Kawża C‑299/14
Vestische Arbeit Jobcenter Kreis Recklinghausen
vs
Jovanna García-Nieto et
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landessozialgericht Nordrhein-Westfalen)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Moviment liberu tal-persuni — Ċittadinanza tal-Unjoni — Ugwaljanza fit-trattament — Direttiva 2004/38/KE — Artikolu 24(2) — Benefiċċji ta’ assistenza soċjali — Regolament (KE) Nru 883/2004 — Artikoli 4 u 70 — Benefiċċji speċjali li ma humiex kontributorji — Esklużjoni taċ-ċittadini ta’ Stat Membru matul l-ewwel tliet xhur ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti”
Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-25 ta’ Frar 2016
Ċittadinanza tal-Unjoni — Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri — Direttiva 2004/38 — Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament — Obbligu tal-Istat Membru ospitanti li jagħti d-dritt għall-benefiċċji soċjali liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn li ma jeżerċitawx attività ekonomika — Kundizzjonijiet — Residenza fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti li tosserva l-kundizzjonijiet tad-direttiva
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill 2004/38, premessa 10 u Artikolu 24(1))
Ċittadinanza tal-Unjoni — Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri — Direttiva 2004/38 — Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament — Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi l-benefiċċju ta’ ċerti benefiċċji speċjali li ma humiex kontributorji lil ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn matul l-ewwel tliet xhur ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti — Ammissibbiltà
(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 883/2004, Artikoli 4 u 70(2); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38, Artikoli 6(1), 14(1), u 24(2))
Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punti 38, 39)
L-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, u l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tiċħad ċerti “benefiċċji speċjali mhux kontributorji u li jingħataw fi flus” fis-sens tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 883/2004, li wkoll jikkostitwixxu “benefiċċju ta’ assistenza soċjali” fis-sens tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38, liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jkunu fl-istess sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva.
Fil-fatt, l-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi li ċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perijodu ta’ mhux iktar minn tliet xhur, mingħajr xi kundizzjonijiet jew formalitajiet għajr il-ħtieġa li jkollhom karta tal-identità jew passaport li jkunu validi, u l-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva jżomm dan id-dritt sakemm iċ-ċittadin tal-Unjoni u l-membri tal-familja tiegħu ma jsirux piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti. Madankollu, l-Istat Membru ospitanti jista’ jinvoka d-deroga tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 sabiex jirrifjuta li jagħti l-benefiċċju ta’ assistenza soċjali mitlub mill-imsemmi ċittadin. Fil-fatt, jirriżulta espressament mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni li l-Istat Membru ospitanti, matul l-ewwel tliet xhur ta’ residenza, jista’ jirrifjuta li jagħti lill-persuni li ma humiex ħaddiema, dawk li jaħdmu għal rashom jew dawk li jżommu tali status kwalunkwe għoti ta’ għajnuna soċjali. L-imsemmija dispożizzjoni hija konformi mal-għan tal-preservazzjoni tal-bilanċ finanzjarju tas-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istati Membri mfittex mid-Direttiva 2004/38, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-premessa 10 tagħha. Peress li l-Istati Membri ma jistgħux jeżiġu, mingħand iċ-ċittadini tal-Unjoni, li jkollhom mezzi suffiċjenti ta’ sussistenza u li jkollhom il-kopertura medika personali meta jirrisjedu għal massimu ta’ tliet xhur fit-territorji rispettivi tagħhom, huwa leġittimu li ma jiġix impost fuq l-Istati Membri li jieħdu ħsieb dawn iċ-ċittadini matul dan il-perijodu.
L-istess konklużjoni tapplika f’dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004. Fil-fatt, il-benefiċċji inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkostitwixxu “benefiċċji speċjali mhux kontributorji u li jingħataw fi flus” fis-sens tal-Artikolu 70(2) tar-regolament imsemmi, jingħataw, abbażi tal-paragrafu (4) ta’ dan l-istess artikolu, esklużivament fl-Istat Membru li fih tirrisjedi l-persuna kkonċernata u b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni tiegħu. Minn dan isegwi li xejn ma jipprekludi li tali benefiċċji jiġu rrifjutati lil ċittadini ta’ Stati Membri oħra li ma jkollhomx l-istatus ta’ ħaddiem jew li jaħdmu għal rashom jew li jżommu tali status matul l-ewwel tliet xhur tar-residenza tagħhom fl-Istat ospitanti.
(ara l-punti 37-42, 45 u d-dispożittiv)