesto apylinkės teismas u mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Għażla tal-liġi applikabbli — Regolamenti (KE) Nru 864/2007 u (KE) Nru 593/2008 — Direttiva 2009/103/KE — Inċident ikkawżat minn trakter u karru agganċjat miegħu, b’kull vettura assigurata minn assiguratur differenti — Inċident li seħħ fi Stat Membru differenti minn dak li fih ġew konklużi kuntratti ta’ assigurazzjoni — Azzjoni ta’ rkupru bejn l-assiguraturi — Liġi applikabbli — Kunċetti ta’ ‘obbligu kuntrattwali’ u ta’ ‘obbligu mhux kuntrattwali”
Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tal-21 ta’ Jannar 2016
Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili tal-karozza — Direttiva 2009/103 — Primjum uniku — Obbligu għall-poloz tal-assigurazzjonijiet li jiggarantixxu, abbażi ta’ primjum uniku, il-kopertura meħtieġa mil-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru jew mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru fejn il-vettura hija abitwalment stazzjonata — Natura speċjali tar-regoli ta’ kunflitt tal-liġijiet meta mqabbla mar-regoli ta’ kunflitt stabbiliti fir-Regolamenti Nru 593/2008 u Nru 864/2007 — Assenza
[Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 593/2008, Artikolu 23, u Nru 864/2007, Artikolu 27; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2009/103, premessa 26 u Artikolu 14(b)]
Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali — Regolament Nru 593/2008 — Liġi applikabbli għall-obbligi mhux kuntrattwali — Regolament Nru 864/2007 — Kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija regolamenti — Kunċetti ta’ “obbligu kuntrattwali” u ta’ “obbligu mhux kuntrattwali” — Interpretazzjoni awtonoma
(Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 593/2008, premessa 7 u Artikolu 1, u Nru 864/2007, premessa 7 u Artikolu 2; Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, Artikolu 5)
Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali — Regolament Nruo593/2008 — Liġi applikabbli għall-obbligi mhux kuntrattwali — Regolament Nru 864/2007 — Inċident ikkawżat minn trakter b’karru agganċjat miegħu, b’kull vettura assigurata minn assiguratur differenti — Azzjoni ta’ rkupru bejn l-assiguraturi — Liġi applikabbli
(Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 593/2008, Artikolu 7, u Nru 864/2007, Artikoli 1, 4 et seq)
L-Artikolu 14(b) tad-Direttiva 2009/103, dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà, għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni ma fiha ebda regola speċjali ta’ kunflitt intiża sabiex tiddetermina l-liġi applikabbli għall-azzjoni ta’ rkupru mill-assiguratur ta’ trakter, li kkumpensa l-vittmi ta’ inċident ikkawżat mix-xufier ta’ dik il-vettura, fir-rigward tal-assiguratur tal-karru rmunkat f’dan l-inċident. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 593/2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 864/2007, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II), rispettivament.
Fil-fatt, la mill-kliem u lanqas mill-għanijiet tad-Direttiva 2009/103 ma jirriżulta li din hija intiża sabiex tistabbilixxi regoli ta’ kunflitti tal-liġijiet. B’mod iktar speċifiku, l-Artikolu 14 tal-imsemmija direttiva, moqri flimkien mal-premessa 26 ta’ din, sempliċement jobbliga lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex il-poloz tal-assigurazzjoni tal-vetturi jkopru, fuq il-bażi ta’ primjum uniku, it-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea matul it-terminu tal-kuntratt, u sabiex abbażi ta’ dak il-primjum, f’kull Stat Membru, jiggarantixxi l-kopertura meħtieġa mil-liġijiet tiegħu jew il-kopertura meħtieġa bil-liġi ta’ Stat Membru li fih hija abitwalment stazzjonata l-vettura meta din il-kopertura hija ogħla. Għalhekk din id-dispożizzjoni tikkonċerna esklużivament il-portata tat-territorju u l-livell ta’ kopertura li l-assiguratur huwa meħtieġ jipprovdi, sabiex jiżgura protezzjoni adegwata lill-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku. Eba regola ma tista’ tiġi dedotta li tgħid li l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru speċifiku jirregola l-qsim tar-responsabbiltà bejn l-assiguraturi.
(ara l-punti 38, 40-42, 63 u d-dispożittiv)
Fir-rigward tal-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tar-Regolamenti 593/2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I), u Nru 864/2007, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II), il-kunċetti ta’ “obbligu kuntrattwali” u ta’ “obbligu mhux kuntrattwali” li jinsabu fihom għandhom jiġu interpretati indipendentement, b’referenza għall-iskema u għall-għanijiet ta’ dawn ir-regolamenti. Għandu jittieħed ukoll inkunsiderazzjoni, hekk kif jirriżulta mill-premessa 7 ta’ kull wieħed minn dawn iż-żewġ regolamenti, l-għan ta’ koerenza fl-applikazzjoni reċiproka ta’ dawn ir-regolamenti, iżda wkoll tar-Regolament Nru 44/2001, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, li b’mod partikolari jiddistingwi, fl-Artikolu 5 tiegħu, bejn il-qasam kuntrattwali u l-qasam delittwali jew kważi delittwali.
Għalhekk, minn naħa, għandu jiġi kkunsidrat li l-kunċett ta’ “obbligu kuntrattwali” fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament Ruma I, jindika obbligu ġuridiku assunt liberament minn persuna fil-konfront ta’ oħra.
