SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
16 ta’ Ġunju 2016 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Direttiva 2010/18/UE — Ftehim Qafas irrevedut BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC dwar il-leave parentali — Rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja professjonali u l-ħajja tal-familja — Ritorn mil-leave tal-maternità ta’ membru ħaddiem — Talba sabiex jinkiseb tnaqqis fil-ħin tax-xogħol u aġġustament tas-sigħat tax-xogħol — Sitwazzjoni li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Klawzola 6(1) tal-Ftehim Qafas irrevedut — Inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari”
Fil-Kawża C‑351/14,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de lo Social n 33 de Barcelona (tribunal industrijali Nru 33 ta’ Barcelona, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Lulju 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Lulju 2014, fil-proċedura
Estrella Rodríguez Sánchez
vs
Consum Sociedad Cooperativa Valenciana,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, C. Toader, A. Rosas, A. Prechal (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,
Avukat Ġenerali : M. Szpunar,
Reġistratur : L. Carrasco Marco, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Novembru 2015,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati :
|
— |
għal Consum Sociedad Cooperativa Valenciana, minn C. Durá Valero u C. Villarino Moreno, abogados, |
|
— |
għall-Gvern Spanjol, minn A. Gavela Llopis, bħala aġent, |
|
— |
għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues, D. Colas u R. Coesme, bħala aġenti, |
|
— |
għall-Gvern Ungeriż, minn M. Fehér u G. Koós kif ukoll minn A. Pálfy, bħala aġenti, |
|
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Pardo Quintillán u D. Roussanov, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑3 ta’ Marzu 2016,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 2 tal-Klawżola 1, tal-punt 1 tal-Klawżola 6, u tal-punt 2 tal-Klawżola 8 tal-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri [leave parentali], konkluż fit‑8 ta’ Marzu 2009 (iktar ’il quddiem il-“ Ftehim Qafas irrevedut ”) li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE, tat-8 ta’ Marzu 2010, li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP U ETUC u li jħassar id-Direttiva 96/34/KE (ĠU 2010 L 68, p. 13). |
|
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Estrella Rodríguez Sánchez u Consum Sociedad Cooperativa Valenciana (iktar ’il quddiem “ Consum SCV ”) dwar ir-rifjut ta’ din tal-aħħar li tilqa’ it-talba ta’ Estrella Rodríguez Sánchez intiża sabiex jinkiseb aġġustament tas-sigħat tax-xogħol tagħha. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
Id-Direttiva 2010/18 ħassret, b’effett mit-8 ta’ Marzu 2012, id-Direttiva tal-Kunsill 96/34/KE, tat-3 ta’ Ġunju 1996, dwar il-ftehim qafas dwar il-leave tal-ġenituri konkluż mill-UNICE, CEEP u l-ETUC (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 285). |
|
4 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2010/18 jipprovdi : “ Din id-direttiva tagħti effett lill-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri [...] ” |
|
5 |
L-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi li: “ L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità ma’ din id-Direttiva jew għandhom jiżguraw li l-imsieħba soċjali jkunu introduċew il-miżuri meħtieġa permezz ta’ ftehim sa mhux aktar tard mit-8 ta’ Marzu 2012. [...] ” |
|
6 |
Il-preambolu tal-Ftehim Qafas rivedut jiddikjara b’mod partikolari dan li ġej : “ Dan il-Ftehim Qafas [...] jirrevedi l-Ftehim Qafas dwar il-leave tal-ġenituri, konkluż fl-14 ta’ Diċembru 1995, li jistipula r-rekwiżiti minimi dwar il-leave tal-ġenituri, bħala mezz importanti ta’ rinkonċiljazzjoni tar-responsabbilitajiet professjonali u dawk tal-familja u li jippromwovi opportunitajiet indaqs u trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa. [...] I. Kunsiderazzjonijiet ġenerali [...]
|
|
7 |
Il-punt 2 tal-Klawżola 1 tal-Ftehim Qafas irrevedut tipprovdi : “ Dan il-ftehim japplika għall-ħaddiema kollha, rgiel u nisa, li għandhom kuntratt ta’ mpjieg jew relazzjoni ta’ xogħol kif definit mill-liġi, ftehim kollettiv u/jew prattika fis-seħħ f’kull Stat Membru. ” |
|
8 |
Skond il-punt 1 tal-Klawżola 2 tal-Ftehim Qafas irrevedut : “ Dan il-ftehim jagħti lill-ħaddiema irġiel u dawk nisa id-dritt individwali għall-leave tal-ġenituri għar-raġuni ta’ twelid jew adozzjoni biex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb il-wild sal-età li tista’ tkun ta’ tmien snin li għandha tiġi definita mill-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali. ” |
|
9 |
Il-Klawżola 3(1) tal-Ftehim Qafas irrevedut jipprovdi : “ Il-kondizzjonijiet tal-aċċess u r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-leave tal-ġenituri għandhom ikunu definiti mill-liġi u/jew bi ftehim kollettiv fl-Istati Membri, sakemm il-ħtiġiet minimi ta’ dan il-ftehim ikunu mħarsa [...] [...] ” |
|
10 |
Il-Klawżola 6 tal-Ftehim Qafas irrevedut, intitolata “ Ritorn lejn ix-xogħol ”, tipprovdi fil-punt 1 : “ Biex issir aktar promozzjoni għal rikonċiljazzjoni aħjar, l-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-ħaddiema, meta jirritornaw mil-leave tal-ġenituri, ikunu jistgħu jitolbu tibdil fil-ħinijiet u/jew fl-arranġamenti tax-xogħol tagħhom għal perijodu stipulat ta’ żmien. Min iħaddem għandu jikkunsidra u jirrispondi għal dawn it-talbiet, b’konsiderazzjoni kemm għall-bżonnijiet ta’ min iħaddem kif ukoll tal-ħaddiem. Il-modalitajiet ta’ dan il-paragrafu għandhom ikunu ddeterminati skont il-liġi, ftehim kollettiv u/jew prattika nazzjonali. ” |
|
11 |
Il-Klawżola 8 tal-Ftehim Qafas irrevedut, intitolata “ Dispożizzjonijiet finali ”, tipprevedi b’mod partikolari : “ [...]
