SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

15 ta’ Ottubru 2015 ( * )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE — Kriżi finanzjarja — Għajnuna għas-settur finanzjarju — Kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern — Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea — Entità finanzjarja suġġetta għal proċess ta’ ristrutturazzjoni — Tkeċċija ta’ ħaddiem — Leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-ammont ta’ kumpens għal tkeċċija”

Fil-Kawżi magħquda C‑352/14 u C‑353/14,

li għandha bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqin mill-Juzgado de lo Social n 2 de Terrassa (Qorti tax-Xogħol Nru 2 ta’ Terrassa, Spanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat-8 ta’ Lulju 2014, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Lulju ta’ wara, fil-proċeduri

Juan Miguel Iglesias Gutiérrez (C‑352/14),

Elisabet Rion Bea (C‑353/14)

vs

Bankia SA,

Sección Sindical UGT,

Sección Sindical CCOO,

Sección Sindical ACCAM,

Sección Sindical CSICA,

Sección Sindical SATE,

Fondo de Garantía Salarial,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn E. Levits, li qed jaġixxi bħala President tal-Awla, M. Berger (Relatur) u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Bankia SA, minn H. Monzón Pérez, abogada,

għall-Gvern Spanjol, minn M. Sampol Pucurull, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Flynn u É. Gippini Fournier, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE.

2

Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn, minn naħa, Juan Miguel Iglesias Gutiérrez u Elisabet Rion Bea, rispettivament, u, min-naħa l-oħra, Bankia SA (iktar ’il quddiem “Bankia”), sezzjonijiet sindikali differenti u l-Fondo de Garantía Salarial (Fond ta’ Garanzija tas-Salarju), dwar it-tkeċċija tagħhom minn Bankia.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament (KE) Nru 659/1999

3

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitoli 8, Vol. 1, p. 339) jipprevedi fl-Artikolu 7(1) sa (5) tiegħu, li jinstab fil-Kapitolu II tiegħu, intitolat “Proċedura dwar Għajnuna Notifikata”:

“1.   Mingħajr preġudizzju għal l-Artikolu 8, il-proċedura ta’ investigazzjoni formali għandha tingħalaq permezz ta’ deċiżjoni msemmija fil-paragrafi 2 sa 5 ta’ dan l-Artikolu.

2.   Fejn il-Kummissjoni ssib li, fejn xieraq wara modifika mill-Istat Membru kkonċernat, il-miżura notifikata ma tikkostitwix għajnuna, għandha tirreġistra dik is-sejba permezz ta’ deċiżjoni.

3.   Fejn il-Kummissjoni issib li, fejn xieraq wara modifika mill-Istat Membru konċernat, id-dubji dwar il-kompatibilità tal-miżura notifikata mas-suq komuni jkunu tneħħew, għandha tiddeċiedi li l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq komuni (minn hawn ’l quddiem imsejjħa ‘deċiżjoni posittiva’). Dik id-deċiżjoni għandha tispeċifika liema eċċezzjoni fit-Trattat [FUE] kienet applikata.

4.   Il-Kummissjoni tista’ tehmeż ma’ deċiżjoni posittiva kondizzjonijiet li suġġett għalihom l-għajnuna tista’ tkun ikkunsidrata li hija kompatibbli mas-suq komuni u tista’ tpoġġi obbligi sabiex jawtorizzaw konformità mad-deċiżjoni li għandha tkun osservata (minn hawn ’l quddiem imsejjħa ‘deċiżjoni kondizzjonali’).

5.   Fejn il-Kummissjoni ssib li l-għajnuna notifikata m’hijiex kompatibbli mas-suq komuni, għandha tiddeċiedi li dik l-għajnuna m’għandhiex tiddaħħal fis-seħħ (minn hawn ’l quddiem imsejjħa ‘deċiżjoni negattiva’).”

4

L-Artikolu 25 tal-imsemmi regolament jippreċiża:

“Deċiżjonijiet meħudha skond il-Kapitoli II, III, IV, V u VII għandhom ikunu indirizzati lill-Istat Membru kkonċernat. [...]”

