SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

3 ta’ Settembru 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Prodotti kożmetiċi — Protezzjoni tal-konsumaturi — Regolament (KE) Nru 1223/2009 — Kamp ta’ applikazzjoni — Lentijiet tal-kuntatt tal-kulur b’disinni u mingħajr korrezzjoni tal-vista — Indikazzjoni fuq l-imballaġġ li tiddeskrivi l-prodott inkwistjoni bħala prodott kożmetiku — Protezzjoni tal-konsumaturi”

Fil-Kawża C‑321/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Landgericht Krefeld (il-Ġermanja), permezz tad-deċiżjonijiet tal-4 ta’ Ġunju u tal-4 ta’ Awwissu 2014, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Lulju u fil-11 ta’ Awwissu 2014, rispettivament, fil-proċedura

Colena AG

vs

Karnevalservice Bastian GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President ta’ Awla, A. Arabadjiev u C. Lycourgos (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Karnevalservice Bastian GmbH, minn C. Ballke, avukat,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u S. Šindelková, bħala aġenti,

għall-Gvern Franċiż, minn F. Gloaguen u D. Colas, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Wilms u P. Mihaylova, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-prodotti kożmetiċi (ĠU L 342, p. 59).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Colena AG (iktar ’il quddiem “Colena”) u Karnevalservice Bastian GmbH (iktar ’il quddiem “Karnevalservice”) dwar il-kummerċjalizzazzjoni minn din tal-aħħar ta’ lentijiet tal-kuntatt tal-kulur b’disinni u mingħajr korrezzjoni tal-vista (iktar ’il quddiem il-“lentijiet inkwistjoni”).

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessa 6 tar-Regolament Nru 1223/2009 tipprovdi:

“Dan ir-Regolament għandu x’jaqsam biss ma’ prodotti kożmetiċi u mhux ma’ prodotti mediċinali, tagħmir mediku jew prodotti bijoċidali. Id-delimitazzjoni toħroġ b’mod partikolari mid-definizzjoni dettaljata ta’ prodotti kożmetiċi, li tirreferi kemm għall-oqsma ta’ applikazzjoni tagħhom u kemm għall-għanijiet tal-użu tagħhom.”

4

Skont il-premessa 7 ta’ dan ir-regolament:

“Il-valutazzjoni dwar jekk prodott huwiex prodott kożmetiku għandha tiġi magħmula fuq il-bażi ta’ valutazzjoni każ b’każ, bil-kunsiderazzjoni tal-karatteristiċi kollha tal-prodott. [...]”

5

L-Artikolu 1 tal-imsemmi regolament intitolat “Ambitu u għan” jipprovdi:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli li kull prodott kożmetiku disponibbli fis-suq għandu jkun konformi magħhom, sabiex is-suq intern jaħdem tajjeb u jkun hemm livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa tal-bniedem.”

6

L-Artikolu 2(1) tal-istess regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jistipula:

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

‘prodott kożmetiku’ tfisser kull sustanza jew taħlita intiża biex titqiegħed f’kuntatt ma’ partijiet esterni tal-ġisem tal-bniedem (il-ġilda, sistema tax-xagħar, dwiefer, xuftejn u organi ġenitali esterni) jew mas-snien u l-membrani mukkużi tal-kavità orali bil-ħsieb esklussiv jew prinċipali biex tnaddafhom, tfewwaħhom, tbiddel id-dehra tagħhom, tħarishom, iżżommhom f’kundizzjoni tajba jew tikkoreġi l-irwejjaħ tal-ġisem;

(b)

‘sustanza’ tfisser element kimiku u l-komposti tiegħu fl-istat naturali jew miksuba bi kwalunkwe proċess ta’ manifattura, inkluż kwalunkwe addittiv meħtieġ sabiex jippriżerva l-istabbiltà tagħha u kwalunkwe impurità dderivata mill-proċess użat, iżda eskluż kwalunkwe solvent li jista’ jiġi sseparat mingħajr ma jaffettwa l-istabbilità tas-sustanza jew ibiddel il-komposizzjoni tagħha;

(c)

‘taħlita’, tfisser taħlita jew soluzzjoni komposta minn żewġ sustanzi jew aktar;

[...]”