|
Id-dritt Spanjol
|
12 |
Il-qorti tar-rinviju tindika li d-Direttiva 2010/18 ma tatx lok għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni speċifiċi fl-ordinament ġuridiku Spanjol. Fl-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni tippreċiża li r-Renju ta’ Spanja nnotifikaha li t-traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva kienet diġà żgurata mid-dispożizzjonijiet tar-Real Decreto Legislativo 1/1995, por el que se aprueba el texto refundido de la Ley del Estatuto de los Trabajadores (Digriet Leġiżlattiv Irjali Nru 1/1995 li japprova t-test ikkodifikat tal-Liġi dwar l-Istatut tal-Ħaddiema), tal-24 ta’ Marzu 1995 (BOE Nru 75, tad-29 ta’ Marzu 1995, p. 9654, iktar ’il quddiem l-“ Istatut tal-Ħaddiema ”). |
L-Istatut tal-Ħaddiema
|
13 |
Skont l-Artikolu 1(1) tal-Istatut tal-Ħaddiema : “ Din il-liġi tapplika għal dawk li jagħtu s-servizzi tagħhom volontarjament b’remunerazzjoni fl-interess ta’ ħaddieħor fil-kuntest tal-organizzazzjoni u taħt id-direzzjoni ta’ persuna fiżika jew legali oħra msejħa l-persuna li timpjega jew l-imprenditur. [...] ” |
|
14 |
Il-Ley 39/1999, para promover la conciliación de la vida familiar y laboral de las personas trabajadoras (Liġi Nru 39/1999 intiża sabiex tippromwovi l-konċiljazzjoni tal-ħajja tal-familja u l-ħajja professjonali tal-ħaddiema) tal‑5 ta’ Novembru 1999 (BOE Nru 266 tas-6 ta’ Novembru 1999, p. 38934) għamlet diversi emendi lill-Istatut tal-Ħaddiema. |
|
15 |
Il-preambolu tal-imsemmija liġi fih id-dettalji li ġejjin : “ [...] fil-kamp Komunitarju, il-maternità u l-paternità, fis-sens l-iktar wiesa’ tagħhom, huma evokati fid-Direttivi [tal-Kunsill 92/85/KEE, tad‑19 ta’Ottubru 1992, dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 110 u 96/34]. L-ewwel waħda tirrigwarda l-maternità mill-perspettiva tas-saħħa u tas-sigurtà fuq ix-xogħol tal-ħaddiema tqal, dawk li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu. It-tieni, li tirrigwarda l-Ftehim qafas dwar il-leave parentali konkluż mill-UNICE, CEEP u ta’ ETUC, tipprevedi l-leave parentali u l-assenza mix-xogħol minħabba raġunijiet ta’ forza maġġuri bħala mezzi importanti għall-konċiljazzjoni bejn il-ħajja professjonali u l-ħajja tal-familja u għall-promozzjoni tal-ugwaljanza fl-opportunitajiet u fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa. Il-liġi preżenti tiżgura t-traspożizzjoni fid-dritt Spanjol tal-linji gwida stabbiliti mil-leġiżlazzjoni internazzjonali u Komunitarja billi tmur lil hinn mil-livell minimu ta’ protezzjoni stabbilit f’dawn il-linji gwida. [...] ” |
|
16 |
Wara l-emendi li saru fl-Istatut tal-Ħaddiema mil-Liġi 39/1999, l-Artikolu 37(5) u (6) ta’ dan l-Istatut jipprovdu : “ 5. Kull min jieħu ħsieb direttament, minħabba raġunijiet ta’ kustodja legali, minuri ta’ inqas minn sitt snin [...] huwa intitolat għal tnaqqis fil-ħin tax-xogħol tiegħu ta’ mhux inqas minn terz u ta’ mhux iktar minn nofs il-ħin tax-xogħol tiegħu, bi tnaqqis proporzjonat tas-salarju. [...] 6. L-organizzazzjoni tal-ħinijiet tax-xogħol konkreti u d-determinazzjoni tal-perijodu ta’ applikazzjoni [...] tat-tnaqqis fil-ħin tax-xogħol, previs[t] [fil-paragrafu 5] ta’ dan l-artikolu, jaqgħu fuq il-ħaddiem fil-kuntest tal-ħin tax-xogħol ordinarju tiegħu [...] ” |
|
17 |
Il-Liġi 39/1999 fiha “ Dispożizzjoni addizzjonali prinċipali ”, ifformulata kif ġej : “ Jistgħu jużaw il-vantaġġi stabbiliti f’din il-liġi l-membri ħaddiema jew il-ħaddiema assoċjati f’kooperattivi kif ukoll il-ħaddiema ta’ soċjetajiet ta’ ħaddiema assoċjati matul il-perijodi ta’ leave tal-maternità, ta’ riskju waqt it-tqala, ta’ adozzjoni jew ta’ foster care, b’mod indipendenti mis-sistema ta’ affiljazzjoni mas-sigurtà soċjali li huma parti minnha, bil-karatteristiċi partikolari li huma speċifiċi għal relazzjoni ta’ assoċjazzjoni. ” |
|
18 |
Il-Ley Orgánica 3/2007, para la igualdad efectiva de mujeres y hombres (Liġi Organika Nru 3/2007 għall-ugwaljanza effettiva bejn in-nisa u l-irġiel), tat-22 ta’ Marzu 2007 (BOE Nru 71, tat-23 ta’ Marzu 2007, p. 12611), ukoll, min-naħa tagħha, emendat l-Istatut tal-Ħaddiema. |
|
19 |
Wara l-imsemmija emendi, l-Artikolu 34(8) tal-Istatut tal-Ħaddiema jipprovdi : “ Il-ħaddiem għandu d-dritt jorganizza t-tul u t-tqassim tal-ħin tax-xogħol tiegħu sabiex irendi effettiv id-dritt tiegħu li jikkonċilja l-ħajja personali, il-ħajja tal-familja u l-ħajja professjonali billi jsegwi l-modalitajiet stabbiliti fil-ftehim kollettiv jew fil-ftehim li wasal għalih mal-persuna li timpjegah b’osservanza, f’kull każ, tal-istipulazzjonijiet tal-ftehim kollettiv. ” |
|
20 |
