SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
17 ta’ Diċembru 2015 ( * )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika Agrikola Komuni — Miżuri ta’ sostenn għall-iżvilupp rurali — Pagamenti agroambjentali — Regolament (KE) Nru 1122/2009 — Artikoli 23 u 58 — Regolament (KE) Nru 1698/2005 — Regolament (KE) Nru 1975/2006 — Għajnuna għall-koltivazzjoni ta’ speċi ta’ pjanta rari — Applikazzjoni għal pagament — Kontenut — Rekwiżit ta’ ċertifikat — Sanzjonijiet f’nuqqas ta’ tressiq”
Fil-Kawża C‑330/14,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Gyulai Közigazgatási és munkaügyi bíróság (qorti amministrattiva u tax-xogħol ta’ Gyula de Gyula, L-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Mejju 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Lulju 2014, fil-proċedura
Gergely Szemerey
vs
Miniszterelnökséget vezető miniszter, aventi kawża ta’ Mezőgazdasági és Vidékfejlesztési Hivatal Központi Szerve,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn M. Bay Larsen, President tat-Tielet Awla, li qed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, J. Malenovský, M. Safjan, A. Prechal u K. Jürimäe (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Wahl,
Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ Ġunju 2015,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
— |
għal G. Szemerey, minn I. Boross u M. Honoré, ügyvédek, |
|
— |
għall-Miniszterelnökséget vezető miniszter, minn A. Ivanovits u P. Káldy, ügyvédek, |
|
— |
għall-Gvern Ungeriż, minn M. Fehér u G. Koós, bħala aġenti, |
|
— |
għall-Gvern Elleniku, minn I. Chalkias kif ukoll minn O. Tsirkinidou u A. Vasilopoulou, bħala aġenti, |
|
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. von Rintelen u A. Sipos, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Settembru 2015,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1122/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-kundizzjonalità, il-modulazzjoni u s-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, skont l-iskemi ta’ appoġġ għall-bdiewa previsti għal dak ir-Regolament, kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-kundizzjonalità skont l-iskema ta’ appoġġ prevista għas-settur tal-inbid (ĠU L 316, p. 65), moqri flimkien mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005, tal-20 ta’ Settembru 2005, dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 286M, p. 26), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 473/2009, tal-25 ta’ Mejju 2009 (ĠU L 144, p. 3, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1698/2005”), u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1975/2006, tas-7 ta’ Diċembru 2006, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, dwar l-implimentazzjoni tal-proċeduri ta’ kontroll kif ukoll il-konformità reċiproka rigward il-miżuri ta’ sostenn għall-iżvilupp rurali (ĠU L 330M, p. 455), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 484/2009, tad-9 ta’ Ġunju 2009 (ĠU L 145, p. 25, iktar ’il quddiem ir-“Regolament 1975/2006”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn G. Szemerey u l-Miniszterelnökséget vezető miniszter, aventi kawża tal-Mezőgazdasági és Vidékfejlesztési Hivatal Központi Szerve (Kanċellerija tal-Prim Ministru, aventi kawża tal Uffiċċju Ċentrali għall-Iżvilupp Agrikolu u Rurali, iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju”), dwar deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li tiċħad applikazzjoni għall-għajnuna mressqa għall-għajnuna relatata ma’ “żoni” minn G. Szemerey u li timponi fuqu sanzjoni finanzjarja għan-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ tressiq ta’ din l-applikazzjoni. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Ir-Regolament Nru 1698/2005
|
3 |
Ir-Regolament Nru 1698/2005 jistabbilixxi r-regoli ġenerali li jirregolaw l-appoġġ Komunitarju għall-iżvilupp rurali, iffinanzjat mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR). |
|
4 |
L-appoġġ għall-iżvilupp rurali previst minn dan ir-regolament u implementat permezz ta’ erba’ assi stabbiliti f’erba’ taqsimiet distinti taħt it-titolu IV tal-imsemmi regolament. It-Taqsima 2 hija għalhekk intitolata “Assi 2 ‑ Titjib ta’ l-ambjent u l-kampanja” L-Artikolu 36(a)(iv), tal-istess regolament, li tinsab taħt din it-Taqsima 2, jispeċifika li l-appoġġ taħt din it-taqsima għandu jikkonċerna miżuri mmirati lejn l-użu sostenibbli tal-art agrikola permezz ta’ pagamenti agro-ambjentali. |
|
5 |
L-Artikolu 74(3) tar-Regolament Nru 1698/2005 jipprevedi: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw, għal kull programm għall-iżvilupp rurali, li s-sistema rilevanti ta’ ġestjoni u kontroll tkun ġiet stabbilita filwaqt li jiġu żgurati allokazzjoni u separazzjoni ċari tal-funzjonijiet bejn l-Awtorità ta’ Ġestjoni u korpi oħra. […]” |
Ir-Regolament Nru 1975/2006
|
6 |
Ir-Regolament Nru 1975/2006 jipprevedi dispożizzjonijiet speċifiċi fil-qasam tal-kontroll u tal-kundizzjonalità f’dak li jirrigwarda l-miżuri ta’ appoġġ stabbiliti bir-Regolament Nru 1698/2005. |
|
7 |
L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1975/2006, intitolat “L-applikazzjonijiet għas-sostenn u t-talbiet għall-ħlas”, jipprevedi: “1. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi f’dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jipprovdu għal proċeduri xierqa għas-sottomissjoni ta’ applikazzjonijiet għas-sostenn. [...] 3. L-applikazzjonijiet għas-sostemm u għat-talbiet tal-ħlas jistgħu jiġu aġġustati fi kwalunkwe żmien wara s-sottomissjoni tagħhom f’każijiet ta’ żbalji ovvji li jiġu identifikati mill-awtorità kompetenti.” |