Id-deċiżjoni dwar ir-ristrutturazzjoni tal-grupp BFA

5

Fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja li faqqgħet matul l-2008, l-awtoritajiet Spanjoli nnotifikaw lill-Kummissjoni, fid-9 ta’ Novembru 2012, bi pjan ta’ ristrutturazzjoni fir-rigward tal-Banco Financiero y de Ahorro SA u s-sussidjarja tagħha Bankia (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, il-“grupp BFA”).

6

Fit-28 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni Ewropea adottat id-Deċiżjoni C (2012) 8764 finali, dwar l-għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Spanjoli għar-ristrutturazzjoni u għar-rikapitalizzazzjoni tal-grupp BFA (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni dwar ir-ristrutturazzjoni tal-grupp BFA”). Fil-punti 217 u 218 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonstatat li l-miżuri nnotifikati kienu jikkostitwixxu għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE iżda, fid-dawl tal-impenji li r-Renju ta’ Spanja assuma, dawn kellhom jitqiesu kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE.

7

Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-kompatibbiltà tal-miżuri nnotifikati, il-Kummissjoni tirreferi għal ċerti impenji tar-Renju ta’ Spanja. Fil-punt 215 tad-deċiżjoni dwar ir-ristrutturazzjoni tal-grupp BFA, hija tirrileva b’mod partikolari:

“Minbarra dawn il-miżuri strutturali b’kopertura wiesgħa, ir-Renju ta’ Spanja għandu josserva restrizzjonijiet ta’ mġieba oħrajn sa Diċembru 2017, li huwa t-tmiem tal-perijodu ta’ ristrutturazzjoni [...] u, f’dan il-każ, jiżgura li l-grupp BFA:

(i)

[...] josserva l-leġiżlazzjoni fis-seħħ fil-qasam tar-remunerazzjonijiet u ta’ kumpens, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar limiti fis-salarju applikabbli fil-każ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, kif ukoll ir-restrizzjonijiet li jistgħu jirriżultaw mill-fatt li tkun entità jew grupp ikkontrollat mill-gvern [...]

Il-gvern għandu wkoll jiggarantixxi l-użu l-iżjed effettiv tar-riżorsi pubbliċi fil-qasam tal-kumpens u tas-salarji, konformement mal-prinċipji li wasslu għall-adozzjoni tad-Digriet Irjali Leġiżlattiv 24/2012. Konsegwentement, għandu jiżgura li l-proċess ta’ ristrutturazzjoni jkun eżiġenti ħafna, b’mod li l-kumpens għal tkeċċija jkun viċin il-minimu legali, filwaqt li jippermetti, madankollu, ċerta flessibbiltà, sabiex jiġi evitat li jittawwal il-proċess; huwa għandu jikkunsidra wkoll, skont il-każ, li jipproponi tnaqqis fl-ispejjeż ġenerali u tal-persunal jekk l-evoluzzjoni tar-rapport tal-introjtu hija negattiva. [traduzzjoni mhux uffiċċjali]

[...]”

8

L-impenji proposti mir-Renju ta’ Spanja huma msemmija fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt annessi mal-imsemmija deċiżjoni. Fosthom jidhru, fil-punti 84 u 85 ta’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet, skont miżuri ta’ mġiba u regoli għat-tmexxija ta’ impriża, l-impenji msemmija fil-punt 215 tal-istess deċiżjoni.

