SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

3 ta’ Diċembru 2015 ( * )

“Appell — Politika reġjonali — Programm operattiv reġjonali POR Puglia (Italja), li jaqa’ taħt l-objettiv Nru°1 (2000-2006) — Kanċellament ta’ parti mill-għajnuna finanzjarja Komunitarja inizjalment mogħtija mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali”

Fil-Kawża C‑280/14 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fid-9 ta’ Ġunju 2014,

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

rikorrenti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Recchia u A. Steiblytė, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz (Relatur), President tar-Raba’ Awla, li qed jaġixxi bħala President tal-Ħames Awla, D. Šváby, A. Rosas, E. Juhász u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Mejju 2015,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, ir-Repubblika Taljana titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-28 ta’ Marzu 2014, L-Italja vs Il-Kummissjoni (T‑117/10, EU:T:2014:165, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha hija ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 10350 finali, tat-22 ta’ Diċembru 2009, dwar il-kanċellament ta’ parti mill-għajnuna mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali mogħtija lir-Repubblika Taljana b’applikazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2000) 2349, tat-8 ta’ Awwissu 2000, li tapprova l-programm operattiv reġjonali POR Puglia, għall-perijodu 2000-2006, taħt l-objettiv Nru°1 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

Il-kuntest ġuridiku

2

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru°1260/1999, tal-21 ta’ Ġunju 1999, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 31), jipprovdi, fl-Artikolu 38(1) tiegħu:

“Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni ta’ l-estimi ġenerali tal-Unjoni Ewropeja, l-Istati Membri għandhom jerfgħu fl-ewwel lok ir-responsabbiltà għall-kontroll finanzjarju ta’ l-għajnuna. Għal dak l-iskop, il-miżuri li jieħdu għandhom:

a)

jivverifikaw li l-arranġamenti għall-amministrazzjoni u l-kontroll ikunu ġew stabbiliti u qegħdin jiġu implimentati b’tali mod li jiżguraw li l-fondi Komunitarji qegħdin jintużaw b’effiċjenza u korrettezza;

b)

jagħtu lill-Kummissjoni deskrizzjoni ta’ dawn l-arranġamenti;

ċ)

jiżguraw li l-għajnuna tiġi amministrata skond ir-regoli Komunitarji kollha applikabbli u li l-fondi li jkunu tpoġġew għad-disposizzj[p]oni tagħhom jintużaw skond il-prinċipji ta’ amministrazzjoni finanzjarja serja;

[...]”

3

Skont l-Artikolu 39(1) sa (3) ta’ dan ir-regolament:

“1.   L-Istati Membri għandhom, l-ewwel nett, jerfgħu r-responsabbiltà biex jinvestigaw l-irregolaritajiet, waqt li jaġixxu fuq l-evidenza ta’ xi bidla kbira li taffettwa n-natura jew il-kundizzjonijet għall-implimentazzjoni jew is-superviżjoni ta’ l-għajnuna u biex jagħmlu l-korrezzjonijet finanzjarji meħtieġa.

L-Istat Membru għandu jagħmel il-korrezzjonij[i]et finali meħtieġa b’konnessjoni ma’ l-irregolarità individwali jew sistematika. Il-korrezzjonijiet magħmula mill-Istat Membru għandhom jikkonsistu fil-kanċellament tal-kontribuzzjoni Komunitarja kollha jew parti minnha.[...]

2.   Jekk, wara li jintemmu l-verifiki meħtieġa, il-Kummissjoni tikkonkludi li:

[...]

(ċ)

hemm nuqqasijiet serji fis-sistemi ta’ kontroll u l-amministrazzjoni li jistgħu jwasslu għal irregolaritajiet sistematiċi;

il-Kummissjoni għandha tissospendi l-ħlasijiet provisorji in kwestjoni u, waqt li tispjega r-raġunijiet tagħha, titlob lill-Istat Membru jissottometti l-kummenti tiegħu u, fejn ikun approprjat, jagħmel korrezzjonijiet, fi żmien speċifikat.

Jekk l-Istat Membru joġġezzjona għall-osservazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni, l-Istat Membru għandu jiġi mistieden għal smigħ mill-Kummissjoni, li fih iż-żewġ naħat f’kooperazzjoni ibbażata fuq is-sħubija jagħmlu l-almu tagħhom sabiex jilħqu ftehim dwar l-osservazzjonijiet u l-konklużjonijiet li jirrisultaw minnhom.

3.   Fi tmiem il-perjodu stabbilit mill-Kummissjoni, il-Kummissjoni tista’, jekk ma jkunx intlaħaq ftehim u l-Istat Membru ma jkunx għamel il-korrezzjonijiet u waqt li tagħti kas tal-kummenti magħmula mill-Istat Membru, tiddeċiedi fi żmien tliet xhur li:

[...]

b)

tagħmel il-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa billi tikkanċella l-kontribuzzjoni tal-Fondi kollha jew parti minnha lill-għajnuna konċernata.

Il-Kummissjoni għandha meta tiddeċiedi dwar l-ammont ta’ korrezzjoni tieħu in konsiderazzjoni, b’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, it-tip ta’ irregolarità jew bidla u d-daqs jew l-implikazzjonijet finanzjari tan-nuqqasijiet misjuba fis-sistemi ta’ l-amministrazzjoni jew ta’ kontroll ta’ l-Istati Membri.

[...]”

4

L-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 438/2001, tat-2 ta’ Marzu 2001, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 1260/1999 fir-rigward tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll għal għajnuna mogħtija taħt il-Fondi Strutturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 132), jipprovdi:

“Sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll għandhom jinkludu proċeduri sabiex tiġi vverifikata l-kunsinna tal-prodotti u s-servizzi ko-finanzjati u r-realtà ta’ l-infiq mitlub u sabiex tiġi żgurata l-konformità mat-termini tad-deċiżjoni relevanti tal-Kummissjoni taħt l-Artikolu 28 tar-Regolament [...] Nru 1260/1999 u mar-regoli nazzjonali u tal-Komunità applikabbli [...]

