SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)
6 ta’ Ottubru 2015 ( * )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Moviment liberu tal-merkanzija — Miżuri li għandhom effett ekwivalenti — Prodotti f’moviment liberu fil-Ġermanja — Prodotti suġġetti għall-kontrolli ta’ approvazzjoni fir-Rumanija — Ċertifikat ta’ konformità pprovdut minn distributur ta’ Stat Membru ieħor — Ċertifikat meqjus bħala insuffiċjenti sabiex jippermetti l-kummerċjalizzazzjoni libera ta’ dawn il-prodotti — Prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku — Inammissibbiltà parzjali”
Fil-Kawża C‑354/14,
li għandha bħala suġġett domanda preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunalul Cluj (qorti ġenerali ta’ Cluj, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Ġunju 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Lulju 2014, fil-proċedura
SC Capoda Import-Export SRL
vs
Registrul Auto Român,
Benone-Nicolae Bejan,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),
komposta minn J.-C. Bonichot (Relatur), President tal-Awla, J. L. da Cruz Vilaça u C. Lycourgos, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal SC Capoda Import-Export SRL, minn C. Costaş, avocat, |
— |
għal M. Bejan, minnu stess, |
— |
għall-Gvern Rumen, minn R.‑H. Radu u A. Buzoianu, bħala aġenti, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Nicolae u K. Talabér-Ritz kif ukoll minn G. Wilms, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 34 TFUE kif ukoll tal-Artikoli 31(1) tad-Direttiva Nru 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Kwadru) (ĠU L 263, p. 1), u 1(1)(t) u (u) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1400/2002, tal-31 ta’ Lulju 2002, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat fuq kategoriji ta’ ftehim vertikali u prattiċi miftiehma fis-settur tal-vetturi bil-mutur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 158). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn SC Capoda Import-Export SRL (iktar ’il quddiem “Capoda”) u r-Registrul Auto Roman (reġistru Rumen tal-vetturi, iktar ’il quddiem ir-“RAR”) u Benone-Nicolae Bejan dwar is-suġġett tal-kummerċjalizzazzjoni minn Capoda ta’ partijiet ta’ bdil ġodda għal vetturi bil-mutur. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-Dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 2007/46
3 |
Il-premessi 14 u 15 tad-Direttiva 2007/46 jgħidu:
|
4 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprevedi: “Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas armonizzat li fih id-dispożizzjonijiet amministrattivi u l-ħtiġijiet tekniċi ġenerali għall-approvazzjoni tal-vetturi ġodda kollha fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u tas-sistema, il-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati maħsuba għal dawk il-vetturi, bil-ħsieb li jiġu faċilitati r-reġistrazzjoni, il-bejgħ u d-dħul fis-servizz tagħhom fil-Komunità. Din id-Direttiva tistabbilixxi wkoll id-dispożizzjonijiet għall-bejgħ u d-dħul fis-servizz tal-partijiet u t-tagħmir maħsuba għall-vetturi approvati skont din id-Direttiva. [...]” |
5 |
