SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

14 ta’ Ġunju 2016 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali — Regolament (KE) Nru 883/2004 — Artikolu 4 — Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-aċċess għal benefiċċji tas-sigurtà soċjali — Dritt ta’ residenza — Direttiva 2004/38/KE — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrifjuta l-għoti ta’ ċerti allowances tal-familja jew ta’ kreditu ta’ taxxa għall-ulied liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra mingħajr dritt ta’ residenza legali”

Fil-Kawża C‑308/14,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fis-27 ta’ Ġunju 2014,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Martin u M. Wilderspin, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn M. Holt u J. Beeko, bħala aġenti, assistiti minn J. Coppel, QC,

konvenut,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala President tal-ewwel Awla, F. Biltgen, E. Levits, M. Berger (Relatur) u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Ġunju 2015,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Ottubru 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi rrikjediet mill-persuni li jitolbu allowances tal-familja jew kreditu ta’ taxxa għall-ulied li jkollhom id-dritt li jirrisjedu fir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, dan l-Istat Membru naqas mill-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Nru 883/2004

2

L-Artikolu 1(j) u (z) tar-Regolament Nru 883/2004 jinkludi d-definizzjonijiet li ġejjin:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

[...]

j)

‘residenza’ tfisser il-post fejn persuna għandha r-residenza abitwali tagħha;

[...]

z)

‘benefiċċju marbut mal-familja’ [allowances tal-familja] tfisser il-benefiċċji kollha in natura jew fi flus maħsuba biex jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż tal-familja, minbarra għotjiet ta’ pagamenti għall-manteniment u allowances speċjali marbutin mat-twelid ta’ tarbija u ma’ adozzjoni msemmija fl-Anness I.”

3

L-Artikolu 3(1)(b), ta’ dan ir-regolament jipprovdi li:

“Dan ir-Regolament għandu japplika għal-leġislazzjoni kollha li tikkonċerna l-fergħat li ġejjin tas-sigurtà soċjali:

[...]

j)

benefiċċji marbuta mal-familja [l-allowances tal-familja].”

4

L-Artikolu 4 ta’ dal-imsemmi regolament, intitolat “Trattament ugwali”, jipprovdi:

“Sakemm dan ir-Regolament ma jgħidx mod ieħor, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom igawdu l-istess benefiċċji [allowances] u għandhom ikunu suġġetti għall-istess obbligi taħt il-leġislazzjoni ta’ kull Stat Membru daqs li kieku kienu ċittadini ta’ dak l-Istat Membru.”

5

Skont l-Artikolu 11(1) u (3) tal-istess regolament:

“1.   Il-persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss. Din il-leġislazzjoni għandha tkun determinata skond dan it-Titolu.

[...]

3.   Bla ħsara għall-Artikolu 12 sa 16:

[...]

e)

kull persuna oħra li għaliha ma japplikawx is-subparagrafi (a) sa (d) għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru fejn għandha r-residenza tagħha: dan iżda mingħajr ħsara għal disposizzjonijiet oħra ta’ dan ir-Regolament li jiggarantixxu benefiċċji taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ Stati Membri oħra.”

6

L-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004 jipprovdi:

“Persuna għandha tkun intitolata għal benefiċċji marbutin mal-familja skond il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti, inklużi l-membri tal-familja tagħha li għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru ieħor, bħallikieku dawn kellhom ir-residenza tagħhom fl-Istat Membru kompetenti. [...]”

Ir-Regolament (KE) Nru 987/2009

7

Ir-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑16 ta’ Settembru 2009, li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU 2009, L 284, p. 1) jipprovdi, fl-Artikolu 11 tiegħu intitolat “L-elementi għad-determinazzjoni tar-residenza”:

“1.   Fejn hemm differenza fl-opinjonijiet bejn l-istituzzjonijiet ta’ żewġ Stati Membri jew aktar dwar id-determinazzjoni tar-residenza ta’ persuna li għaliha japplika r-Regolament bażiku, dawn l-istituzzjonijiet għandhom jistabbilixxu bi ftehim komuni ċ-ċentru ta’ interessi tal-persuna kkonċernata, abbażi ta’ evalwazzjoni globali tal-informazzjoni kollha disponibbli relatata mal-fatti relevanti, li jistgħu jinkludu fejn ikun il-każ:

a)

it-tul ta’ żmien u l-kontinwità tal-preżenza fit-territorju tal-Istati Membri kkonċernati;

b)

is-sitwazzjoni tal-persuna, li tinkludi:

i)

in-natura u l-karatteristiċi speċifiċi ta’ kwalunkwe attività li titwettaq, b’mod partikolari l-post fejn din l-attività normalment titwettaq, l-istabbiltà tal-attività u t-tul ta’ żmien ta’ kwalunkwe kuntratt tax-xogħol;

ii)

l-istatus tal-familja u r-rabtiet tal-familja tagħha;

iii)

it-twettiq ta’ kwalunkwe attività mingħajr ħlas;

iv)

fil-każ ta’ studenti, is-sors tad-dħul tagħhom;

v)

is-sitwazzjoni tad-dar domestika tagħha, partikolarment kemm hi permanenti;

vi)

l-Istat Membru li fih il-persuna hija meqjusa li tirrisjedi għal finijiet ta’ tassazzjoni.

2.   Fejn l-konsiderazzjoni tal-kriterji diversi bbażati fuq il-fatti relevanti kif stabbilit fil-paragrafu 1 ma twassalx għal qbil bejn l-istituzzjonijiet konċernati, l-intenzjoni tal-persuna, kif hi tidher minn tali fatti u ċirkostanzi, speċjalment ir-raġunijiet li wasslu lill-persuna biex tiċċaqlaq, għandhom jiġu kkunsidrati bħala deċiżivi meta jkun qed jiġi stabbilit il-Stat Membru ta’ residenza reali ta’ dik il-persuna.”

Id-Direttiva 2004/28/KE

8

Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46), tipprovdi, fl-Artikolu 7 tagħha intitolat “Dritt ta’ residenza ta’ aktar minn tliet xhur”:

“1.   Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:

a)

ħaddiema jew nies li jaħdmu għal rashom fl-Istat Membru ospitanti; jew

b)

għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza u għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti; jew

c)

miktuba f’istitut privat jew pubbliku, akkreditat jew finanzjat mill-Istat Membru ospitanti skond il-bażi tal-leġislazzjoni jew tal-prattika amministrattiva tiegħu, għall-iskop prinċipali li jiġi segwit kors ta’ studju, inkluż taħriġ professjonali; u

għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti u jassiguraw lill-awtorità nazzjonali rilevanti, permezz ta’ dikjarazzjoni jew b’mezzi oħrajn ekwivalenti li jagħżlu huma, li għandhom riżorsi suffiċjenti għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza; jew

d)

membri tal-familja li qed jakkumpanjaw jew li se jingħaqdu ma’ ċittadin ta’ l-Unjoni li jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) jew [c].

[...]

3.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1(a), ċittadin ta’ l-Unjoni li m’għadux jaħdem jew li m’għadux jaħdem għal rasu għandu jżomm l-istatus ta’ ħaddiem jew ta’ persuna li taħdem għal rasha fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

a)

il-persuna kkonċernata ma tistax taħdem għal żmien temporanju minħabba mard jew inċident;

b)

il-persuna kkonċernata, wara li tkun spiċċat involontarjament bla xogħol wara li ħadmet għal aktar minn sena, tirreġistra bħala persuna li qed tfittex xogħol ma’ l-uffiċċju ta’ l-impjieg rilevanti;

c)

il-persuna kkonċernata spiċċat involontarjament bla xogħol wara li lestiet kuntratt ta’ xogħol għal żmien fiss ta’ anqas minn sena jew wara li spiċċat involontarjament bla xogħol matul l-ewwel tnax‑il xahar u rreġistrat bħala persuna li qed tfittex xogħol ma’ l-uffiċċju ta’ l-impjieg rilevanti. F’dan il-każ, l-istatus ta’ ħaddiem għandu jinżamm għal perjodu li mhux inqas minn sitt xhur;

d)

il-persuna kkonċernata tibda taħriġ professjonali. Sakemm ma tispiċċax involontarjament bla xogħol, iż-żamma ta’ l-istatus ta’ ħaddiem teħtieġ li t-taħriġ ikun jirrelata max-xogħol preċedenti.