Il-proċeduri għandhom jeħtieġu r-reġistrazzjoni tal-verifiki ta’ ħidmiet individwali fuq il-post. Ir-records għandhom jiddikjaraw ix-xogħol imwettaq, ir-riżultati tal-verifiki u l-miżuri meħuda fir-rigward tad-diskrepanzi. Fejn xi verifiki fiżiċi jew amministrattivi ma jkunux eżawrenti, iżda jiġu mwettqa fuq kampjun ta’ ħidmiet, ir-records għandhom jidentifikaw il-ħidmiet magħżula u għandhom jiddeskrivu l-metodu ta’ teħid ta’ kampjuni.”

5

L-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament huwa redatt kif ġej:

“L-awtorità ta’ ġestjoni jew ta’ ħlas għandha żżomm rendikont ta’ l-ammonti rikuperabbli mill-pagamenti ta’ l-assistenza tal-Komunità diġà magħmulin, u għandha tiżgura li l-ammonti jiġu rkuprati mingħajr dewmien mhux ġustifikat. Wara l-irkupru, l-awtorità ta’ ħlas għandha tħallas lura l-pagamenti irregolari rkuprati, flimkien ma’ l-interessi nvoluti għal pagament tard, billi jitnaqqsu l-ammonti konċernati mid-dikjarazzjoni ta’ l-infiq tagħha li jmiss u titlob sabiex tagħmel pagament lill-Kummissjoni jew, jekk dan ma jkunx biżżejjed, billi tagħmel rifużjoni lill-Komunità. [...]”

6

L-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament, intitolat “Ċertifikazzjoni ta’ nfiq”, jipprovdi li ċ-ċertifikati tad-dikjarazzjonijiet ta’ nfiq interim u finali għandhom jiġu stabbiliti minn persuna jew dipartiment fi ħdan l-awtorità ta’ ħlas li hija indipendenti funzjonalment minn kwalunkwe servizzi ta’ approvazzjoni tat-talbiet. Barra minn hekk, dan l-artikolu jispeċifika, b’mod partikolari, il-verifiki li għandha tagħmel din l-awtorità qabel ma tiċċertifika tali dikjarazzjonijiet ta’ nfiq.

7

L-Artikolu 10 tal-istess regolament, intitolat “Kontrolli kampjuni fuq ħidmiet”, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jorganizzaw kontrolli fuq ħidmiet fuq bażi ta’ teħid ta’ kampjuni xierqa, b’mod partikolari imfassla sabiex:

a)

jivverifikaw l-effettività tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll fis-seħħ;

b)

jivverifikaw b’mod selettiv, fuq il-bażi ta’ l-analiżi tar-riskju, id-dikjarazzjonijiet ta’ l-infiq fil-livelli varji konċernati.

2.   Il-kontrolli mwettqa qabel it-tmiem ta’ kull assistenza għandhom ikopru għallinqas 5 % ta’ l-infiq eliġibbli totali u għandhom ikunu bbażati fuq kampjun rappreżentattiv tal-ħidmiet approvati, filwaqt li jingħata każ tal-ħtiġiet tal-paragrafu 3. L-Istati Membri għandhom ifittxu li jferrxu l-implimentazzjoni tal-kontrolli b’mod ugwali fuq il-perjodu konċernat. Għandhom jiżguraw separazzjoni addattata tal-ħidmiet bħal bejn f’kontrolli bħal dawn u l-implimentazzjoni jew proċeduri ta’ pagamenti li għandhom x’jaqsmu ma’ ħidmiet.

3.   L-għażla tal-kampjun ta’ ħidmiet li għandhom jiġu kkontrollati għandha tqis:

a)

il-ħtieġa għal kontroll ta’ taħlita xierqa ta’ tipi u ta’ daqsijiet ta’ ħidmiet;

b)

kwalunkwe fatturi ta’ riskju li kienu ġew identifikati mill-kontrolli nazzjonali jew tal-Komunità;

ċ)

il-konċentrazzjoni ta’ ħidmiet taħt ċerti korpi intermedji jew ċerti benefiċċjarji finali, sabiex il-korpi intermedji prinċipali u l-benefiċċjarji finali jiġu kkontrollati għallinqas qabel kull tmiem ta’ kull assistenza.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

8

Permezz tad-Deċiżjoni C (2000) 2349, tat-8 ta’ Awwissu 2000, il-Kummissjoni approvat il-programm operattiv reġjonali POR Puglia, għall-perijodu 2000-2006, taħt l-objettiv Nru°1 (iktar ’il quddiem il-“programm POR Puglia”) u poġġiet għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet Taljani ammont ta’ EUR 1721827000 skont il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR).

9

Matul is-sena 2007, il-Kummissjoni wettqet verifiki tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll implementati mill-awtoritajiet responsabbli minn dan il-programm u kkonkludiet li dawn tal-aħħar ma kinux stabbilixxew sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll li jiżguraw ġestjoni finanzjarja tajba tal-intervent ta’ FEŻR u li s-sistemi implementati ma kinux jiggarantixxu suffiċjentement l-eżattezza, ir-regolarità u l-eliġibbiltà tat-talbiet għall-ħlas.

10

Peress li r-Repubblika Taljana ma kinitx konformi mal-obbligi tagħha skont l-Artikoli 4 u 8 sa 10 tar-Regolament Nru 438/2001 u li l-insuffiċjenzi osservati fis-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll kienu jistgħu jwasslu għal irregolaritajiet ta’ natura sistematika, il-Kummissjoni ssospendiet, permezz tad-Deċiżjoni C (2008) 3340, tal-1 ta’ Lulju 2008, il-ħlasijiet interim tal-FEŻR għall-programm POR Puglia. Din l-istituzzjoni tat lir-Repubblika Taljana terminu ta’ tliet xhur sabiex tagħmel il-verifiki u l-korrezzjonijiet neċessarji sabiex tiggarantixxi li huma biss l-ispejjeż eliġibbli li huma koperti mill-għajnuna tal-FEŻR.