L-Artikolu 3, punt 26, tal-imsemmija direttiva jiddefinixxi l-“partijiet jew tagħmir oriġinali” bħala “partijiet jew tagħmir manifatturati skond l-ispeċifikazzjonijiet u l-istandards ta’ produzzjoni pprovduti mill-manifattur tal-vettura għall-produzzjoni tal-partijiet jew tagħmir għall-assemblaġġ tal-vettura in kwistjoni. Dan jinkludi partijiet jew tagħmir manifatturati fl-istess linja ta’ produzzjoni bħal dawn il-partijiet jew tagħmir. Huwa preżunt sakemm ma jiġix ippruvat il-kuntrarju, li partijiet ikunu partijiet oriġinali jekk il-manifattur tal-partijiet jiċċertifika li l-partijiet huma ta’ kwalità pariġġ għall-komponenti użati fl-assemblaġġ tal-vettura in kwistjoni u ġew manifatturati skont l-ispeċifikazzjonijiet u l-istandards ta’ produzzjoni tal-manifattur tal-vettura;” |
6 |
L-Artikolu 31 tad-Direttiva Nru 2007/46 intitolat “Il-bejgħ u d-dħul fis-servizz ta’ partijiet jew tagħmir li jistgħu joħolqu riskju sinifikanti għall-funzjonament korrett ta’ sistemi essenzjali” jgħid: “1. L-Istati Membri għandhom jippermettu l-bejgħ, l-offerta għall-bejgħ jew id-dħul fis-servizz ta’ partijiet jew tagħmir, li jistgħu jippreżentaw riskju sinifikanti għall-funzjonament korrett ta’ sistemi li huma essenzjali għas-sigurtà tal-vettura jew għall-prestazzjoni ambjentali tagħha, biss jekk dawk il-partijiet jew tagħmir ġew awtorizzati minn awtorità tal-approvazzjoni skont il-paragrafi 5 sa 10. 2. Partijiet jew tagħmir suġġett għall-awtorizzazzjoni skont paragrafu 1 għandhom jiddaħħlu fil-lista li trid tiġi stabbilita fl-Anness XIII. [...] [...] 11. Dan l-Artikolu m’għandux japplika għal parti jew tagħmir qabel ma tiġi elenkata fl-Anness XIII. [...] 12. Sakemm deċiżjoni dwar jekk parti jew tagħmir għandhiex tiġi inkluża fil-lista msemmija fil-paragrafu 1 għadha ma tteħditx, l-Istati Membri jistgħu jżommu dispożizzjonijiet nazzjonali li għandhom x’jaqsmu mal-partijiet jew mat-tagħmir li jistgħu jkunu ta’ riskju sinifikanti għall-funzjonament korrett ta’ sistemi li huma essenzjali għas-sikurezza tal-vettura jew għall-prestazzjoni ambjentali tagħha. La darba tkun ittieħdet deċiżjoni bħal din, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li għandhom x’jaqsmu mal-partijiet jew mat-tagħmir in kwistjoni m’għandhomx jibqgħu validi. [...].” |
Ir-Regolament Nru 1400/2002
7 |
L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1400/2002 jipprevedi: “1. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: [...]
[...]” |
8 |
Skont l-Artikolu 12(3) tar-Regolament (KE) Nru 1400/2002: “Dan ir-Regolament se jiskadi fil-31 ta’ Mejju 2010.” |
Id-Dritt Rumen
9 |
L-Artikolu 1 tad-Digriet tal-Gvern Nru 80/2000 dwar l-approvazzjoni ta’ prodotti u oġġetti ta’ konsum użati għall-vetturi tat-triq u fuq il-kundizzjonijiet tal-introduzzjoni tagħhom fuq is-suq u tal-kummerċjalizzazzjoni tagħhom, kif emendata (iktar ’il quddiem id-“Digriet tal-Gvern Nru 80/2000”), jgħid, fil-paragrafi 1, 2, 4, 5 u 8 tiegħu: “1. Il-prodotti u l-oġġetti tal-konsum ġodda, għall-użu f’vetturi tat-triq, jistgħu jiġu introdotti fis-suq u/jew ikkummerċjalizzati biss jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti f’din l-ordinanza. 2. Il-prodotti u l-oġġetti ta’ konsum ġodda, li jaqgħu taħt il-kategorija tal-elementi li jaffettwaw is-sikurezza tat-traffiku, il-protezzjoni tal-ambjent, l-effiċjenza tal-enerġija [...] jistgħu jiġu introdotti fis-suq u/jew jiġu kkummerċjalizzati biss jekk ikunu suġġetti għal proċess ta’ approvazzjoni, skont il-każ. [...] 4. L-approvazzjoni tal-prodotti msemmija fil-paragrafu 2 ssir mill-Kontroll Awtonomu [RAR], korp tekniku speċjalizzat li jaqa’ taħt l-awtorità tal-Ministru tat-Trasport u tal-Infrastruttura [...] fuq il-bażi tat-testijiet magħmula mir-RAR jew tad-dipartimenti tekniċi evalwati mir-RAR. 5. L-approvazzjoni tal-prodotti u oġġetti ta’ konsum li hemm riferenza għalihom fil-paragrafu 2 hija magħmula mir-RAR, fuq il-bażi tar-riżultati tat-testijiet imwettqa mir-RAR jew mis-servizzi tekniċi evalwati mir-RAR. [...] 8. Il-paragrafi 4 u 5 ma għandhomx japplikaw:
