Kawża C‑345/14

SIA “Maxima Latvija”

vs

Konkurences padome

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Augstākā tiesa)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kompetizzjoni — Artikolu 101(1) TFUE — Applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali analoga — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Kunċett ta’ ‘ftehim li għandu bħala għan ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni’ — Kuntratti ta’ kiri kummerċjali — Ċentri kummerċjali — Dritt tal-kerrej prinċipali li jopponi l-kiri mill-proprjetarju ta’ spazji kummerċjali lil terzi”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tas-26 ta’ Novembru 2015

  1. Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Interpretazzjoni mitluba minħabba l-applikabbiltà għal sitwazzjoni interna ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li saret applikabbli permezz tad-dritt nazzjonali — Ġurisdizzjoni sabiex tingħata din l-interpretazzjoni

    (Artikolu 267 TFUE)

  2. Akkordji — Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Distinzjoni bejn ksur minħabba l-għan u ksur minħabba r-riżultat — Ksur minħabba l-għan — Grad suffiċjenti ta’ ħsara — Konstatazzjoni suffiċjenti

    (Artikolu 101(1) TFUE)

  3. Akkordji — Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Għan antikompetittiv — Kuntratti ta’ kiri kummerċjali — Dritt tal-kerrej li jopponi l-kiri mill-proprjetarju ta’ spazji kummerċjali lil terzi — Ammissibbiltà

    (Artikolu 101(1) TFUE)

  4. Akkordji — Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Kuntratti ta’ kiri kummerċjali — Dritt tal-kerrej li jopponi l-kiri mill-proprjetarju ta’ spazji kummerċjali lil terzi — Evalwazzjoni skont il-kuntest ekonomiku u ġuridiku u skont eventwali għeluq tal-aċċess għas-suq

    (Artikolu 101(1) TFUE)

  1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punt 12)

  2.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 16-20)

  3.  L-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sempliċi fatt li kuntratt ta’ kiri kummerċjali li jirrigwarda l-kiri ta’ supermarket li jinsab f’ċentru kummerċjali jkun fih klawżola li tagħti lill-kerrej id-dritt li jopponi għall-kiri mis-sid tal-proprjetà immobbli, f’dan iċ-ċentru, ta’ spazji kummerċjali lil kerrejja oħra, ma jfissirx li dan il-kuntratt għandu bħala għan ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    (ara l-punt 24 u d-dispożittiv 1)

  4.  Fid-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, jistgħu jitqiesu bħala li jikkostitwixxu ftehim li għandu bħala effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, il-kuntratti ta’ kiri kummerċjali li jirrigwardaw il-kiri ta’ supermarket li jinsab f’ċentru kummerċjali u li jkun klawżola li tagħti lill-kerrej id-dritt li jopponi għall-kiri mis-sid tal-proprjetà immobbli, f’dan iċ-ċentru, ta’ spazji kummerċjali lil kerrejja oħra, kuntratti li fir-rigward tagħhom, wara analiżi fil-fond tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li jaqgħu fih, kif ukoll tal-ispeċifiċitajiet tas-suq ta’ referenza kkonċernat, jirriżulta li dawn jikkontribwixxu b’mod sinjifikattiv għal eventwali għeluq tal-aċċess għal dan is-suq. L-importanza tal-kontribuzzjoni ta’ kull kuntratt għal dan l-għeluq tal-aċċess tiddependi, b’mod partikolari, mill-pożizzjoni tal-partijiet kontraenti fl-imsemmi suq inkwistjoni u mit-tul ta’ dan il-kuntratt.

    (ara l-punt 31 u d-dispożittiv 2)