11

Fil-waqt ta’ missjoni ta’ verifika li twettqet fix-xahar ta’ Jannar 2009, il-Kummissjoni osservat li r-rekwiżiti fformulati fl-imsemmija deċiżjoni ma kinux ġew osservati fit-terminu mogħti. L-awdituri tal-Unjoni sabu diversi irregolaritajiet għal dak li jirrigwarda l-verifiki li saru mill-awtorità ta’ ġestjoni skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 438/2001 (iktar ’il quddiem il-“verifiki fuq l-ewwel livell”), kif taħdem l-awtorità tal-ħlas u l-verifiki li twettqu mill-organu ta’ verifika skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 438/2001 (iktar ’il quddiem il-“verifiki fuq it-tieni livell”). Il-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm assenza ta’ ċertezza raġonevoli li s-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll tal-programm POR Puglia jippermettu li jiżguraw b’mod effiċjenti l-legalità, ir-regolarità u l-eżattezza tal-ispejjeż iddikjarati, għall-perijodu ta’ bejn il-bidu tal-perijodu tal-programm sad-data tas-sospensjoni tal-ħlasijiet interim.

12

Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ April 2009, il-Kummissjoni kkomunikat il-konklużjonijiet tagħha lill-awtoritajiet Taljani billi informat lil dawn tal-aħħar li hija riedet tipproponi korrezzjoni tal-għajnuna finanzjarja tal-FEŻR skont rata ta’ 10 %, fid-dawl tal-ispejjeż iddikjarati skont il-programm ikkonċernat sad-data tas-sospensjoni tal-ħlasijiet interim. Ir-Repubblika Taljana opponiet l-applikazzjoni ta’ din il-korrezzjoni b’rata fissa u talbet li titneħħa s-sospensjoni tal-ħlasijiet interim. Skont l-Artikolu 39(2) tar-Regolament Nru°1260/1999, saret seduta fit-30 ta’ Settembru 2009.

13

Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni naqset l-għajnuna finanzjarja mogħtija skont l-FEŻR tal-programm POR Puglia, għall-perijodu 2000-2006, billi applikat korrezzjoni b’rata fissa ta’ 10 % fuq l-ispejjeż iċċertifikati sad-data tas-sospensjoni tal-ħlasijiet interim. Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni, l-għajnuna mogħtija skont l-FEŻR tnaqqset għall-ammont ta’ EUR 79335741.11.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

14

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Marzu 2010, ir-Repubblika Taljana ressqet kawża għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

15

Insostenn tar-rikors tiegħu, dan l-Istat Membru qajjem erba’ motivi. L-ewwel u t-tieni motiv kienu bbażati fuq żnaturament tal-fatti u ksur tal-Artikolu 39(2)(ċ) u (3) tar-Regolament Nru 1260/1999 għal dak li jirrigwarda l-verifiki fuq l-ewwel livell, kif taħdem l-awtorità tal-ħlas kif ukoll il-verifiki fuq it-tieni livell. Permezz tat-tielet motiv, l-imsemmi Stat Membru sostna nuqqas ta’ motivazzjoni u ksur tal-Artikolu 39(2) u (3) tar-Regolament Nru°1260/1999. Ir-raba’ motiv kien ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1260/1999 u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru°438/2001 u n-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni.

16

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tar-Repubblika Taljana.

It-talbiet tal-partijiet

17

Ir-Repubblika Taljana titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tannulla, skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, id-deċiżjoni kkontestata, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

18

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tordna lir-Repubblika Taljana tbati l-ispejjeż.

Fuq l-appell

19

Insostenn tal-appell tagħha, ir-Repubblika Taljana tqajjem tliet aggravji.

Fuq l-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

20

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, ir-Repubblika Taljana ssostni li, fil-punti 37 kif ukoll 50 u segwenti tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ kontradittorju u l-obbligu ta’ motivazzjoni, sa fejn hija eżaminat flimkien l-ewwel u tieni motivi dwar l-effiċjenza u l-attendibbiltà, minn naħa, tal-verifiki fuq l-ewwel livell imwettqa mill-awtorità ta’ ġestjoni u mill-awtorità tal-ħlas u, min-naħa l-oħra, tal-verifiki fuq it-tieni livell imwettqa mill-organu ta’ verifika.

21

Dan l-Istat Membru jsostni li, skont il-prinċipju ta’ kontradittorju, il-Qorti Ġenerali kellha teżamina separatament dawn iż-żewġ aggravji, li kienu jqajmu kwistjonijiet ta’ fatti differenti, dwar ix-xogħol tal-organi distinti u tal-irregolaritajiet differenti ħafna, li jaqgħu taħt id-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, meta eżaminat flimkien dawn iż-żewġ aggravji, il-Qorti Ġenerali kienet awtomatikament ittrasferiet fuq waħda mill-imsemmija aggravji r-raġunament applikat fuq l-oħra.

22

Meta eżaminat flimkien l-ewwel u t-tieni aggravji, il-Qorti Ġenerali kienet ukoll kisret l-obbligu tagħha li tagħti motivazzjoni għad-deċiżjonijiet tagħha. Hija, fil-fatt, naqset milli tesponi, bl-istess mod iddettaljat tar-rikors, ir-raġunijiet li minħabba fihom kienet tqis infondati l-argumenti li r-Repubblika Taljana kienet ippreżentat sabiex tikkontesta kull waħda mill-irregolaritajiet li kienu jikkostitwixxu, fit-totalità tagħhom, il-bażi tad-deċiżjoni kkontestata.

23

Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-Repubblika Taljana.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

24

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ kontradittorju jimplika, bħala regola ġenerali, li l-partijiet fi proċedura jkollhom id-dritt jieħdu pożizzjoni dwar il-fatti u d-dokumenti li fuqhom ser tkun ibbażata deċiżjoni ġudizzjarja kif ukoll li jiddiskutu l-provi u l-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-qorti u l-motivi ta’ dritt imqajma ex officio mill-qorti, li fuqhom, din tal-aħħar, ikollha l-intenzjoni tibbaża d-deċiżjoni tagħha (sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, C‑89/08 P, EU:C:2009:742, punti 5255, kif ukoll Eżami mill-ġdid M/EMEA,C‑197/09 RX‑II, EU:C:2009:804, punt 41).

25

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li r-Repubblika Taljana setgħet, b’mod effiċjenti, tieħu pożizzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali dwar l-irregolaritajiet osservati fid-deċiżjoni kkontestata għal dak li jirrigwarda l-verifiki fuq l-ewwel livell, kif taħdem l-awtorità tal-ħlas kif ukoll il-verifiki fuq it-tieni livell. Barra minn hekk, jirriżulta, b’mod partikolari, mill-punti 40, 48 u 60 sa 66 tas-sentenza appellata li l-Qorti Ġenerali ħadet ukoll inkunsiderazzjoni l-argumenti li permezz tagħhom dan l-Istat Membru jikkontesta l-eżistenza materjali ta’ dawn l-irregolaritajiet.