|
10 |
Skont l-Artikolu 1 tad-digriet tal-gvern: “Għall-finijiet ta’ dan id-digriet, il-kliem u l-espressjonijiet elenkati hawn taħt huma ddefiniti kif ġej: 1. Prodott – sistema, apparat, parti, komponent jew entità teknika użata għall-manifattura ta’ vettura, sabiex tissostitwixxi wieħed mill-elementi li jeżistu fil-vettura jew għall-assemblaġġ/użu iktar tard fil-vettura approvata. Dan jista’ jkun:
[...]” |
11 |
L-Artikolu 4(1) tal-imsemmi digriet tal-gvern jipprevedi: “Minħabba l-introduzzjoni fis-suq u/jew il-kummerċjalizzazzjoni, il-prodotti u l-oġġetti ta’ konsum għandhom ikollhom magħhom id-dokumenti previsti mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ”. |
12 |
L-Artikolu 6 tad-Digriet tal-Gvern Nru 80/2000 jgħid: “Dawn li ġejjin jikkostitwixxu kontravvenzjonijiet, punibbli kif ġej:
[...]” |
13 |
L-anness tad-deċiżjoni Nru 2135 tat-8 ta’ Diċembru 2005, tal-Ministru tat-Trasport, il-Kostruzzjoni u t-Turiżmu, dwar l-approvazzjoni tar-regolamenti dwar l-approvazzjoni tal-prodotti u l-oġġetti ta’ konsum użati għall-vetturi tat-triq u l-kundizzjonijiet tal-introduzzjoni tagħhom fis-suq, tinkludi Kapitolu II intitolat “Metodoloġija u kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tat-tip ta’ prodotti użati f’vetturi tat-triq”. Taħt dan il-kapitolu hemm il-punt 2.1, li jipprevedi: “Il-prodotti manifatturati fil-pajjiż jew importati, li huma elenkati fil-lista tal-Kapitolu V, jistgħu jiġu introdotti fis-suq biss jekk dawn kienu s-suġġett ta’ approvazzjoni mir-RAR. L-approvazzjoni tintalab mill-produtturi, mir-rappreżentanti tagħhom, mill-importaturi jew mid-distributuri. [...]” |
14 |
Il-Kapitolu V ta’ dan l-istess anness fih lista ta’ prodotti u oġġetti ta’ konsum li jeħtieġu tali approvazzjoni mir-RAR għall-finijiet tat-tqegħid tagħhom fis-suq. Din il-lista telenka l-elementi użati f’vetturi tat-triq relatati mas-sikurezza tat-traffiku, il-protezzjoni tal-ambjent, l-effikaċja enerġetika u l-protezzjoni kontra s-serq. Il-Kapitolu V jinkludi punt 5.1.3 li jsemmi il-filtri tal-karburant u fil-punt 5.3.2 il-pompi tal-ilma. |
Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
15 |
Capoda, kumpannija stabbilita fir-Rumanija, tikkummerċjalizza f’dan l-Istat Membru prodotti u partijiet ta’ bdil għat-tiswija, manutenzjoni u l-funzjonament ta’ karozzi, li hija tixtri mingħand kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra. |
16 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju, jirriżulta li wara li saret spezzjoni fil-21 ta’ Ġunju 2011 mir-RAR, din tal-aħħar sabet li din il-kumpannija kienet tikkummerċjalizza pompi tal-ilma u filtri tal-karburant għall-vetturi tat-triq taħt il-kategorija tal-partijiet ta’ bdil li jikkonċernaw is-sikurezza tat-traffiku u l-protezzjoni tal-ambjent, mingħajr ma dawn il-prodotti kienu s-suġġett ta’ approvazzjoni inkonformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Konsegwentement, permezz ta’ rapport ta’ konstatazzjoni u ta’ sanzjoni ta’ din il-kontravvenzjoni tat-28 ta’ Ġunju 2011, ir-RAR ikkundanna lil Capoda tħallas RON 2000 lei Rumeni (madwar EUR 454). |
17 |
