Kawża C‑332/14
Wolfgang und Dr. Wilfried Rey Grundstücksgemeinschaft GbR
vs
Finanzamt Krefeld
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Tassazzjoni — Taxxa fuq il-valur miżjud — Direttiva 77/388/KEE — It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 17(5) — Kamp ta’ applikazzjoni — Tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa — Oġġetti u servizzi użati fl-istess ħin għat-tranżazzjonijiet taxxabbli u għat-tranżazzjonijiet eżentati (oġġetti u servizzi għal użu mħallat) — Determinazzjoni tal-assenjazzjoni tal-oġġetti u tas-servizzi akkwistati għall-kostruzzjoni, għall-użu, għall-konservazzjoni u għall-manutenzjoni ta’ proprjetà immobbli li sservi, parzjalment, sabiex jitwettqu tranżazzjonijiet li jagħtu dritt għal tnaqqis u, parzjalment, tranżazzjonijiet li ma jagħtux dritt għal tnaqqis — Emenda tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-modalitajiet ta’ kalkolu tat-tnaqqis pro rata — Artikolu 20 — Aġġustament tat-tnaqqis — Ċertezza legali — Aspettattivi leġittimi”
Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tad-9 ta’ Ġunju 2016
Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa – Oġġetti u servizzi użati fl-istess ħin għal tranżazzjonijiet li jagħtu u li ma jagħtux dritt għal tnaqqis – Kiri ta’ proprjetà immobbli għal finijiet kummerċjali u ta’ abitazzjoni – Tnaqqis pro rata – Kalkolu – Obbligu ta’ assenjazzjoni tal-oġġetti u tas-servizzi tal-input użati għat-tranżazzjonijiet ta’ kostruzzjoni, ta’ akkwist, ta’ użu, ta’ konservazzjoni jew ta’ manutenzjoni tal-proprjetà immobbli qabel il-kalkolu pro rata għall-oġġetti u għas-servizzi għal użu mħallat – Assenza – Kriterju ta’ tqassim minbarra dak ibbażat fuq id-dħul mill-bejgħ – Ammissibbiltà – Kundizzjoni
(Direttiva tal-Kunsill 85/337, kif emendata bid-Direttiva 95/7, Artikolu 17(5))
Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa – Aġġustament tat-tnaqqis inizjali – Oġġetti u servizzi użati fl-istess ħin għal tranżazzjonijiet li jagħtu u li ma jagħtux dritt għal tnaqqis – Elementi meħuda inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-ammont tat-tnaqqis – Adozzjoni ta’ kriterju ta’ tqassim minbarra dak ibbażat fuq id-dħul mill-bejgħ – Inklużjoni
(Direttiva tal-Kunsill 77/388, kif emendata bid-Direttiva 95/7, Artikolu 20)
Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa – Aġġustament tat-tnaqqis inizjali – Modifika tal-elementi meħuda inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-ammont tat-tnaqqis – Assenza ta’ sistema tranżitorja – Ammissibbiltà fir-rigward tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali – Kundizzjonijiet
(Direttiva tal-Kunsill 77/388, kif emendata bid-Direttiva 95/7, Artikolu 20)
L-Artikolu 17(5) tas-Sitt Direttiva 77/388, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, kif emendata bid-Direttiva 95/7, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fl-ipoteżi fejn tintuża proprjetà immobbli, sabiex jitwettqu ċerti tranżazzjonijiet tal-output li jagħtu dritt għal tnaqqis u oħrajn li ma jagħtux dritt għal tnaqqis, l-Istati Membri ma humiex obbligati li jistipulaw li l-oġġetti u s-servizzi tal-input użati, għall-kostruzzjoni, għall-akkwist, għall-użu, għall-konservazzjoni jew għall-manutenzjoni ta’ din il-proprjetà immobbli jiġu, fl-ewwel lok, assenjati għal dawn it-tranżazzjonijiet differenti meta tali assenjazzjoni diffiċilment titwettaq, sabiex, fit-tieni lok, huwa biss id-dritt għal tnaqqis dovut fir-rigward ta’ dawk fost l-oġġetti u s-servizzi li jintużaw fl-istess ħin għal ċerti tranżazzjonijiet li jagħtu dritt għal tnaqqis u għal oħrajn li ma jagħtux dritt għal tnaqqis li jiġi stabbilit permezz ta’ kriterju ta’ tqassim skont id-dħul mill-bejgħ jew, bil-kundizzjoni li dan il-metodu jiggarantixxi determinazzjoni iktar preċiża tat-tnaqqis pro rata, skont is-superfiċji.