26

Fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li ma rrisponditx għad-dettalji kollha tal-argumenti li permezz tagħhom ir-Repubblika Taljana tikkontesta l-irregolaritajiet osservati fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li l-obbligu ta’ motivazzjoni tas-sentenzi, li jappartjeni lill-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 36 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma jeħtieġx li din tagħti espożizzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed ir-raġunamenti kollha esposti mill-partijiet fil-kawża. Il-motivazzjoni tista’ wkoll tkun impliċita, bil-kundizzjoni li hija tippermetti lil dawk ikkonċernati li jkunu jafu r-raġunijiet li fuqhom ibbażat ruħha l-Qorti Ġenerali u lill-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha fil-kuntest ta’ appell (sentenzi Coop de France bhejjem u laħam et vs Il-Kummissjoni, C‑101/07 P u C‑110/07 P, EU:C:2008:741, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata; A2A vs Il-Kummissjoni, C‑318/09 P, EU:C:2011:856, punt 97, u Franza vs Il-Kummissjoni, C‑559/12 P, EU:C:2014:217, punt 86).

27

F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li l-motivazzjoni li tidher fil-punti 69 sa 77 u 79 sa 92 tas-sentenza appellata hija ta’ natura li tippermetti kemm lir-Repubblika Taljana sabiex tkun taf bir-raġunijiet li minħabba fihom il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti kollha li permezz tagħhom din tal-aħħar ikkontestat id-dewmien fl-eżekuzzjoni tal-verifiki fuq l-ewwel u t-tieni livell, in-nuqqas ta’ attendibbiltà tal-korrezzjonijiet proposti u l-funzjonament ħażin tal-awtorità tal-ħlas kif ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex ikollha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tispjega, fil-punti 60 sa 63 tas-sentenza appellata, ir-raġunijiet li wassluha sabiex ma tiddeċidix fuq l-assenza allegata ta’ kull waħda mill-irregolaritajiet speċifiċi li l-awdituri tal-Unjoni kienu osservaw, fix-xahar ta’ Jannar 2009, sa fejn jirrigwardaw il-verifiki fuq l-ewwel u t-tieni livell. Għalhekk, hemm lok li jiġi wkoll miċħud bħala infondat l-argument ibbażat fuq il-ksur mill-Qorti Ġenerali tal-obbligu tagħha li tagħti motivazzjoni għad-deċiżjonijiet tagħha.

28

Għal dak li jirrigwarda l-kritika magħmula lill-Qorti Ġenerali li applikat l-istess raġunament għall-kwistjonijiet ta’ dritt u ta’ fatt differenti, hemm lok li jiġi kkonstatat li din il-kritika toħroġ minn qari manifestament żbaljat tas-sentenza appellata. Fil-fatt, għal kuntrarju ta’ dak li ssostni r-Repubblika Taljana, il-Qorti Ġenerali evalwat b’mod iddettaljat u separat, qabel kollox, il-kwistjonijiet ta’ fatt u ta’ dritt dwar il-verifiki fuq l-ewwel livell, fil-punti 69 sa 71 u 79 sa 81 tas-sentenza appellata, imbagħad dawk dwar il-verifiki fuq it-tieni livell, fil-punti 72 sa 77 u 82 sa 87 ta’ din is-sentenza, u, fl-aħħar nett, il-kwistjonijiet dwar l-awtorità tal-ħlas, fil-punti 88 sa 92 ta’ din tal-aħħar.

29

Għaldaqstant, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tieni u t-tielet aggravji

L-argumenti tal-partijiet

30

It-tieni aggravju tal-appell jista’, minkejja n-natura ftit strutturata tar-raġunament segwit, jinftiehem bħala li huwa maqsum f’erba’ partijiet.

31

Permezz tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, ir-Repubblika Taljana ssostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat, fil-punti 40, 63 u 88 sa 93 tas-sentenza appellata, il-fatti u l-provi prodotti quddiemha. L-iżnaturament li jivvizzja dawn il-punti tas-sentenza appellata jimplika, skont dan l-Istat Membru, li l-Qorti Ġenerali kisret ukoll l-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 1260/1999, l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 438/2001 kif ukoll il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ sħubija.

32

Fil-kuntest tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, ir-Repubblika Taljana ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta qieset, fil-punti 60 sa 63 tas-sentenza appellata, li ma kienx neċessarju li jiġu eżaminati l-provi pprovduti insostenn tal-kontestazzjoni tar-realtà tal-irregolaritajiet osservati mill-awdituri tal-Unjoni fil-kampjun ta’ verifiki fuq l-ewwel livell li sar fix-xahar ta’ Jannar 2009. Fil-fatt jirriżulta, mill-punt 40 tar-raġunijiet tad-deċiżjoni kkontestata, li jenfasizza l-fatt li l-awtoritajiet Taljani ma kinux solvew l-imsemmija irregolaritajiet, li l-Kummissjoni kienet effettivament ħadet inkunsiderazzjoni dawn tal-aħħar fil-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kienet, hija stess, ħadet inkunsiderazzjoni, fil-punti 78 sa 81 tas-sentenza appellata, dawn l-allegati irregolaritajiet sabiex tikkonstata li l-verifiki fuq l-ewwel livell ma kinux attendibbli.

33

Issa, fl-assenza tal-prova tal-eżistenza tal-irregolaritajiet speċifiċi dwar il-verifiki fuq l-ewwel livell osservati fl-awditjar imwettaq mill-Kummissjoni fix-xahar ta’ Jannar 2009, il-Qorti Ġenerali kienet ikkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata kienet tmur kontra l-Artikolu 39(2) u (3) tar-Regolament Nru 1260/1999 u, b’mod partikolari, li l-korrezzjoni b’rata fissa ta’ 10 % kienet manifestament sproporzjonata.