|
8 |
L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Il-prinċipji ġenerali tal-kontroll”, jipprevedi: “1. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi f’dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kriterji ta’ l-eliġibbiltà kollha stabbiliti mill-Komunità jew bil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew permezz ta’ programmi għall-iżvilupp rurali għandhom ikunu kontrollati skond sett ta’ indikaturi verifikabbli li jiġu stabbiliti mill-Istati Membri. [...] 3. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi, m’għandu jsir l-ebda ħlas lil benefiċjarji li dwarhom ikun ġie stabbilit li dawn ħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa b’mod artifiċjali sabiex jakkwistaw dawn il-ħlasijiet bil-ħsieb li jkollhom vantaġġ fuq l-għanijiet ta’ l-iskema ta’ sostenn.” |
|
9 |
Taħt it-titolu “Ir-regoli ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll”, il-Parti II tal-imsemmi regolament fih Titolu I “Is-sostenn ta’ l-iżvilupp rurali għal ċerti miżuri taħt l-Assi 2 u l-Assi 4”. Il-Kapitolu II, ta’ dan ir-regolament, li jinsab taħt dan it-titolu u huwa intitolat “Il-Kontrolli, it-tnaqqis u l-esklużjonijiet’, jinkludi l-Artikolu 10 tal-istess regolament. Din id-dispożizzjoni, li hija intitolata “Prinċipji ġenerali”, hija redatta kif ġej: “1. L-applikazzjonijiet għas-sostenn u t-talbiet għall-ħlas sussegwenti għandhom jiġu verifikati b’mod li tiġi żgurata l-verifika effettiva tal-konformità mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ sostenn. 2. L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu metodi u mezzi adattati sabiex jivverifikaw l-kundizzjonijiet għall-għoti tas-sostenn għal kull miżura ta’ sostenn. [...] 4. Il-verifika tal-kriterji ta’ l-eliġibbiltà għandha tikkonsisti f’verifiki amministrattivi u fuq il-post. 5. Il-ħarsien tal-konformità għandu jiġi verifikat permezz ta’ verifiki fuq il-post u, fejn ikun xieraq, permezz ta’ verifiki amministrattivi. [...]” |
|
10 |
It-Taqsima I tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1975/2006 msemmi fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza għandha bħala titolu “Il-Ħarsien tal-kriterji ta’ l-eliġibbiltà”. Din it-taqsima fiha b’mod partikolari Sotto-Taqsima I, intitolata “Il-kontrolli”, li tinkludi l-Artikolu 11 tar-Regolament 1975/2006, intitolat “Verifiki amministrattivi”, li fil-paragrafu 1 tiegħu jipprevedi: “Għandhom isiru verifiki amministrattivi dwar l-applikazzjonijiet kollha għas-sostemm u għat-talbiet tal-ħlas, u dawn għandhom ikopru l-elementi kollha possibli u xierqa li jiġu kontrollati b’mezzi amministrattivi. Il-proċeduri għandhom jiżguraw ir-reġistrazzjoni tax-xogħol ta’ kontroll imwettaq, tar-riżultati tal-verifika, kif ukoll tal-miżuri meħuda fir-rigward ta’ diskrepanzi.” |
|
11 |
Is-Sotto-Taqsima II tal-imsemmija Taqsima I fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza hija intitolata “It-Tnaqqis u l-Esklużjonijiet”. Hija tinkludi l-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament li, taħt it-titolu “Tnaqqis u esklużjonijiet f’każ li ma jitħarsux il-kriterji ta’ l-eliġibbiltà”, jipprevedi: “1. F’każ li kwalunkwe impenn relatat ma’ l-għoti ta’ għajnuna, għajr dawk relatati mad-daqs tas-superfiċje jew man-numru ta’ annimali ddikjarati, ma jiġix rispettat, l-għajnuna mitluba għandha tiġi mnaqqsa jew rifjutata. 2. L-Istat Membru għandu jiddetermina l-ammont tat-tnaqqis ta’ l-għajnuna, b’mod partikolari, fuq il-bażi tas-severità, tal-grad u tal-permanenza tan-nuqqas ta’ ħarsien li jkun instab. Is-severità tan-nuqqas ta’ ħarsien tiddependi, b’mod partikolari, fuq l-importanza tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ ħarsien, waqt li jitqiesu l-għanijiet segwiti bil-kriterji li ma ġewx rispettati. Il-grad tan-nuqqas ta’ ħarsien jiddependi, b’mod partikolari, fuq l-effett tan-nuqqas ta’ ħarsien fuq l-operazzjoni bħala ħaġa waħda. Jekk nuqqas ta’ konformità ikunx ta’ permanenza jew le jiddependi, b’mod partikolari, fuq it-tul ta’ żmien li għalih idum l-effett jew il-potenzjal sabiex jiġu terminati dawk l-effetti b’mezzi raġonevoli. 3. Fejn ir-riżultati juru li hemm nuqqas ta’ rispett fl-irregolaritajiet kommessi b’mod intenzjonat, il-benefiċjarju għandu jiġi eskluż mill-miżura kkonċernata kemm għas-sena kalendarja kkonċernata kif ukoll għas-sena kalendarja ta’ wara.” |
Ir-Regolament Nru 1122/2009
|
12 |
Ir-Regolament Nru 1122/2009 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ konformità, modulazzjoni u amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll kif hemm provvediment dwarhom fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixi regoli komuni għal skemi ta’ sostenn dirett taħt il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ sostenn għall-bdiewa ħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 796/2004, tal-21 ta’ April 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Volum 44, p. 243). Skont l-Artikolu 87 tiegħu, ir-Regolament Nru 1122/2009 japplika għall-applikazzjonijiet għall-għajnuna li jirrigwardaw s-snin ta’ suq jew il-perjodi ta’ primjums li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2010. |
|
13 |
Il-premessi 19, 28 u 29 tar-Regolament Nru 1122/2009 jipprevedu:
[...]