[...]”

9

Skont l-Artikolu 14(1) sa (3) ta’ din id-direttiva:

“1.   Ċittadini ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom għandhom id-dritt ta’ residenza kif previst fl-Artikolu 6, sakemm ma jkunux ta’ piż [mhux raġonevoli] fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti.

2.   Ċittadini ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom għandhom id-dritt ta’ residenza kif previst fl-Artikoli 7, 12 u 13 sakemm jaderixxu mal-kondizzjonijiet stabbiliti fihom.

F’każijiet speċifiċi fejn hemm dubju raġonevoli dwar jekk ċittadin ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tiegħu jissoddisfawx il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 7, 12 u 13, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu verifika ta’ dan. Din il-verika m’għandhiex titwettaq sistematikament.

3.   Miżura ta’ tkeċċija m’għandhiex tkun konsegwenza awtomatika meta ċittadin ta’ l-Unjoni jew membru tal-familja tiegħu jirrikorru għas-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti.”

10

Skont l-Artikolu 15(1) tal-imsemmija direttiva:

“Il-proċeduri previsti fl-Artikoli 30 u 31 għandhom japplikaw, mutatis mutandis, għad-deċiżjonijiet kollha li jillimitaw il-moviment liberu taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom għal raġunijiet għajr dawk ta’ politika pubblika, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika.”

11

L-Artikolu 24 tal-istess direttiva, intitolat “Trattament ugwali”, jipprovdi:

“1.   Bla ħsara għal disposizzjonijiet speċifiċi kif previsti b’mod ċar fit-Trattat u fil-liġi sekondarja, iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jgħixu skond din id-Direttiva fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti għandhom igawdu trattament ugwali bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru fl-iskop tat-Trattat. Il-benefiċċju ta’ dan id-dritt għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru u li għandhom id-dritt ta’ residenza jew għandhom residenza permanenti.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istat Membru ospitanti m’għandux ikun obbligat li jattribwixxi d-dritt ta’ għajnuna soċjali matul l-ewwel tliet xhur ta’ residenza jew, fejn xieraq, matul il-perjodu itwal previst fl-Artikolu 14(4)(b), lanqas mhu obbligat, qabel il-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti, li jawtorizza għajnuna ta’ manteniment għall-istudji, inkluż taħriġ professjonali, li jikkonsisti f’konċessjonijiet ta’ l-istudenti jew f’self għal studenti lill-persuni li mhumiex ħaddiema, persuni li jaħdmu għal rashom, persuni li jżommu t-tali status u membri tal-familja tagħhom.”

Id-dritt tar-Renju Unit

Il-leġiżlazzjoni dwar l-allowances tal-familja

12

L-Artikolu 141 tas-Social Security Contributions and Benefits Act 1992 (Liġi tal‑1991 dwar il-kontribuzzjonijiet u l-benefiċċji tas-sigurtà soċjali, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-1992”), jipprovdi:

“Kull persuna li għandha wild dipendenti jew iktar jew żagħżugħ li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni matul kwalunkwe ġimgħa għandha d-dritt, konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ dan it-titolu, għal allowances [...] fir-rigward tal-imsemmija ġimgħa, għall-wild jew l-ulied dipendenti tiegħu jew għaż-żagħżagħ li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni.”

13

L-allowances imsemmija fl-Artikolu 141 tal-Liġi tal-1992 (iktar ’il quddiem l-“allowances tal-familja”) huma benefiċċju intiż, b’mod partikolari, sabiex jikkumpensa parzjalment l-ispejjeż sostnuti minn persuna li għandha wild jew ulied dipendenti. Huma jistgħu jitħallsu għal kull wild, fejn l-ammont imħallas għall-ewwel wild huwa ogħla minn dak imħallas għall-ulied sussegwenti. Dawn l-allowances jikkonsistu f’benefiċċju universali mhux kontrubuttiv li l-ispejjeż tiegħu huma ffinanzjati b’mod ġenerali permezz tat-taxxa. Il-persuni li jitolbu allowances tal-familja li għandhom dħul ogħla huma madankollu suġġetti għal impożizzjoni fiskali li permezz tiegħu huma għandhom iħallsu lura sa massimu ta’ ammont ekwivalenti għall-benefiċċju rċevut.

14

L-Artikolu 146 tal-Liġi tal-1992 jipprovdi:

“1)   Sabiex jitħallas benefiċċju fil-ġimgħa ta’ allowances tal-famulja lil wild jew lil żagħżugħ li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni, dan għandu jkun jinsab fil-Gran Brittanja matul il-ġimgħa kkonċernata.

2)   Ħadd ma jista’ jitlob benefiċċju fil-ġimgħa ta’ allowances tal-familja jekk ma jkunx jinsab fil-Gran Brittanja matul il-ġimgħa kkonċernata.

3)   Jistgħu jiġu ddeterminati ċirkustanzi li fihom kull persuna għandha titqies għall-finijiet tal-paragrafi 1) jew 2) li tinsab jew ma tinsabx, fil-Gran Brittanja.”

15

Ir-Regola Nru 23 taċ-Child Benefit (General) Regulations 2006 (SI 2006/223) [regolament (ġenerali) tal-2006 fil-qasam ta’ allowances tal-familja], tipprovdi:

“1)

Persuna għandha titqies li ma tinsabx fil-Gran Brittanja għall-finijiet tal-Artikolu 146(2) tal-[Liġi tal-1992] jekk hija ma tirrisjedix b’mod abitwali fir-Renju Unit.

2)

Il-paragrafu 1) ma għandux japplika għal uffiċjal tal-Kuruna assenjat barra mill-pajjiż jew għall-konjuġi tiegħu.

3)

Persuna li tinsab fil-Gran Brittanja minħabba t-tbegħid, it-tkeċċija jew interdizzjoni legali mit-territorju ta’ pajjiż ieħor minbarra l-Gran Brittanja għandha titqies li qed tirrisjedi b’mod abitwali fir-Renju Unit.

4)

Persuna għandha titqies li ma tinsabx fil-Gran Brittanja għall-finijiet tal-Artikolu 146(2) tal-Liġi tal-1992 meta titlob sabiex tibbenefika mill-allowances tal-familja mill-1 ta’ Mejju 2004 u ma jkollhiex dritt li tirrisjedi fir-Renju Unit.”

16

Jeżistu dispożizzjonijiet ekwivalenti għat-talbiet għal allowances tal-familja magħmula fl-Irlanda ta’ Fuq. Dawn huma, minn naħa, l-Artikolu 142 tas-Social Security Contributions and Benefits (Northern Ireland) Act 1992 [Liġi (Irlanda ta’ Fuq) tal-1992 dwar il-kontribuzzjonijiet u l-benefiċċji tas-sigurtà soċjali], fejn din id-dispożizzjoni tirrikjedi li l-persuna li titlob il-benefiċċji tkun tinsab “fl-Irlanda ta’ Fuq” matul il-ġimgħa inkwistjoni, u, min-naħa l-oħra, tar-Regola Nru 27 tar-Regolament (ġenerali) tal-2006 fil-qasam tal-allowances tal-familja, li jiddefinixxi rekwiżiti simili għal dawk previsti mir-Regola Nru 23 ta’ dan ir-regolament fir-rigward tat-talbiet magħmula fil-Gran Brittanja.