Ċertament, fir-rigward tad-differenza fil-portata tad-dritt għal tnaqqis skont l-użu li l-oġġetti u s-servizzi suġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) huma ddestinati għalih, l-Istati Membri bħala prinċipju għandhom l-obbligu li jipprevedu li l-persuni taxxabbli, sabiex jiġi stabbilit l-ammont tad-dritt għal tnaqqis tagħhom, għandhom, fl-ewwel lok, jassenjaw l-oġġetti u s-servizzi tal-input akkwistati mat-tranżazzjonijiet tal-output differenti mwettqa li għat-twettiq tagħhom kienu ddestinati u, fit-tieni lok, japplikaw, għal dawn l-oġġetti jew għal dawn is-servizzi, is-sistema ta’ tnaqqis li tikkorrispondi mal-assenjazzjoni tagħhom, peress li, f’dak li jikkonċerna l-oġġetti u s-servizzi li ma humiex relatati ma’ tip wieħed ta’ tranżazzjoni, għandha tiġi applikata s-sistema prevista fl-Artikolu 17(5) ta’ din id-direttiva.
Madankollu, leġiżlazzjoni nazzjonali tista’, l-ewwel nett, tawtorizza lill-persuni taxxabbli sabiex ma jwettqux l-assenjazzjoni ta’ dawn l-oġġetti u ta’ dawn is-servizzi, indipendentement mill-użu li ser isir minnhom, meta dawn l-oġġetti u servizzi jikkonċernaw l-akkwist jew il-kostruzzjoni ta’ proprjetà immobbli għal użu mħallat u li fil-prattika din l-assenjazzjoni diffiċilment tkun tista’ titwettaq.
Sussegwentement, l-Istati Membri jistgħu, meta jagħmlu użu minn uħud mill-għażliet previsti fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 17(5) ta’ din id-direttiva, japplikaw metodu ta’ kalkolu differenti minn dak li jikkonsisti li jiġi applikat kriterju ta’ tqassim skont id-dħul mill-bejgħ, bil-kundizzjoni, b’mod partikolari, li l-metodu adottat jiggarantixxi determinazzjoni tat-tnaqqis pro rata tal-VAT tal-input imħallsa iktar preċiża minn dik li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-ewwel metodu. Madankollu din il-kundizzjoni ma timplikax li l-metodu magħżul għandu neċessarjament ikun l-iktar preċiż possibbli. Huwa unikament meħtieġ li l-metodu magħżul jiggarantixxi riżultat iktar preċiż minn dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-kriterju ta’ tqassim skont id-dħul mill-bejgħ.
Fl-aħħar nett, l-għażla ta’ dan l-Istat li jagħmel riferiment għal metodu ta’ tnaqqis differenti minn dak previst mis-Sitt Direttiva, ma tqajjimx dubju dwar il-fakultà, li għandu dan l-Istat Membru, li jipprevedi li l-persuni taxxabbli ma humiex obbligati li jorbtu ma’ tranżazzjoni tal-output partikolari mwettqa, kull wieħed mill-oġġetti jew mis-servizzi użati għall-akkwist jew għall-kostruzzjoni ta’ proprjetà immobbli għal użu mħallat, sa fejn ir-rekwiżit ta’ preċiżjoni jirrigwarda l-modalitajiet ta’ kalkolu tal-pro rata tal-ammont tal-VAT li jagħti dritt għal tnaqqis u mhux dwar l-assenjazzjoni tal-oġġetti u tas-servizzi użati.
(ara l-punti 26, 28, 32, 33, 35, 36 u d-dispożittiv 1)
L-Artikolu 20 tas-Sitt Direttiva 77/388, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, kif emendata bid-Direttiva 95/7, għandu jiġi interpretat fis-sens li jeħtieġ li jsir l-aġġustament tat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud imwettaq skont oġġetti jew servizzi li jaqgħu taħt l-Artikolu 17(5) ta’ din id-direttiva, wara l-adozzjoni, li seħħet matul il-perijodu ta’ aġġustament ikkunsidrat, ta’ kriterju ta’ tqassim ta’ din it-taxxa użat għall-kalkolu ta’ dan it-tnaqqis li jidderoga mill-metodu ta’ determinazzjoni tad-dritt għal tnaqqis previst mill-istess direttiva.