Skont l-Artikolu 48(4) tal-Istatut tal-Ħaddiema : “ Fil-każ ta’ twelid, il-kuntratt huwa sospiż għal perijodu mhux interrott ta’ sittax-il ġimgħa, […]. Il-perijodu ta’ sospensjoni għandu jitqassam skont l-għażla tal-persuna kkonċernata bil-kundizzjoni li sitt ġimgħat jittieħdu immedjatament wara t-twelid. [...] ” |
Il-leġiżlazzjoni dwar il-kooperattivi
– Il-Liġi 8/2003 tal-komunità awtonoma ta’ Valencia dwar il-kooperattivi
|
21 |
Skont l-Artikolu 89 tal-Ley de Cooperativas de la Comunidad Valenciana (Liġi 8/2003 tal-komunità awtonoma ta’ Valencia dwar il-kooperattivi), tal‑24 ta’ Marzu 2003 (BOE Nru 87, tal-11 ta’ April 2003, p. 14308) : “Il-kooperattivi tax-xogħol assoċjat huma dawk li jinkludu persuni fiżiċi li, permezz tal-kontribuzzjoni tal-ħidma tagħhom, full-time jew part-time, iwettqu attività ekonomika jew professjonali ta’ produzzjoni ta’ prodotti jew servizzi destinati lil terzi. Il-membri ħaddiema jistgħu jkunu membri li jkollhom il-kapaċità ġuridika li jikkonkludu kuntratti għall-provvista tax-xogħol tagħhom [...]. [...] 3. Ir-relazzjoni tal-membri ħaddiema mal-kooperattiva hija relazzjoni ta’ assoċjazzjoni u, konsegwentement, l-istatuti tal-kooperattiva, ir-regolament intern jew l-assemblea ġenerali għandhom jistabbilixxu l-istatut professjonali tal-membru, li għandu jirregola minn tal-inqas is-suġġetti li ġejjin:
F’kull każ, ir-regolament mill-istatuti tal-kooperattiva tat-tul tal-ħin tax-xogħol, tal-mistrieħ fil-ġimgħa, tal-festi, tal-vaganzi, tal-leave u tal-kawżi ta’ sospensjoni jew ta’ terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol, għandu josserva l-minimi previsti mill-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kooperattivi. [...] Fuq il-punti kollha dwar il-kooperattivi tax-xogħol assoċjat li ma humiex espressament indirizzati mill-liġi preżenti, ir-relazzjoni kooperattiva hija suġġetta, b’mod supplimentari, għad-dispożizzjonijiet previsti dwar dan fil-leġiżlazzjoni statali dwar il-kooperattivi. ” |
– Il-Liġi 27/1999 dwar il-kooperattivi
|
22 |
L-Artikolu 80 tal-Ley 27/1999 de Cooperativas (Liġi 27/1999 dwar il-kooperattivi), tas-16 ta’ Lulju 1999 (BOE Nru 170, tas-17 ta’ Lulju 1999, p. 27027), tiddikjara b’mod partikoli : “ 1. Il-kooperattivi tax-xogħol assoċjat huma dawk li għandhom bħala għan li jipprovdu lill-membri tagħhom b’impjieg li huma jeżerċitaw personalment u direttament, part-time jew full-time, permezz tal-organizzazzjoni komuni tal-produzzjoni tal-beni jew tas-servizzi għal partijiet terzi. [...] Ir-relazzjoni tal-membri ħaddiema mal-kooperattiva hija relazzjoni ta’ assoċjazzjoni. [...] 4. Il-membri ħaddiema għandhom dritt, perijodikament, fi żmien ta’ mhux iktar minn xahar, għal ħlasijiet imsejħa avvanzi għall-membri, li jitħallsu mill-profitti tal-kooperattiva, li ma humiex salarji, u li jiddependu fuq il-parteċipazzjoni fl-attività tal-kooperattiva. 5. Il-postijiet tax-xogħol tal-membri ħaddiema u l-membri stess huma suġġetti għall-istandards tas-saħħa u tal-prevenzjoni ta’ riskji fuq ix-xogħol, li japplikaw b’teħid inkunsiderazzjoni tal-karatteristiċi speċifiċi tar-relazzjoni ta’ assoċjazzjoni u ta’ ġestjoni indipendenti stabbilita bejn il-membri ħaddiema u l-kooperattiva tagħhom. [...] ” |
Ir-regolament intern ta ’ Consum SCV
|
23 |
Skont l-Artikolu 14(7) tar-regolament intern ta’ Consum SCV: “ Il-membru ħaddiem għandu d-dritt li jorganizza t-tul u t-tqassim tal-ħin tax-xogħol tiegħu sabiex irendi effettiv id-dritt tiegħu li jikkonċilja l-ħajja personali, il-ħajja tal-familja u l-ħajja professjonali taħt il-kundizzjonijiet li huwa jistabbilixxi bi ftehim mal-persuna responsabbli għall-unità ta’ produzzjoni korrispondenti, bil-kundizzjoni li, fin-nuqqas ta’ ftehim, ikun il-Kumitat soċjali li, wara li jisma’ liż-żewġ partijiet, jiddeċiedi dwar il-kwistjoni, billi jagħmel sforz sabiex isib soluzzjonijiet li jippermettu li tiġi żgurata n-natura effettiva ta’ dan id-dritt. ” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
24 |
Consum SCV hija soċjetà kooperattiva irregolata mil-Liġi 8/2003. Hija għandha netwerk ta’ supermarkets u l-għan kummerċjali tagħha huwa, b’mod partikolari, li tipprovdi impjieg stabbli f’dan in-netwerk lill-membri ħaddiema tagħha. |
|
25 |
E. Rodríguez Sánchez hija membru ħaddiem ta’ Consum SCV assenjata lit-taqsima “ kaxxiera/responsabbli għall-istokk ” ta’ ċentru kummerċjali. Hija ffirmat ma’ Consum SCV, fil-25 ta’ Ġunju 2012, kuntratt ta’ assoċjazzjoni suġġett għall-istatuti tal-kooperazzjoni u, b’mod partikolari, għar-regolament intern. Ir-ritmu ta’ xogħol u l-ħinijiet tagħha kienu, fuq rotazzjoni ta’ kull ġimgħa, ix-xift ta’ filgħodu mit-Tnejn sas-Sibt (mit-8:00 sat-15:00) u x-xift ta’ wara nofsinhar mit-Tnejn sas-Sibt (mit-15:00 sal-22:00), kif ukoll żewġt Iħdud fix-xahar (mit-8:30 sat-15:00). |