Min-naħa l-oħra, “obbligu mhux kuntrattwali” għandu jinftiehem, fis-sens tar-Regolament Ruma II, bħala obbligu li japplika għal wieħed mill-avvenimenti elenkati fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, jiġifieri delitt jew kważi delitt, arrikkiment indebitu, ġestjoni tan-negozju jew “culpa in contrahendo”.
(ara l-punti 43 sa 46)
Ir-Regolamenti Nru 593/2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I), u Nru 864/2007, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II), għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-liġi applikabbli għal azzjoni ta’ rkupru mill-assiguratur ta’ trakter, li kkumpensa l-vittmi ta’ inċident ikkawżat mix-xufier ta’ dik il-vettura, fir-rigward tal-assiguratur tal-karru rmunkat f’dan l-inċident, hija ddeterminata skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Ruma I jekk ir-regoli tar-responsabbiltà delittwali applikabbli għal dan l-inċident taħt l-Artikoli 4 et seq tar-Regolament Nru 864/2007 jipprevedu it-tqassim tal-obbligu tal-kumpens għad-dannu.
Fil-fatt, minn naħa, l-eżistenza stess ta’ dritt ta’ rikors tal-assiguratur ta’ trakter, li x-xufier tiegħu kkawża l-inċident, kontra l-assiguratur tal-karru agganċjat, ma jistax jiġi dedott mill-kuntratt ta’ assigurazzjoni ladarba l-vittma hija kkumpensata, iżda tippresupponi r-rabta konkomitanti tar-responsabbiltà delittwali tal-utent ta’ dan il-karru fir-rigward ta’ din l-istess vittma. Għalhekk, għandu jiġi nnotat li tali obbligu ta’ kumpens impost fuq l-utent tal-karru għandu jiġi kkunsidrat bħala “obbligu mhux kuntrattwali” fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament Ruma II. Għaldaqstant, huwa fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament li għandha tiġi ddeterminata l-liġi applikabbli għal dan l-obbligu. Konformement mal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, sakemm ma jkunx ipprovdut mod ieħor, il-liġi applikabbli għal tali obbligu mhux kuntrattwali għandha tkun dak tal-pajjiż fejn seħħ id-dannu, jiġifieri, dak fejn id-dannu li jirriżulta direttament mill-inċident ikun sostnut. Skont l-Artikolu 15(a) u (b) tal-istess regolament, din il-liġi tiddetermina l-kundizzjonijiet u l-portata tar-responsabbiltà, kif ukoll ir-raġunijiet għall-qsim ta’ din ir-responsabbiltà. Għaldaqstant, huwa fid-dawl tal-liġi tal-post fejn seħħ id-dannu dirett li għandhom jiġu ddeterminati d-debituri tal-obbligu ta’ kumpens tal-vittma kif ukoll, skont il-każ, il-kontribuzzjonijiet rispettivi tal-utent tal-karru u tal-utent jew tax-xufier tat-trakter għad-dannu kkawżat lill-vittma.
Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li l-obbligu għal assiguratur li jikkumpensa d-dannu kkawżat lil vittma jirriżulta mhux minn dannu kkawżat lil din tal-aħħar, iżda mill-kuntratt li jorbtu mal-assigurat responsabbli. Tali kumpens għaldaqstant huwa bbażat fuq obbligu kuntrattwali u l-liġi applikabbli għal tali obbligu għandha tiġi ddeterminata konformement mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Ruma I.
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-assiguratur ta’ trakter li jkun ikkumpensa vittma għandu, skont il-każ, rikors ta’ surroga fil-konfront tal-assiguratur tal-karru, l-Artikolu 19 tar-Regolament Ruma II jiddistingwi bejn l-kwistjonijiet suġġetti għas-sistema delittwali u dawk suġġetti għas-sistema kuntrattwali. Din id-dispożizzjoni tapplika b’mod partikolari għas-sitwazzjoni li fiha terz, jiġifieri l-assiguratur, ikun ikkumpensa lill-vittma ta’ inċident, kreditur ta’ obbligu delittwali ta’ danni dovuti mix-xufier jew mill-utent ta’ karozza, u dan sabiex jinħeles mill-obbligu li jissodisfa dan l-obbligu. Speċifikament, l-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament jipprevedi li, f’dan il-każ, il-kwistjoni ta’ surroga eventwali tad-drittijiet tal-vittma hija rregolata mil-liġi applikabbli għall-obbligu tat-terz, jiġifieri l-assiguratur tar-responsabbiltà ċivili, li jikkumpensa din il-vittma. Għalhekk, l-obbligu tal-assiguratur li jkopri r-responsabbiltà ċivili tal-assigurat fir-rigward tal-vittma, li jirriżulta mill-kuntratt ta’ assigurazzjoni konkluż mal-assigurat, u l-kundizzjonijiet li taħthom l-assiguratur jista’ jeżerċita d-drittijiet li għandha l-vittma tal-inċident kontra l-persuni responsabbli mill-inċident, jiddependu mid-dritt nazzjonali li jirregola dan il-kuntratt ta’ assigurazzjoni, iddeterminat skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Ruma I. Min-naħa l-oħra, il-liġi applikabbli għad-determinazzjoni tal-persuni li jistgħu jinżammu responsabbli kif ukoll il-qsim eventwali ta’ responsabbiltà bejn dawn u l-assiguraturi rispettivi tagħhom jibqgħu suġġetti, konformement għal dan l-Artikolu 19, għall-Artikoli 4 et seq tar-Regolament Ruma II.
(ara l-punti 50-54, 56-59, 64 u d-dispożittiv)