Kawża C‑354/14
SC Capoda Import-Export SRL
vs
Registrul Auto Român
u
Benone-Nicolae Bejan
(domanda preliminari mressqa mit-Tribunalul Cluj)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Moviment liberu tal-merkanzija — Miżuri li għandhom effett ekwivalenti — Prodotti f’moviment liberu fil-Ġermanja — Prodotti suġġetti għall-kontrolli ta’ approvazzjoni fir-Rumanija — Ċertifikat ta’ konformità pprovdut minn distributur ta’ Stat Membru ieħor — Ċertifikat meqjus bħala insuffiċjenti sabiex jippermetti l-kummerċjalizzazzjoni libera ta’ dawn il-prodotti — Prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku — Inammissibbiltà parzjali”
Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tas-6 ta’ Ottubru 2015
Domandi preliminari — Ammissibbiltà — Limiti — Dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li huma manifestament inapplikabbli — Domandi mhux relatati mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali — Inammissibbiltà
(Artikolu 267 TFUE)
Domandi preliminari — Ammissibbiltà — Limiti — Domandi mhux relatati mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali — Direttiva li twassal għal armonizzazzjoni sħiħa — Assenza ta’ motiv ta’ inammissibbiltà
(Artikoli 34 TFUE u 267 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 2007/46)
Moviment liberu tal-merkanzija — Restrizzjonijiet kwantitattivi — Miżuri li għandhom effett ekwivalenti — Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi proċedura ta’ approvazzjoni tat-tip għall-kummerċjalizzazzjoni fi Stat Membru dwar partijiet tal-bdil ġodda fi Stat Membru dwar partijiet tal-bdil ġodda għal vetturi tat-triq — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet — Stabbiliment ta’ eċċezzjonijiet tat-tip li jiżguraw l-eżenzjoni minn dawn il-proċeduri, ta’ partijiet ta’ bdil legalment ikkummerċjalizzati fi Stati Membri oħrajn — Protezzjoni tas-sikurezza tat-triq u tal-ambjent — Oneru tal-prova — Prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza
(Artikolu 34 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 2007/46, Artikolu 31(1) u (12))
Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punti 25, 27)
Il-kwistjoni ta’ jekk ma hemmx lok li jiġi interpretat l-Artikolu 34 TFUE minħabba li d-Direttiva Nru 2007/46, li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, kienet mexxiet armonizzazzjoni sħiħa ma jikkostitwixxix motiv ta’ inammissibbiltà u għandha tiġi evalwata fil-kuntest tar-risposta li għandha tingħata lid-domandi preliminari.
(ara l-punt 26)
L-Artikoli 34 TFUE u 31(1) u (12) tad-Direttiva Nru 2007/46, li jistabbilixxu kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-kummerċjalizzazzjoni fi Stat Membru ta’ partijiet ta’ bdil ġodda għall-vetturi tat-triq, li ma humiex inklużi fil-lista fl-Anness XIII tal-imsemmija direttiva, għall-applikazzjoni ta’ proċedura ta’ approvazzjoni tat-tip f’dan l-Istat Membru, sakemm tali regolament jipprovdi eċċezzjonijiet ta’ natura li jiżguraw li l-partijiet ta’ bdil legalment immanifatturati u kkummerċjalizzati fl-Istati Membri l-oħra jkunu eżentati jew, jekk dan ma jsirx, li l-parti ta’ bdil inkwistjoni tkun tali li x’aktarx toħloq riskju serju fil-funzjonament xieraq tas-sistemi essenzjali għas-sikurezza tal-vettura jew għall-prestazzjoni ambjentali tagħha u li din il-proċedura ta’ approvazzjoni tat-tip tkun strettament meħtieġa u pproporzjonata f’dak li jirrigwarda l-għanijiet tal-protezzjoni tas-sikurezza tat-triq jew tal-protezzjoni ambjentali. Fil-fatt, fil-każ li parti ta’ bdil jew parti minn tagħmir ma tkunx għadha inkluża fil-lista fl-Anness XIII tad-Direttiva Nru 2007/46, u għalhekk sakemm tittieħed deċiżjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward, l-Istati Membri jistgħu jżommu d-dispożizzjonijiet nazzjonali li għandhom x’jaqsmu mal-partijiet ta’ bdil jew għat-tagħmir li jista’ jippreżenta riskju sinjifikattiv għall-funzjonament xieraq tas-sistemi essenzjali għas-sikurezza tal-vettura jew tal-prestazzjoni ambjentali tagħha, b’mod li dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali ma jibqgħux japplikaw malli tittieħed tali deċiżjoni.
Il-kundizzjonijiet li taħthom għandha tiġi prodotta l-prova li dawn il-partijiet ta’ bdil diġà ġew approvati jew jikkostitwixxu partijiet ta’ bdil oriġinali jew ta’ kwalità ekwivalenti, jaqgħu, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni fid-dritt tal-Unjoni, taħt id-dritt tal-Istati Membri, suġġett għall-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.
(ara l-punti 36, 41-44, 46 u d-dispożittiv)