7

Taħt it-titolu “Tikketti”, l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1223/2009 essenzjalment jipprovdi li l-prodotti kożmetiċi jitqiegħdu fis-suq biss jekk il-kontenitur u l-imballaġġ tal-prodotti kożmetiċi jkunu f’karattri li ma jitħassrux, li jinqraw faċilment u li jidhru sewwa, serje ta’ tagħrif, bħal fost oħrajn, l-isem jew l-isem irreġistrat u l-indirizz tal-persuna responsabbli, il-kontenut nominali fil-ħin tal-imballaġġ, id-data sakemm il-prodott kożmetiku, maħżun f’kundizzjonijiet xierqa, ikompli jaqdi l-funzjoni inizjali tiegħu, il-prekawzjonijiet partikolari li għandhom jiġu osservati waqt l-użu, in-numru tal-lott tal-manifattura jew ir-referenza għall-identifikazzjoni tal-prodott kożmetiku, kif ukoll lista tal-ingredjenti.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8

Karnevalservice tikkummerċjalizza fil-Ġermanja l-lentijiet inkwistjoni. Dawn il-prodotti ma humiex ikkummerċjalizzati sabiex jirrimedjaw għal xi nuqqas tal-vista, iżda huma pjuttost intiżi sabiex ibiddlu l-apparenza tal-utent, b’mod partikolari għal xi avvenimenti festivi. L-imballaġġ tal-lentijiet inkwistjoni jinkludi l-indikazzjoni li ġejja: “Aċċessorju kożmetiku għall-għajnejn suġġett għad-direttiva dwar il-prodotti kożmetiċi”.

9

Fl-24 ta’ Ottubru 2013, Colena ressqet quddiem il-Landgericht Krefeld (qorti reġjonali ta’ Krefeld) talba għal miżuri provviżorji intiżi sabiex jipprojbixxu lil Karnevalservice milli tikkummerċjalizza l-lentijiet inkwistjoni mingħajr ma jkun hemm imniżżel, fuq l-imballaġġ tagħhom, ċertu tagħrif impost mill-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1223/2009. Permezz ta’ deċiżjonijiet tad-29 ta’ Ottubru 2013 u tal-11 ta’ Diċembru 2013, din il-qorti ċaħdet dan ir-rikors, billi ddeċidiet li l-lentijiet inkwistjoni ma setgħux jiġu kklassifikati bħala “prodott kożmetiku”, fis-sens ta’ dan ir-regolament u, konsegwentement, li dan tal-aħħar ma kienx japplika.

10

Colena appellat minn din id-deċiżjoni quddiem l-Oberlandesgericht Düsseldorf (qorti reġjonali superjuri ta’ Düsseldorf). Permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Jannar 2014, din il-qorti bidlet id-deċiżjoni mogħtija mil-Landgericht Krefeld u laqgħat it-talba għal miżuri provviżorji, billi ddeċidiet li, minkejja l-fatt li l-lentijiet inkwistjoni ma setgħux jiġu kklassifikati bħala “prodotti kożmetiċi”, fis-sens tar-Regolament Nru 1223/2009, dawn kellhom madankollu jiġu suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, minħabba l-indikazzjoni li tinsab fuq l-imballaġġ tagħhom li tipprovdi li dawn il-lentijiet tal-kuntatt jikkostitwixxu “aċċessorju kożmetiku għall-għajnejn suġġett għad-direttiva dwar il-prodotti kożmetiċi” u li jagħtu lil kull “konsumatur medju, meqjus li huwa normalment informat, attent u avżat”, skont id-dritt Ġermaniż, l-impressjoni li huwa effettivament prodott kożmetiku fis-sens tal-imsemmi regolament.

11

Fit-30 ta’ Jannar 2014, Karnevalservice ppreżentat oppożizzjoni kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, li hija mitluba tiddeċiedi dwar il-fondatezza tal-miżuri provviżorji mogħtija mill-Oberlandesgericht Düsseldorf.

12

Fit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tqis li r-risposta għad-domanda dwar jekk prodott, li ma huwiex prodott kożmetiku fis-sens tar-Regolament Nru 1223/2009, għandux madankollu jissodisfa r-rekwiżiti ta’ dan tal-aħħar, peress li fuq l-imballaġġ tiegħu hemm indikazzjoni li tiddeskrivih bħala prodott kożmetiku “suġġett għad-direttiva dwar il-prodotti kożmetiċi”, hija essenzjali għas-soluzzjoni tal-kawża li għandha quddiemha. Id-deċiżjoni mogħtija fl-appell mill-Oberlandesgericht Düsseldorf, li tbiddel id-deċiżjoni kunfliġġenti tal-qorti tar-rinviju, kif ukoll l-eżistenza ta’ deċiżjonijiet kontradittorji mogħtija mil-Landgericht Essen (tribunal reġjonali ta’ Essen) huma fil-fatt xhieda tal-eżitazzjonijiet tal-ġurisprudenza nazzjonali għal dak li jikkonċerna l-portata tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1223/2009.

