SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)
9 ta’ Ġunju 2016 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Trasport bit-triq — Regolament (KE) Nru 561/2006 — Responsabbiltà tas-sewwieq għall-ksur tal-obbligu ta’ użu ta’ takigrafu”
Fil-Kawża C‑287/14,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Gyulai törvényszék (qorti ta’ Gyula, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Ġunju 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Ġunju 2014, fil-proċedura
Eurospeed Ltd
vs
Szegedi Törvényszék,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),
komposta minn E. Levits, li qiegħed jaġixxi bħala President tas-Sitt Awla, M. Berger (Relatur) u S. Rodin, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
— |
għal Eurospeed Ltd, minn D. Irinkov, ügyvéd, |
|
— |
għall-Gvern Ungeriż, minn Z. Fehér, G. Szima u M. Bóra, bħala aġenti, |
|
— |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Galluzzo, avvocato dello Stato, |
|
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Havas u J. Hottiaux, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ responsabbiltà tal-Istati Membri għad-danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tal-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 (ĠU 2006, L 102, p. 1). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Eurospeed Ltd u l-iSzegedi törvényszék (qorti ta’ Szeged, l-Ungerija) dwar il-kumpens għall-konsegwenzi dannużi ta’ multa imposta minn din tal-aħħar fuq tliet impjegati ta’ Eurospeed, li għad-drittijiet tagħha din il-kumpannija hija ssurrogata, għal ksur tal-obbligi li jirriżultaw mir-Regolament Nru 561/2006. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
Skont il-premessi 17, 27 u 31 tar-Regolament Nru 561/2006:
[...]
[...]
|
|
4 |
L-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 561/2006 jipprevedi: “Kwalunkwe ħin li s-sewwieq jieħu biex jivvjaġġja lejn il-vettura u lura u li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, li mhix fid-dar tas-sewwieq jew fiċ-ċentru ta’ operazzjonijiet ta’ min iħaddem fejn is-sewwieq hu normalment ibbażat, m’għandux jitqies bħala perijodu ta’ mistrieħ jew pawża sakemm ix-xufier mhuwiex fuq vapur jew trejn u għandu aċċess għal couchette.” |
|
5 |
L-Artikolu 10(1), (2) u (3) tar-Regolament Nru 561/2006 jipprovdi: “1. Impriża tat-trasport ma għandhiex tagħti lix-xufiera li timpjega jew li jkunu għad-disposizzjoni tagħha xi ħlas, anke jekk ikun fil-forma ta’ bonus jew żieda mal-paga, li jkun relatat mad-distanza tal-vjaġġ li jkun sar u/jew l-ammont ta' merkanzija li nġarret jekk dak il-ħlas ikun tali li jista’ jipperikola s-sigurtà fit-triq u/jew jinkoraġġixxi ksur ta’ dan ir-Regolament. 2. Impriża tat-trasport għandha torganizza x-xogħol tax-xufiera msemmija fil-paragrafu 1 b’tali mod illi x-xufiera jkunu jistgħu jikkonformaw mar-Regolament [Nru 3821/85] u l-Kapitolu II ta’ dan ir-Regolament. L-impriża tat-trasport għandha tagħti struzzjonijiet kif jixraq lix-xufier u għandha tagħmel kontrolli regolari sabiex tiżgura l-konformità mar-Regolament [Nru 3821/85] u l-Kapitolu II ta’ dan ir-Regolament. . 3. Impriża tat-trasport hija responsabbli għal ksur li jsir mix-xufiera ta’ l-impriża, anki jekk il-ksur ikun sar fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew pajjiż terz. Bla ħsara għad-dritt ta’ l-Istati Membri li jżommu impriżi tat-trasport kompletament responsabbli, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu din ir-responsabbiltà kondizzjonali fuq il-ksur mill-impriża tal-paragrafi 1 u 2. L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw kull prova li l-impriża tat-trasport ma tistax b’mod raġonevoli tinżamm responsabbli għall-ksur li jkun sar.” |