Id-dritt Spanjol

9

L-Artikolu 51(1) tal-liġi li tistabbilixxi l-istatut tal-ħaddiema, approvat bid-Digriet Irjali Leġiżlattiv Nru 1/1995 li japprova t-test rivedut tal-liġi li tistabbilixxi l-istatut tal-ħaddiema (Real Decreto Legislativo 1/1995 por el que se aprueba el texto refundido de la Ley del Estatuto de los Trabajadores), tal-24 ta’ Marzu 1995 (BOE Nru 75, tad-29 ta’ Marzu 1995, p. 9654), fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mil-Liġi Nru 3/2012 fir-rigward ta’ miżuri urġenti għar-riforma tas-suq tax-xogħol (Ley 3/2012 de medidas urgentes para la reforma del mercado laboral), tas-6 ta’ Lulju 2012 (BOE Nru 162, tas-7 ta’ Lulju 2012, p. 49113, iktar ’il quddiem l-“istatut tal-ħaddiema”), jiddefinixxi l-kunċett ta’ tkeċċija kollettiva bħala “t-terminazzjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol minħabba raġunijiet ekonomiċi, tekniċi, organizzattivi jew produttivi” meta, f’perijodu ta’ 90 jum, din it-terminazzjoni tapplika għall-kuntratti ta’ numru minimu ta’ ħaddiema stabbilit skont in-numru totali tal-ħaddiema tal-impriża kkonċernata. Din id-dispożizzjoni tispeċifika li “[r‑]raġunijiet ekonomiċi huma meqjusa preżenti meta r-riżultati tal-impriża juru sitwazzjoni ekonomika negattiva, jiġifieri, per eżempju, telf reali jew previst jew it-tnaqqis kostanti tal-livell ta’ dħul ordinarju jew ta’ bejgħ”.

10

L-Artikolu 52 tal-imsemmi statut jipprevedi li t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol tista’ tkun iddikjarata għal raġunijiet oġġettivi “fil-każ ta’ waħda mill-każijiet previsti fl-Artikolu 51(1) [tal-istess statut] u jekk it-terminazzjoni tikkonċerna numru ta’ ħaddiema iżgħar minn dak previst minn din id-dispożizzjoni”.

11

Fir-rigward tal-forma u l-effetti tat-terminazzjoni tal-kuntratt għal raġunijiet oġġettivi, l-Artikolu 53(1) tal-istatut tal-ħaddiema jipprovdi:

“L-adozzjoni tal-ftehim ta’ terminazzjoni skont l-artikolu preċedenti hija suġġetta għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

a)

ir-raġuni għandha tiġi kkommunikata lill-ħaddiem bil-miktub;

b)

il-ħaddiem għandu jingħata, flimkien mal-komunikazzjoni bil-miktub, kumpens li l-ammont tiegħu għandu jikkorrispondi għal 20 jum paga għal kull sena ta’ anzjanità, bil-perijodi ta’ inqas minn sena jiġu kkalkolati pro rata għax-xhur maħduma, u li l-ammont totali tagħhom ma jistax jeċċedi t-12‑il pagament mensili.

[...]”

12

L-Artikolu 56(1) tal-imsemmi statut huwa fformulat kif ġej:

“Meta t-tkeċċija tiġi ddikjarata abbużiva, il-persuna li timpjega, f’terminu ta’ 5 ijiem li jibda’ jiddekorri min-notifika tas-sentenza, għandha jew terġa’ ddaħħal lill-impjegat fl-impriża jew tħallas kumpens ekwivalenti għal tlieta u tletin jum ta’ salarju għal kull sena ta’ anzjanità, bil-perijodi ta’ inqas minn sena jittieħdu inkunsiderazzjoni pro rata għax-xhur maħduma sa massimu ta’ 24 pagament mensili. Il-possibbiltà ta’ kumpens twassal għat-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol, li tidħol fis-seħħ fid-data tal-waqfien effettiv mix-xogħol.”

13

Il-ħames dispożizzjoni tranżitorja tal-Liġi 3/2012 tipprevedi:

“1.

Il-kumpens previst fl-Artikolu 56(1) tal-[istatut tal-ħaddiema] japplika għall-kuntratti konklużi mit-12 ta’ Frar 2012.

2.

Il-kumpens għal terminazzjoni abbużiva tal-kuntratti konklużi qabel it-12 ta’ Frar 2012 jikkorrispondi għal 45 jum ta’ salarju għal kull sena ta’ anzjanità qabel din id-data, bil-perijodi ta’ inqas minn sena jiġu kkalkolati pro rata għax-xhur maħduma, u jikkorrispondi għal 33 jum ta’ salarju għal kull sena ta’ anzjanità wara din id-data, bil-perijodi ta’ inqas minn sena jiġu kkalkolati wkoll pro rata għax-xhur maħduma. L-ammont tal-kumpens ma għandux jeċċedi 720 jum ta’ salarju, ħlief jekk l-anzjanità ta’ qabel it-12 ta’ Frar 2012 tikkorrispondi għal numru ogħla ta’ ġranet, li jkun jikkostitwixxi b’hekk il-limitu tal-kumpens, mingħajr ma jeċċedi, fi kwalunkwe każ, 42 pagament mensili.