|
|
14 |
L-Artikolu 23 ta’ dan ir-regolament, bit-titolu “Preżentazzjoni tard”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu: “Ħlief f’każijiet ta’ forza maġġuri ċirkostanzi eċċezzjonali kif imsemmija fl-Artikolu 75, il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għall-għajuna skont dan ir-Regolament wara l-limitu ta’ żmien rilevanti għandu jwassal għal tnaqqis ta’ 1 % għal kull jum ta’ xogħol fl-ammonti li għalihom il-bidwi kien ikun intitolat kieku l-applikazzjoni kienet ippreżentata fil-limitu taż-żmien. Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe miżura partikolari li għandha tittieħed mill-Istati Membri fir-rigward tal-ħtieġa tal-preżentazzjoni ta’ kwalunkwe dokument ta’ appoġġ fi żmien xieraq li jippermetti li jiġu skedati u mwettqa kontrolli effettivi, l-ewwel subparagrafu għandu japplika wkoll fir-rigward ta’ dokumenti, kuntratti jew dikjarazzjonijiet li għandhom jiġu mressqa quddiem l-awtorità kompetenti skont l-Artikoli 12 u 13 meta dokumenti, kuntratti jew dikjarazzjonijiet bħal dawk, ikunu kostituttivi għall-eliġibbiltà għall-għajnuna kkonċernata. F’dak il-każ, it-tnaqqis għandu jiġi applikat fuq l-ammont pagabbli għall-għajnuna konċernata. Jekk id-dewmien jammonta għal aktar minn 25 jum kalendarju l-applikazzjoni għandha titqies bħala mhux ammissibbli.” |
|
15 |
Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament 1975/2006, moqri flimkien mat-tabella tal-korrelazzjoni li tidher fl-Anness II tar-Regolament Nru 1122/2009, l-Artikolu 23 ta’ dan ir-regolament tal-aħħar japplika mutatis mutandis għas-sitwazzjonijiet irregolati mir-Regolament 1975/2006. |
|
16 |
L-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 1122/2009, intitolat “Tnaqqisiet u esklużjonijiet f’każijiet ta’ dikjarazzjoni żejda” jipprevedi: “Jekk, fir-rigward grupp ta’ uċuħ tar-raba’, l-erja dikjarata għall-finijiet ta’ kwalunkwe skema ta’ għajnuna relatata ma[ż-żoni], ħlief għal dawk għall-patata tal-lamtu u ż-żerriegħa previsti fit-Taqsimiet 2 u 5 tal-Kapitolu 1 tat-Titolu IV tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 [Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad-19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU L 30, p. 16)], tkun taqbeż l-erja determinata skont l-Artikolu 57 ta’ dan ir-Regolament, l-għajnuna għandha tiġi kkalkulata abbażi tal-erja determinata mnaqqsa bid-doppju tad-differenza misjuba jekk dik id-differenza tkun ta’ iktar minn 3 % jew minn żewġ ettari, iżda ma tkunx taqbeż l-20 % tal-erja stabbilita. Jekk id-differenza tkun ta’ iktar minn 20 % tal-erja stabbilita, ma għandha tingħata l-ebda għajnuna marbuta ma[ż-żoni] għall-grupp ta’ uċuħ tar-raba’ konċernat. Jekk id-differenza hija ta’ iktar minn 50 %, il-bidwi għandu jkun eskluż għal darb’oħra milli jirċievi għajnuna tal-ammont daqs l-ammont li jikkorrispondi għad-differenza bejn l-erja ddikjarata u ż-żona stabbilita skont l-Artikolu 57 ta’ dan ir-Regolament. Dak l-ammont għandu jkun ibbilanċjat skont l-Artikolu 5(b) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 885/2006 [tal-21 ta’ Ġunju 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 dwar l-akkreditazzjoni ta’ l-aġenziji tal-ħlas u ta’ korpijiet oħrajn u l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEG u tal-FAEŻR (ĠU L 322M, p. 162)]. Jekk l-ammont ma jkunx jista’ jiġi bbilanċjat kompletament skont dak l-Artikolu matul it-tliet snin kalendarji ta’ wara s-sena kalendarja tas-sejba, il-bilanċ li jkun għad fadal għandu jitħassar.” |
|
17 |
Skont l-Artikolu 75(1) ta’ dan ir-regolament, intitolat “Forza maġġuri u ċirkustanzi eċċezzjonali”: “Jekk bidwi ma jkunx jista’ jikkonforma mal-obbligi tiegħu b’riżultat ta’ forza maġġuri jew ċirkostanzi eċċezzjonali kif imsemmija fl-Artikolu 31 tar-[Regolament Nru 73/2009], huwa għandu jżomm id-dritt tiegħu għall-għajnuna fir-rigward tal-erja jew tal-għadd ta’ annimali eliġibbli fiż-żmien meta jkun seħħ il-każ ta’ forza maġġuri jew iċ-ċirkostanza eċċezzjonali. Barra minn hekk, meta n-nuqqas ta’ konformità li jirriżulta minn din il-forza maġġuri jew dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li jikkonċernaw il-kundizzjonalità, it-tnaqqis li jikkorrispondi ma għandux jiġi applikat.” |
Id-dritt Ungeriż
|
18 |