Din il-kumpannija sostniet li dawn il-prodotti kienu mixtrija minn kumpanniji stabbiliti fil-Ġermanja u li kellhom magħhom ċertifikati li jiċċertifikaw li dawn kienu partijiet ta’ bdil oriġinali jew partijiet ta’ bdil ta’ kwalità ekwivalenti, fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1400/2002, imqiegħda f’ċirkulazzjoni libera fl-Istati Membri l-oħra. Barra minn hekk, dawn id-dokumenti jiċċertifikaw ukoll li l-prodotti inkwistjoni kienu ġew immanifatturati fl-istess stabbilimenti ta’ produzzjoni bħall-ekwipaġġament oriġinali, u li kienu ġew approvati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ta’ fejn kienu ġew prodotti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, Capoda qieset li, skont il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, dawn il-prodotti għandhom jiġu eżentati mill-obbligu ta’ approvazzjoni tat-tip previst mid-dritt Rumen. |
18 |
Capoda adixxiet lill-Judecatoria Cluj-Napoca (qorti tal-prim’istanza ta’ Cluj-Napoca, ir-Rumanija) b’talba għall-annullament tar-rapport tat-28 ta’ Ġunju 2011. Permezz ta’ sentenza mogħtija fl-2012, din il-qorti laqgħet din it-talba, għaliex qieset li, għalkemm il-partijiet ta’ bdil inkwistjoni jaqgħu taħt il-kategorija ta’ oġġetti li jaffettwaw is-sikurezza tat-traffiku u l-protezzjoni tal-ambjent, li għalihom id-dritt Rumen jeżiġi proċedura ta’ approvazzjoni tat-tip, huma jistgħu, taħt id-definizzjoni ta’ “partijiet ta’ bdil oriġinali” u “partijiet ta’ bdil ta’ kwalità ekwivalenti”, prevista fl-Artikolu 1(1)(t) u (u) tar-Regolament Nru 1400/2002, jitqiesu li huma prodotti oriġinali fis-sens tal-Artikolu 1, punt 1.1 tad-Digriet tal-Gvern Nru 80/2000. Għaldaqstant, hija ddeċidiet li dawn il-partijiet ta’ bdil għandhom jiġu eżentati mill-proċedura ta’ approvazzjoni tat-tip inkonformità mal-Artikolu 1(8) ta’ dan id-digriet. |
19 |
Aditi fl-appell minn din is-sentenza mir-RAR u mill-uffiċjal li pprepara r-rapport tat-28 ta’ Ġunju 2011, Benone-Nicolae Bejan, it-Tribunalal Cluj (qorti ġenerali ta’ Cluj) irriformat is-sentenza u kkonfermat il-validità ta’ dan ir-rapport, għaliex qieset li d-dokumenti pprovduti minn Capoda ma kinux jipprovaw li l-partijiet ta’ bdil ikkontestati kienu ġew approvati mir-RAR u lanqas kienu jiċċertifikaw il-kwalità oriġinali tagħhom, peress li dawn kienu dokumenti ppreparati mid-distributuri u mhux mill-produtturi. |
20 |
Fis-26 ta’ Ottubru 2013, it-Tribunalul Cluj (qorti ġenerali ta’ Cluj) ġie adit minn Capoda b’talba għar-reviżjoni ta’ din is-sentenza. Din il-kumpannija sostniet b’mod partikolari li l-applikazzjoni ta’ proċedura ta’ approvazzjoni tat-tip għall-partijiet ta’ bdil ikkontestati tmur kontra l-moviment liberu tal-merkanzija. |
21 |
F’dan il-kuntest, it-Tribunalul Cluj (qorti ġenerali ta’ Cluj) iddeċieda li jissospendi l-proċedura quddiemu u li jagħmel is-segwenti domandi preliminari lill‑Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari
22 |
Il-Gvern Rumen eċċepixxa l-inammissibbiltà tad-domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 34 TFUE u 1(1)(t) u (u) tar-Regolament Nru 1400/2002. Minn naħa, huwa jsostni li d-Direttiva 2007/46 twettaq armonizzazzjoni sħiħa tal-qasam li hija tirregola, billi ma tippermettix iktar l-użu tad-dritt primarju. Min-naħa l-oħra, huwa jsostni li r-Regolament 1400/2002 ma kienx baqa’ fis-seħħ fid-data tal-ispezzjoni mwettqa mir-RAR u li d-dispożizzjonijiet il-ġodda tal-Unjoni ma għadhomx jinkludu d-definizzjonijiet li tagħhom il-qorti tar-rinviju qed titlob l-interpretazzjoni. |
23 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom sabiex jiddeċiedu l-kawżi mressqa quddiemhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Klarenberg, C‑466/07, EU:C:2009:85, punt 25). |