Fil-fatt, l-Artikolu 20(1)(b) ta’ din id-direttiva jipprevedi li t-tnaqqis inizjalment imwettaq għandu jiġi aġġustat meta modifiki tal-elementi meħuda inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-ammont ta’ dan it-tnaqqis iseħħu wara d-dikjarazzjoni li kienet tat lok għat-tnaqqis.
Issa, il-kriterju ta’ tqassim u, għaldaqstant, il-metodu ta’ kalkolu tal-ammont tat-tnaqqis applikat jikkostitwixxu elementi meħuda inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-ammont tat-tnaqqis, fis-sens tal-Artikolu 20(1)(b) tas-Sitt Direttiva.
(ara l-punti 38, 42, 47 u d-dispożittiv 2)
Il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli li ma tistabbilixxix espressament aġġustament, fis-sens tal-Artikolu 20 tas-Sitt Direttiva 77/388, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, kif emendata bid-Direttiva 95/7, tat-taxxa tal-input imħallsa, wara l-modifika tal-kriterju ta’ tqassim tat-taxxa fuq il-valur miżjud użat għall-kalkolu ta’ ċertu tnaqqis, u lanqas ma tipprevedi sistema tranżitorja minkejja li t-tqassim tat-taxxa tal-input imħallsa mwettaq mill-persuna taxxabbli skont il-kriterju ta’ tqassim applikabbli qabel din il-modifika kien ġie rrikonoxxut ġeneralment bħala raġonevoli mill-qorti suprema.
Fil-fatt, f’dak li jikkonċerna l-assenza ta’ riferiment speċifiku, f’leġiżlazzjoni nazzjonali, tal-obbligu li jsir aġġustament f’każ ta’ modifika tal-metodu ta’ kalkolu tad-dritt għal tnaqqis, għandu jitfakkar li tali obbligu jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20 tas-Sitt Direttiva. Issa, l-Istati Membri huma obbligati, meta japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-dritt intern tagħhom li jittrasponi direttiva, li jinterpretawhom, sa fejn huwa possibbli, konformement ma’ din id-direttiva.
Isegwi li l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li, sabiex aġġustament tad-dritt għal tnaqqis ikun jista’ jiġi impost f’każ ta’ modifika tal-metodu ta’ kalkolu ta’ dan id-dritt, in-natura obbligatorja ta’ dan l-aġġustament għandha tkun ġiet espressament imfakkra mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha tkun saret din il-modifika.
Fid-dawl ta’ dan, f’sitwazzjonijiet partikolari fejn il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jeżiġu dan, l-introduzzjoni ta’ tali sistema adattata għaċ-ċirkustanzi tista’ tapplika. Għalhekk, leġiżlatur nazzjonali jista’ jikser il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi meta jadotta, b’mod mhux mistenni u imprevedibbli, liġi ġdida li trażżan dritt li sa dak iż-żmien kienu jibbenefikaw minnu l-persuni taxxabbli, mingħajr ma jħalli lil dawn tal-aħħar iż-żmien neċessarju sabiex jadattaw ruħhom, u dan minkejja li l-għan li kellu jintlaħaq ma kienx jeżiġi dan. Dan jirriżulta b’mod partikolari meta l-persuni taxxabbli għandhom ikollhom żmien ta’ adattament meta t-trażżin tad-dritt li sa dak iż-żmien kienu jibbenefikaw minnu jobbligahom sabiex iwettqu aġġustamenti ekonomiċi konsegwenti.
Madankollu, anki jekk jiġi preżuppost li emenda tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tiddefinixxi l-metodu ta’ kalkolu tad-dritt għal tnaqqis tista’ titqies bħala mhux mistennija u imprevedibbli, hemm lok li jiġi rrilevat, minn naħa, li modifika tal-metodu ta’ kalkolu għandha bħala effett mhux li trażżan id-dritt għal tnaqqis li għandhom il-persuni taxxabbli, iżda li tadatta l-ambitu tiegħu.
Min-naħa l-oħra, tali modifika bħala prinċipju ma timplikax waħedha, li l-persuni taxxabbli jwettqu aġġustamenti ekonomiċi konsegwenti u, għaldaqstant, żmien ta’ adattament ma jidhirx bħala strettament neċessarju.
(ara l-punti 52-54, 57-62, 65 u d-dispożittiv 3)