L-Artikolu 29(3) tar-Regolament tal-Ministeru tal-Agrikultura u tal-Iżvilupp Nru 61/2009 (V.14.), li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet iddettaljati dwar l-applikazzjoni għall-għajnuna agrikola u għall-ġestjoni tal-ambjent imressqa fil-kuntest tal-FAEŻR [az Európai Mezőgazdasági Vidékfejlesztési Alapból nyújtott agrárkörnyezetgazdálkodási támogatások igénybevételének részletes feltételeiről szóló 61/2009. (V.14.) FVM rendelet], kif emendat bir-Regolament Nru 31/2010 (iktar ’il quddiem, ir-“Regolament Nru 61/2009”), jipprevedi: “F’dak li jirrigwarda l-programmi mmirati ddefiniti fl-Artikolu 3(1)(a), (aa) sa (ac), f’każ ta’ produzzjoni ta’ speċi rari ta’ pjanti li huma f’periklu u li huma kkunsidrati ta’ importanza kunsiderevoli mill-perspettiva ġenetika u minn dik tal-konservazzjoni tal-kulturi skont is-sens tal-Anness 12 jew f’każ ta’ produzzjoni ta’ ħxejjex b’applikazzjoni tal-Anness 13, il-persuna eliġibbli għall-għajnuna għandha d-dritt għal ammont ta’ għajnuna speċjali msemmi fil-Kapitolu II, matul is-sena inkwistjoni u għall-ħbula agrikoli kkonċernati, sa fejn l-uffiċċju tas-servizzi agrikoli jiċċertifika li l-ispeċi veġetali inkwistjoni hija pjanta fis-sens tal-Anness 12 jew 13” |
|
19 |
L-Artikolu 43(6) ta’ dan ir-regolament jipprevedi: “Fil-każ ta’ produzzjoni ta’ speċi veġetali rari, għandu jinhemeż mal-applikazzjoni għall-ħlas iċ-ċertifikat stabbilit abbażi tal-Artikolu 29(3) dwar l-ispeċi ta’ ħxejjex rari.” |
|
20 |
Skont l-Artikolu 55(4) tal-imsemmi regolament: “Jekk jiġi stabbilit li verifika fuq il-post tiżvela li l-persuna eliġibbli għall-għajnuna ma tkunx fil-pussess ta’ ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 29(3), l-ammont kollu ta’ għajnuna jiġi rrifjutat għal sena waħda ta’ kummerċjalizzazzjoni fir-rigward tal-ħbula tar-raba’ inkwistjoni.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
21 |
Matul ix-xahar ta’ Mejju 2010, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ressaq applikazzjoni unika għal pagament ta’ għajnuna relatata maż-“żoni”. Din l-applikazzjoni tirrigwarda l-pagament ta’ għajnuna relatata ma’ żona ta’ 52.9 ettaru fil-kuntest tal-programm ta’ biedja organika u art koltivabbli, li 29.69 ettaru minnhom għandhom jiġu ddedikati l-koltivazzjoni ta’ speċi rari ta’ pjanti li qiegħda fil-periklu, li hija ta’ interess mill-perspettiva ġenetika, kif ukoll għall-konservazzjoni tal-kulturi. |
|
22 |
Fl-2010 seħħew għargħar u avvenimenti naturali oħra li ostakolaw iż-żriegħ ta’ din l-espeċi. Għal din ir-raġuni, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali invoka każ ta’ forza maġġuri fix-xahar ta’ Ġunju 2010. Wara rakkomandazzjonijiet ifformulati mill-awtoritajiet Ungeriżi, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali biddel il-kodiċi tal-użu għal art ikkonċernata bl-applikazzjoni għall-għajnuna u ddikjaraha bħala “art li mhux se tinħadem”. |
|
23 |
F’Marzu 2011, l-aġenzija tal-pagamenti ċaħdet l-applikazzjoni għall-pagament tal-għajnuna mressqa mir-rikorrent fil-kawża prinċipali u imponiet fuq dan tal-aħħar sanzjoni finanzjarja fl-ammont ta’ HUF 2483953 (madwar EUR 7900), mifruxa fuq tliet snin, li jiġu paċuti bl-għajnuna relatat maż-“żoni” li normalment ikollu dritt jitlob matul dawn is-snin. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, l-imsemmija aġenzija kkonfermat ukoll l-eżistenza ta’ forza maġġuri invokata minn G. Szemerey. |
|
24 |
Dan tal-aħħar ressaq ilment kontra din id-deċiżjoni quddiem l-Uffiċċju, li min-naħa tiegħu, permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Jannar 2012, ċaħad dan l-ilment peress li, fit-tressiq tal-applikazzjoni tiegħu għall-għajnuna reltata maż-“żoni”, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ma ressqitx iċ-ċertifikat dwar l-ispeċi ta’ pjanta rari, stabbilit mill-Uffiċċju tas-Servizzi Agrikoli Ungeriż, mitlub sabiex jkun eliġibbli għall-għajnuna mitluba (iktar ’il quddiem iċ-“ċertifikat inkwistjoni”). |
|
25 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-regoli dwar iċ-ċertifikati stabbiliti għall-ispeċi ta’ pjanti rari previsti mir-Regolament Nru 61/2009, kienu, fil-fatt, ġew emendati mil-leġiżlatur Ungeriż mit-30 ta’ Marzu 2010. Wara d-dħul fis-seħħ ta’ din l-emenda, l-applikant għal għajnuna, kien obbligat li jressaq dan iċ-ċertifikat kontemporanjament mal-applikazzjoni unika tiegħu ta’ għajnuna relatata maż-“żoni”, jew, f’dan il-każ, qabel il-15 ta’ Mejju 2010, filwaqt li, qabel din l-emenda leġiżlattiva, l-imsemmi ċertifikat kellu jiġi mressaq biss matul verifika fuq il-post. |
|
26 |
Peress li G. Szemerey ma ressaqx iċ-ċertifikat inkwistjoni kontemporanjament mal-applikazzjoni għall-għajnuna relatata maż-“żoni”, l-Uffiċċju kkunsidra li l-oqsma ta’ ħbula li jirrigwardaw l-ispeċi rari inkwistjoni ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-għajnuna. Fil-fatt, l-Uffiċċju kkunsidra li l-applikazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali kienet turi differenza ta’ iktar minn 50 % bejn iż-żona ddikjarata u ż-żona ddeterminata. Għaldaqstant, l-Uffiċċju qies li l-applikazzjoni għall-għajnuna ta’ G. Szemerey kienet is-suġġett ta’ “dikjarazzjoni żejda”, skont ir-Regolament Nru 1122/2009, u ddeċieda li japplika s-sanzjonijiet previsti fl-Artikolu 58 tiegħu. Barra dan, fid-deċiżjoni tiegħu, l-Uffiċċju kkunsidra li peress li din l-ispeċi rari ssoltu tinżergħa fir-rebbiegħa, G. Szemerey kien f’pożizzjoni li jkun jaf fil-mument tat-tressiq tal-applikazzjoni għall-għajnuna tiegħu li ma kienx se jikseb iċ-ċertifikat inkwistjoni sal-15 ta’ Mejju 2010, u seta’, minn dik id-data, ibiddel l-applikazzjoni tiegħu għal speċi ta’ pjanti oħra mhux rari. |