24 |
Fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tkun tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala regola ġenerali, marbuta li tagħti deċiżjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Klarenberg, C‑466/07, EU:C:2009:85, punt 26). |
25 |
Minn dan isegwi li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li ma huwiex id-dmir tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut, mill-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ talba mressqa minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Klarenberg, C‑466/07, EU:C:2009:85, punt 27). |
26 |
F’dan il-każ, ma jistax jiġi validament sostnut li l-Artikolu 34 TFUE manifestament ma għandu l-ebda konnessjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali. Barra minn hekk, il-kwistjoni ta’ jekk ma hemmx bżonn li jiġi interpretat dan l-artikolu, minħabba li d-Direttiva 2007/46 kienet mexxiet armonizzazzjoni sħiħa ma jikkostitwixxix motiv ta’ inammissibbiltà u għandu jiġi evalwat fil-kuntest tar-risposti għad-domandi preliminari. Għalhekk, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Gvern Rumen rigward l-Artikolu 34 TFUE ma tistax tintlaqa’. |
27 |
Min-naħa l-oħra, ir-Regolament Nru 1400/2002 stabbilixxa, fl-Artikolu 12 tiegħu, id-data ta’ iskadenza tiegħu għall-31 ta’ Mejju 2010. Peress li r-rapport inkwistjoni ġie adottat fit-28 ta’ Ġunju 2011, dan ir-Regolament għaldaqstant ma huwiex applikabbli għall-kawża prinċipali. Jista’ wkoll jiġi rrilevat li d-definizzjonijiet li jipprevedi fl-Artikolu 1(1)(t) u (u) tal-partijiet ta’ bdil oriġinali jew tal-partijiet ta’ bdil ta’ kwalità ekwivalenti ma japplikax f’kull każ għall-finijiet ta’ dan ir-regolament, li jikkonċerna biss l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) il-qadim tat-Trattat għal kategoriji ta’ ftehimiet vertikali u prattiki miftiehma fis-settur tal-karozzi. |
28 |
Għalhekk, id-domandi magħmula, sa fejn jirrigwardaw dan ir-regolament, ma humiex ammissibbli. |
29 |
Il-Gvern Rumen iqis ukoll li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 31(1) tad-Direttiva 2007/46 huma ċari u ma jħallu lok għal ebda dubju raġonevoli li tiġġustifika talba għal interpretazzjoni. Peress li argument bħal dan ma jikkostitwixxix motiv ta’ inammissibbiltà ta’ domanda preliminari, għandu jiġi miċħud. |
30 |
Meta jitqies dak li ntqal hawn fuq, huwa xieraq li jiġi kkonstatat li d-domandi preliminari huma inammissibbli peress li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1)(t) u (u) tar-Regolament Nru 1400/2002. |
Fuq id-domandi preliminari
31 |
Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju, essenzjalment, tistaqsi jekk l-Artikoli 34 TFUE u 31(1) tad-Direttiva 2007/46 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fis-sens li tissuġġetta l-kummerċjalizzazzjoni fi Stat Membru ta’ partijiet ta’ bdil ġodda għal vetturi tat-triq – f’dan il-każ, pompi tal-ilma u filtri tal-karburant – għall-applikazzjoni ta’ proċedura tal-approvazzjoni tat-tip f’dan l-Istat Membru sakemm ma jintweriex, permezz ta’ ċertifikat ta’ approvazzjoni tat-tip, li dawn il-prodotti diġà ġew suġġetti għal tali proċedura fi Stat Membru ieħor jew li dawn il-partijiet ta’ bdil oriġinali jew partijiet ta’ bdil ta’ kwalità ekwivalenti, fis-sens ta’ din il-leġiżlazzjoni, peress li dokument ippreparat f’dan ir-rigward mid-distributur, madankollu ma jitqiesx li huwa suffiċjenti. |