Il-leġiżlazzjoni relatata mal-kreditu ta’ taxxa

17

It-Tax Credits Act 2002 (Liġi tal-2002 dwar il-kreditu ta’ taxxa) jipprevedi skema ta’ kreditu ta’ taxxa għall-ulied. Din l-iskema ġiet introdotta, skont il-preċiżazzjonijiet magħmula mir-Renju Unit fid-difiża tagħha, sabiex tiġbor l-għajnuna lill-familji fis-sistema fiskali u soċjali fi ħdan benefiċċju soċjali wieħed, fejn l-imsemmija sistema diġà kienet tinkludi numru ta’ forom diġà eżistenti ta’ għajnuna taħt forma ta’ riżorsi favur l-ulied. L-għan segwit bl-introduzzjoni ta’ din il-liġi kien il-ġlieda kontra l-faqar li jolqot lit-tfal. Il-kreditu ta’ taxxa għall-ulied jitħallas lill-persuna jew lill-persuni li huma responsabbli għal tifel jew numru ta’ tfal (Artikolu 8 tal-Liġi tal-2002 fuq il-kreditu ta’ taxxa). L-ammont tiegħu huwa marbut mar-riżorsi tal-persuni kkonċernati, fejn jitħallsu benefiċċji mifruxa fuq numru ta’ drabi skont in-numru ta’ ulied li jagħmlu parti mill-familja u meta d-dħul ta’ din il-familja jkun ogħla minn ċertu livell. Din l-iskema ta’ kreditu tat-taxxa ssostitwixxiet benefiċċji mifruxa li, peress li kienu ġustifikati bil-preżenza ta’ ulied dipendenti, kienu jitħallsu lill-benefiċjarji ta’ benefiċċji li l-għoti u l-ammont tagħhom kienu suġġetti għar-riżorsi tal-persuni li qed jitolbuhom. Il-kreditu ta’ taxxa għall-ulied huwa benefiċċju li l-ispiża tiegħu hija ffinanzjata b’mod ġenerali mit-taxxa.

18

L-Artikolu 3 tal-Liġi tal-2002 duq il-kreditu ta’ taxxa, intitolat “Talbiet”, jipprovdi:

“[...]

3)

Talba għal kreditu ta’ taxxa tista’ tiġi mressqa

a)

konġuntament minn koppja li t-tnejn li huma jkunu għalqu mill-inqas sittax-il sena u li jkunu jinsabu fir-Renju Unit, jew

b)

minn persuna li tkun għalqet mill-inqas sittax-il sena u li tkun tinsab fir-Renju Unit, iżda li ma jkollhiex id-dritt li tressaq talba taħt il-punt a) (konġuntament ma’ persuna oħra).

[...]

7)

Jistgħu jiġu ddeterminati ċirkustanzi li fihom persuna għandha titqies, għall-finijiet ta’ din il-parti, li tinsab jew li ma tinsabx fir-Renju Unit.”

19

Ir-Regola 3 tat-Tax Credits (Residence) Regulations 2003 (SI 2003/654) [Regolament tal-2003 dwar il-krediti ta’ taxxa (residenza)] tipprovdi:

“1)

Persuna għandha titqies li ma tinsabx fir-Renju Unit għall-finijiet tal-parti 1 tal-Liġi tal-2002 dwar il-kreditu ta’ taxxa jekk hija ma tirrisjedix b’mod abitwali fir-Renju Unit.

[...]

4)

Għall-finijiet tal-kreditu ta’ taxxa għal persuni li qed jaħdmu, persuna għandha titqies li tirrisjedi b’mod abitwali fir-Renju Unit jekk hija teżerċita d-drittijiet tagħha bħala ħaddiema konformement mar-Regolament tal-Kunsill (CEE) Nru 1612/68, [tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15)], kif emendat bid-[Direttiva Nru 2004/38] jew mar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1259/70, [tad-29 ta’ Ġunju 1970, dwar id-dritt tal-ħaddiema li jibqgħu fit-territorju ta’ Stat Membru wara li kienu impjegati f’dak l-Istat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 32)] jew jekk hija jkollha d-dritt li tirrisjedi fir-Renju Unit konformement mad-[Direttiva Nru 2004/38].

5)

Persuna għandha titqies li ma tinsabx fir-Renju Unit għall-finijiet tal-parti 1 tal-Liġi tal-2002 dwar kreditu ta’ taxxa:

a)

jekk tressaq talba għal kreditu ta’ taxxa għal wild [...], mill-1 ta’ Mejju 2004; u

b)

jekk hija ma jkollhiex dritt li tirrisjedi fir-Renju Unit.”

L-Immigration Act 1971

20

Skont l-Artikolu 2 tal-Immigration Act 1971 (Liġi tal-1971 fuq l-immigrazzjoni):

“Dikjarazzjoni tad-dritt ta’ residenza fir-Renju Unit

1)   Skont din il-liġi, persuna għandha d-dritt li tirrisjedi fir-Renju Unit

a)

jekk din tkun ċittadina Brittanika; jew

b)

jekk din tkun ċittadina tal-Commonwealth li

i)

eżatt qabel id-dħul fis-seħħ tal-British Nationality Act 1981 [(Liġi tal‑1981 dwar in-nazzjonalità Brittanika)], kienet ċittadina tal-Commonwealth bid-dritt li tirrisjedi fir-Renju Unit skont l-Artikolu 2(1)(d) jew l-Artikolu 2(2) ta’ din il-liġi hekk kif kienet fis-seħħ f’dak iż-żmien; u

ii)

matul iż-żmien baqgħet ċittadina tal-Commonwealth.

[…]”

Il-proċedura prekontenzjuża

21

Wara li rċeviet ħafna lmenti minn ċittadini ta’ Stati Membri oħra residenti fir-Renju Unit li kienu jikkontestaw il-fatt li l-awtoritajiet Brittaniċi kompetenti kienu rrifjutawlhom ċerti benefiċċji soċjali minħabba li ma kinux igawdu minn dritt ta’ residenza f’dan l-Istat Membru, il-Kummissjoni bagħtet talba għal kjarifika lil dan tal-aħħar, matul is-sena 2008.

22

Ir-Renju Unit ikkonferma, permezz ta’ żewġ ittri tal-1 ta’ Ottubru 2008 u tal‑20 ta’ Jannar 2009, li, konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali, filwaqt li d-dritt ta’ residenza fir-Renju Unit jingħata liċ-ċittadini kollha ta’ dan l-Istat Membru, huwa meqjus, f’ċerti ċirkustanzi, li ċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra ma jgawdux minn dan id-dritt. Skont ir-Renju Unit, din ir-restrizzjoni hija bbażata fuq il-kunċett ta’ “dritt ta’ residenza” fis-sens tad-Direttiva 2004/38, u fuq il-limitazzjonijiet li l-imsemmija direttiva tistabbilixxi fuq l-imsemmi dritt, b’mod partikolari fir-rigward tar-rekwiżit li persuna mhux attiva ekonomikament ikollha riżorsi finanzjarji suffiċjenti sabiex ma ssirx piż irraġonevoli fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti.

23

Fl-4 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Renju Unit li fiha indikat id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tiegħu li jipprevedu li, sabiex ikunu jistgħu jgawdu minn ċerti benefiċċji, il-persuni li jitolbuhom għandhom ikollhom dritt ta’ residenza f’dan l-Istat bħala prerekwiżit sabiex ikunu jistgħu jitqiesu li huma residenti abitwali fir-Renju Unit (iktar ’il quddiem il-“kriterju tad-dritt ta’ residenza”).

24

Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Lulju 2010, ir-Renju Unit wieġeb din l-ittra ta’ intimazzjoni billi sostna li s-sistema nazzjonali tiegħu ma kinitx diskriminatorja u li l-kriterju tad-dritt ta’ residenza kien iġġustifikat bħala miżura proporzjonata intiża li tiggarantixxi li l-benefiċċji jingħataw lil persuni li huma integrati biżżejjed fir-Renju Unit.

25

Fid-29 ta’ Settembru 2011, il‑Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata li għaliha r-Renju Unit wieġeb permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Novembru 2011.

26

Billi ma kinitx issodisfatta b’din it-tweġiba, il‑Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors.

Fuq ir-rikors

Fuq il-portata tar-rikors

27

Fid-dawl tas-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Brey (C‑140/12, EU:C:2013:565), il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita r-rikors tagħha għall-allowances tal-familja u għall-kreditu ta’ taxxa għall-ulied (iktar ’il quddiem il-“benefiċċji soċjali inkwistjoni”), bl-esklużjoni tal-“benefiċċji speċjali, li mhumiex kontributorji, li jingħataw fi flus” li kienu wkoll is-suġġett tal-opinjoni motivata u li, konformement ma’ din is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jistgħu jiġu kklassifikati bħala “għajnuna soċjali” fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38.