|
27 |
Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni tal-Uffiċċju quddiem il-Gyulai közigazgatási és munkaügyi bíróság (qorti amministrattiva u tax-xogħol ta’ Gyula) intiż li jikkontesta l-legalità tagħha. |
|
28 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Gyulai közigazgatási és munkaügyi bíróság (tribunal amministrattiv u tax-xogħol ta’ Gyula) iddeċieda li jissospendi l-proċedura u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ammissibbiltà
|
29 |
Il-Gvern Ungeriż eċċepixxa l-inammissibbiltà tad-domandi preliminari peress li ma jirrigwardawx dispożizzjonijiet normattivi inklużi fil-leġiżlazzjoni rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, iżda biss fuq il-premessi tar-Regolamenti Nru 796/2004 u Nru 1122/2009. |
|
30 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha. F’dan id-dawl, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, jekk ikun il-każ, tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha. Fil-fatt, il-funzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija dik li tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li l-qrati nazzjonali jeħtieġu sabiex jiddeċiedu l-kawżi li jkollhom quddiemhom, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux espressament imsemmija fid-domandi li jsirulha minn dawn il-qrati (is-sentenza Fuß, C 243/09, EU:C:2010:609, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
31 |
Konsegwentement, anki jekk formalment, il-qorti tar-rinviju llimitat id-domandi tagħha biss għall-interpretazzjoni tal-premessi tar-Regolamenti Nru 796/2004 u Nru 1122/2009, tali ċirkustanza ma tipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, kemm jekk din il-qorti tkun għamlet riferiment għalihom fid-domandi tagħha kif ukoll jekk ma tkunx għamlet dan. Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeduċi mill-elementi kollha prodotti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tal-imsemmi dritt li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża (ara, b’analoġija, is-sentenza Fuß, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
32 |
F’dan ir-rigward, ma huwiex ikkontestat li l-applikazzjoni għall-għajnuna, li hija s-suġġett fil-kawża prinċipali, ġiet imressqa mir-rikorrent fil-kawża prinċipali għall-pagamenti agroambjentali msemmija fl-Artikolu 36(a)(iv) tar-Regolament Nru 1698/2005, li fir-rigward tagħhom ir-Regolament 1975/2006 jiddefinixxi l-modalitajiet ta’ implementazzjoni, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-proċeduri ta’ proċeduri ta’ kontroll. Barra dan, mill-Artikolu 7 tar-Regolament 1975/2006 jirriżulta li ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 796/2004, issotitwiet bir-Regolament Nru 1122/2009, u b’mod partikolari l-Artikolu 23 ta’ dan ir-regolament tal-aħħar, japplikaw mutatis mutandis għall-applikazzjonijiet għall-għajnuna tat-tip inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Barra dan, huwa stabbilit li t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 1122/2009 ġie applikat fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali. |
|
33 |
Għalhekk, għandu jinftiehem li, permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment, trid tiddetermina jekk id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet ta’ dan id-dritt dwar il- pagamenti agroambjentali, imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik fil-kawża prinċipali, min naħa, li timponi, bħala waħda mill-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ applikazzjoni għall-għajnuna agroambjentali, li l-applikant jipprovdi lill-aġenzija tal-pagamenti mhux iktar tard mill-applikazzjoni għajnuna tiegħu, dokument bħalma huwa ċ-ċertifikat inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, li tipprevedi li, f’każ ta’ nuqqas ta’ tressiq ta’ dan id-dokument fit-termini imposti, dan l-applikant jiġi ssanzjonat biċ-ċaħda fl-intier tagħha tal-applikazzjoni tiegħu kif ukoll ta’ tnaqqis tal-għajnuna li għandha titħallas fit-tliet snin sussegwenti. |
|
34 |
Konsegwentement, id-domandi preliminari mressqa huma ammissibbli. |
Fuq l-ewwel u t-tieni domanda
|
35 |