32 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li jirriżulta mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 2007/46 li dan jistabbilixxi mhux biss qafas armonizzat li fih id-dispożizzjonijiet amministrattivi u r-rekwiżiti tekniċi ġenerali applikabbli għall-approvazzjoni tal-vetturi kollha ġodda fl-ambitu tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, kif ukoll tas-sistemi, tal-komponenti u tal-unitajiet tekniċi separati maħsuba għal dawn il-vetturi sabiex jiffaċilitaw ir-reġistrazzjoni tagħhom, il-bejgħ tagħhom u t-tqegħid fis-servizz tagħhom fl-Unjoni, iżda wkoll id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-bejgħ u d-dħul fis-servizz ta’ partijiet ta’ bdil u tagħmir maħsub għall-vetturi approvati skont din id-direttiva. |
33 |
Jidher mil-proċess trażmess lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-kawża prinċipali taqa’ taħt it-tieni kategorija ta’ dispożizzjonijiet, ħaġa li madankollu hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika. |
34 |
F’dan il-kuntest, l-Artikolu 31(1) tad-Direttiva 2007/46 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jippermettu l-bejgħ, l-offerta ta’ bejgħ jew it-tqegħid fis-servizz ta’ partijiet ta’ bdil jew tagħmir li x’aktarx jippreżenta riskju serju għall-funzjonament xieraq tas-sistemi essenzjali għas-sikurezza tal-vettura jew il-prestazzjoni ambjentali biss jekk dawn il- partijiet ta’ bdil jew tagħmir jiġu awtorizzati minn awtorità kompetenti fil-qasam ta’ approvazzjoni skont il-paragrafi 5 sa 10 ta’ dan l-artikolu. |
35 |
Madankollu, hekk kif jirriżulta mill-paragrafi 2 u 11 tal-Artikolu 31 tad-Direttiva 2007/46, il-partijiet ta’ bdil jew it-tagħmir li huma s-suġġett tal-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu għandhom jidhru fil-lista tal-Anness XIII ta’ din id-direttiva. Issa, hekk kif indikat il-Kummissjoni, din tal-aħħar ma adottat l-ebda lista fil-kuntest ta’ dan l-anness. |
36 |
F’dan il-każ, u hekk kif isostnu l-Gvern Rumen u l-Kummissjoni, hemm lok li jsir riferiment għall-Artikolu 31(12) li jipprevedi li, sakemm tittieħed deċiżjoni mill-Kummissjoni fuq l-inklużjoni ta’ parti ta’ bdil jew parti minn tagħmir fil-lista fl-Anness XIII ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri jistgħu jżommu d-dispożizzjonijiet nazzjonali li għandhom x’jaqsmu mal-partijiet ta’ bdil jew għat-tagħmir li jista’ jippreżenta riskju sinjifikattiv għall-funzjonament xieraq tas-sistemi essenzjali għas-sikurezza tal-vettura jew tal-prestazzjoni ambjentali tagħha, b’mod li dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali ma jibqgħux japplikaw malli tittieħed tali deċiżjoni. |
37 |
Din id-dispożizzjoni b’hekk tikkonċerna l-bejgħ u d-dħul fis-servizz ta’ partijiet ta’ bdil jew partijiet ta’ tagħmir li, minbarra l-fatt li dawn jidhrux fil-lista fl-Anness XIII tad-Direttiva 2007/46, x’aktarx jippreżentaw riskju sinjifikattiv għall-funzjonament xieraq ta’ sistemi essenzjali għas-sikurezza tal-vettura li fuqha huma installati jew għall-prestazzjoni ambjentali ta’ din tal-aħħar, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika għal dak li jirrigwarda l-partijiet ta’ bdil fil-kawża prinċipali. |
38 |
Sussegwentement, hemm lok li jiġi eżaminat jekk id-dritt tal-Istat Membru rigward il-bejgħ u t-tqegħid fis-servizz ta’ dawn l-partijiet ta’ bdil, li jsemmi l-Artikolu 31(12) tal-imsemmija direttiva, huwiex konformi mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 34 TFUE. |