Fuq il-mertu

L-argumenti tal-partijiet

28

L-ilment prinċipali mqajjem mill-Kummissjoni kontra r-Renju Unit jirriżulta mill-fatt li, billi jirrikjedi mill-persuna li titlob il-benefiċċji soċjali inkwistjoni li din tissodisfa l-kriterju tad-dritt ta’ residenza sabiex titqies bħala residenti abitwali f’dan l-Istat Membru, ir-Renju Unit żied kundizzjoni li ma tinsabx fir-Regolament Nru 883/2004. Din il-kundizzjoni ċċaħħad lill-persuni li ma jissodisfawhiex mill-kopertura prevista mil-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali f’waħda mill-Istati Membri, liema kopertura l-imsemmi regolament għandu l-intenzjoni li jiżgura.

29

Skont il-Kummissjoni, bis-saħħa tal-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004, persuna ekonomikament mhux attiva hija, bħala prinċipju, suġġetta għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 1(j) ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi r-“residenza”, għall-finijiet tal-imsemmi regolament, bħala l-post fejn il-persuna għandha r-residenza abitwali tagħha, fejn il-kunċett ta’ “residenza abitwali” għandu tifsira awtonoma fid-dritt tal-Unjoni.

30

Għall-Kummissjoni, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, u b’mod partikolari mal-punt 29 tas-sentenza tal-25 ta’ Frar 1999, Swaddling (C‑90/97, EU:C:1999:96), dan il-kunċett jindika l-post fejn jinsab iċ-ċentru abitwali tal-interessi tal-persuna kkonċernata. Sabiex jiġi ddeterminat iċ-ċentru ta’ interessi, ikun meħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, is-sitwazzjoni tal-familja tal-ħaddiem, ir-raġunijiet li wassluh sabiex jiċċaqlaq, it-tul u l-kontinwità tar-residenza tiegħu, il-fatt li, jekk ikun il-każ, ikollu impjieg stabbli u l-intenzjoni ta’ dan il-ħaddiem, hekk kif jirriżulta miċ-ċirkustanzi utli kollha.

31

B’mod iktar partikolari, dan il-post għandu jiġi ddeterminat skont iċ-ċirkustanzi fattwali u s-sitwazzjoni tal-persuni kkonċernati, indipendentement mill-istatus ġuridiku tagħhom fl-Istat Membru ospitanti u mill-fatt jekk huma jibbenefikawx jew le mid-dritt li jirrisjedu fit-territorju tiegħu abbażi, pereżempju, tad-Direttiva 2004/38. Konsegwentement, ir-Regolament Nru 883/2004 jagħti tifsira speċifika lill-kunċett ta’ “residenza”, li hija indipendenti mis-sens mogħti lilu f’atti oħra tad-dritt tal-Unjoni jew fid-dritt nazzjonali u li ma huwiex suġġett għal eventwali rekwiżiti legali minn qabel.

32

L-għan tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 883/2004 ma huwiex li jarmonizza d-dritt sostantiv tal-Istati Membri, iżda pjuttost li jfassal sistema ta’ regoli ta’ kunflitt li jkollhom l-effett li jneħħu s-setgħa tal-leġiżlatur nazzjonali li jiddetermina l-portata u r-rekwiżiti għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu f’dan ir-rigward. Għaldaqstant l-għan imfittex minn din is-sistema huwa, minn naħa, li jiġi ggarantit li tkun applikabbli biss sistema waħda ta’ sigurtà soċjali u, min-naħa l-oħra, li jipprekludi li l-persuni li jaqgħu taħt ir-Regolament Nru 883/2004 jiġu mċaħħda mill-protezzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni applikabbli għalihom.

33

Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li, billi imponiet kundizzjoni għad-dritt għal ċerti benefiċċji tas-sigurtà soċjali li huwa awtomatikament issodisfatt miċ-ċittadini tagħha stess, bħall-kriterju tad-dritt ta’ residenza, ir-Renju Unit ħoloq sitwazzjoni ta’ diskriminazzjoni diretta kontra ċittadini ta’ Stat Membri oħra u għalhekk kiser l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004.

34

Skont il-Kummissjoni, matul il-proċedura prekontenzjuża, ir-Renju Unit biddel il-pożizzjoni tiegħu, billi sostna, inizjalment, li l-kriterju tad-dritt ta’ residenza huwa biss wieħed mill-elementi li għandhom jiġu vverifikati sabiex jiġi ddeterminat jekk persuna għandhiex ir-residenza abitwali tagħha f’dan l-Istat Membru u, sussegwentement, li fin kienet kundizzjoni separata tar-residenza abitwali, diskriminatorja, iżda ġġustifikata.

35

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni, billi tistrieħ fuq il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-13 ta’ April 2010, Bressol et (C‑73/08, EU:C:2010:181), tqis li l-kriterju tad-dritt ta’ residenza jikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bbażata fuq in-nazzjonalità, inkwantu din hija kundizzjoni li tapplika biss għall-barranin, peress li ċ-ċittadini Brittaniċi li jirrisjedu fir-Renju Unit jissodisfawha awtomatikament.

36

Barra minn hekk, anki li kieku kellu jiġi aċċettat li l-kriterju tad-dritt ta’ residenza jwassal biss għal diskriminazzjoni indiretta, kif isostni r-Renju Unit, skont il‑Kummissjoni, dan tal-aħħar ma pprovda ebda argument li jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-inugwaljanza fit-trattament inkwistjoni hija xierqa u proporzjonata meta mqabbla mal-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata, li huwa li tiġi ggarantita l-eżistenza ta’ rabta ġenwina bejn il-persuna li qed titlob il-benefiċċju u l-Istat Membru ospitanti.

37

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkontesta l-argument imressaq mir-Renju Unit li l-persuni ekonomikament mhux attivi ma għandhomx isiru piż għas-sistema ta’ protezzjoni soċjali tal-Istat ospitanti, sakemm dawn il-persuni ma jkollhomx ċertu livell ta’ rabta suffiċjenti għal dan l-istat. Il-Kummissjoni tammetti li Stat Membru ospitanti għandu jiżgura lilu nnifsu mill-eżistenza tar-rabta li l-persuna li titlob il-benefiċċji jkollha ma’ dan l-istat, madankollu, fil-każ tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali, huwa l-leġiżlatur tal-Unjoni nnifsu, permezz tar-Regolament Nru 883/2004, li ddetermina l-metodi ta’ verifika tal-eżistenza ta’ din ir-rabta – jiġifieri, f’dan il-każ, permezz tal-kriterju ta’ residenza abitwali –, mingħajr ma l-Istati Membri jistgħu jemendaw id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament jew ma jżidulhom rekwiżiti addizzjonali.

38

Fir-risposta tiegħu, ir-Renju Unit jikkontesta l-ilment prinċipali mqajjem mill-Kummissjoni billi jinvoka, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Brey (C‑140/12, EU:C:2013:565, punt 44), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja, wara li ċaħdet argumenti identiċi għal dawk li l-Kummissjoni tinvoka f’dan il-każ, iddeċidiet li “bħala prinċipju xejn ma jipprekludi li l-għoti ta’ benefiċċji soċjali lil ċittadini ekonomikament inattivi tal-Unjoni jkun suġġett għar-rekwiżit li dawn jissodisfaw ir-rekwiżiti biex ikollhom dritt għal residenza legali fl-Istat Membru ospitanti”.