|
6 |
Skont l-Artikolu 19(1) u (2) tar-Regolament Nru 561/2006: “1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar penali li japplikaw għal ksur ta’ dan ir-Regolament u r-Regolament [Nru 3821/85] u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jiżguraw illi jkunu implimentati. Dawk il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati, dissważivi u b’mod li ma jiddiskriminawx. L-ebda ksur ta’ dan ir-Regolament u r-Regolament [Nru 3821/85] ma għandu jkun suġġett għal aktar minn penali jew proċedura waħda. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dawn il-miżuri sad-data imsemmija fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 29. Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Istati Membri kif xieraq. 2. Stat Membru għandu jagħti l-kapaċità lill-awtoritajiet kompetenti li jimponu penali fuq impriża u/jew xufier għal ksur ta’ dan ir-Regolament li jinqabad fit-territorju tiegħu u li għalih tkun għadha ma ġietx imposta penali, anki meta dak il-ksur ikun sar fit-territorju ta' Stat Membru ieħor jew ta’ pajjiz terz. Bħala eċċezzjoni, fejn jinstab ksur:
Stat Membru jista’, sa l- 1 ta’ Jannar 2009, minflok ma jimponi penali, jinnotifika bil-fatti tal-ksur lill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru jew fil-pajjiż terz fejn l-impriża hija stabbilita jew fejn ix-xufier għandu l-post ta’ l-impjieg tiegħu.” |
|
7 |
Skont l-Artikolu 22(3) tar-Regolament Nru 561/2006: “L-Istati Membri għandhom jibgħatu regolarment l-informazzjoni relevanti dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni nazzjonali ta' dan ir-Regolament lill-Kummissjoni, li għandha tagħmel din l-informazzjoni disponibbli fil-forma elettronika lill-Istati Membri l-oħra.” |
|
8 |
L-Artikolu 15(7) tar-Regolament Nru 3821/85, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006 (ĠU 2006, L 102, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 3821/85 emendat”), jipprovdi:
|
Id-dritt Ungeriż
|
9 |
L-Artikolu 20 tal-közúti közlekedésről szóló 1988. évi I. törvény (Liġi Nru 1 tal-1988 dwar iċ-ċirkolazzjoni fit-triq, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar iċ-ċirkolazzjoni fit-triq”) jipprovdi: “(1) Tista’ tiġi imposta multa fir-rigward ta’ kull persuna li tikser id-dispożizzjonijiet previsti f’din il-liġi, kif ukoll f’dispożizzjonijiet legali speċifiċi u f’atti tad-dritt Komunitarju, dwar [...]
[…] (2) Is-segwenti huma awtorizzati jwettqu l-proċedura relatata mal-impożizzjoni tal-multa (skont is-setgħat ta’ superviżjoni tagħhom kif iddefiniti fis-subparagrafu (11)): l-awtorità tat-trasport, il-pulizija, l-awtorità tad-dwana, l-awtorità responsabbli għall-protezzjoni mid-diżastri, l-awtorità tax-xogħol u l-awtorità responsabbli għas-sorveljanza taż-żoni pubbliċi. (3) Id-dispożizzjonijiet previsti fid-dispożizzjoni legali speċifika li tirregola l-attività ta’ superviżjoni tal-awtorità responsabbli għall-proċedura huma applikabbli għall-proċedura ta’ impożizzjoni tal-multa prevista fis-subparagrafu (2), sakemm dan l-artikolu ma jipprevedix mod ieħor. (4) Kull