|
26 |
Fid-19 ta’ Awwissu 2013, E. Rodríguez Sánchez welldet tarbija. Fit-tmiem tal-leave tal-maternità tagħha, hija ressqet talba, fis-27 ta’ Diċembru 2013, li fiha talbet, billi invokat il-kustodja legali tat-tarbija tagħha u billi bbażat ruħha fuq l-Artikolu 37(5) u (6) tal-Istatut tal-Ħaddiema, tnaqqis fil-ħin tax-xogħol tagħha għal 30 siegħa fil-ġimgħa u l-assenjazzjoni tagħha fix-xift ta’ filgħodu mid-9:00 sal-15:00, mit-Tnejn sal-Ġimgħa. |
|
27 |
Fl-24 ta’ Jannar 2014, Consum SCV laqgħet l-imsemmija talba għal tnaqqis tat-tul tal-ħin tax-xogħol, iżda ċaħdet it-tieni talba, billi sostniet li jekk tilqa’ din it-talba tkun qiegħda toħloq sitwazzjoni ta’ eċċess ta’ persunal għax-xiftijiet ta’ filgħodu. |
|
28 |
Fi Frar 2014, E. Rodríguez Sánchez ippreżentat rikors kontra dan ir-rifjut quddiem il-Juzgado de lo Social n 33 de Barcelona (tribunal industrijali Nru 33 ta’ Barcelona, Spanja). |
|
29 |
F’Marzu 2014, il-proċedura ġiet sospiża, fuq l-inizjattiva tal-imsemmija qorti, sabiex tkun tista’ tibda proċedura abbażi tal-Artikolu 34(8) tal-Istatut tal-Ħaddiema. Għaldaqstant, E. Rodríguez Sánchez bagħtet talba ġdida lil Consum SCV, ibbażata fuq din id-dispożizzjoni u fuq id-dritt tagħha li tikkonċilja l-ħajja tal-familja u l-ħajja professjonali billi invokat f’dan ir-rigward in-neċessità għaliha li tadatta l-ħin tax-xogħol tagħha mas-sigħat li fihom ikun miftuħ iċ-ċentru ta’ kura tat-tfal tat-tarbija tagħha. |
|
30 |
Consum SCV iddikjarat li kienet taqbel mat-tnaqqis fil-ħin tax-xogħol iżda la rrispondiet għat-talba għall-bidla fl-organizzazzjoni tal-ħinijiet tax-xogħol u lanqas ma indirizzat l-imsemmija talba lill-Kumitat Soċjali previst fl-Artikolu 14(7) tar-regolament intern tagħha. |
|
31 |
Il-Juzgado de lo Social no 33 de Barcelona (tribunal industrijali Nru 33 ta’ Barcelona) jenfasizza li t-tilwima bejn il-partijiet issa hija limitata għall-kwistjoni tal-bidla eventwali fil-ħinijiet u fir-ritmu tax-xogħol abbażi tal-Artikolu 34(8) tal-Istatut tal-Ħaddiema, peress li t-tnaqqis fil-ħin tax-xogħol abbażi tal-Artikolu 37(5) ta’ dan l-istess statut kien, min-naħa tiegħu, inkiseb. |
|
32 |
F’dan il-kuntest, l-imsemmi tribunal jeżamina l-kwistjoni dwar jekk il-Klawżola 6(1) tal-Ftehim Qafas irrevedut tistax tinfluwenza l-eżitu tal-kawża li tressqet quddiemu. |
|
33 |
Huwa jesponi, f’dan ir-rigward, li għandu jiġi ddeterminat, fl-ewwel lok, jekk ir-relazzjoni bejn ħaddiem membru u kooperattiva taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim Qafas irrevedut kif iddefinit fil-Klawżola 1(2) tal-imsemmi ftehim. |
|
34 |
Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tindika li, jekk jiġi kkunsidrat li r-relazzjoni kkonċernata ma tikkostitwixxix kuntratt jew relazzjoni ta’ xogħol fis-sens tal-imsemmija klawżola 1(2), allura jkun hemm lok li tiġi mistħarrġa l-portata tal-Klawżola 8(2) ta’ dan l-istess ftehim. Fil-fatt, peress li mill-ewwel dispożizzjoni addizzjonali tal-Liġi 39/1999 jirriżulta li l-leġiżlatur Spanjol estenda l-ambitu tal-ftehim qafas fuq il-leave parentali annessa mad-Direttiva 96/34 lill-membri ħaddiema, għandu jiġi ddeterminat jekk il-fatt li din l-estensjoni tiġi kkunsidrata fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-Ftehim Qafas irrevedut jistax iwassal għal tnaqqis fil-livell ġenerali ta’ protezzjoni tal-ħaddiema bi ksur tal-Klawżola 8(2) ta’ din tal-aħħar. |
|
35 |
Fit-tielet lok, u jekk jitqies li l-Klawżola 6(1) tal-Ftehim Qafas irrevedut hija applikabbli għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk din il-klawżola ġietx trasposta b’mod korrett fid-dritt intern fid-dawl tal-Artikolu 34(8) tal-Istatut tal-Ħaddiema u tal-Artikolu 14(7) tar-regolament intern tal-Consum SCV. |
|
36 |
Fir-raba’ u l-aħħar lok, u li jekk jirriżulta, mir-risposta mogħtija għall-kwistjoni preċedenti, li l-Klawżola 6(1), tal-Ftehim Qafas irrevedut ma ġietx trasposta b’mod korrett, tqum ukoll id-domanda dwar jekk din il-klawżola titqiesx li tibbenefika minn effett dirett orizzontali, b’kunsiderazzjoni, minn naħa, tal-fatt li l-imsemmija klawżola timponi obbliġi ċari, u, min-naħa l-oħra, li l-Ftehim Qafas irrevedut jikkostitwixxi strument li jimplementa l-prinċipju ġenerali tal-ugwaljanza fit-trattament rikonoxxut fl-Artikoli 23 u 33 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. |
|
37 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de lo Social no 33 de Barcelona (tribunal industrijali Nru 33 ta’ Barcelona) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja :
It-tieni domanda qiegħda ssir b’mod sussidjarju, fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fin-negattiv.