34

Permezz tat-tielet parti tat-tieni aggravju tal-appell, ir-Repubblika Taljana ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tmur kontra l-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ sħubija, imsemmija fl-Artikolu 39 tar-Regolament Nru°1260/1999, sa fejn huwa jimponi korrezzjoni b’rata fissa ta’ 10 % sew għal dak li jirrigwarda l-irregolaritajiet dwar l-għotja ta’ xogħlijiet komplimentari jew dik tas-servizzi tal-inġinerija mwettqa, filwaqt li l-awtoritajiet Taljani jipproponu korrezzjonijiet b’rata fissa ta’ 25 % għal dawn l-irregolaritajiet. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tillimita ruħha tikkonstata, fil-punt 60 tas-sentenza appellata, li dawn il-korrezzjonijiet kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-kalkolu tal-ammont finali tat-tnaqqis tal-għajnuna tal-FEŻR.

35

Fl-aħħar nett, permezz tar-raba’ parti ta’ dan l-aggravju, ir-Repubblika Taljana tinvoka ksur tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 438/2001 u tal-prinċipji dwar l-oneru tal-prova.

36

It-tielet aggravju tal-appell jista’ jinftiehem bħala li huwa maqsum f’erba’ partijiet.

37

L-ewwel parti ta’ dan l-aggravju hija bbażata fuq l-iżnaturament tal-fatti u tal-provi li jivvizzjaw il-punti 72 sa 74 tas-sentenza appellata. Dan l-iżnaturament jimplika, skont ir-Repubblika Taljana, li l-Qorti Ġenerali kisret ukoll l-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 1260/1999, il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ sħubija kif ukoll l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 438/2001.

38

Permezz tat-tieni parti tal-imsemmi aggravju, ir-Repubblika Taljana ssostni li, meta qieset li l-verifiki fuq it-tieni livell kienu ppreġudikaw ir-rata ta’ verifika prevista f’dan l-Artikolu 10 qabel l-għeluq tal-programm ikkonċernat, il-Qorti Ġenerali kisret l-imsemmi artikolu. Fil-fatt, jirriżulta mit-termini tal-istess artikolu, skont liema l-verifiki fuq it-tieni livell kellhom isiru għal minn tal-inqas 5 % tal-ispejjeż iċċertifikati “qabel it-tmiem ta’ kull assistenza”, li s-sistema ta’ verifiki fuq it-tieni livell għandha tiġi evalwata l-iktar fil-mument ta’ dan l-għeluq.

39

Barra minn hekk, fil-kuntest tat-tielet parti tal-istess aggravju, ir-Repubblika Taljana tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ddeċidiet, fil-punti 84 sa 86 tas-sentenza appellata, li l-argument skont liema l-korrezzjonijiet konsekuttivi tal-verifiki fuq it-tieni livell jammontaw mhux għal EUR 30950978.33, iżda għal EUR 59186909 kien inammissibbli, minħabba l-fatt li l-Kummissjoni kienet ħadet inkunsiderazzjoni t-totalità ta’ dawn il-korrezzjonijiet fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-ammont globali tal-korrezzjonijiet konsekuttivi tal-verifiki fuq l-ewwel u fuq it-tieni livell flimkien li jammontaw għal EUR 95672043.08.

40

Ir-raba’ parti tat-tielet aggravju tal-appell hija bbażata fuq ksur tal-prinċipji dwar l-oneru tal-prova.

41

Il-Kummissjoni teċepixxi l-inammissibbiltà tat-tieni u tat-tielet aggravji tal-appell li, jikkostitwixxu fl-opinjoni tagħha, repetizzjoni tal-argumenti mqajma fl-ewwel istanza, intiżi, fil-fatt, sabiex jiksbu evalwazzjoni oħra tal-mertu tal-kawża mill-Qorti tal-Ġustizzja. Fi kwalunkwe każ, dawn l-aggravji huma infondati.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

– Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni u tat-tielet aggravji

42

Skont ġurisprudenza stabbilita, għandu jitfakkar li mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u mill-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza li jkun qiegħed jintalab l-annullament tagħha, kif ukoll l-argumenti legali mqajma speċifikament insostenn ta’ din it-talba (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑197/13 P, EU:C:2014:2157, punt 43, kif ukoll Ezz et vs Il-Kunsill,C‑220/14 P, EU:C:2015:147, punt 111 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, huwa speċifikat, fl-Artikolu 169(2) ta’ dawn ir-regoli ta’ proċedura, li l-aggravji u l-argumenti ta’ dritt invokati għandhom jidentifikaw bi preċiżjoni l-punti tar-raġunijiet tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li jkunu qed jiġu kkontestati.

43

Għalhekk, appell li jillimita ruħu sabiex jirrepeti jew sabiex jirripproduċi testwalment l-aggravji u l-argumenti li kienu ġew ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali, ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet. Madankollu, il-punti ta’ liġi eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jiġu diskussi mill-ġdid matul l-appell, meta appellant jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, kieku appellant ma jkunx jista’ jibbaża l-appell tiegħu fuq raġunijiet u argumenti li jkunu tressqu diġà quddiem il-Qorti Ġenerali, il-proċedura tal-appell titlef parti mis-sens tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u l-Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punti 46 u 47, kif ukoll Spanja vs Il-Kummissjoni,C‑197/13 P, EU:C:2014:2157, punti 44 u 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

44

Għal dak li jirrigwarda l-eċċezzjoni tal-inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni, għandu jiġi osservat li, permezz tat-tieni u tat-tielet aggravju, ir-Repubblika Taljana ma għandhiex l-intenzjoni tikseb sempliċi eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, iżda tikkontesta konstatazzjonijiet magħmula minnha, li jissemmew fil-punti speċifiċi tas-sentenza appellata, li hija tqis li huma vvizzjati kemm minn żnaturament tal-fatti u tal-provi kif ukoll minn żbalji ta’ liġi oħra. Għalhekk, għal kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, it-tieni u t-tielet aggravji ma jikkostitwixxux sempliċement repetizzjoni tal-argumenti diġà invokati fl-ewwel istanza, iżda huma fir-realtà diretti kontra parti essenzjali tal-motivazzjoni tas-sentenza appellata u, konsegwentement, jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex twettaq il-verifiki tagħha.

45

Għalhekk l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda.