39

Ir-Renju Unit jispeċifika li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-Artikolu 70(4) tar-Regolament Nru 883/2004, li jipprovdi, skont l-Artikolu 11 tiegħu, “regola ta’ kunflitt” li għandha bħala għan li tevita l-applikazzjoni simultanja ta’ numru ta’ leġiżlazzjonijiet nazzjonali għall-istess sitwazzjoni u li tipprekludi li l-persuni li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament jiġu mċaħħda mill-protezzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni li tkun applikabbli għalihom, ma għandux bħala għan li jiddetermina r-rekwiżiti bażiċi għall-eżistenza tad-dritt għall-benefiċċji soċjali inkwistjoni, jiġifieri benefiċċji speċjali mhux kontributorji li jingħataw fi flus, b’tali mod li bħala prinċipju hija l-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru li għandha tiddetermina dawn ir-rekwiżiti. Skont ir-Renju Unit, l-istess raġunament għandu japplika għar-regola ta’ kunflitt previst fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 883/2004, li twettaq l-istess funzjoni bħall-Artikolu 70(4) tal-imsemmi regolament, li jirrigwarda b’mod speċifiku l-benefiċċji speċjali mhux kontributorji li jingħataw fi flus, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni li għandha tapplika għall-persuna li titlob il-benefiċċji.

40

Fir-rigward tal-ilment sussidjarju invokat mill-Kummissjoni, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ diskriminazzojni diretta u msemmi fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, ir-Renju Unit isostni li dan ma jinsabx fl-opinjoni motivata li l-Kummissjoni bagħtitlu matul il-proċedura prekontenzjuża iżda jidher għall-ewwel darba fir-rikors fejn għalhekk għandu jiġi ddikjarat inammissibbli mill-Qorti tal-Ġustizzja

41

Barra minn hekk, dan l-Istat Membru jsostni li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li jista’ leġittimament jiġi rikjest minn ċittadini tal-Unjoni Ewropea ekonomikament mhux attivi li jipproduċu l-prova li huma għandhom dritt ta’ residenza sabiex ikunu jistgħu jirċievu l-benefiċċji tas-sigurtà soċjali u li l-leġiżlatur tal-Unjoni, fid-Direttiva 2004/38, jawtorizza espressament lill-Istati Membri ospitanti sabiex jissuġġettaw l-intervent tagħhom għal kundizzjoni tali, sabiex l-imsemmija ċittadini ma jsirux piż irraġonevoli għas-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ dawn istati. Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament imsemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 għandu jiġi interpretat fid-dawl ta’ dan ir-rekwiżit.

42

Fl-aħħar nett, ir-Renju Unit josserva li l-verifika tal-kriterju tad-dritt ta’ residenza hija biss waħda mit-tliet rekwiżiti kumulattivi li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex ikun jista’ jiġi stabbilit li l-persuna li titlob il-benefiċċji “tinsab” fir-Renju Unit, fis-sens tal-leġiżlazzjoni nazzojnali. Iż-żewġ rekwiżiti l-oħra, jiġifieri l-preżenza fit-territorju u r-residenza abitwali jistgħu jiġu ssodisfatti jew le indipendentement min-nazzjonalità tal-persuna li titlob il-benefiċċji, b’tali mod li ċittadin Brittaniku ma jissodisfax awtomatikament il-kundizzjoni marbuta mal-fatt li bħala persuna “tkun tinsab” fir-Renju Unit, sabiex ikollha d-dritt għall-benefiċċji soċjali inkwistjoni.

43

Ċertament, ir-Renju Unit jirrikonoxxi li dawn ir-rekwiżiti huma ssodisfatti iktar faċilment fil-każ taċ-ċittadini tiegħu milli għal ċittadini ta’ Stati Membri oħra u li din hija miżura indirettament diskriminatorja. Madankollu, billi jibbaża ruħu fuq il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja li jinsabu fil-punt 44 tas-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2013, Brey (C‑140/12, EU:C:2013:565) u li jaqgħu taħt kuntest simili, dan l-Istat Membru jqis li l-miżura hija oġġettivament iġġustifikata minħabba l-ħtieġa li jiġu mħarsa l-finanzi pubbliċi, ġaladarba l-benefiċċji soċjali inkwistjoni ma humiex iffinanzjati mill-kontribuzzjonijiet tal-benefiċjarji, iżda mit-taxxi. Barra minn hekk, xejn ma jindika li din il-miżura hija sproporzjonata biex jinkiseb l-għan imfittex, skont it-termini esposti fil-punti 71 sa 78 ta’ din is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

44

Il-Kummissjoni ssostni, fir-replika tagħha, fir-rigward tal-ilment prinċipali, li s- sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Brey (C‑140/12, EU:C:2013:565) kienet tirrigwarda biss l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38 għall-benefiċċji speċjali li ma humiex kontributorji u li jingħataw fi flus, li għandhom karatteristiċi kemm ta’ sigurtà soċjali kif ukoll ta’ għajnuna soċjali, filwaqt li din il-kawża tirrigwarda żewġ benefiċċji tal-familja fis-sens tal-Artikolu 3(1)(j) tar-Regolament Nru 883/2004, jiġifieri, benefiċċji awtentiċi ta’ sigurtà soċjali, li għalihom id-Direttiva 2004/38 ma tapplikax. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza l-eżistenza ta’ problema, fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, ta’ diverġenza fit-traduzzjoni bejn il-verżjonijiet fil-lingwa Ingliża u Ġermaniża, fejn tal-ewwel tuża l-kliem “social security benefits (“benefiċċji tas-sigurtà soċjali”), filwaqt li fit-tieni verżjoni, li hija l-verżjoni uffiċjali, huwa l-kunċett usa’ ta’ “Sozialleistungen” (“benefiċċji soċjali”) li jintuża.

45

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li minflok ma l-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit tiffavorixxi l-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni, liema fatt jikkostitwixxi l-għan intiż imfittex mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali, hija tipprekludih, billi tintroduċi ostakolu għal din il-libertà, li tieħu l-forma ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità. Dan ikollu l-konsegwenza li persuna jista’ ma jkollhiex dritt għall-benefiċċji soċjali inkwistjoni la fl-Istat ta’ oriġini tagħha, li fih hija ma għandhiex iżjed ir-residenza abitwali tagħha, u lanqas fl-Istat ospitanti, jekk hija ma tgawdix mid-dritt ta’ residenza f’dan tal-aħħar.

46

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ilment invokat sussidjarjament, il-Kummissjoni tikkontesta l-interpretazzjoni tar-Renju Unit tar-regola ta’ kunflitt prevista fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 883/2004, peress li mis-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Brey (C‑140/12, EU:C:2013:565) jirriżulta li l-prinċipju li skontu l-Istati Membri jistgħu leġittimament jimponu restrizzjonijiet sabiex jevitaw li ċittadin tal-Unjoni li huma jospitaw isir piż irraġonevoli għas-sistema ta’ għajnuna soċjali tagħhom huwa limitat għall-għajnuna soċjali u ma huwiex estiż għall-benefiċċji tas-sigurtà soċjali.

47

Barra minn hekk, fir-rigward ta’ ġustifikazzjoni eventwali tal-kundizzjoni marbuta mal-kriterju tad-dritt ta’ residenza, il-Kummissjoni ssostni li r-Renju Unit ma tipproduċi ebda element fir-rigward tal-proporzjonalità tagħha fid-dawl tal-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. It-test tad-“dritt ta’ residenza”, jiġifieri l-verifika tal-kriterju tad-dritt ta’ residenza, huwa mekkaniżmu awtomatiku li jipprekludi sistematikament u inevitabbilment lill-persuni li jitolbu l-benefiċċji li ma jissoddisfawx dan il-kriterju milli jirċievu benefiċċji, tkun liema tkun is-sitwazzjoni personali tagħhom u irrispettivament minn kemm ħallsu taxxi u kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali fir-Renju Unit. Għalhekk dan il-mekkaniżmu ma jippermettix l-evalwazzjoni individwali kumplessa li l-Qorti tal-Ġustizzja tqiegħed fuq l-Istati Membri ospitanti skont is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Brey (C‑140/12, EU:C:2013:565).

48

Fil-kontroreplika tiegħu, ir-Renju Unit jinsisti fuq il-fatt li d-dritt nazzjonali tiegħu jista’ jkun applikabbli skont ir-regola ta’ kunflitt prevista mir-Regolament Nru 883/2004 u li persuna li r-residenza abitwali tagħha tinsab fit-territorju tiegħu, minkejja kollox, jista’ ma jkollhiex dritt għall-benefiċċji soċjali speċifiċi inkwistjoni.