Huwa biss fil-każ ta’ risposta affermattiva għal waħda minn dawn id-domandi u jekk id-Direttiva 2010/18 titqies bħala applikabbli fir-rigward ta’ relazzjoni ta’ xogħol assoċjat bħal dik tar-rikorrenti li jkun ġġustifikat, għar-raġunijiet li se naraw, li jsiru wkoll id-domandi sussegwenti.
|
Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari
|
38 |
Kif jirriżulta mid-domandi magħmula u mill-indikazzjonijiet relatati li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju, kif imqassra fil-punti 31 sa 36 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-Klawżola 6(1) tal-Ftehim Qafas irrevedut, li hija s-suġġett tat-tielet u tar-raba’ domandi, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tista’ tinfluwenza l-eżitu tal-kawża li tkun tressqet quddiem il-qorti tar-rinviju. Min-naħa tagħhom, l-ewwel u t-tieni domandi huma biss intiżi li jivverifikaw, qabel l-eżami tal-imsemmija klawżola, li relazzjoni bħal dik li torbot lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma’ Consum SCV li tagħha hija membru ħaddiem, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim Qafas irrevedut, skont l-ewwel domanda, minħabba li tali relazzjoni tikkostitwixxi kuntratt jew relazzjoni ta’ xogħol fis-sens tal-Klawżola 1(2) tal-imsemmi ftehim qafas, jew skont it-tieni domanda, fin-nuqqas ta’ konstatazzjoni ta’ tali kwalifika, minħabba li r-rifjut li jingħata lil tali membru ħaddiem il-benefiċċju tad-dispożizzjonijet tal-Ftehim Qafas irrevedut ikun, f’dan il-każ, jikkostitwixxi tnaqqis tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni tal-ħaddiema, ipprojbit mill-Klawżola 8(2) tal-ftehim qafas. |
|
39 |
Għandu jitfakkar mill-bidu li l-Klawżola 6(1) tal-Ftehim Qafas irrevedut tirrigwarda, kif jirriżulta mill-kliem tagħha stess, sitwazzjonijiet fejn ħaddiem li “ġej lura mill-leave parentali” ikun jixtieq, f’dan il-mument, jibbenefika minn aġġustament tas-sigħat tax-xogħol tiegħu u/jew ir-ritmu tax-xogħol tiegħu. |
|
40 |
F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fil-kawża prinċipali, it-talba ta’ E. Rodríguez Sánchez intiża li jinkiseb kemm tnaqqis tal-ħin tax-xogħol tagħha kif ukoll aġġustament tas-sigħat tax-xogħol tagħha saret minnha fil-mument tar-ritorn tagħha mil-leave tal-maternità. |
|
41 |
Fir-rigward ta’ din iċ-ċirkustanza, il-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 101 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, indirizzat fid-data tal-10 ta’ Ġunju 2015, lill-qorti tar-rinviju, bl-intenzjoni li tiċċara sa liema punt risposta għad-domandi magħmula tista’, f’dan il-każ, effettivament tkun utli għall-finijiet tal-eżitu tal-kawża prinċipali. |
|
42 |
Permezz ta’ digriet tat-13 ta’ Lulju 2015 adottat b’risposta għal din it-talba, l-imsemmija qorti indikat b’mod partikolari li l-leave, li wara l-iskadenza tiegħu E. Rodríguez Sánchez għamlet it-talba tagħha imsemmija iktar ’il fuq, kien meħud minnha skont l-Artikolu 48(4) tal-Istatut tal-Ħaddiema. Skont l-istess qorti, leave tal-maternità meħud fuq tali bażi jkun ifisser, fi Spanja, leave parentali kif imsemmi fil-Klawżola 2 tal-Ftehim Qafas irrevedut. |
|
43 |
F’dan ir-rigward, madankollu, għandu jiġi rrilevat li d-dritt tal-Unjoni jagħmel distinzjoni bejn il-kunċett ta’ “ leave ta’ maternità ” kif imsemmi b’mod partikolari, fid-Direttiva 92/85 u dak ta’ “ leave parentali ” kif użat fil-Ftehim Qafas irrevedut, u li l-punt 15 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali ta’ din tal-aħħar jispeċifika wkoll espliċitament li dan jistabbilixxi rekwiżiti minimi u dispożizzjonijiet dwar il-leave parentali, “ distint mil-leave tal-maternità ”. |
|
44 |
Fil-fatt, kif diġà ġie rrilevat mill-Qorti tal-Ġustizzja, rigward il-punt 9 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-Ftehim Qafas fuq il-leave parentali anness mad-Direttiva 96/34, li huwa fformulat f’termini simili għal dawk tal-punt 15 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-Ftehim Qafas irrevedut, il-leave parentali jingħata lill-ġenituri sabiex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb il-wild tagħhom u jista’ jittieħed sa età partikolari ta’ dan tal-aħħar, sal-età massima ta’ tmien snin. F’dak li jirrigwarda l-leave tal-maternità, dan għandu għan differenti. Dan huwa intiż għall-ħarsien tal-kundizzjoni bijoloġika tal-mara u r-relazzjoni partikolari bejnha u t-tarbija tagħha matul il-perijodu li jsegwi t-tqala u l-ħlas, billi jiġi evitat li jkun hemm tfixkil ta’ din ir-relazzjoni bl-akkumulazzjoni ta’ piżijiet li jirriżultaw mill-eżerċizzju simultanju ta’ attività professjonali (ara, is-sentenza tal‑14 ta’ April 2005, Il‑Kummissjoni vs Lussemburgu, C‑519/03, EU:C:2005:234, punt 32). |
|
45 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, fis-sentenza tagħha tad‑19 ta’ Settembru 2013, Betriu Montull (C‑5/12, EU:C:2013:571), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ġiet mitluba tiddeċiedi dwar il-kwalifika, fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, ta’ leave meħud minn omm, fil-mument tat-twelid tal-wild tagħha, fuq il-bażi tal-Artikolu 48(4) tal-Istatut tal-Ħaddiema. |
|
46 |