46

Għal dak li jirrigwarda l-ksur tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 438/2001 allegat fil-kuntest tar-raba’ parti tat-tieni aggravju tal-appell u l-ksur tal-prinċipji dwar l-oneru tal-prova, invokat kemm fil-kuntest tar-raba’ parti tat-tieni aggravju kif ukoll fir-raba’ parti tat-tielet aggravju, għandu jiġi osservat li, għalkemm ir-Repubblika Taljana ssemmi dawn l-iżbalji ta’ liġi fit-titolu ta’ qabel l-iżviluppi dwar it-tieni u t-tielet aggravji tagħha, dawn l-iżviluppi ma jinkludu l-ebda indikazzjoni tal-punti tas-sentenza appellata li huma vvizzjati bl-imsemmija żbalji ta’ liġi u l-ebda argument intiż jistabbilixxi fejn il-Qorti Ġenerali allegatament wettqet tali żbalji. Dawn il-partijiet tat-tieni u tat-tielet aggravji huma, konsegwentement, inammissibbli.

47

Fir-rigward tat-tielet parti tat-tielet aggravju, għalkemm ir-Repubblika Taljana tikkritika l-konstatazzjonijiet li jissemmew fil-punti 84 sa 86 tas-sentenza appellata għal raġuni differenti minn dik tal-iżnaturament tad-data, għandu jiġi osservat li madankollu hija ma tindikax il-prinċipju jew ir-regola ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali allegatament kisret meta qieset li l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata ma hijiex influwenzata minn żball imwettaq suċċessivament mill-Kummissjoni dwar l-identifikazzjoni ta’ ċerti korrezzjonijiet proposti mill-awtoritajiet Taljani bħala korrezzjonijiet konsekuttivi tal-verifiki fuq it-tieni livell, peress li din kienet ħadet inkunsiderazzjoni t-totalità ta’ dawn il-korrezzjonijiet fid-deċiżjoni kkontestata.

48

Għalhekk, ir-raba’ parti tat-tieni aggravju u t-tielet parti tat-tielet aggravju, sa fejn din l-aħħar parti ma hijiex ibbażata fuq l-iżnaturament tad-data, u r-raba’ parti tat-tielet aggravju għandhom jiġi miċħuda bħala inammissibbli.

49

Barra minn hekk, fir-rigward tal-argumenti li permezz tagħhom ir-Repubblika Taljana tikkritika lill-Qorti Ġenerali minħabba l-fatt li allegatament hija żnaturat il-kontenut tal-ittra tal-15 ta’ Ġunju 2009, għandu jiġi osservat li hija ma tispeċifikax liema punti tas-sentenza appellata jirrigwardaw din il-kritika. Għaldaqstant dawn l-argumenti għandhom ukoll jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

– Fuq il-mertu tal-ewwel parti tat-tieni aggravju u tal-ewwel u tat-tielet partijiet tat-tielet aggravju

50

Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju tal-appell u tal-ewwel u tat-tielet partijiet tat-tielet aggravju tiegħu, li hemm lok li jiġu eżaminati flimkien, ir-Repubblika Taljana ssostni li l-konstatazzjonijiet li jissemmew fil-punti 40, 63, 72 sa 74, 84 sa 86 u 88 sa 93 tas-sentenza appellata jindikaw ftehim ħażin tal-appell tagħha u huma vvizzjati bi żnaturament tal-fatti u tal-provi. Dan l-iżnaturament jimplika li l-Qorti Ġenerali kisret ukoll l-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 1260/1999, l-Artikoli 9 u 10 tar-Regolament Nru 438/2001 kif ukoll il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ sħubija.

51

Hemm lok jitfakkar li jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-Qorti Ġenerali weħidha għandha l-kompetenza li, minn naħa, tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta mid-dokumenti tal-proċess li tressqu quddiemha, u, min-naħa l-oħra, li tevalwa dawn il-fatti (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Aalberts Industries et, C‑287/11 P, EU:C:2013:445, punt 47 kif ukoll ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, din l-evalwazzjoni ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta’ żnaturament ta’ dawn l-elementi, kwistjoni ta’ dritt suġġetta bħala tali għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenzi Lafarge vs Il-Kummissjoni, C‑413/08 P, EU:C:2010:346 punt 15, kif ukoll Activision Blizzard Germany vs Il-Kummissjoni,C‑260/09 P, EU:C:2011:62, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52

Tali żnaturament jeżisti meta, mingħajr ma jsir riferiment għal provi ġodda, l-evalwazzjoni tal-provi eżistenti tkun manifestament żbaljata (sentenza Comitato Venezia vuole vivereet vs Il-Kummissjoni, C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punt153 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, dan l-iżnaturament għandu jidher b’mod ċar mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (sentenza General Motors vs Il-Kummissjoni, C‑551/03 P, EU:C:2006:229, punt 54). Barra minn hekk, fejn appellant jallega żnaturament tal-provi mill-Qorti Ġenerali, huwa jrid jindika preċiżament il-provi li ġew żnaturati minnha u juri l-iżbalji fl-analiżi li, fl-evalwazzjoni tiegħu, wasslu lill-Qorti Ġenerali għal dan l-iżnaturament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 50, kif ukoll PepsiCo vs Grupo Promer Mon Graphic,C‑281/10 P, EU:C:2011:679, punt 78).

53

Hemm lok jiġi osservat li l-argumenti diretti kontra l-punti 40, 63 u 72 tas-sentenza appellata ġejjin minn qari manifestament żbaljat ta’ din is-sentenza. Fir-rigward tal-punti 40 u 72, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li ma osservatx il-kontenut tar-rikors tar-Repubblika Taljana meta qieset li din ma kinitx qed tikkontesta l-ebda irregolarità osservata f’kampjun ta’ verifiki fuq l-ewwel u fuq it-tieni livell ivverifikat fix-xahar ta’ Jannar 2009 jew li hija tikkontesta biss uħud minnhom. Għal kuntrarju, jirriżulta b’mod ċar b’mod partikolari mill-punti 60 sa 64 tas-sentenza appellata li l-Qorti Ġenerali effettivament ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li r-Repubblika Taljana kienet tikkontesta dawn l-irregolaritajiet kollha.

54

Għal kuntrarju ta’ dak li ssostni r-Repubblika Taljana, ma jistax jiġi dedott mill-punt 63 tas-sentenza appellata li, skont il-Qorti Ġenerali, id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex fondata fuq l-imsemmija irregolaritajiet. Il-Qorti Ġenerali, fil-fatt ikkonstatat espressament fl-imsemmi punt 63, moqri flimkien mal-punt 58 tas-sentenza appellata, li l-irregolaritajiet speċifiċi osservati mill-awdituri tal-Unjoni fix-xahar ta’ Jannar 2009 jikkostitwixxu “waħda mill-ilmenti” fformulati kontra kif taħdem is-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll implementata għall-programm POR Puglia.