persuna – bl-eċċezzjoni ta’ minn jikri, jew tas-sewwieq ta’, vettura privata mikrija mingħand ġestjonarju ta’ flotta ta’ vetturi bil-mutur fis-sens tal-liġi dwar it-taxxa ta’ reġistrazzjoni, jekk it-taxxa ta’ reġistrazzjoni relatata mal-vettura tkun tħallset u s-sewwieq tal-vettura privata jipproduċi prova ta’ dan billi jipproduċi ċertifikat maħruġ mill-awtorità tad-dwana – li tikser dispożizzjoni tal-punti (a) sa (j) u (l) tas-subparagrafu (1) tista’ tiġi imposta multa ta’ [HUF] 10000 sa [HUF] 800000 u, fil-każ imsemmi fil-punt (k), ta’ [HUF] 10000 sa [HUF] 300000. Dispożizzjoni legali speċifika għandha tiffissa l-ammont massimu tal-multi li jistgħu jiġu imposti fil-każ ta’ ksur tad-diversi dispożizzjonijiet, kif ukoll tal-multa li tista’ tiġi imposta, f’din l-istess proċedura, għal diversi atti jew ommissjonijiet li jikkostitwixxu ksur. Ebda multa ma tista’ tiġi imposta meta jkunu għaddew sentejn mit-twettiq tal-att li jikkostitwixxi ksur (preskrizzjoni). (5) Il-persuna responsabbli għall-ksur ta’ waħda mid-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq għandha l-obbligu tħallas il-multa. Meta tkun tista’ tiġi stabbilita r-responsabbiltà ta’ diversi persuni, dawn ikollhom l-obbligu jħallsu l-ammont tal-multa stabbilita fid-dispożizzjoni legali speċifika prorata għall-parti rispettiva tar-responsabbiltà tagħhom għall-ksur. Jekk il-parti tar-responsabbiltà tagħhom ma tkunx tista’ tiġi stabbilita, l-obbligu li titħallas il-multa jaqa’ fuq dawn il-persuni b’mod ugwali. Ma jistax jiġi stabbilit obbligu li titħallas il-multa fil-każ ta’ raġuni imperattiva li ma taqax taħt il-kontroll tal-persuna li twettaq it-trasport bit-triq, li hija ma pprevedietx u lanqas ma setgħet raġonevolment tipprevedi. [...]” |
|
10 |
Fil-punt 15 tal-Artikolu 48(3)(a) tal-liġi dwar iċ-ċirkolazzjoni fit-triq, il-leġiżlatur awtorizza lill-Gvern jistabbilixxi, permezz ta’ digriet governattiv, b’mod partikolari, “l-ammont tal-multi li jistgħu jiġu imposti fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet relatati mat-trasport bit-triq ta’ merkanzija u mat-trasport ta’ merkanzija sfuża u ta’ ċerti regoli dwar iċ-ċirkolazzjoni fit-triq, kif ukoll ir-regoli ġenerali li jirregolaw il-kompiti tal-amministrazzjoni fil-kuntest tal-impożizzjoni ta’ multi”. |
|
11 |
L-Artikolu 5 tal-Közúti árufuvarozáshoz, személyszállításhoz és a közúti közlekedéshez kapcsolódó egyes rendelkezések megsértése esetén kiszabható bírságok összegéről, valamint a bírságolással összefüggő hatósági feladatokról szóló 156/2009. Kormányrendelet (Digriet Governattiv Nru 156/2009, dwar l-ammont tal-multi li jistgħu jiġu imposti fil-każ ta’ ksur ta’ ċertu dispożizzjonijiet relatati mat-trasport bit-triq ta’ merkanzija u ta’ persuni u maċ-ċirkolazzjoni fit-triq, kif ukoll dwar il-kompiti tal-awtorità pubblika relatati mal-impożizzjoni ta’ multi), tad-29 ta’ Lulju 2009 (iktar ’il quddiem id-“Digriet Governattiv Nru 156/2009”), jipprevedi kif ġej: “Fir-rigward tal-Artikolu 20(1)(d) tal-liġi [dwar iċ-ċirkolazzjoni bit-triq], l-ammont tal-multa li ġie ffissat skont l-Anness 4 ta’ dan l-istess digriet għandu – bl-eċċezzjoni ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva jew regolamentari kuntrarja – jitħallas mill-persuna li tikser dispożizzjoni relatata mat-tagħmir ta’ reġistrazzjoni u mad-diski takigrafiċi, kif ukoll mal-użu tagħhom, prevista: [...]