Permezz tal-ewwel u t-tieni domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1122/2009, moqri flimkien mar-Regolamenti Nru 1698/2005 u Nru 1975/2006, jipprekludi li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik fil-kawża prinċipali, timponi fuq applikant għall-għajnuna agroambjentali li jipprovdi lill-aġenzija tal-pagamenti kontemporanjament mal-applikazzjoni għall-għajnuna, ċertifikat dwar l-ispeċi ta’ pjanta rari li jagħtih id-dritt għall-pagament ta’ din l-għajnuna. |
|
36 |
Mill-bidu nett, għandu jiġi rrilevat li l-ebda wieħed mill-argumenti msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza ma jipprevedi espliċitament dispożizzjoni li tipprekludi tali leġiżlazzjoni nazzjonali. |
|
37 |
F’dak li jirrigwarda il-programmi għall-iżvilupp rurali, l-Artikolu 74 tar- Regolament Nru 1698/2005 jipprevedi li l-Istati Membri huma obbligati li jistabbilixxu, għal kull wieħed minn dawn il-programmi, sistema li tippermetti li jiġi żgurat kontroll effikaċi tal-imsemmija programmi. |
|
38 |
B’mod partikolari, l-Artikolu 5(1) tar-Regolament 1975/2006 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kriterji tal-eliġibbiltà kollha stabbiliti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja jew nazzjonali jew permezz ta’ programmi għall-iżvilupp rurali għandhom ikunu vverifikati skont sett ta’ indikaturi verifikabbli li jiġu stabbiliti minnhom. Fid-dawl tal-paragrafu (3) ta’ dan l-artikolu, dawn l-indikaturi għandhom, b’mod partikolari, jippermettu li jiġi vverifikat li l-ebda persuna ma tkun tista’ tibbenefika b’mod abbużiv minn pagamenti u b’hekk tikseb benefiċċju li ma jkunx konformi mal-għanijiet tal-iskema ta’ appoġġ. |
|
39 |
F’dan ir-rigward, tal-prinċipji ġenerali li jirregolaw il-verifiki dwar l-applikazzjonijiet għall-għajnuna u għall-pagamenti, imsemmija fl-Artikolu 10 tar-Regolament 1975/2006, jagħtu lill-Istati Membri l-libertà li jiddefinixxu metodi u mezzi adattati sabiex jivverifikaw il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-appoġġ għal kull miżura ta’ għajnuna. Il-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu jispeċifika li l-verifika tal-kriterji tal-eliġibbiltà għandha tikkonsisti f’verifiki amministrattivi u fuq il-post. Fil-qasam ta’ verifiki amministrattivi, l-Artikolu 11 tar-Regolament 1975/2006 jipprevedi li dawn għandhom isiru fir-rigward tal-applikazzjonijiet kollha għat-talbiet ta’ għajnuna jew ta’ pagament, u dawn għandhom ikopru l-elementi kollha possibbli u xierqa sabiex jitwettqu l-verifiki b’mezzi amministrattivi. |
|
40 |
F’dan il-każ, l-Uffiċċju u l-Gvern Ungeriż jargumentaw, li huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju, li għandha tivverifika li ċ-ċertifikat inkwistjoni huwa rekwiżit ta’ ammissibbiltà tal-applikazzjoni għall-għajnuna stabbilit mid-dritt nazzjonali, li jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti li jaffettwaw verifika ex ante tal-eliġibbiltà tal-applikant għal skema ta’ għajnuna partikolari bil-għan li tiġi msaħħa l-effikaċja tal-verifika. F’dan ir-rigward, ir-rekwiżit li tali ċertifikat jiġi mressaq mal-applikazzjoni għall-għajnuna jippermetti li jiġi żgurat li l-pagamenti ma jsirux qabel it-tmiem tal-verifiki u li jiġi żgurat, bl-istess mod, konformement mal-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea espressa fil-premessa 4 tar-Regolament Nru 1975/2006, effett preventiv ta’ dawn il-verifiki. |
|
41 |
Minn dan isegwi li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik fil-kawża prinċipali, li timponi, bħala wieħed mir-rekwiżiti ta’ ammissibbiltà ta’ applikazzjoni għall-għajnuna agroambjentali, li l-applikant għal din l-għajnuna jipprovdi lill-aġenzija tal-pagamenti mhux iktar tard ma’ din l-applikazzjoni, ċertifikat, bħal dak inkwistjoni, jaqa’ fis-setgħa diskrezzjonali li għandhom l-Istati Membri skont l-Artikoli 5, 10 u 11 tar-Regolament Nru 1975/2006 u jgħin sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq minn dawn id-dispożizzjonijiet li huwa li tiġi ggarantita l-effikaċja tal-verifiki. |
|
42 |
Madankollu, il-miżuri meħuda mill-Istati Membri fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom ma tistax tippreġudika l-effettività tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nru 1698/2005, Nru 1975/2006 u Nru 1122/2009, kif ukoll għall-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari għall-prinċipji ta’ proporzjonalità (ara, b’analoġija, is-sentenza Bonn Fleisch, C‑1/06, EU:C:2007:396, punt 40) u ta’ ċertezza legali (ara, b’analoġija, id-digriet Dél-Zempléni Nektár Leader Nonprofit, C‑24/13, EU:C:2014:40, punti 31 u 32). |
|
43 |