55

Għal dak li jirrigwarda l-konstatazzjonijiet li jissemmew fil-punti 73 u 74, 84 sa 86 u 88 sa 93 tas-sentenza appellata, għandu jiġi osservat li r-Repubblika Taljana ma ddeterminatx kif il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali kienu jikkostitwixxu żnaturament tad-dokumenti li hija tagħmel riferiment għalihom.

56

Konsegwentement, hemm lok li jiġu miċħuda l-argumenti bbażati fuq żnaturament tal-fatti u tal-provi bħala li huma parzjalment inammissibbli u parzjalment infondati.

57

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti bbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 1260/1999, tal-Artikoli 9 u 10 tar-Regolament Nru 438/2001 u tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ sħubija, li r-Repubblika Taljana bbażat fuq l-allegat żnaturament invokat għal dak li jirrigwarda l-punti 40, 63, 72 sa 74 u 88 sa 93 tas-sentenza appellata, lanqas ma huma aċċettati.

58

Għalhekk, l-ewwel parti tat-tieni aggravju tal-appell u l-ewwel u t-tielet partijiet tat-tielet aggravju tiegħu għandhom jiġu miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondati.

– Fuq il-mertu tat-tieni parti tat-tielet aggravju

59

Permezz tat-tieni parti tat-tielet aggravju tal-appell, ir-Repubblika Taljana tikkritika lill-Qorti Ġenerali, fil-punt 76 tas-sentenza appellata, li interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 438/2001, meta qieset li, sabiex tirrevoka d-dubji dwar l-attendibbiltà tas-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll inkwistjoni, ma kienx suffiċjenti li jiġi stabbilit li r-rata ta’ verifiki previsti f’dan l-artikolu kienet miksuba fil-mument tal-għeluq tal-intervent tal-FEŻR fil-programm POR Puglia.

60

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi osservat li jirriżulta mill-istess termini tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 438/2001, skont liema l-Istati Membri għandhom ifittxu li jorganizzaw il-verifiki qabel l-għeluq tal-intervent tal-FEŻR b’mod regolari fuq it-tul kollu tal-perijodu kkonċernat, li l-verifiki fuq it-tieni livell għandhom ikunu operattivi matul it-tul kollu ta’ dan l-intervent u mhux biss fil-mument tal-għeluq.

61

Għalhekk, it-tieni parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

– Fuq il-mertu tat-tieni parti tat-tieni aggravju

62

Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju, ir-Repubblika Taljana tikkontesta l-konstatazzjonijiet li jissemmew fil-punti 60 sa 63 tas-sentenza appellata. Hija ssostni li, peress li d-deċiżjoni kkontestata kienet ukoll bbażata fuq l-irregolaritajiet osservati mill-awdituri tal-Unjoni fil-kampjun tal-verifiki fuq l-ewwel livell ivverifikat fix-xahar ta’ Jannar 2009, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tiddeċiedi fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tal-Artikolu 39(2) u (3) tar-Regolament Nru 1260/1999 u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, mingħajr ma tkun eżaminat l-argumenti li permezz tagħhom hija tikkontesta r-realtà ta’ dawn l-irregolaritajiet. Barra minn hekk, fil-punti 78 sa 81 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali hija stess ħadet inkunsiderazzjoni l-imsemmija irregolaritajiet sabiex tikkonstata li l-verifiki fuq l-ewwel livell ma kinux attendibbli.

63

F’dan ir-rigward, għandha titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita dwar il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (FAEGG), skont liema, peress li l-Istat Membru kkonċernat kien fl-aħjar pożizzjoni sabiex jiġbor u jivverifika d-data neċessarja għall-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEGG, hija l-Kummissjoni, sabiex tipprova l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli, li ma għandhiex turi b’mod eżawrjenti l-insuffiċjenza tal-kontrolli mwettqa mill-amministrazzjonijiet nazzjonali jew l-irregolarità taċ-ċifri mibgħuta minnhom, iżda li għandha tippreżenta prova tad-dubju serju u raġonevoli li hija ssib fir-rigward ta’ dawn il-kontrolli u ta’ dawn iċ-ċifri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑300/02, EU:C:2005:103, punti 34 u 36 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Danimarka vs Il-Kummissjoni, C‑417/12 P, EU:C:2014:2288, punti 80 u 81).

64

L-imsemmija Stat Membru, fir-rigward tiegħu, ma jistax jirrevoka l-konstatazzjonijiet li huma l-bażi ta’ tali prova ta’ dubju serju u raġonevoli pprovat mill-Kummissjoni mingħajr ma jsostni l-allegazzjonijiet tiegħu permezz ta’ provi li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ sistema ta’ verifika attendibbli u li taħdem. Fil-każ li ma jirnexxilux jipprova li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni ma humiex eżatti, dawn jikkostitwixxu elementi li jistgħu jqajmu dubji serji rigward l-implementazzjoni ta’ sistema xierqa u effettiva ta’ miżuri ta’ sorveljanza u ta’ kontroll (ara s-sentenza Danimarka vs Il-Kummissjoni, C‑417/12 P, EU:C:2014:2288, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65

Konsegwentement, huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jippreżenta l-prova l-iktar iddettaljata u kompleta tar-realtà tal-verifiki tagħha u taċ-ċifri tagħha u, fejn japplika, tal-ineżattezza tal-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni (sentenzi Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑300/02, EU:C:2005:103, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Danimarka vs Il-Kummissjoni, C‑417/12 P, EU:C:2014:2288, punt 83).

66

Il-prinċipji li jirriżultaw minn din il-ġurisprudenza japplikaw ukoll mutatis mutandis għal dak li jirrigwarda l-FEŻR, fatt li r-Repubblika Taljana ma kkontestatx waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Fid-dawl tal-istruttura tas-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll implementata fl-Artikolu 38(1) tar-Regolament Nru°1260/1999, skont liema l-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli l-ewwel nett għall-kontroll finanzjarju tal-interventi ta’ FEŻR, dawn tal-aħħar jinsabu effettivament fl-aħjar pożizzjoni sabiex jiġbru u jivverifikaw id-data dwar dawn l-interventi.