[...]” |
|
12 |
Skont il-qorti tar-rinviju, il-punti 12 u 13 tal-Anness 4 tad-Digriet Governattiv Nru 156/2009 jipprovdu kif ġej: “12: Att punibbli b’multa: is-sewwieq ma jkunx jista’ jippreżenta l-informazzjoni rreġistrata fuq id-diska jew fuq il-card tas-sewwieq għal dak il-jum. Ammont tal-multa: [HUF] 400000 . Persuna li għandha l-obbligu tħallas il-multa: is-sewwieq. 13: Att punibbli b’multa: is-sewwieq ma jkunx jista’ jippreżenta l-informazzjoni rreġistrata fuq id-diska għat-tmienja u għoxrin jum preċedenti. Ammont tal-multa: [HUF] 400000 . Persuna li għandha l-obbligu tħallas il-multa: is-sewwieq; it-trasportatur.” |
|
13 |
L-Artikolu 340(1) tal-Polgári perrendtartásról szóló 1952. évi III. törvény (Liġi Nru III tal-1952 li tistabbilixxi l-kodiċi tal-proċedura ċivili, iktar ’il quddiem: il-kodiċi tal-proċedura ċivili) jipprevedi: “Is-sentenza mogħtija mill-qorti ma tistax tiġi appellata, ħlief kif previst fis-subparagrafu(2).” |
|
14 |
Skont l-Artikolu 340/A(2) ta’ dan il-kodiċi: “Appell ta’ kassazzjoni ma huwiex possibbli [...] [...]
|
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
15 |
Eurospeed hija impriża tat-trasport irreġistrata fil-Bulgarija. Hija timpjega, bħala sewwieqa, lil Ivaylo Todorov Dishev, lil Deyan Todorov Dishev u lil Stoyan Dimov, ċittadini Bulgari. |
|
16 |
Matul vjaġġ bejn ir-Repubblika Ċeka u l-Bulgarija sar kontroll fil-fruntiera bejn l-Ungerija u r-Rumanija minn aġenti tan-Nemzeti Adó- és Vámhivatal Csongrád Megyei Vám- és Pénzügyőri Igazgatósága (direttorat dipartimentali tad-dwana u tal-finanzi ta’ Csongrád, l-Ungerija) fuq trakkijiet kbar li jġorru l-merkanzija, irreġistrati fir-Repubblika Ċeka u misjuqa mill-persuni msemmija fil-punt 15 ta’ din is-sentenza. |
|
17 |
F’dan il-kontroll, Ivaylo Todorov Dishev u Diyan Todorov Dishev la setgħu jippreżentaw diska takigrafika u lanqas rekord manwali tal-attivitajiet tagħhom matul it-tmienja u għoxrin jum preċedenti. |
|
18 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-direttorat dipartimentali tad-dwana u tal-finanzi ta’ Csongrád qies li dawn iż-żewġ sewwieqa kienu kisru l-Artikolu 15(7) tar-Regolament Nru 3821/85 kif emendat kif ukoll l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 561/2006, u impona fuq kull wieħed minnhom multa amministrattiva ta’ HUF 400000 (madwar EUR 1280). |
|
19 |
Fir-rigward ta’ S. Dimov, li ma setax jippreżenta dokument validu li juri n-natura tal-attività li huwa kien eżerċita qabel it-12 ta’ April 2013, data li fiha huwa ġie rreklutat minn Eurospeed bħala sewwieq, dan l-istess direttorat qies li l-persuna kkonċernata kienet kisret id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15(7) tar-Regolament Nru 3821/85 kif emendat u imponilu multa ta’ HUF 400000 (madwar EUR 1280). |
|
20 |
Permezz ta’ deċiżjonijiet tat-30 ta’ Mejju, tal-31 ta’ Mejju u tat-3 ta’ Ġunju 2013 in-Nemzeti Adó- és Vámhivatal Regionális Vám- és Pénzügyőri Főigazgatósága (direttorat prinċipali reġjonali tad-dwana u tal-finanzi, li jaqa’ taħt l-amministrazzjoni nazzjonali tat-taxxa u tad-dwana, l-Ungerija) ikkonferma d-deċiżjonijiet tad-direttorat dipartimentali tad-dwana u tal-finanzi ta’ Csongrád. |
|
21 |
Ir-rikors ippreżentat mis-sewwieq inkwistjoni fil-kawża prinċipali kontra dawn id-deċiżjonijiet ġie miċħud mill-iSzegedi közigazgatási és munkaügyi bíróság (qorti amministrattiva u tax-xogħol ta’ Szeged, l-Ungerija). Din il-qorti ċaħdet, b’mod partikolari, l-argument li l-multi kien imisshom ġew imposti fuq Eurospeed u mhux fuq is-sewwieqa. |
|
22 |
Skont l-Artikoli 340 u 340/A tal-kodiċi tal-proċedura ċivili, ebda appell jew appell ta’ kassazzjoni ma seta’ jiġi ppreżentat kontra s-sentenza tal-iSzegedi közigazgatási és munkaügyi bíróság (qorti amministrattiva u tax-xogħol ta’ Szeged). |
|
23 |