13

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tinnota li fil-Ġermanja jeżistu deċiżjonijiet tal-qrati kontradittorji fuq il-kwistjoni dwar jekk il-lentijiet tal-kuntatt, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqgħux jew le fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1223/2009. Hija tqis li r-risposta għal tali domanda hija wkoll essenzjali għad-deċiżjoni li għandha tingħata fil-kawża li għandha quddiemha.

14

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Krefeld iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Ir-Regolament [Nru 1223/2009] għandu jiġi interpretat fis-sens li prodott, li ma jaqax taħt l-imsemmi regolament, għandu madankollu jissodisfa r-rekwiżiti tiegħu minħabba s-sempliċi raġuni li huwa indikat fuq l-imballaġġ tal-prodott li dan huwa ‘aċċessorju kożmetiku għall-għajnejn suġġett għad-direttiva dwar il-prodotti kożmetiċi’?

2)

Ir-Regolament [Nru 1223/2009] għandu jiġi interpretat fis-sens li ’lentijiet ta’ kuntatt mhux korrettivi b’diżinni’ jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament?”

Fuq id-domandi preliminari

15

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk ir-Regolament Nru 1223/2009 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-lentijiet inkwistjoni jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament minħabba jew li huma jissodisfaw il-kundizzjonijiet imposti sabiex isir dan jew, fin-nuqqas ta’ dan, minħabba li l-imballaġġ tagħhom jinkludi l-indikazzjoni “Aċċessorju kożmetiku għall-għajnejn suġġett għad-direttiva dwar il-prodotti kożmetiċi”.

16

Sabiex jiġi ddeterminat jekk prodott jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1223/2009, għandu jsir riferiment għall-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament li jipprevedi li għandu l-għan li jistabbilixxi regoli li għandu jissodisfa “kull prodott kożmetiku disponibbli fis-suq”. Dan l-artikolu huwa ssupplimentat minn definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodott kożmetiku”, li tinsab fl-Artikolu 2(1)(a) tal-imsemmi regolament.

17

Mill-qari flimkien ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jirriżulta li r-Regolament Nru 1223/2009 japplika għall-prodotti kollha li jikkorrispondu għad-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(1)(a) ta’ dan ir-regolament u għal dawn il-prodotti biss. Fil-fatt, billi jippreċiża li dan ir-regolament huwa intiż sabiex jistabbilixxi qafas regolatorju li għalih huma suġġetti l-prodotti kożmetiċi kollha, l-Artikolu 1 tiegħu jirrestrinġi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament għal dawn il-prodotti biss, fejn din id-delimitazzjoni hija sussegwentement ippreċiżata mid-definizzjoni ddettaljata tal-kunċett ta’ “prodott kożmetiku” li tinsab fl-imsemmi Artikolu 2.

18

Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-premessa 6 tar-Regolament Nru 1223/2009 li, minkejja li tikkonċerna, b’mod iktar partikolari, id-distinzjoni bejn prodotti kożmetiċi, minn naħa, u prodotti mediċinali, tagħmir mediku kif ukoll prodotti bijoċidali, min-naħa l-oħra, tippreċiża li dan ir-regolament għandu x’jaqsam “biss ma’ prodotti kożmetiċi”.

19

Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-lentijiet inkwistjoni jissodisfawx il-kriterji kollha indikati fid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodott kożmetiku” fl-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament Nru 1223/2009. Hekk kif jirriżulta minn din id-dispożizzjoni, l-imsemmija definizzjoni hija bbażata fuq tliet kriterji kumulattivi, jiġifieri, l-ewwel nett, in-natura tal-prodott inkwistjoni (sustanza jew taħlita ta’ sustanzi), it-tieni nett, il-parti tal-ġisem tal-bniedem li magħha huwa intiż li jiġi f’kuntatt dan il-prodott u t-tielet nett, l-għan tal-użu tal-imsemmi prodott.

20

Għal dak li jirrigwarda l-ewwel kriterju dwar in-natura tal-prodott inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 2(1)(b) tar-Regolament Nru 1223/2009 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “sustanza” bħala “element kimiku u l-komposti tiegħu fl-istat naturali jew miksuba bi kwalunkwe proċess ta’ manifattura, inkluż kwalunkwe addittiv meħtieġ sabiex jippriżerva l-istabbiltà tagħha u kwalunkwe impurità dderivata mill-proċess użat, iżda eskluż kwalunkwe solvent li jista’ jiġi sseparat mingħajr ma jaffettwa l-istabbilità tas-sustanza jew ibiddel il-komposizzjoni tagħha”. L-Artikolu 2(1)(c) ta’ dan ir-regolament jipprevedi, min-naħa tiegħu, li l-kelma “taħlita” għandha tfisser “taħlita jew soluzzjoni komposta minn żewġ sustanzi jew aktar”. Issa, fid-dawl tal-karatteristiċi oġġettivi tal-lentijiet inkwistjoni li jippermettu li jiġu kklassifikat bħala “oġġetti”, dawn ma jistgħux jitqiesu li huma “sustanza” jew “taħlita” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