39 |
F’dan ir-rigward, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li kwalunkwe miżura ta’ Stat Membru li x’aktarx tfixkel, direttament jew indirettament attwalment jew potenzjalment, il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni għandha titqies li hija miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Dassonville, 8/74, EU:C:1974:82, punt 5, u Juvelta, C‑481/12, EU:C:2014:11, punt 16). |
40 |
B’mod partikolari, jirriżulta li, anki fl-assenza ta’ miżuri ta’ armonizzazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-prodotti manifatturati u mibjugħa legalment fi Stat Membru għandhom ikunu jistgħu jiġu kkummerċjalizzati fi Stat Membru ieħor mingħajr ma jkunu suġġetti għal kontrolli addizzjonali. Sabiex tiġi ġġustifikata, leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi dawn il-kontrolli għandha topera taħt waħda mill-eċċezzjonijiet previsti mill-Artikolu 36 TFUE jew wieħed mir-rekwiżiti imperattivi rrikonoxxuti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u, fi kwalunkwe każ, tkun xierqa sabiex tiżgura t-twettiq tal-għan imfittex u ma tmurx lil hinn minn dawk li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq (ara s-sentenzi ATRAL, C‑14/02, EU:C:2003:265, punt 65, u Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑432/03, EU:C:2005:669, punt 42). |
41 |
Mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali timponi proċedura ta’ approvazzjoni tat-tip tal-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li x’aktarx tkun miżura ta’ effett ekwivalenti fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE, sakemm din il-leġiżlazzjoni ma tipprevedix ukoll eċċezzjonijiet li għandhom isiru għall-proċeduri biex jiżguraw li l-prodotti legalment immanifatturati u kkummerċjalizzati fi Stati Membri oħra jkunu eżentati. |
42 |
Madankollu, jidher ukoll mill-proċess li l-Artikolu 1(8) tad-digriet tal-gvern Nru 80/2000 jipprevedi tali eċċezzjonijiet, li għandhom jiġu vverifikati mill-qorti tar-rinviju. |
43 |
Jekk jirriżulta li dan ma jkunx hekk, ikun f’idejn l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali sabiex juru li dan l-ostakolu jista’ jiġi ġġustifikat, fid-dawl tal-prodotti li x’aktarx ikunu kkonċernati, minħabba għanijiet ta’ protezzjoni tas-sikurezza fit-triq u l-protezzjoni tal-ambjent, li jikkostitwixxu, skont il-ġurisprudenza, raġunijiet ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva imperattiva u mhux biss meħtieġa iżda proporzjonata ma’ dawn l-għanijiet (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑150/11, EU:C:2012:539, punti 54 u 55). |
44 |
Fir-rigward tal-kwistjoni jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix li dokumenti, bħal dawk ipprovduti minn Capoda, ma jitqisux suffiċjenti sabiex jintwera li l-partijiet ta’ bdil bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huma diġà approvati jew li huma partijiet ta’ bdil oriġinali jew partijiet ta’ bdil ta’ kwalità ekwivalenti, fis-sens tad-dritt nazzjonali, eżentati, bħala tali, mill-proċedura ta’ approvazzjoni tat-tip mir-RAR, għandu jiġi ppreċiżat li huma l-Istati Membri, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni fid-dritt tal-Unjoni, li jiddeterminaw il-provi li għandhom jiġi prodotti f’dan ir-rigward, suġġett għall-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. |
45 |