Fl-ewwel lok, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jargumentaw fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom li din il-leġiżlazzjoni hija sproporzjonata, peress li tipprevedi terminu ta’ skadenza li matulu l-ebda rettifika tal-applikazzjoni għall-għajnuna ma tkun tista’ ssir meta ċ-ċertifikat inkwistjoni ma setax jiġi anness f’dak it-terminu. |
|
44 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif jindikaw il-premessi 19 u 28 tar-Regolament Nru 1122/2009, l-ffissar mill-Istati Membri ta’ terminu li fih jitressqu l-applikazzjonijiet għall-għajnuna u d-dokumenti ta’ sostenn mehmuża ma’ dawn l-applikazzjonijiet huwa indispensabbli għat-twettiq tal-għan ta’ ġestjoni u verifika effikaċi mixtieq mid-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna agrikola. |
|
45 |
Fid-dawl ta’ dan, l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1122/2009 jipprevedi espliċitament terminu addizzjonali ta’ 25 jum fuq id-data limitu ffissata mill-Istati Membri għandu jiġi previst fil-kuntest tal-proċeduri ta’ tressiq ta’ dawn l-applikazzjonijiet u ta’ dokumenti ta’ sostenn, għall-finijiet ta’ awtorizzazzjoni, suġġett għall-applikazzjoni tas-sanzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni, it-tressiq tardiv tal-imsemmija applikazzjonijiet u dokumenti. |
|
46 |
Madankollu, l-Uffiċċju kkonferma, matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tagħti, u dan b’mod konformi mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1122/2009, terminu addizzjonali ta’ 25 jum għat-tressiq tardiv taċ-ċertifikat inkwistjoni, li huwa dak li għandha tivverifika l-qorti tar-rinviju. |
|
47 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali allegat mir-rikorrent fil-kawża prinċipali, li jirriżulta mit-tibdil, matul l-2010, tal-modalitajiet ta’ tressiq tad-dokumenti bħalma hu ċ-ċertifikat inkwistjoni, għandu jitfakkar li dan il-prinċipju li jirrikjedi li leġiżlazzjoni li tinvolvi konsegwenzi sfavorevoli fir-rigward ta’ individwi tkun ċara u preċiża u l-applikazzjoni tagħha tkun prevedibbli għall-persuni suġġetti għaliha (id-digriet Dél‑Zempléni Nektár Leader Nonprofit, C‑24/13, EU:C:2014:40, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
48 |
Madankollu, individwu ma jistax jinvoka l-fatt li ma jkun hemm ebda emenda leġiżlattiva, imma jista’ jikkontesta biss l-arranġamenti għall-implementazzjoni ta’ tali emenda. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li persuna ma tistax tibbaża l-aspettattivi tagħha fuq l-assenza totali ta’ emenda leġiżlattiva, iżda tista’ biss tikkontesta l-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ tali emenda. F’dan ir-rigward, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jirrikjedi, b’mod partikolari, li l-leġiżlatur jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjonijiet partikolari tal-operaturi ekonomiċi u jipprovdi, jekk ikun neċessarju, adattamenti għar-regoli legali l-ġodda (id-digriet Dél-Zempléni Nektár Leader Nonprofit, C‑24/13, EU:C:2014:40, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
49 |
F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk il-modalitajiet tad-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ġdida inkwistjoni fil-kawża prinċipali jippermettu lill-operaturi kkonċernati jikkonformaw ruħhom mar-rekwiżiti tagħha u, b’mod partikolari, għar-rikorrent fil-kawża prinċipali li japplika, li jikseb u li jressaq iċ-ċertifikat inkwistjoni fit-terminu impost minn din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, kif emendata. |
|
50 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju jkollha b’mod partikolari tivverifika jekk, kif argumenta l-Uffiċċju, ir-rekwiżit ta’ ċertifikat għall-ispeċi ta’ pjanti rari huwiex ġdid u jekk il-leġiżlazzjoni l-ġdida tipprevedix data limitu vinkolanti sabiex jintalab iċ-ċertifikat lill-awtoritajiet kompetenti u, jekk ikun il-każ, li tieħu inkunsiderazzjoni dawn il-fatturi fl-evalwazzjoni tagħha. |
|
51 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u t-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1122/2009, moqri flimkien mar-Regolamenti Nru 1698/2005 u Nru 1975/2006, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik fil-kawża prinċipali, timponi li applikant għall-għajnuna agroambjentali jipprovdi lill-aġenzija tal-pagamenti kontemporanjament mal-applikazzjoni għall-għajnuna, ċertifikat dwar l-ispeċi ta’ pjanta rari li jagħtih id-dritt għall-pagament ta’ din l-għajnuna, sakemm din il-leġiżlazzjoni kienet tippermetti lill-operaturi kkonċernati li jikkonformaw ruħhom fil-kundizzjonijiet raġonevoli mar-rekwiżiti ta’ din tal-aħħar, li huwa dak li għandha tivverifika l-qorti tar-rinviju. |
Fuq it-tielet u l-ħames domandi
|
52 |