21

Għal dak li jikkonċerna t-tieni kriterju, l-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament Nru 1223/2009 jelenka, fid-definizzjoni ta’ “prodott kożmetiku”, il-parti tal-ġisem tal-bniedem li magħha huwa intiż li jiġi f’kuntatt dan il-prodott. Din il-lista għandha natura eżawrjenti, bħalma jindika kjarament il-kliem iddettaljat u preċiż ta’ din id-dispożizzjoni, kif ukoll il-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni qagħad lura milli jżid fl-abbozzar tiegħu kliem bħal “bħal”, “pereżempju”, “fost oħrajn”, “eċċ.” li kienu juru li l-imsemmija lista għandha biss titqies li tagħti sempliċement eżempji. Issa, il-lentijiet inkwistjoni jitqiegħdu fuq il-kornea tal-għajn, li ma hija msemmija mkien f’din il-lista eżawrjenti, u ma tidhirx f’dispożizzjoni oħra tar-Regolament Nru 1223/2009. Minn dan jirriżulta li l-lentijiet inkwistjoni ma jissodisfawx dan it-tieni kriterju.

22

Għal dak li jirrigwarda t-tielet kriterju dwar l-għan tal-użu tal-prodott, għandu jiġi rrilevat li peress li l-lentijiet inkwistjoni għandhom il-funzjoni li jbiddlu l-aspett tal-kornea tal-għajn li fuqha jitqiegħdu, huma la għandhom il-funzjoni esklużiva jew prinċipali li jnaddfu, jfewwħu, ibiddlu d-dehra, jipproteġu jew iżommu f’kundizzjoni tajba waħda mill-partijiet tal-ġisem elenkati fl-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament Nru 1223/2009, u lanqas li jikkoreġu l-irwejjaħ tal-ġisem. Għaldaqstant, dan il-kriterju ma jistax jiġi sodisfatt.

23

Isegwi, abbażi ta’ evalwazzjoni li, skont il-premessa 7 tar-Regolament Nru 1223/2009, tieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi kollha tal-lentijiet inkwistjoni, li dawn ma jissodisfaw l-ebda waħda mit-tliet kriterji kumulattivi li dawn għandhom jissodisfaw sabiex ikunu konformi mad-definizzjoni ta’ “prodotti kożmetiċi” msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) ta’ dan ir-regolament. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-lentijiet inkwistjoni ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “prodott kożmetiku” fis-sens ta’ din id-definizzjoni u, konsegwentement, ma jistgħux jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

24

Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt li l-indikazzjoni fuq l-imballaġġ tal-lentijiet inkwistjoni, li dan huwa “aċċessorju kożmetiku għall-għajnejn suġġett għad-direttiva dwar il-prodotti kożmetiċi”.

25

Fil-fatt, bil-kontra għall-għażla magħmula mil-leġiżlatur tal-Unjoni għal prodotti oħra, b’mod partikolari l-prodotti mediċinali, id-definizzjoni tal-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament Nru 1223/2009 ma jinkludix kategorija ta’ prodotti kożmetiċi skont il-“preżentazzjoni”, li jippermettu li prodott jiġi kklassifikat legalment bħala “prodott kożmetiku” fuq is-sempliċi raġuni li huwa ppreżentat bħala tali.

26

Madankollu, din l-evalwazzjoni hija bla ħsara għall-applikazzjoni, skont il-każ, ta’ regoli li jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti li jivverifikaw jekk l-indikazzjoni, fuq l-imballaġġ tal-lentijiet inkwistjoni, li dawn huma “aċċessorju kożmetiku għall-għajnejn suġġett għad-direttiva dwar il-prodotti kożmetiċi” tikkostitwixxix prattika kummerċjali qarrieqa.

27

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li r-Regolament Nru 1223/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-lentijiet inkwistjoni ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, minkejja l-fatt li l-imballaġġ tagħhom jinkludi l-indikazzjoni “aċċessorju kożmetiku għall-għajnejn suġġett għad-direttiva dwar il-prodotti kożmetiċi”.

Fuq l-ispejjeż

28

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Ir-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-prodotti kożmetiċi għandu jiġi interpretat fis-sens li lentijiet tal-kuntatt tal-kulur b’disinni u mingħajr korrezzjoni tal-vista ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, minkejja l-fatt li l-imballaġġ tagħhom jinkludi l-indikazzjoni “aċċessorju kożmetiku għall-għajnejn suġġett għad-direttiva dwar il-prodotti kożmetiċi”.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.