Bla ħsara għal dan, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix għalhekk li ċ-ċertifikati maħruġa biss mill-manifattur u mhux mid-distributur li jippermettu fil-prinċipju li juru li huma partijiet ta’ bdil li kienu diġà approvati jew partijiet ta’ bdil oriġinali jew partijiet ta’ bdil ta’ kwalità ekwivalenti, fis-sens tad-dritt nazzjonali. Għandu, barra minn hekk, jiġi rrilevat li l-Artikolu 3(26) tad-Direttiva 2007/46 li tiddefinixxi l-kunċett ta’ “partijiet jew tagħmir oriġinali” għall-finijiet ta’ din id-direttiva jipprevedi li hemm preżunzjoni, sakemm ma jiġix ipprovat mod ieħor, li l-partijiet ta’ bdil huma oriġinali jekk il-manifattur jiċċertifika dan. |
46 |
Minn dan isegwi li r-risposta għad-domandi magħmula li l-Artikoli 34 TFUE u 31(1) u (12) tad-Direttiva 2007/46 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-kummerċjalizzazzjoni fi Stat Membru ta’ partijiet ta’ bdil ġodda għall-vetturi tat-triq ‑ f’dan il-każ, pompi tal-ilma u filtri tal-karburant – għall-applikazzjoni ta’ proċedura ta’ approvazzjoni tat-tip f’dan l-Istat Membru, sakemm din il-leġiżlazzjoni tipprevedi, barra minn hekk, eċċezzjonijiet li jiżguraw li l-partijiet ta’ bdil legalment immanifatturati u kkummerċjalizzati fl-Istati Membri l-oħra jkunu eżentati jew, jekk dan ma jsirx, li l-parti ta’ bdil inkwistjoni tkun tali li x’aktarx toħloq riskju serju fil-funzjonament xieraq tas-sistemi essenzjali għas-sikurezza tal-vettura jew għall-prestazzjoni ambjentali tagħha u li din il-proċedura ta’ approvazzjoni tat-tip tkun strettament meħtieġa u pproporzjonata f’dak li jirrigwarda l-għanijiet tal-protezzjoni tas-sikurezza tat-triq jew tal-protezzjoni ambjentali. Il-kundizzjonijiet li taħthom għandha tiġi rrapportata l-prova li dawn il-partijiet ta’ bdil diġà ġew approvati jew jikkostitwixxu partijiet ta’ bdil oriġinali jew ta’ kwalità ekwivalenti, jaqgħu, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni fid-dritt tal-Unjoni, taħt id-dritt tal-Istati Membri, suġġett għall-prinċipji ta’ ekwivalenza u effettività. |
Fuq l-ispejjeż
47 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikoli 34 TFUE u 31(1) u (12) tad-Direttiva Nru 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Settembru 2007, li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Kwadru), għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-kummerċjalizzazzjoni fi Stat Membru ta’ partijiet ta’ bdil ġodda għall-vetturi tat-triq ‑ f’dan il-każ, pompi tal-ilma u filtri tal-karburant – għall-applikazzjoni ta’ proċedura ta’ approvazzjoni tat-tip f’dan l-Istat Membru, sakemm din il-leġiżlazzjoni tipprevedi, barra minn hekk, eċċezzjonijiet li jiżguraw li l-partijiet ta’ bdil legalment immanifatturati u kkummerċjalizzati fl-Istati Membri l-oħra jkunu eżentati jew, jekk dan ma jsirx, li l-parti ta’ bdil inkwistjoni tkun tali li x’aktarx toħloq riskju serju fil-funzjonament xieraq tas-sistemi essenzjali għas-sikurezza tal-vettura jew għall-prestazzjoni ambjentali tagħha u li din il-proċedura ta’ approvazzjoni tat-tip tkun strettament meħtieġa u pproporzjonata f’dak li jirrigwarda l-għanijiet tal-protezzjoni tas-sikurezza tat-triq jew tal-protezzjoni ambjentali. |
Il-kundizzjonijiet li taħthom għandha tiġi prodotta l-prova li dawn il-partijiet ta’ bdil diġà ġew approvati jew jikkostitwixxu partijiet ta’ bdil oriġinali jew ta’ kwalità ekwivalenti, jaqgħu, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni fid-dritt tal-Unjoni, taħt id-dritt tal-Istati Membri, suġġett għall-prinċipji ta’ ekwivalenza u effettività. |
Firem |
( * ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.