[...]”

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

14

Juan Miguel Iglesias Gutiérrez u Elisabet Rion Bea kienu impjegati minn Bankia mill-1 ta’ April 1991 u mit-2 ta’ Ġunju 2008 rispettivament.

15

Bankia, fil-kuntest tat-tnaqqis tal-attivitajiet tagħha b’implementazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni, waslet, fit-8 ta’ Frar 2013, għal ftehim mas-sindikati li jirrappreżentaw 97.86 % tal-impjegati. Dan il-ftehim kien jipprevedi t-tneħħija ta’ 4500 post tax-xogħol qabel il-31 ta’ Diċembru 2015, taħt ċerti kundizzjonijiet ekonomiċi stabbiliti minnu. L-imsemmi ftehim kien jipprevedi, b’mod partikolari, fil-każ ta’ tkeċċija, il-ħlas ta’ kumpens ekwivalenti, bħala medja, għal 30 jum ta’ salarju għal kull sena ta’ anzjanità.

16

Elisabet Rion Bea u Juan Miguel Gutiérrez ġew informati fil-25 ta’ Ottubru 2013 u fil-21 ta’ Novembru 2013, rispettivament, li l-kuntratti tax-xogħol tagħhom kienu ser jiġu tterminati fit-12 ta’ Novembru 2013 għal Juan Miguel Gutiérrez, u fl-10 ta’ Diċembru 2013 għal Elisabet Rion Bea, u li kienu ser jingħataw kumpens li l-ammont tiegħu kellu jiġi kkalkolat skont il-modalitajiet iddefiniti fil-ftehim tat-8 ta’ Frar 2013.

17

Juan Miguel Gutiérrez u Elisabet Rion Bea ppreżentaw rikors kull wieħed quddiem il-Juzgado de lo Social n 2 ta’ Terrassa, intiż għall-konstatazzjoni tan-natura abbużiva tat-tkeċċija tagħhom u sabiex jingħataw il-kumpens legali massimu applikabbli f’każijiet bħal dawn, jiġifieri kumpens ta’ bejn 33 u 45 jum ta’ salarju għal kull sena ta’ anzjanità.

18

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Juzgado de lo Social n 2 ta’ Terrassa ddeċieda li jissospendi l-proċedimenti quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, ifformulati b’mod identiku fiż-żewġ Kawżi C‑352/14 u C‑353/14:

“Fil-kuntest tar-rikors minn ħaddiem ta’ Bankia [...] kontra l-inklużjoni tiegħu fi tkeċċija kollettiva rregolata minn ftehim suġġett għad-deċiżjoni [dwar ir-ristrutturazzjoni tal-grupp BFA]:

1)

L-Artikolu 56 tal-istatut tal-ħaddiema [...], il-ħames dispożizzjoni tranżitorja tal-Liġi Nru 3/2012 [...] kif ukoll l-Artikoli 123 u 124(13) tal-Liġi Nru 36/2011, tal-10 ta’ Ottubru 2011, li tirregola l-ġurisdizzjoni soċjali (Ley [36/2001 reguladora] de la Jurisdicción Social), [tal-10 ta’ Ottubru 2011,] li tirreferi impliċitament għad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, imorru kontra l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat [dwar il-Funzjonament] tal-Unjoni Ewropea, fil-verżjoni kkonsolidata tagħha, sa fejn dawn iżidu, essenzjalment, il-kumpens awtorizzat mid-deċiżjoni [dwar ir-ristrutturazzjoni tal-grupp BFA]?

2)

Interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali li tippermetti lill-qorti nazzjonali li tnaqqas għall-minimu legali l-kumpens mogħti fil-każ ta’ tkeċċija meqjusa regolari tmur kontra d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija iktar ’il fuq u kontra d-deċiżjoni [dwar ir-ristrutturazzjoni tal-grupp BFA]?