Permezz tat-tielet u l-ħames domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 1122/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sanzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni hija applikabbli għall-applikant tal-għajnuna agroambjentali li ma jehmiżx mal-applikazzjoni għall-għajnuna dokument bħalma hu ċ-ċertifikat inkwistjoni. |
|
53 |
Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li l-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux dwar ir-raġunijiet li minħabba fihom iċ-ċertifikat inkwistjoni ma ġiex ippreżentat mir-rikorrent fil-kawża prinċipali fit-terminu mogħti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jikkunsidra li din is-sitwazzjoni tirriżulta minn każ ta’ forza maġġuri li ostakolatu fiż-żriegħ tal-pjanti inkwistjoni u għalhekk li jikseb iċ-ċertifikat tempestivament. L-Uffiċċju, min-naħa tiegħu, jargumenta li l-imsemmi ċertifikat seta’ jiġi miksub qabel iż-żriegħ ta’ din l-ispeċi u għaldaqstant seta’ jiġi ppreżentat fit-terminu previst. |
|
54 |
Madankollu, huwa stabbilit li n-nuqqas tar-rikorrent fil-kawża prinċipali ġie sanzjonat abbażi tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 58, tar-Regolament Nru 1122/2009, dwar it-tnaqqis u għall-esklużjonijiet applikabbli f’każ ta’ “dikjarazzjoni żejda” maħruġa fil-kuntest ta’ applikazzjonijiet għall-għajnuna taħt l-iskemi ta’ għajnuna relatata maż-“żoni”. Madankollu, f’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li huwa akkużat bih ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ma jirrigwardax impenn marbut mal-kobor taż-żona ddikjarata fl-applikazzjoni għall-għajnuna, iżda mal-obbligu li jippreżenta fit-termini previsti ċ-ċertifikat inkwistjoni, b’hekk juri li l-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà għall-għajnuna ġew issodisfatti. |
|
55 |
Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li dan in-nuqqas ma jaqax taħt l-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 1122/2009, iżda taħt it-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 23(1) ta’ dan ir-regolament, peress li, kif ġie rrilevat fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, din l-aħħar dispożizzjoni tipprevedi sanzjonijiet speċifiċi għal tali nuqqasijiet. |
|
56 |
Skont din l-aħħar dispożizzjoni, salv f’każ ta’ forza maġġuri u fiċ-ċirkustanzi eċċezzjonali msemmija fl-Artikolu 75 tal-imsemmi regolament, it-tressiq ta’ tali dokument wara d-data limitu applikabbli jġorr tnaqqis ta’ 1 % għal jum ta’ xogħol tal-ammonti pagabbli tal-għajnuna mitluba. Barra dan, din id-dispożizzjoni tipprevedi wkoll li meta dewmien jaqbeż il-25 jum kalendarji, l-applikazzjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala inammissibbli. |
|
57 |
Minn dan isegwi li, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, fejn applikant għal għajnuna ma jkunx ippreżenta ċ-ċertifikat inkwistjoni, kemm fit-terminu mogħti għat-tressiq tal-applikazzjoni tiegħu għall-għajnuna kif ukoll fit-terminu addizzjonali ta’ 25 jum previst għat-tressiq tardiv ta’ tali applikazzjoni u tad-dokumenti ta’ sostenn annessi ma’ din l-applikazzjoni, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1122/2009 jipprevedi bħala l-unika sanzjoni li l-applikazzjoni għal pagament għandha tiġi ddikjarata bħala inammissibbli. |
|
58 |
F’dak li jirrigwarda ta’ jekk il-kwistjoni tan-nuqqas allegat fil-konfront tar-rikorrent fil-kawża prinċipali huwiex dovut għal forza maġġuri, u jekk għaldaqstant, din tal-aħħar tistax tevita s-sanzjoni prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1122/2009, fir-rigward ta’ evalwazzjoni ta’ fatti, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwiex dovut għal ċirkustanzi indipendenti mir-rieda tal-operatur, mhux normali u imprevedibbli, li l-konsegwenzi tagħhom ma setgħux jiġu evitati minkejja d-diliġenza kollha użata minn dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Parras Medina, C‑208/01, EU:C:2002:593, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
59 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet u l-ħames domandi hija li t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 1122/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sanzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni ma hijiex applikabbli għall-applikant ta’ għajnuna agroambjentali li jonqos milli jehmeż mal-applikazzjoni tiegħu, dokument bħalma huwa ċ-ċertifikat inkwistjoni. It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 23(1) ta’ dan ir-regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li tali nuqqas iwassal, bħala prinċipju, għall-inammissibbiltà tal-applikazzjoni għal pagament tal-għajnuna agroambjentali. |
Fuq l-ispejjeż
|
60 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( * ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.