49

Fir-rigward ta’ diverġenzi bejn il-verżjonijiet lingwistiċi tas-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Brey (C‑140/12, EU:C:2013:565), ir-Renju Unit iqis li l-espressjoni “social benefits” hija usa’ minn dik ta’ “social security benefits” u li, jekk, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet l-ewwel espressjoni inkunsiderazzjoni minnflok it-tieni waħda fil-verżjonijiet fil-lingwa Ġermaniża u Franċiża, din iċ-ċirkustanza twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju msemmi fil-punt 44 tal-imsemmija sentenza, li jkopri wkoll il-benefiċċji tas-sigurtà soċjali. Skont dan l-Istat Membru, fl-ebda każ minn din is-sentenza ma jirriżulta li l-kunsiderazzjonijiet esposti mill-Qorti tal-Ġustizzja jillimitaw ruħhom esklużivament għall-benefiċċji speċjali mhux kontributorji li jingħataw fi flus, liema fatt, barra minn hekk, ġie kkonfermat mis-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2014, Dano (C‑333/13, EU:C:2014:2358).

50

Barra minn hekk, skont ir-Renju Unit, huwa diffiċli li wieħed jifhem li l-Istati Membri ma għandhomx obbligu jħallsu benefiċċji speċjali mhux kontributorji li jingħataw fi flus, li jiggarantixxu dħul minimu ta’ sussistenza, liċ-ċittadini tal-Unjoni mingħajr dritt ta’ residenza, filwaqt li min-naħa l-oħra jkollhom l-obbligu li jħallsulhom benefiċċji bħall-benefiċċji soċajli inkwistjoni li jmorru lil hinn mill-garanzija ta’ dħul minimu ta’ sussistenza, ġaladarba filwaqt li dawn l-aħħar benefiċċji huma ffinanzjati mit-taxxi, huma jistgħu wkoll jirrappreżentaw piż irraġonevoli għall-finanzi pubbliċi tal-Istat Membru ospitanti, fis-sens tas-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Brey (C‑140/12, EU:C:2013:565).

51

Ir-Renju Unit iżid jgħid li l-benefiċċji soċjali inkwistjoni, fi kwalunkwe każ jippreżentaw karatteristiċi tal-għajnuna soċjali, għalkemm dan ma huwiex rekwiżit essenzjali sabiex il-prinċipju stabbilit fis-sentenza Brey tad-19 ta’ Settembru 2013, Brey (C‑140/12, EU:C:2013:565), li jirrigwarda l-“benefiċċji soċjali”, ikun applikabbli wkoll għall-benefiċċji soċjali inkwistjoni. Skont dan l-Istat Membru, fis-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2014, Dano (C‑333/13, EU:C:2014:2358), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li huma biss iċ-ċittadini tal-Unjoni ekonomikament mhux attivi li r-residenza tagħhom tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38 li jistgħu jinvokaw id-dritt għal ugwaljanza fit-trattament mar-residenti nazzjonali fil-kuntest tal-aċċess għall-benefiċċji soċjali.

52

Fl-aħħar nett, dan l-Istat Membru jsostni li billi l-Kummissjoni ssostni, għall-ewwel darba fir-replika tagħha, li l-kriterju tad-dritt ta’ residenza huwa “mekkaniżmu awtomatiku” li ma jippermettix evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi tal-każ konkret kif teżiġi l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Brey (C‑140/12, EU:C:2013:565), hija tqajjem ilment ġdid, li għandu, f’dan ir-rigward, konformement mal-Artikolu 127 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġi ddikjarat inammissibbli.

53

F’dan ir-rigward, ir-Renju Unit isostni wkoll li l-perspettiva tal-funzjonament tal-kriterju tad-dritt ta’ residenza, kif ippreżentata mill-Kummissjoni f’dan l-ilment ġdid, hija żbaljata. Fil-prattika, id-dipartiment amministrattiv li jieħu ħsieb il-benefiċċji soċjali inkwistjoni jieħu inkunsiderazzjoni, fost data oħra, l-informazzjoni pprovduta mid-Department for Work and Pensions (dipartiment tax-xogħol u tal-pensjonijiet) sabiex jiddetermina jekk persuna rrikorrietx għall-għajnuna soċjali. Din l-informazzjoni tippermetti lil dan id-dipartiment jiddetermina jekk il-persuna li titlob il-benefiċċji għandhiex dritt ta’ residenza fir-Renju Unit u jekk tistax, għaldaqstant, tibbenefika mill-benefiċċji soċjali inkwistjoni. Fil-każijiet fejn ma jkunx possibbli li jiġi ddeterminat jekk il-persuna li titlob il-benefiċċji għandhiex dan id-dritt ta’ residenza jew le, issir evalwazzjoni individwali tas-sitwazzjoni personali tagħha, inkluż fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet soċjali mħallsa minnha kif ukoll il-fatt jekk tkunx qiegħda tfittex xogħol b’mod attiv u jekk ikollhiex prospetti reali li tiġi impjegata.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

– Fuq il-kwalifika tal-benefiċċji soċjali inkwistjoni

54

Sabiex tiġi eżaminata l-fondatezza ta’ dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, jeħtieġ li jiġi ddeterminat, preliminarjament, jekk il-benefiċċji soċjali inkwistjoni għandhomx jiġu kkwalifikati bħala “benefiċċji ta’ għajnuna soċjali” jew bħala “benefiċċji tas-sigurtà soċjali”.

55

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jirrigwarda l-allowances tal-familja (child benefit) u l-kreditu ta’ taxxa għall-ulied (child tax credit), jiġifieri żewġ benefiċċji fi flus li l-għan tagħhom huwa li jikkontribwixxu sabiex ikopru l-ispejjeż tal-familja u li ma humiex iffinanzjati permezz tal-kontribuzzjonijiet tal-benefiċjarji, iżda permezz tal-kontribuzzjoni fiskali obbligatorja.

56

Ebda waħda minn dawn il-benefiċċji ma tniżżlet mir-Renju Unit fl-Anness X tar-Regolament Nru 883/2004 u huwa paċifiku bejn il-partijiet li dawn ma humiex benefiċċji speċjali mhux kontributorji li jingħataw fi flus, fis-sens tal-Artikolu 70 tal-imsemmi regolament.

57

Fir-rigward tal-allowances tal-familja, mill-Artikolu 141 tal-Liġi tal-1992 jirriżulta li kull persuna li għandha mill-inqas wild dipendenti għandha d-dritt għal allowances kull ġimgħa għal kull wild, konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi.

58

Huwa paċifiku li l-allowances tal-familja jikkostitwixxu benefiċċju soċjali intiż, b’mod partikolari, sabiex jikkumpensa parzjalment l-ispejjeż li għandha ssostni persuna li għandha wild jew numru ta’ ulied dipendenti. Bħala prinċipju, dan huwa benefiċċju universali li jingħata lil kull persuna meta din titlobha. Mandakollu il-persuni li jitolbu benefiċċji iżda li għandhom dħul għoli għandhom iħallsu lura, fil-kuntest tal-obbligi fiskali tagħhom, somma minn ammont b’massimu ekwivalenti għall-benefiċċju rċevut.

59

Fir-rigward tal-kreditu ta’ taxxa għall-ulied, huwa wkoll paċifiku li dan huwa benefiċċju fi flus imħallas lil kull persuna li għandha wild jew numru ta’ ulied dipendenti, li l-ammont tiegħu ivarja skont id-dħul tal-familja, in-numru ta’ ulied dipendenti, kif ukoll fatturi oħra li jirrigwardaw is-sitwazzjoni individwali tal-familja kkonċernata. Minkejja d-denominazzjoni tiegħu, il-kreditu ta’ taxxa għall-ulied jikkorrispondi għal somma li l-amministrazzjoni kompetenti tħallas perjodikament lill-benefiċjarji u li tidher li hija assoċjata mal-kwalità tagħhom bħala persuni suġġetti għat-taxxa. Dan il-benefiċċju ssostitwixxa sensiela ta’ benefiċċji addizzjonali li kienu jingħataw lill-persuni li kienu jitolbu diversi allowances ta’ manteniment, li kienu marbuta mad-dħul u mogħtija għall-ulied dipendenti, u li l-għan tagħhom kienet il-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal.