3)

Interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali li tippermetti lill-qorti nazzjonali li tbiddel il-kumpens mogħti fil-każ ta’ tkeċċija meqjusa abbużiva, b’tali mod li tikkorrispondi mal-ammont miftiehem fil-ftehim konkluż matul il-perijodu ta’ konsultazzjoni, sakemm dan l-ammont ikun ogħla mill-minimu legali iżda inqas mill-massimu legali, tmur kontra d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija iktar ’il fuq u kontra d-deċiżjoni [dwar ir-ristrutturazzjoni tal-grupp BFA]?”

19

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Settembru 2014, il-Kawżi C‑352/14 u C‑353/14 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza.

Fuq id-domandi preliminari

20

B’dawn id-domandi, kif inhuma fformulati, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni dwar il-konformità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni.

21

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li s-sistema ta’ kooperazzjoni stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE hija bbażata fuq separazzjoni netta tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-kuntest ta’ kawża ppreżentata skont dan l-artikolu, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali għandha ssir mill-qrati tal-Istati Membri u mhux mill-Qorti tal-Ġustizzja, u ma huwiex kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ regoli tad-dritt intern mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti lill-qorti nazzjonali l-gwidi kollha għall-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jippermettulha tevalwa l-kompatibbiltà ta’ regoli tad-dritt nazzjonali mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, id-digriet Debiasi, C‑560/11, EU:C:2012:802, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22

Għalkemm huwa minnu li t-tifsira litterali tad-domandi preliminari mill-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni, ma hemm xejn li jwaqqaf lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju billi tipprovdilha l-gwidi għall-interpretazzjoni li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni li jippermettulha tiddeċiedi hija stess dwar il-kompatibbiltà tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, id-digriet Debiasi, C‑560/11, EU:C:2012:802, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

Id-domandi magħmula għandhom, għalhekk, jinftiehmu bħala li jistaqsu, essenzjalment, dwar jekk id-deċiżjoni dwar ir-ristrutturazzjoni tal-grupp BFA u l-Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE, li fuqhom hija bbażata din id-deċiżjoni, jipprekludux l-applikazzjoni, fil-kuntest ta’ kawża dwar tkeċċija kollettiva li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi f’ammont ogħla mill-minimu legali l-ammont tal-kumpens pagabbli lil ħaddiem meta t-tkeċċija tiegħu titqies abbużiva.

24

Dawn id-domandi għandhom jiġu eżaminati flimkien.

25

L-implementazzjoni tas-sistema ta’ kontroll ta’ għajnuna mill-Istat fid-dritt tal-Unjoni hija bbażata fuq kontroll preventiv ta’ proġetti ta’ għajnuna, li huwa intiż sabiex jiżgura li dawk biss kompatibbli mas-suq intern ikunu implementati.

26

L-implementazzjoni ta’ din is-sistema ta’ kontroll tinvolvi, minn naħa, għall-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, għall-qrati nazzjonali, ir-rwoli rispettivi tagħhom li huma komplementari iżda distinti. Filwaqt li l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ miżuri ta’ għajnuna mas-suq intern taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, li hija suġġetta għal stħarriġ mill-qrati tal-Unjoni Ewropea, il-qrati nazzjonali għandhom jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-individwi fil-każ ta’ ksur eventwali, mill-awtoritajiet tal-Istat, tal-projbizzjoni, stabbilita fl-Artikolu 108(3) TFUE, li proġett ta’ għajnuna jiġi implementat qabel il-Kummissjoni ma tkun tat deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Deutsche Lufthansa, C‑284/12, EU:C:2013:755, punti 2728 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Meta l-Kummissjoni, fl-analiżi tagħha, tadotta deċiżjoni pożittiva fis-sens tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 659/1999, ikun jidher b’hekk li l-għan previst fil-punt 25 ta’ din is-sentenza jkun ġie protett u li l-għajnuna inkwistjoni tkun tista’ tiġi implementata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza CELF u ministre de la Culture et de la Communication, C‑199/06, EU:C:2008:79, punt 49).