Fir-rigward ta’ tali leave, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li d-Direttiva 92/85 kienet tiggarantixxi b’mod speċifiku fl-Artikolu 8 tagħha, id-dritt ta’ leave tal-maternità ta’ mill-inqas erbatax-il ġimgħa konsekuttiva, inkluż perijodu obbligatorju ta’ mill-inqas ġimagħtejn qabel u/jew wara l-ħlas skont il-leġiżlazzjoni u/jew il-prassi nazzjonali, u tfakkar li l-fatt li leġiżlazzjoni nazzjonali tagħti wkoll lin-nisa leave tal-maternità ta’ iktar minn erbatax-il ġimgħa ma jipprekludix li dan tal-aħħar ikun jista’ jitqies madankollu bħala leave tal-maternità msemmi fl-Artikolu 8. Il-Qorti tal-Ġustizzja bl-istess mod indikat, f’dan ir-rigward, li leave bħal dak previst fl-Artikolu 48(4) tal-Istatut tal-Ħaddiema ma jikkonċernax il-“ leave parentali ” fis-sens tad-Direttiva 96/34 (sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Betriu Montull (C‑5/12, EU:C:2013:571, punti 45 u 46). |
|
47 |
L-evalwazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2013, Betriu Montull (C‑5/12, EU:C:2013:571), dwar id-Direttiva 96/34 u l-Ftehim Qafas fuq il-leave parentali anness ma’ din tal-aħħar, huma wkoll validi fir-rigward tad-Direttiva 2010/18 u l-Ftehim Qafas irrevedut, li dan ir-rigward, u kif jirriżulta mill-kliem tal-punt 15 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali u tal-Klawżola 2(1) tal-Ftehim Qafas irrevedut, ma jintroduċux innovazzjonijiet. |
|
48 |
Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Klawżola 6(1) tal-Ftehim Qafas irrevedut, li tirrigwarda sitwazzjonijiet ta’ ritorn għax-xogħol wara “ leave parentali ”, ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tkopri wkoll sitwazzjoni ta’ ritorn minn “ leave ta’ maternità ” fis-sens tad-Direttiva 92/85 bħal dik li kienet tinsab fiha r-rikorrenti fil-kawża prinċipali meta għamlet it-talba tagħha msemmija fil-punt 40 ta’ din is-sentenza. |
|
49 |
Permezz ta’ digriet tas-16 ta’ Marzu 2016 li wasal il-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Marzu 2016, il-qorti tar-rinviju, barra minn hekk, ikkomunikat lill-Qorti tal-Ġustizzja numru ta’ osservazzjonijiet wara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fit-3 ta’ Marzu 2016. F’dan id-digriet, il-qorti tar-rinviju tesponi r-raġunijiet għaliex, fil-fehma tagħha, ma hemmx lok li l-Qorti tal-Ġustizzja tifformula mill-ġdid it-tielet domanda kif propost mill-Avukat Ġenerali fil-konklużjonijiet tiegħu, iżda għandha tiddeċiedi fuq l-imsemmija domanda kif ifformulata oriġinarjament fid-digriet tar-rinviju. Hija titlob, għalhekk, lill-Qorti tal-Ġustizzja tistieden lill-Avukat Ġenerali jikkompleta l-konklużjonijiet tiegħu, jew sussidjarjament, jirrikonoxxi l-osservazzjonijiet tiegħu bħala kjarifiki fis-sens tal-Artikolu 101 tar-Regoli tal-Proċedura. |
|
50 |
F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura ma jipprevedux il-possibbiltà, għall-partijiet jew għall-qorti tar-rinviju, li jippreżentaw osservazzjonijiet b’risposta għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 101 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja biss għandha l-possibbilità li titlob kjarifiki mill-qorti tar-rinviju (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2015, Rabal Cañas, C‑392/13, EU:C:2015:318, punt 32). |
|
51 |
Madankollu, sal-punt fejn jista’ jitqies li, permezz tad-digriet tagħha tas‑16 ta’ Marzu 2016, il-qorti tar-rinviju kellha l-intenzjoni, b’mod partikolari, tippreżenta kjarifiki addizzjonali għal dawk li hija kienet diġà ppreżentat fid-digriet tagħha tat-13 ta’ Lulju 2015 bi tweġiba għat-talba għal kjarifiki tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-kawża preżenti, għandu jiġi speċifikat dan li ġej. |
|
52 |
Fl-imsemmi digriet tas-16 ta’ Marzu 2016, il-qorti tar-rinviju tidher li tissuġġerixxi li, sa fejn it-talba inizjalment ifformulata minn E. Rodríguez Sánchez fil-mument tar-ritorn tagħha mil-leave tal-maternità sabiex tikseb aġġustament tas-sigħat tax-xogħol tagħha, kienet segwita, matul il-proċedura quddiem l-imsemmija qorti u kif jirriżulta mill-punt 29 tas-sentenza preżenti, minn repetizzjoni ta’ din it-talba bbażata fuq bażi legali nazzjonali oħra, ma hemmx iktar lok, fir-rigward taż-żmien li ddekorra bejn iż-żewġ talbiet, li jitqies li din it-tieni talba ġiet ifformulata fil-mument tar-ritorn mil-leave tal-maternità tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. |
|
53 |
F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi rrilevat li, anki jekk jista’ jitqies li, minħabba ż-żmien li ddekorra bejn dawn iż-żewġ talbiet, it-tieni talba ma għandhiex titqies iktar bħala talba ppreżentata wara l-leave tal-maternità, xorta jibqa’ l-fatt li din it-tieni talba wkoll ma tistax titqies iktar bħala talba għall-aġġustament tas-sigħat tax-xogħol jew tar-ritmu tax-xogħol ippreżentata wara “ ritorn minn leave parentali ” fis-sens tal-Klawżola 6(1) tal-Ftehim Qafas irrevedut, peress li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali b’ebda mod ma kienet f’sitwazzjoni ta’ “ ritorn ” għax-xogħol wara tali leave. |
|
54 |
Huwa minnu, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija fil-kompetenza esklużiva tal-qorti nazzjonali li quddiemha tkun tressqet il-kawża u li jkollha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fir-rigward taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja bħala prinċipju għandha l-obbligu li tagħti deċiżjoni (ara, b’mod partikolari, s-sentenza tal-24 ta’ April 2012, Kamberaj, C‑571/10, EU:C:2012:233, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