Eurospeed, li ħallset il-multi imposti fuq l-impjegati tagħha, ippreżentat rikors quddiem il-Gyulai törvényszék (qorti ta’ Gyula, l-Ungerija) u talbet, bħala kumpens għall-konsegwenzi dannużi tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni mill-iSzegedi közigazgatási és munkaügyi bíróság (qorti amministrattiva u tax-xogħol ta’ Szeged), il-ħlas ta’ somma ta’ HUF 1248000 (madwar EUR 3992), li tikkorrispondi għall-ammont tal-multi u għall-ispiża relatata mal-preżentata tar-rikors, u l-ħlas ta’ interessi moratorji fuq din is-somma. |
|
24 |
F’dan ir-rigward, Eurospeed b’mod partikolari ssostni li l-iSzegedi közigazgatási és munkaügyi bíróság (qorti amministrattiva u tax-xogħol ta’ Szeged) kisret l-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 561/2006 billi ċaħdet ir-rikors ippreżentat mill-impjegati tagħha, peress li l-multi kien imisshom ġew imposti fuqha u mhux fuq dawn tal-aħħar. Insostenn ta’ dan l-ilment, Eurospeed tinvoka diversi deċiżjonijiet nazzjonali li minnhom jirriżulta li, f’tali sitwazzjoni fattwali, il-multa ma għandhiex tiġi imposta fuq is-sewwieq iżda fuq l-impriża tat-trasport li timpjegah. Il-multa għandha tiġi imposta fuq is-sewwieq biss fil-każ li l-impriża tat-trasport hija eżentata mir-responsabbiltà tagħha. |
|
25 |
L-iSzegedi törvényszék (qorti ta’ Szeged), li minnha l-iSzegedi közigazgatási és munkaügyi bíróság (qorti amministrattiva u tax-xogħol ta’ Szeged) tifforma unità organizzazzjonali, tikkonkludi li r-rikors għandu jiġi miċħud billi tqis li, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Kúria (qorti suprema, l-Ungerija), multa tista’ tiġi legalment imposta fuq is-sewwieq ta’ vettura. F’kull każ, hija tqis li ma kienx hemm ksur flagranti u manifest biżżejjed ta’ dispożizzjoni legali. |
|
26 |
Il-qorti tar-rinviju b’mod partikolari tirrileva li, fil-każ li l-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 561/2006 kellu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li s-sanzjonijiet previsti mill-Istati Membri għall-issanzjonar tal-ksur tal-obbligi li jirriżultaw minn dan ir-regolament jistgħu jiġu imposti, esklużivament jew le, fuq is-sewwieq ta’ vettura, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ titqies li hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, tista’ eventwalment tqum ir-responsabbiltà tal-Istat għall-ksur ta’ dan id-dritt. |
|
27 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Gyulai törvényszék (qorti ta’ Gyula) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq it-tieni domanda
|
28 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, li hemm lok li tiġi eżaminata l-ewwel, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk ir-Regolament Nru 561/2006, u b’mod partikolari l-Artikolu 10(3) tiegħu, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, minflok jew minbarra l-impriża tat-trasport li timpjega lis-sewwieq, iżżomm lis-sewwieq responsabbli għall-ksur ta’ dan ir-regolament li huwa stess ikun wettaq. |
|
29 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Eurospeed u l-qorti tar-rinviju jinterpretaw l-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 561/2006 fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet fir-rigward ta’ sewwieq sabiex jiġi ssanzjonat ksur ta’ dan ir-regolament li huwa jkun wettaq. |
|
30 |
Tali interpretazzjoni ma tistax tiġi aċċettata. |
|
31 |
L-ewwel nett, hemm lok li jitfakkar li l-Artikolu 19(2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li kull Stat Membru għandu jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jimponu sanzjoni fir-rigward ta’ impriża u/jew ta’ sewwieq għal ksur ta’ dan l-istess regolament ikkonstatat fit-territorju tiegħu u li mhux diġà ġie ssanzjonat. |
|
32 |
