Kawża C‑306/14

Direktor na Agentsia “Mitnitsi”

vs

Biovet AD

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Varhoven administrativen sad)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva Nru 92/83/KE — Armonizzazzjoni tal-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku — Artikolu 27(1)(d) — Eżenzjoni tas-sisa armonizzata — Alkoħol etiliku — Użu għat-tindif u għad-diżinfezzjoni ta’ materjal u ta’ faċilitajiet li jintużaw għall-manifattura ta’ prodotti mediċinali”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-15 ta’ Ottubru 2015

  1. Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Identifikazzjoni tal-punti ta’ liġi tal-Unjoni li huma rilevanti — Riformulazzjoni tad-domandi

    (Artikolu 267 TFUE)

  2. Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Dazji tas-sisa — Direttiva Nru 92/83 — Alkoħol u xorb alkoħoliku — Eżenzjonijiet tad-dazju tas-sisa armonizzat — Prodotti użati għall-manifattura ta’ prodotti mediċinali — Kunċett — Alkoħol etiliku użat għat-tindif u għad-diżinfezzjoni ta’ materjali u ta’ faċilitajiet li jintużaw għall-manifattura ta’ prodotti mediċinali — Inklużjoni

    (Direttiva tal-Kunsill Nru 92/83, Artikolu 27(1)(d))

  1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 17)

  2.  L-Artikolu 27(1)(d) tad-Direttiva Nru 92/83, dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu ta’ eżenzjoni previst f’din id-dispożizzjoni japplika għal alkoħol etiliku użat minn impriża sabiex tnaddaf jew tiddiżinfetta l-materjal u l-faċilitajiet li jintużaw għall-manifattura ta’ prodotti mediċinali.

    Fil-fatt, il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni la jissuġġetta l-applikazzjoni ta’ din l-eżenzjoni għall-kundizzjoni li dawn il-prodotti jintużaw direttament għall-manifattura tal-prodotti mediċinali u lanqas li jagħmlu parti mill-kompożizzjoni ta’ prodotti mediċinali fil-manifattura tagħhom. L-imsemmija eżenzjoni tfittex li tinnewtralizza l-impatt tad-dazju tas-sisa armonizzat fuq l-alkoħol li jintuża għall-manifattura ta’ prodotti mediċinali, indipendentement minn jekk dan l-alkoħol jagħmilx parti mill-kompożizzjoni ta’ dawn il-prodotti mediċinali jew jekk ikun meħtieġ biss għall-manifattura tagħhom mingħajr ma jagħmel parti mill-kompożizzjoni tagħhom.

    Barra minn hekk, sa fejn l-alkoħol etiliku huwa użat bil-għan ta’ diżinfezzjoni inerenti fil-proċess tal-manifattura ta’ prodotti mediċinali, dan għandu jitqies li jintuża “għall-produzzjoni ta’ prodotti mediċinali” fis-sens tal-Artikolu 27(1)(d) tad-Direttiva Nru 92/83.

    (ara l-punti 20, 23, 26, 28 u d-dispożittiv)