60

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, benefiċċji mogħtija awtomatikament lill-familji li jissodisfaw ċerti kriterji oġġettivi bbażati b’mod partikolari fuq id-daqs tagħhom, id-dħul tagħhom u r-riżorsi f’kapital tagħhom, minbarra kull evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali, u li huma intiżi sabiex jikkumpensaw il-piżijiet tal-familja, għandhom jitqiesu bħala benefiċċji tas-sigurtà soċjali (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 1992, Hughes,C‑78/91, EU:C:1992:331, punt 22, u tal-10 ta’ Ottubru 1996, Hoever u Zachow, C‑245/94 u C‑312/94, EU:C:1996:379, punt 27).

61

L-applikazzjoni tal-kriterji msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza għall-benefiċċji soċjali inkwistjoni jfisser li dawn tal-aħħar għandhom jiġu kkwalifikati bħala “benefiċċji tas-sigurtà soċjali”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(j) tar-Regolament Nru 883/2004, moqri flimkien mal-Artikolu 1(z) ta’ dan l-istess regolament.

– Fuq l-ilment prinċipali

62

Permezz tal-ilment prinċipali tiegħu invokat insostenn ta’ dan ir-rikors, il‑Kummissjoni tikkritika lir-Renju Unit talli jissuġġetta l-għoti tal-benefiċċji soċjali inkwistjoni għall-kundizzjoni li l-persuna li titlobhom tissodisfa, minbarra l-kriterju marbut mal-fatt li għandha “r-residenza abitwali” tagħha fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, prevista fl-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004, moqri flimkien mal-Artikolu 1(j) ta’ dan l-istess regolament, il-kriterju tad-dritt ta’ residenza. Skont il-Kummissjoni, l-eżami ta’ dan l-aħħar kriterju għalhekk joħloq kundizzjoni addizzjonali li ma hijiex prevista.

63

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004, li fuqu tibbaża ruħha l-Kummissjoni, isemmi “regola ta’ kunflitt” intiża sabiex tiddetermina l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-għoti tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali elenkati fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, fost liema jinsabu l-benefiċċji tal-familja, li jistgħu jintalbu mill-persuni minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 11(3)(a) sa (d) tal-imsemmi regolament, jiġifieri, b’mod partikolari, il-persuni ekonomikament mhux attivi.

64

L-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004 ma għandux biss l-għan li tiġi evitata l-applikazzjoni simultanja ta’ numru ta’ leġiżlazzjonijiet nazzjonali għal sitwazzjoni speċifika u l-kumplikazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw minn dan, iżda wkoll li jipprekludi li l-persuni li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament jiġu mċaħħda minn protezzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni applikabbli għalihom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Brey, C‑140/12, EU:C:2013:565, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65

Min-naħa l-oħra, bħala tali, din id-dispożizzjoni ma għandhiex l-għan li tiddetermina r-rekwiżiti sostantivi tal-eżistenza tad-dritt għall-benefiċċji ta’ sigurtà soċjali. Bħala prinċipju hija l-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru li għandha tiddetermina dawn ir-rekwiżiti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2013, Brey, C‑140/12, EU:C:2013:565, punt 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal-11 ta’ Novembru 2014, Dano, C‑333/13, EU:C:2014:2358, punt 89).

66

Għalhekk ma jistax jinsilet mill-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004, moqri flimkien mal-Artikolu 1(j) ta’ dan l-istess regolament, li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tissuġġetta d-dritt għal benefiċċji soċjali, bħall-benefiċċji soċjali inkwistjoni, għall-fatt li l-persuna li titlobhom ikollha dritt ta’ residenza legali fl-Istat Membru kkonċernat.

67

Fil-fatt, ir-Regolament Nru 883/2004 ma jorganizzax sistema komuni ta’ sigurtà soċjali, iżda jħalli jissussistu sistemi nazzjonali distinti u għandu bħala għan uniku li jiżgura koordinazzjoni bejn dawn tal-aħħar sabiex jiggarantixxi l-eżerċizzju effettiv tal-moviment liberu tal-persuni. Huwa għalhekk iħalli jissussistu sistemi distinti li joħolqu obbligi distinti fir-rigward ta’ istituzzjonijiet distinti li kontra tagħhom il-persuna għandha drittijiet diretti jew biss skont id-dritt intern, jew skont id-dritt intern flimkien, jekk meħtieġ, mad-dritt tal-Unjoni (sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2013, Brey, C‑140/12, EU:C:2013:565, punt 43).

68

Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li xejn ma jipprekludi, bħala prinċipju, li l-għoti ta’ benefiċċji soċjali lil ċittadini tal-Unjoni ekonomikament mhux attivi jiġi ssuġġettat għall-ħtieġa li dawn jissodisfaw ir-rekwiżiti għal dritt ta’ residenza legali fl-Istat Membru ospitanti (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2013, Brey, C‑140/12, EU:C:2013:565, punt 44 u tal-11 ta’ Novembru 2014, Dano, C‑333/13, EU:C:2014:2358, punt 83).

69

Għalhekk ir-regola ta’ kunflitt prevista fl-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004 ma hijiex żnaturata, kuntrarjament għal dak li ssostni l‑Kummissjoni, permezz tal-kriterju tad-dritt ta’ residenza, ġaladarba dan il-kriterju jagħmel parti sħiħa mill-kundizzjonijiet ta’ għoti tal-benefiċċji soċjali inkwistjoni.

70

Għaldaqstant, għandu jiġi osservat li l-argument invokat mill-Kummissjoni li persuna li ma tissodisfax ir-rekwiżiti meħtieġa sabiex tkun tista’ tibbenefika mill-benefiċċji soċjali inkwistjoni tinsab f’sitwazzjoni li fiha la d-dritt tar-Renju Unit u lanqas dritt ieħor ma huwa applikabbli fil-konfront tagħha lanqas ma jista’ jintlaqa’.

71

Fil-fatt, sitwazzjoni bħal din ma hijiex differenti minn dik li fiha tinsab persuna li titlob il-benefiċċji li ma tissodisfax wieħed mir-rekwiżiti meħtieġa sabiex tkun tista’ tibbenefika minn benefiċċju tal-familja għal raġuni kwalunkwe u li, minħabba dan il-fatt, effettivament f’ebda Stat Membru ma jkollha d-dritt għal benefiċċju bħal dan. Issa, din iċ-ċirkustanza ma tidhirx li hija dovuta għall-fatt li ebda dritt ma huwa applikabbli fil-konfront ta’ din il-persuna li titlob il-benefiċċji, iżda mal-fatt li hija ma tissodisfax ir-rekwiżiti sostantivi previsti mill-Istat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu huwa applikabbli għalih skont ir-regoli ta’ kunflitt.

72

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar ukoll li sa mit-tweġiba tiegħu għall-opinjoni motivata, ir-Renju Unit ikkontesta b’mod kostanti l-argument li kellu l-intenzjoni jissuġġetta l-verifika tan-natura abitwali tar-residenza tal-persuna li titlob il-benefiċċji fit-territorju tiegħu b’mod partikolari għall-kundizzjoni li din il-persuna jkollha dritt ta’ residenza regolari f’dan it-territorju. Fil-fatt, hekk kif osserva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, imkien ma jirriżulta mill-atti sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja li r-Renju Unit kellu l-intenzjoni jorbot il-kriterju tad-dritt ta’ residenza mal-verifika tar-residenza abitwali, fis-sens tal-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004. Hekk kif sostna dan l-Istat Membru waqt is-seduta, il-legalità tar-residenza tal-persuna li titlob il-benefiċċji fit-territorju tagħha tikkostitwixxi rekwiżit sostantiv li l-persuni mhux ekonomikament mhux attivi għandhom jissodisfaw sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-benefiċċji soċjali inkwistjoni.