55 |
Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilta wkoll, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha teżamina l-kundizzjonijiet li fihom hija tintalab tieħu deċiżjoni mill-qorti nazzjonali sabiex tivverifika l-kompetenza rispettiva tagħha. Fil-fatt, l-ispirtu ta’ kollaborazzjoni li għandu jirrenja fil-proċedura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari jimplika li, min-naħa tagħha, il-qorti nazzjonali tirrikonoxxi l-funzjoni fdata lill-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri dik li tikkontribwixxi għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri u mhux li tagħti opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑24 ta’ April 2012, Kamberaj, C‑571/10, EU:C:2012:233, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
56 |
Fil-fatt, il-ġustifikazzjoni ta’ domanda preliminari ma hijiex il-formulazzjoni ta’ tali opinjonijiet, iżda hija l-ħtieġa inerenti għall-eżitu effettiv ta’ kawża (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2010, Winner Wetten, C‑409/06, EU:C:2010:503, punt 38 u ġurisprudenza ċċitata). |
|
57 |
F’dan ir-rigward, iċ-ċaħda ta’ domanda magħmula minn qorti tar-rinviju ma hijiex possibbli ħlief jekk jidher manifestament li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea mitluba ma għandha ebda rabta mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, jew meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara s-sentenza tal-24 ta’ April 2012, Kamberaj, C‑571/10, EU:C:2012:233, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
58 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tat-tielet domanda, għandu jitfakkar li din tikkonċerna, essenzjalment, il-punt dwar f’liema kundizzjonijiet jista’ jitqies li dispożizzjonijiet nazzjonali jew ftehimiet bejn imsieħba soċjali jiżguraw traspożizzjoni korretta fid-dritt nazzjonali tal-Klawżola 6(1) tal-Ftehim Qafas irrevedut, u jekk dispożizzjonijiet bħall-Artikolu 34(8) tal-Istatut tal-Ħaddiema jew l-Artikolu 14(7) tar-regolament interni ta’ Consum SCV, jissodisfawx dawn il-kundizzjonijiet. |
|
59 |
Madankollu, diġà ġie rrilevat, fil-punti 48 u 53 tas-sentenza preżenti, li huwa ċar li sitwazzjoni bħal dik li tinsab fiha r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Klawżola 6(1) tal-Ftehim Qafas irrevedut, kif qiegħda tintalab li tiġi interpretata l-qorti tar-rinviju, b’mod li ma jidhirx kif risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għal din it-tielet domanda tkun tista’ teżerċita kwalunkwe influwenza fuq l-eżitu tal-kawża prinċipali. |
|
60 |
Ċertament, għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat diversi drabi li hija għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjonijiet preliminari li jirrigwardaw dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet fejn il-fatti fil-kawża prinċipali ma jkunux jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, iżda fejn l-imsemmija dispożizzjonijiet ta’ dan id-dritt ikunu saru applikabbli permezz tad-dritt nazzjonali minħabba rinviju minn dan tal-aħħar lejn il-kontenut ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2012, Nolan, C‑583/10, EU:C:2010:638, punt 45 u ġurisprudenza ċċitata). |
|
61 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja effettivament diġà ddeċidiet li meta leġiżlazzjoni nazzjonali tadotta, għas-soluzzjonijiet li hija tipprovdi għal sitwazzjonijiet li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-att tal-Unjoni kkonċernat, l-istess sitwazzjonijiet bħal dawk adottati mill-imsemmi att, huwa ċertament fl-interess tal-Unjoni li, sabiex jiġu evitati differenzi futuri ta’ interpretazzjoni, id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-att għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Nolan, C‑583/10, EU:C:2010:638, punt 46 u ġurisprudenza ċċitata). |
|
62 |
Għalhekk, interpretazzjoni, mill-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan id-dritt, hija ġġustifikata meta dawn id-dispożizzjonijiet ikunu saru applikabbli għal tali sitwazzjonijiet mid-dritt nazzjonali b’mod dirett u mingħajr kundizzjonijiet, sabiex jiġi żgurat trattament identiku fir-rigward ta’ dawn is-sitwazzjonijiet u ta’ dawk li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Nolan, C‑583/10, EU:C:2010:638, punt 47 u ġurisprudenza ċċitata). |
|
63 |
F’dan il-każ, madankollu, ma hemm ebda indikazzjoni fl-ispjegazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju, u lanqas fil-kjarifiki pprovduti mill-qorti tar-rinviju bi tweġiba għat-talba għall-kjarifiki tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punt 41 tas-sentenza preżenti, li l-istess japplika, fid-dritt Spanjol, fir-rigward tal-Klawżola 6(1) tal-Ftehim Qafas irrevedut, fil-każ ta’ sitwazzjoni bħal dik li tinsab fiha r-rikorrenti fil-kawża prinċipali. |
|
64 |
Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-Artikolu 34(8) tal-Istatut tal-Ħaddiema, li l-applikazzjoni tiegħu hija, kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju u kif tfakkar fil-punt 31 tas-sentenza preżenti, il-qofol tal-kawża prinċipali, din l-istess qorti tiddikjara, fid-digriet tagħha tas-16 ta’ Marzu 2016 imsemmi fil-punt 49 tas-sentenza preżenti, li l-imsemmija dispożizzjoni nazzjonali li, fir-rigward tagħha, il-Gvern Spanjol jargumenta li rendiet superfluwa t-traspożizzjoni tal-Klawżola 6(1) tal-Ftehim Qafas irrevedut fid-dritt nazzjonali, ma tissuġġettax l-aċċess għad-dritt li hija tistabbilixxi għar-ritorn lura għax-xogħol wara leave parentali, li jkun komprensibbli meta l-leave parentali jittieħed part-time. |
|
65 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-imsemmija dispożizzjoni nazzjonali li ġiet introdotta fl-Istatut tal-Ħaddiema mil-Liġi Organika 3/2007 għall-ugwaljanza effettiva bejn in-nisa u l-irġiel tat-22 ta’ Marzu 2007, jiġifieri iktar minn sentejn qabel il-konklużjoni tal-Ftehim Qafas irrevedut, ma indirizzatx speċifikament sitwazzjonijiet ta’ ritorn mil-leave, iżda tistabbilixxi, b’mod ġenerali, id-dritt għall-ħaddiema kollha li jaġġustaw it-tul u t-tqassim tas-sigħat tax-xogħol tagħhom sabiex jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jirrikonċiljaw il-ħajja personali, il-ħajja tal-familja u l-ħajja professjonali, skont kundizzjonijiet li għad iridu jiġu stabbiliti bi ftehim kollettiv jew bi ftehim mal-persuna li timpjega. |
|
66 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-affermazzjoni tal-qorti tar-rinviju msemmija fil-punt 64 tas-sentenza preżenti ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li l-Klawżola 6(1) tal-Ftehim Qafas irrevedut, dwar il-possibbiltà, għall-ħaddiema, li jitolbu l-aġġustament tas-sigħat tax-xogħol tagħhom fil-mument tar-ritorn tagħhom mil-leave parentali, saret applikabbli b’mod dirett u mingħajr kundizzjonijiet, permezz ta’ dispożizzjoni tad-dritt Spanjol li tirreferi għal din il-klawżola, għal sitwazzjonijiet ta’ ritorn mil-leave ta’ maternità jew għal sitwazzjonijiet oħra li ma jirrigwardawx ritorn mil-leave parentali, u li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kienet intiża, b’dan il-mod, li tadotta, għas-soluzzjonijiet li tipprovdi għal tali sitwazzjonijiet li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, l-istess sitwazzjonijiet bħal dawk imsemmija f’din id-dispożizzjoni, sabiex tiġi żgurata ugwaljanza fit-trattament f’dawn is-sitwazzjonijiet u f’dawk li jaqgħu taħt dan il-kamp ta’ applikazzjoni. |
|
67 |
Għalhekk, fir-rigward tal-fatt, irrelevat preċedentement, li sitwazzjoni bħal dik li tinsab fiha r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Klawżola 6(1) tal-Ftehim Qafas irrevedut u b’kunsiderazzjoni għall-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 55 sa 57 tas-sentenza preżenti, it-tielet domanda li tirrigwarda l-imsemmija Klawżola 6(1), għandha titqies li hija inammissibbli. |
|
68 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tar-raba’ domanda, għandu jiġi rrilevat li, peress li huwa ċar li l-Klawżola 6(1) tal-Ftehim Qafas irrevedut ma hijiex intiża li tapplika fil-każ ta’ sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, risposta għall-imsemmija domanda li hija intiża, essenzjalment, sabiex tingħata risposta dwar jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ assenza ta’ miżuri nazzjonali li jittrasponu din il-klawżola, din tista’ tibbenefika minn effett dirett “ orizzontali ”, hija irrilevanti għall-finijiet tal-eżitu tal-kawża prinċipali. |
|
69 |
Fil-fatt, anki jekk jitqies li tali effett dirett orizzontali għandu jiġi rrikonoxxut għall-imsemmija dispożizzjoni, jibqa’ l-fatt li, peress li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma tinsabx f’sitwazzjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-istess dispożizzjoni, il-persuna ikkonċernata ma tistax tinvoka tali effett. |
|
70 |
Minn dan isegwi li, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 55 sa 57 tas-sentenza preżenti, ir-raba’ domanda għandha titqies li hija inammissibbli. |
|
71 |
Fl-aħħar nett, peress li l-ewwel u t-tieni domandi li jirrigwardaw, rispettivament, il-Klawżola 1(2) u l-Klawżola 8(2) tal-Ftehim Qafas irrevedut, minn naħa tagħhom, u kif digà ġie rrilevat fil-punt 38 tas-sentenza preżenti, ġew magħmula mill-qorti tar-rinviju biss fil-każ ta’ applikazzjoni eventwali tal-Klawżola 6(1) tal-istess ftehim qafas, għall-kawża prinċipali, f’dan il-każ ma hemmx iktar lok li tingħata risposta għalihom. Fil-fatt, fid-dawl tal-inammissibbilità tat-tielet u tar-raba’ domandi li jirrigwardaw il-Klawżola 6(1), ma jidhirx kif risposti għal dawn l-ewwel żewġ domandi jkunu ta’ natura li jistgħu jinfluwenzaw bi kwalunkwe mod l-eżitu tal-kawża prinċipali pendenti, u lanqas, għaldaqstant, kif dawn id-domandi jkollhom rabta mal-fatti u s-suġġett tal-imsemmija kawża, b’tali mod li, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 55 sa 57 tas-sentenza preżenti, l-imsemmija domandi għandhom jitqiesu li huma inammissibbli wkoll. |
|
72 |
Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li din it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi ddikjarata bħala inammissibbli. |
Fuq l-ispejjeż
|
73 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi : |
|
It-talba għal deċiżjoni preliminari ppreżentata mill-Juzgado de lo Social no 33 de Barcelona (tribunal industrijali Nru 33 ta’ Barcelona, Spanja) hija inammissibbli. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.