Għaldaqstant, mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta b’mod ċar li r-Regolament Nru 561/2006 jissuġġetta kemm lill-impriżi tat-trasport kif ukoll lis-sewwieqa għal obbligi speċifiċi u jżommhom it-tnejn responsabbli għal ksur tal-obbligi rispettivi tagħhom. |
|
33 |
F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju, ma jistax jitqies li l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru561/2006 jirreferi biss għall-każ li l-ksur jitwettaq fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. Fil-fatt, peress li l-ewwel frażi tal-Artikolu 19(2) ta’ dan ir-regolament tipprevedi espliċitament li l-possibbiltà, għall-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru, li jimponu sanzjoni fuq impriża u/jew fuq sewwieq għal ksur ta’ dan l-istess regolament teżisti, “anki meta dak il-ksur ikun sar fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ pajjiz terz”, dan jimplika, a contrario, li Stat Membru huwa, f’kull każ, awtorizzat jimponi sanzjoni jew fuq impriża, jew fuq sewwieq, jew fuq waħda u fuq l-ieħor, għal ksur imwettaq fit-territorju tiegħu. Kuntrarjament għall-interpretazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju, il-fatt li din id-dispożizzjoni testendi l-possibbiltà li jiġu imposti sanzjonijiet għall-ksur tar-Regolament Nru 561/2006 mwettaq barra mit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jirrestrinġi l-kamp tal-ksur li jista’ jiġi ssanzjonat għal dak imwettaq fit-territorju ta’ Stat ieħor. |
|
34 |
Din l-interpretazzjoni hija kkorraborata b’mod partikolari mill-premessa 27 tar-Regolament Nru 561/2006 li tipprovdi li huwa mixtieq, sabiex tiġi żgurata applikazzjoni ċara u effettiva, li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet uniformi dwar ir-responsabbiltà tal-impriżi tat-trasport u tas-sewwieqa għall-ksur ta’ dan ir-regolament, u li din ir-responsabbiltà tista’, skont il-każ, twassal għal sanzjonijiet kriminali, ċivili jew amministrattivi fl-Istati Membri. Mill-kliem ta’ din il-premessa jirriżulta bla dubju ta’ xejn li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu sistema ta’ responsabbiltà tas-sewwieqa għall-ksur ta’ dan ir-regolament u li huma għandhom marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tan-natura tas-sanzjonijiet applikabbli. |
|
35 |
Bl-istess mod, skont il-premessa 31 tar-Regolament Nru 561/2006, ir-Regolament Nru 3821/85 kellu jiġi emendat sabiex jiġu ppreċiżati l-obbligi speċifiċi għall-impriżi tat-trasport u għas-sewwieqa tagħhom kif ukoll sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u sabiex jiġu osservati aħjar it-tul tal-ħin tas-sewqan u l-perijodi ta’ mistrieħ waqt il-kontrolli fit-triq. Mill-kliem ta’ din il-premessa jirriżulta li r-Regolament Nru 561/2006, li barra minn hekk jemenda r-Regolament Nru 3821/85 jirrigwarda, b’mod partikolari, lis-sewwieqa fir-rigward tal-obbligi li huma għandhom josservaw bis-saħħa ta’ dan l-aħħar regolament. Sa fejn, minn naħa, l-Istati Membri huma obbligati, skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 561/2006, jistabbilixxu regoli li jirrigwardaw is-sanzjonijiet għal ksur ta’ dan ir-regolament, b’mod li dawn is-sanzjonijiet ikunu effettivi, proporzjonati, dissważivi u mhux diskriminatorji, u, sa fejn, min-naħa l-oħra, dan ir-regolament ma jeskludix ir-responsabbiltà tas-sewwieqa, jirriżulta li dawn l-Istati Membri jistgħu jipprevedu dispożizzjonijiet li jippermettu li jiġu imposti sanzjonijiet, esklużivament jew le, fuq is-sewwieqa. |
|
36 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 3821/85 kif emendat jistabbilixxi obbligi li għalihom huma suġġetti biss is-sewwieqa u li dawn tal-aħħar għandhom josservaw taħt piena li jinżammu responsabbli. |
|
37 |