73

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, sa fejn il-Kummissjoni ma werietx li l-kriterju tad-dritt ta’ residenza introdott bil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit, jaffettwa, fih innifsu, id-dispożizzjoni tal-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004, moqri flimkien mal-Artikolu 1(j) ta’ dan l-istess regolament, jeħtieġ li jiġi miċħud l-ilment imqajjem minn din l-istituzzjoni b’mod prinċipali.

– Fuq l-ilment sussidjarju

74

Sussidjarjament, fil-każ li kellu jiġi deċiż li l-verifika tal-kriterju tad-dritt ta’ residenza ma hijiex, fiha nnifsha, inkorporata f’dak tar-residenza abitwali tal-persuna li titlob il-benefiċċji soċjali inkwistjoni u li l-verifika ta’ dan l-ewwel kriterju ssir b’mod awtonomu, il-Kummissjoni ssostni li l-introduzzjoni tal-kriterju tad-dritt ta’ residenza fil-leġiżlazzjoni nazzjonali twassal, inevitabbilment, għal diskriminazzjoni diretta, jew minn tal-inqas indiretta, ipprojbita mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004.

75

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, kif issemma fil-punt 68 ta’ din is-sentenza, xejn ma jipprekludi, bħala prinċipju, li l-għoti ta’ benefiċċji soċjali lil ċittadini tal-Unjoni ekonomikament mhux attivi jkun suġġett għall-kundizzjoni bażika li dawn jissodisfaw ir-rekwiżiti sabiex ikollhom dritt ta’ residenza legali fl-Istat Membru ospitanti.

76

Xorta jibqa’ l-fatt li Stat Membru ospitanti li, għall-finijiet tal-għoti ta’ benefiċċji soċjali, bħall-benefiċċji soċjali inkwistjoni, jirrikjedi residenza regolari minn ċittadin ta’ Stat Membru ieħor fit-territorju tiegħu jwettaq diskriminazzjoni indiretta.

77

Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dispożizzjoni nazzjonali għandha titqies li hija indirettament diskriminatorja, meta tista’, minħabba n-natura tagħha stess, taffettwa liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra iktar milli liċ-ċittadini nazzjonali u li hija tista’, konsegwentement, tisfavorixxi lil tal-ewwel b’mod iktar partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ April 2010, Bressol et, C‑73/08, EU:C:2010:181, punt 41).

78

Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, il-leġiżlazzjoni nazzjonali timponi fuq il-persuni li jitolbu l-benefiċċji inkwistjoni li jkollhom dritt ta’ residenza fir-Renju Unit. B’hekk, din il-leġiżlazzjoni toħloq nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn iċ-ċittadini Brittaniċi u ċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra, ġaladarba kundizzjoni ta’ residenza ta’ dan it-tip tiġi ssodisfatta iktar faċilment miċ-ċittadini nazzjonali, li iktar ta’ spiss ikollhom ir-residenza abitwali tagħhom fir-Renju Unit, milli miċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra, li r-residenza tagħhom tinsab, bħala regola ġenerali, fi Stat Membru ieħor minbarra r-Renju Unit (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ April 2010, Bressol et, C‑73/08, EU:C:2010:181, punt 45).

79

Sabiex tiġi ġġustifikata, diskriminazzjoni indiretta bħal din għandha tkun tali li tiggarantixxi t-twettiq ta’ għan leġittimu u ma tistax tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan il-għan (ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et, C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 46).

80

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ħtieġa li jiġu protetti l-finanzi tal-Istat Membru ospitanti jiġġustifika bħala prinċipju l-possibbiltà li tiġi vverifikata n-natura regolari tar-residenza fil-mument tal-għoti ta’ benefiċċju soċjali b’mod partikolari lill-persuni li jiġu minn Stati Membri oħra u li ma humiex ekonomikament attivi, ġaladarba dan l-għoti jista’ jkollu konsegwenzi fuq il-livell globali tal-għajnuna li tista’ tingħata minn dan l-Istat (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk, C‑184/99, EU:C:2001:458, punt 44; tal‑15 ta’ Marzu 2005, Bidar, C‑209/03, EU:C:2005:169, punt 56; tad-19 ta’ Settembru 2013, Brey, C‑140/12, EU:C:2013:565, punt 61, u tal-11 ta’ Novembru 2014, Dano, C‑333/13, EU:C:2014:2358, punt 63).

81

Fir-rigward tal-proporzjonalità tal-kriterju tad-dritt ta’ residenza, għandu jiġi kkonstatat li, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 92 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-verifika, mill-awtoritajiet nazzjonali, fil-kuntest tal-għoti tal-benefiċċji soċjali inkwistjoni, tal-fatt jekk il-persuna li titlob il-benefiċċji tinsabx fit-territorju, għandha titqies bħala eżempju ta’ verifika tan-natura regolari tar-residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2004/38, u konsegwentement għandha tissodisfa r-rekwiżiti ta’ din tal-aħħar.

82

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2004/38, iċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom igawdu mid-dritt ta’ residenza msemmija fl-Artikoli 7, 12 u 13 ta’ din id-direttiva sa fejn jissodisfaw ir-rekwiżiti msemmija minn dawn l-artikoli. F’ċerti każijiet speċifiċi, fejn hemm dubju dwar jekk ċittadin tal-Unjoni jew il-membri tal-familja tiegħu jissoddisfawx ir-rekwiżiti stabbiliti fl-imsemmija artikoli, l-Istati Membri jistgħu jivverifikaw jekk dan huwiex effettivament il-każ. Issa, l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2004/38 jipprevedi li din il-verifika ma hijiex sistematika.

83

Mill-osservazzjonijiet ifformulati mir-Renju Unit waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għal kull wieħed mill-benefiċċji soċjali inkwistjoni, il-persuna li titlob il-benefiċċji għandha tindika, fil-formola ta’ applikazzjoni, sensiela ta’ data li turi jekk jeżistix dritt ta’ reżidenza fir-Renju Unit jew le, fejn din id-data hija sussegwentement ivverifikata mill-awtoritajiet kompetenti għall-għoti tal-benefiċċju kkonċernat. Huwa biss f’każijiet partikolari li l-persuni li jitolbu l-benefiċċji huma meħtieġa jipproduċu l-prova li effettivament igawdu minn dritt ta’ residenza regolari fit-territorju tar-Renju Unit, hekk kif ikunu ddikjaraw fil-formola ta’ applikazzjoni għall-benefiċċji.

84

B’hekk mill-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-verifika tal-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti mid-Direttiva 2004/38 għall-eżistenza tad-dritt ta’ residenza ma ssirx sistematikament u konsegwentement ma hijiex kuntrarja għar-rekwiżiti tal-Artikolu 14(2) tal-imsemmija direttiva. Huwa biss fil-każ ta’ dubju li l-awtoritajiet Brittaniċi jwettqu l-verifiki neċessarji sabiex jiddeterminaw jekk il-persuna li titlob il-benefiċċji tissodisfax, jew le, ir-rekwiżiti previsti mid-Direttiva 2004/38, b’mod partikolari dawk imsemmija fl-Artikolu 7 tagħha, u, għaldaqstant, jekk din għandhiex dritt ta’ residenza regolari fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, fis-sens ta’ din id-direttiva.

85

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni, li għandha l-oneru li tistabbilixxi l-eżistenza tal-ksur allegat u li tipproduċi l-provi neċessarji lill-Qorti tal-Ġustizzja għall-verifika minn din tal-aħħar tal-eżistenza ta’ dan il-ksir (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-23 ta’ Diċembru 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑180/14, EU:C:2015:840, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata), ma pproduċietx elementi li juru li tali verifika ma tissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ proporzjonalità, li ma hijiex idonea sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan ta’ protezzjoni tal-finanzi pubbliċi u li tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan.

86

Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li l-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kuntest ta’ dan ir-rikors tipprovdi li, għall-finijiet tal-għoti tal-benefiċċji soċjali inkwistjoni, l-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit jirrikjedu residenza regolari fit-territorju tagħhom taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jitolbu tali benefiċċji, ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni pprojbita skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004.

87

Konsegwentement, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

Fuq l-ispejjeż

88

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitlub mir-Renju Unit.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.