28

Madankollu, din l-awtorizzazzjoni ta’ implementazzjoni tgħodd biss meta l-fatti kollha li l-Kummissjoni tkun ħadet inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tagħha tal-kompatibbiltà tal-imsemmija miżura jiġu osservati. B’mod partikolari, fil-każ meta l-miżura nnotifikata tkun tinkludi, fuq proposta tal-Istat Membru kkonċernat, impenji aċċettati minnu, hemm lok li jiġi kkunsidrat li dawn l-impenji jagħmlu wkoll parti integrali mill-miżura awtorizzata. Dan huwa l-każ fil-kawżi prinċipali, fejn l-impenji proposti mir-Renju ta’ Spanja ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tagħha u huma riprodotti fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt annessi mad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni.

29

Huwa l-kompitu tal-Istat Membru kkonċernat, li, konformement mal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 659/1999, huwa destinatarju tad-deċiżjoni, li jivverifika li huwa jkun jista’ josserva l-impenji inklużi fl-awtorizzazzjoni. F’dan ir-rigward, huwa għandu, b’mod partikolari, jiżgura ruħu li dawn l-impenji huma skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu u li jevalwa, skont il-każ, jekk hemmx bżonn li jsir, skont il-proċeduri kostituzzjonali tiegħu, proċess ta’ adattazzjoni tagħha.

30

Fil-kawżi prinċipali, l-impenji inklużi fil-punti 84 u 85 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt annessi mad-deċiżjoni dwar ir-ristrutturazzjoni tal-grupp BFA jsemmu li r-Renju ta’ Spanja għandu jieħu l-miżuri kollha sabiex jiggarantixxi li l-grupp BFA josserva “l-leġiżlazzjoni fis-seħħ fil-qasam tas-salarji u tal-kumpens” u li huwa għandu jiżgura li l-proċess ta’ ristrutturazzjoni ta’ dan il-grupp ikun “eżiġenti ħafna”, li jimplika li “l-kumpens għal tkeċċija għandu jkun viċin il-minimu legali”, filwaqt illi jippermetti “ċerta flessibbiltà”. [traduzzjoni mhux uffiċċjali]

31

Il-kliem stess li fihom dawn l-impenji huma fformulati jindika, minn naħa, li dawn għandhom jiġu eżegwiti fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ u, min-naħa l-oħra, li l-eżekuzzjoni tagħhom iġġib magħha marġni ta’ flessibbiltà.

32

Ir-riferimenti għal-leġiżlazzjoni applikabbli jimplikaw li l-ammonti li għandhom jingħataw lill-ħaddiema mkeċċija jistgħu, konformement mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tax-xogħol Spanjol, jiġu kkalkolati skont kriterji differenti skont jekk, fid-dawl tal-punti ta’ liġi u ta’ fatt speċifiċi għal kull każ, tkeċċija tistax tiġi kklassifikata bħala regolari jew għandhiex titqies abbużiva.

33

Il-marġni ta’ flessibbiltà rrikonoxxuta espressament timplika barra minn hekk li, minkejja li l-ammonti li l-grupp BFA għandu jagħti lill-impjegati tiegħu fil-kuntest tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni tiegħu għandhom jersqu viċin l-ammonti minimi previsti mir-regoli nazzjonali applikabbli fil-qasam tad-dritt tax-xogħol, huma ma għandhomx neċessarjament jikkorrispondu strettament ma’ dawn l-ammonti.

34

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun fis-sens li d-deċiżjoni dwar ir-ristrutturazzjoni tal-grupp BFA u l-Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE, li fuqhom hija bbażata din id-deċiżjoni, ma jipprekludux l-applikazzjoni, fil-kuntest ta’ kawża dwar tkeċċija kollettiva li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi f’ammont ogħla mill-minimu legali l-ammont tal-kumpens pagabbli lil ħaddiem meta t-tkeċċija tiegħu titqies abbużiva.

Fuq l-ispejjeż

35

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2012) 8764 finali, tat-28 ta’ Novembru 2012, dwar l-għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Spanjoli għar-ristrutturazzjoni u għar-rikapitalizzazzjoni tal-grupp BFA, kif ukoll l-Artikoli 107 TFUE u 108 ga’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi f’ammont ogħla mill-minimu legali l-ammont tal-kumpens pagabbli lil ħaddiem meta t-tkeċċija tiegħu titqies abbużiva.

 

Firem


( * )   Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.