67

F’dan il-każ, ir-Repubblika Taljana tikkritika l-fatt li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-elementi li permezz tagħhom hija kienet ikkontestat ir-realtà tal-irregolaritajiet osservati mill-awdituri tal-Unjoni fil-kampjun tal-verifiki fuq l-ewwel u fuq it-tieni livell ivverifikat fix-xahar ta’ Jannar 2009. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skont il-konstatazzjonijiet li saru mill-Qorti Ġenerali u li jissemmew fil-punt 63 tas-sentenza appellata, dawn l-irregolaritajiet speċifiċi jikkostitwixxu biss waħda mill-ilmenti kontra kif taħdem is-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll implementata għall-programm POR Puglia u li d-deċiżjoni kkontestata kienet ukoll ibbażata fuq “lakunas oħra” inerenti għal din is-sistema, li tista’ tqajjem dubji serji u raġonevoli dwar in-natura affidabbli u raġonevoli tal-imsemmija sistema.

68

Issa, jirriżulta mill-eżami tal-ewwel parti tat-tieni aggravju u tal-ewwel sat-tielet partijiet tat-tielet aggravju, li l-konklużjonijiet tagħhom jissemmew fil-punti 58 u 61 ta’ din is-sentenza, li kien mingħajr żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti kollha li permezz tagħhom ir-Repubblika Taljana tikkontesta l-konstatazzjonijiet li kienu l-bażi ta’ dawn l-insuffiċjenzi l-oħra tas-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll implementata għall-programm POR Puglia, li jirriżultaw mid-dewmien fl-eżekuzzjoni tal-verifiki fuq l-ewwel livell, min-nuqqas ta’ attendibbiltà tal-korrezzjonijiet proposti u mill-funzjonament ħażin tal-awtorità tal-ħlas.

69

Għalhekk, konformement mal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 63 sa 65 ta’ din is-sentenza l-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 63 tas-sentenza appellata, li ma huwiex neċessarju li tittieħed deċiżjoni dwar ir-realtà, ikkontestata mir-Repubblika Taljana, tal-irregolaritajiet speċifiċi osservati waqt il-verifika mwettqa fix-xahar ta’ Jannar 2009.

70

Għandu jingħad ukoll li, fl-appell tagħha, ir-Repubblika Taljana ma tikkritikax il-punti 109 sa 118 tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-korrezzjoni b’rata fissa applikata kienet proporzjonali, billi bbażat ruħha fuq l-insuffiċjenzi ta’ din is-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll marbuta mad-dewmien fl-eżekuzzjoni tal-verifiki, man-nuqqas ta’ attendibbiltà tal-korrezzjonijiet proposti u mal-funzjonament ħażin tal-awtorità tal-ħlas li jistgħu jqajmu dubji serji u raġonevoli dwar in-natura affidabbli u raġonevoli tal-imsemmija sistema.

71

Fir-rigward tal-kritika skont liema, fil-punti 78 sa 81 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, stess, kienet ħadet inkunsiderazzjoni l-irregolaritajiet speċifiċi osservati fil-kampjun tal-verifiki fuq l-ewwel livell ivverifikat fix-xahar ta’ Jannar 2009, għandu jiġi osservat li ma humiex dawn l-irregolaritajiet speċifiċi li huma s-suġġett tal-kunsiderazzjonijiet li jissemmew f’dawn il-punti, iżda d-dubji dwar il-prattika segwita dwar il-korrezzjonijiet finanzjarji mill-awtoritajiet Taljani.

72

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li ħadet inkunsiderazzjoni, fil-punti 78 sa 81 tas-sentenza appellata, il-konstatazzjonijiet li saru mill-Kummissjoni dwar l-attendibbiltà tal-korrezzjonijiet finanzjarji proposti mill-awtoritajiet Taljani, wara li kkunsidrat, fil-punti 60 sa 63 ta’ din is-sentenza, li ma kienx neċessarju li tittieħed deċiżjoni dwar ir-realtà tal-irregolaritajiet osservati mill-awdituri tal-Unjoni fil-kampjun ivverifikat fix-xahar ta’ Jannar 2009.

73

Konsegwentement, it-tieni parti tat-tieni aggravju tal-appell għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

– Fuq il-mertu tat-tielet parti tat-tieni aggravju

74

Permezz tat-tielet parti tat-tieni aggravju tal-appell, ir-Repubblika Taljana tikkontesta l-konstatazzjoni li tissemma fil-punt 60 tas-sentenza appellata, minħabba l-fatt li jkun imur kontra l-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ sħubija, imsemmija fl-Artikolu 39 tar-Regolament Nru°1260/1999, li tiġi imposta korrezzjoni b’rata fissa ta’ 10 %, filwaqt li l-awtoritajiet Taljani kienu pproponew korrezzjonijiet b’rata fissa ta’ 25 % għal dak li jirrigwarda l-irregolaritajiet dwar l-għotja ta’ xogħlijiet komplimentari jew dik tas-servizzi tal-inġinerija, osservati mill-awdituri tal-Unjoni fix-xahar ta’ Jannar 2009.

75

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li dawn il-korrezzjonijiet proposti mill-awtoritajiet Taljani jirrigwardaw biss ċerti irregolaritajiet speċifiċi osservati mill-awdituri tal-Unjoni fix-xahar ta’ Jannar 2009. Issa, kif jirriżulta mill-punt 69 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali setgħet tqis mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi li l-ineżistenza allegata ta’ dawn l-irregolaritajiet speċifiċi ma kinitx taffettwa l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 60 u 62 tas-sentenza appellata, mingħajr ma tikser il-prinċipji msemmija fil-punt preċedenti, li l-argumenti bbażati fuq l-imsemmija korrezzjonijiet, li l-Kummissjoni kienet ħadet inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-ammont finali tat-tnaqqis tal-għajnuna tal-FEŻR, kienu inammissibbli għall-finijiet tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

76

Konsegwentement, it-tielet parti tat-tieni aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud bħala infondat.

77

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

Fuq l-ispejjeż

78

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tal-istess regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika Taljana tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Ir-Repubblika Taljana hija kkundannata tbati l-ispejjeż.

 

Firem


( * )   Lingwa tal-kawża: it-Taljan.