Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tad-9 ta ’ Lulju 2015 – Bucura

(Kawża C‑348/14) ( 1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Protezzjoni tal-konsumaturi — Direttiva 87/102/KEE — Artikolu 1(2)(a) — Kreditu għall-konsum — Kunċett ta’ ‘konsumatur’ — Direttiva 93/13/KEE — Artikoli 2(b), 3 sa 5 u 6(1) — Klawżoli inġusti — Evalwazzjoni ex officio mill-qorti nazzjonali — Klawżoli ‘mfassla b’mod ċar u komprensibbli’ — Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-kreditur”

1. 

Protezzjoni tal-konsumaturi — Kuntratti ta’ kreditu għall-konsum — Direttiva 87/102 — Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi — Direttiva 93/13 — Kunċett ta’ konsumatur — Persuna fiżika, kodebitriċi f’kuntratt ta’ kreditu konkluż ma’ professjonist — Inklużjoni — Kundizzjoni (Direttivi tal-Kunsill 87/102, Artikolu 1(2)(a), u 93/13, Artikolu 2(b)) (ara l-punt 39 u d-dispożittiv 1)

2. 

Protezzjoni tal-konsumaturi — Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi — Direttiva 93/13 — Obbligu tal-qorti nazzjonali li teżamina ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola f’kuntratt li qiegħda tevalwa — Portata (Direttiva tal-Kunsill 93/13, Artikolu 6(1)) (ara l-punti 43, 44 u d-dispożittiv 2)

3. 

Protezzjoni tal-konsumaturi — Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi — Direttiva 93/13 — Klawżola inġusta fis-sens tal-Artikolu 3 — Evalwazzjoni tan-natura inġusta mill-qorti nazzjonali — Kriterji (Direttiva tal-Kunsill 93/13, Artikoli 3(1) u (3), 4 u 5) (ara l-punt 66 u d-dispożittiv 3)

Dispożittiv

1) 

L-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE, tat-22 ta’ Diċembru 1986, għall-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-kreditu lill-konsumatur, kif emendata bid-Direttiva 98/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 1998, u l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandhom jiġu interpretati fis-sens li tagħmel parti mill-kunċett ta’ “konsumatur” fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, persuna fiżika li tinsab fis-sitwazzjoni ta’ kodebitriċi fil-kuntest ta’ kuntratt konkluż ma’ professjonist, peress li din il-persuna taġixxi għal finijiet li jistgħu jitqiesu li ma jagħmlux parti mill-attività kummerċjali jew professjonali tagħha.

2) 

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa ex officio n-natura inġusta, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, tal-klawżoli ta’ kuntratt konkluż bejn konsumatur u professjonist, peress li din il-qorti jkollha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji għal dan il-għan.

3) 

L-Artikoli 3 sa 5 tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tan-natura inġusta, fis-sens tal-Artikolu 3(1) u (3) ta’ din id-direttiva, ta’ klawżoli ta’ kuntratt ta’ kreditu għall-konsum, il-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha relatati mal-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt. F’dan ir-rigward, hija għandha tivverifika li, fil-kawża inkwistjoni, ġiet ikkomunikata lill-konsumatur l-informazzjoni kollha li jista’ jkollha impatt fuq il-portata tal-obbligu tiegħu li tagħtih il-possibbiltà jevalwa, b’mod partikolari, l-ispejjeż totali tas-self tiegħu. F’din l-evalwazzjoni, għandhom rwol deċiżiv, minn naħa, il-kwistjoni dwar jekk il-klawżoli humiex imfassla b’mod ċar u komprensibbli b’tali mod li jippermettu lil konsumatur normalment informat u raġonevolment attent u avżat, jevalwa tali spejjeż u, min-naħa l-oħra, il-fatt marbut man-nuqqas ta’ riferiment għall-informazzjoni fil-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum li, fir-rigward tan-natura tal-beni jew tas-servizzi li huma s-suġġett ta’ dan il-kuntratt, hija essenzjali, b’mod partikolari dik li hemm riferiment għaliha fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 87/102, kif emendata.


( 1 ) ĠU C 361, 13.10.2014.