It-tieni nett, fir-rigward tal-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 561/2006, invokat mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni, li tistabbilixxi regoli speċifiċi fil-qasam tar-responsabbiltà tal-impriżi tat-trasport, ma tistax tiġi interpretata waħeda iżda għandha tinqara flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10(1) u (2) ta’ dan ir-regolament, li jimponu fuq dawn l-impriżi obbligi relatati mar-remunerazzjoni tas-sewwieqa u mal-organizzazzjoni tax-xogħol ta’ dawn tal-aħħar. Barra minn hekk, għalkemm, skont l-ewwel frażi tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 561/2006, l-Istati Membri għandhom id-dritt li jżommu lill-impriżi tat-trasport kompletament responsabbli għall-ksur imwettaq mis-sewwieqa tagħhom, minn din id-dispożizzjoni u lanqas minn ebda dispożizzjoni oħra ta’ dan ir-regolament ma jirriżulta li l-Istati Membri huma obbligati jimponu r-responsabbiltà sħiħa għal dan il-ksur fuq dawn l-impriżi. Għaldaqstant, mill-Artikolu 10(3) ta’ dan ir-regolament ma jistax jiġi dedott li dan tal-aħħar jipprekludi li Stat Membru jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti japplikaw sanzjonijiet fir-rigward tas-sewwieqa li jwettqu ksur ta’ dan l-istess regolament. |
|
38 |
It-tielet nett, fir-rigward tal-premessa 17 tar-Regolament Nru 561/2006, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, minn naħa, li, għalkemm huwa veru li dan ir-regolament huwa b’mod partikolari intiż li jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persunal tas-settur tat-trasport bit-triq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2013, Lundberg, C‑317/12, EU:C:2013:631, punt 31, u tat-13 ta’ Marzu 2014, A. Karuse, C‑222/12, EU:C:2014:142, punt 29), xejn ma jippermetti li jiġi preżunt li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jeżenta lis-sewwieqa minn kull responsabbiltà għall-ksur li huma jwettqu, b’mod partikolari meta dan il-ksur ikun esklużivament marbut mat-twettiq tal-funzjoni tagħhom. |
|
39 |
Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 561/2006 huwa intiż ukoll sabiex jilħaq l-għan ta’ titjib tas-sigurtà fit-triq b’mod ġenerali. Iż-żewġ għanijiet ta’ dan ir-regolament, jiġifieri li jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u li titjieb is-sigurtà fit-triq, huma għaldaqstant it-tnejn li huma riflessi fl-obbligu li, bħala prinċipju, il-vetturi użati għat-trasport bit-triq jiġu mgħammra b’tagħmir ta’ reġistrazzjoni approvat li jippermetti li tiġi kkontrollata l-osservanza tal-perijodu ta’ sewqan u ta’ mistrieħ tas-sewwieqa. Issa, interpretazzjoni ta’ dan ir-regolament fis-sens li dan jopponi l-possibbiltà li jiġu imposti fuq is-sewwieqa sanzjonijiet li jissanzjonaw il-ksur minn dawn tal-aħħar tal-obbligi li huma għandhom skont dan l-istess regolament tostakola t-twettieq, b’mod partikolari, tal-għan li titjieb is-sigurtà fit-triq b’mod ġenerali. |
|
40 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja impliċitament diġà aċċettat, fis-sentenzi tad-9 ta’ Frar 2012, Urbán (C‑210/10, EU:C:2012:64), tat-3 ta’ Ottubru 2013, Lundberg, (C‑317/12, EU:C:2013:631), u tat-13 ta’ Marzu 2014, A. Karuse (C‑222/12, EU:C:2014:142), il-possibbiltà għall-Istati Membri li jimponu tali sanzjoni fuq is-sewwieqa. |
|
41 |
Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li r-Regolament Nru 561/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, minflok jew minbarra l-impriża tat-trasport li timpjega lis-sewwieq, iżżomm lis-sewwieq responsabbli għall-ksur ta’ dan ir-regolament li huwa stess ikun wettaq. |
Fuq l-ewwel u t-tielet domanda
|
42 |
Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-ewwel u għat-tielet domanda. |
Fuq l-ispejjeż
|
43 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, minflok jew minbarra l-impriża tat-trasport li timpjega lis-sewwieq, iżżomm lis-sewwieq responsabbli għall-ksur ta’ dan ir-regolament li huwa stess ikun wettaq. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.