SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
26 ta’ Frar 2015 ( *1 )
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Politika soċjali — Direttiva 1999/70/KE — Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP — Ħaddiema intermittenti tal-ispettaklu — Kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi — Klawżola 5(1) — Miżuri intiżi sabiex jipprevjenu l-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi — Kunċett ta’ ‘raġunijiet oġġettivi’ li jiġġustifikaw tali kuntratti”
Fil-Kawża C‑238/14,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fit-13 ta’ Mejju 2014,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Enegren u D. Martin, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
vs
Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, irrappreżentat minn D. Holderer, bħala aġent,
konvenut,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
Komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Ó Caoimh (Relatur), C. Toader, E. Jarašiūnas u C. G. Fernlund, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: V. Tourrès, amministratur,
Wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tar-rikors tagħha l-Kummissjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tikkonstata li, billi żamm fis-seħħ derogi għall-miżuri intiżi għall-prevenzjoni ta’ użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi konklużi bejn il-ħaddiema intermittenti tal-ispettaklu, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat, konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim qafas”), li jinsab fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368). |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
2 |
Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 1999/70, l-għan tagħha huwa li “[ġ]ġib fis-seħħ il-ftehim qafas [...] konkluż [...] bejn l-organizzazzjonijiet ġenerali ta’ l-industrija (ETUC, UNICE u CEEP)”. |
|
3 |
Il-punti 6 sa 8 u 10 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-Ftehim qafas jipprevedu:
[...]
|
|
4 |
Skont il-klawżola 1 tal-Ftehim qafas, wieħed mill-għanijiet ta’ dan il-ftehim huwa li jistabbilixxi qafas għall-prevenzjoni tal-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet tal-impjieg għal żmien determinat suċċessivi. |
|
5 |
Skont il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, intitolata “Miżuri għal prevenzjoni ta’ l-abbuż”:
|
Id-dritt Lussemburgiż
Il-Kodiċi industrijali
|
6 |
L-Artikolu L. 121‑2 tal-Kodiċi industrijali, li jinsab fit-Taqsima 1 tal-Kapitolu I tat-Titolu II ta’ dan il-kodiċi, intitolata “Dispożizzjonijiet ġenerali”, jipprevedi: “Il-kuntratt ta’ xogħol għandu jiġi konkluż mingħajr ma jiġi ddeterminat it-tul tiegħu. Madankollu, fil-każijiet u taħt il-kundizzjonijiet stipulati fil-Kapitolu 3 ta’ dan it-titolu, dan jista’ jkun jinkludi perijodu stabbilit bi preċiżjoni sa mill-konklużjoni tiegħu jew li jirriżulta mit-tlestija tal-oġġett li fir-rigward tiegħu dan ġie konkluż”. |
|
7 |
L-Artikolu L. 122‑1 ta’ dan il-kodiċi, li jinsab fit-Taqsima 1 tal-Kapitolu II tat-Titolu II tiegħu, intitolata “Użu ta’ kuntratt għal żmien determinat”, jistipula: “(1) Il-kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat jista’ jiġi konkluż għat-twettiq ta’ biċċa xogħol speċifika u mhux dewwiema; l-għan tiegħu ma jistax ikun li b’mod dewwiemi jiġi okkupat impjieg marbut mal-attività normali u permanenti tal-impriża. (2) Huma b’mod partikolari kkunsidrati bħala biċċiet xogħol speċifiċi u mhux dewwiema fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu (1):
[...] (3) B’deroga mill-paragrafi (1) u (2) iktar ’il fuq, jistgħu jkunu kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat: [...]
[...]” |
|
8 |
L-Artikolu L. 122‑3 tal-imsemmi kodiċi, li jinsab fit-Taqsima 3 tal-Kapitolu II tat-Titolu II tiegħu, intitolata “Tul tal-kuntratt għal żmien determinat”, jipprevedi: “(1) Il-kuntratt konkluż għal żmien determinat għandu jkun jinkludi perijodu stabbilit bi preċiżjoni sa mill-konklużjoni tiegħu. Madankollu dan jista’ ma jkunx jinkludi perijodu stabbilit bi preċiżjoni meta jiġi konkluż fil-każijiet segwenti:
Meta, f’dawn il-każijiet, il-kuntratt ma jkunx jinkludi perijodu preċiż, dan għandu jiġi konkluż għal tul minimu u għandu jintemm meta ma jkunx għad hemm ostakoli sabiex l-imjegat assenti jidħol lura għax-xogħol jew mat-tlestija tal-oġġett li fir-rigward tiegħu dan ġie konkluż. [...]” |
|
9 |
L-Artikolu L. 122‑4 tal-istess kodiċi, li jinsab f’din it-taqsima 3, huwa fformulat kif ġej: “(1) Bl-eċċezzjoni tal-kuntratt ta’ natura staġjonali, it-tul tal-kuntratt konkluż għal żmien determinat abbażi tal-Artikolu L. 122‑1 ma jistax, għall-istess paga, jaqbeż l-erbgħa u għoxrin xahar, tiġdidiet inklużi. [...]”. |
|
10 |
L-Artikolu L. 122‑5 tal-Kodiċi industrijali, li jinsab fit-Taqsima 4 tal-Kapitolu II tat-Titolu II tiegħu, intitolata “Tiġdid tal-kuntratt konkluż għal żmien determinat”, jipprevedi: “(1) Il-kuntratt konkluż għal żmien determinat jista’ jiġġedded darbtejn għal żmien determinat. Il-prinċipju ta’ tiġdid u/jew il-kundizzjonijiet tat-tiġdid għandhom ikunu s-suġġetti ta’ klawżola tal-kuntratt ta’ xogħol inizjali jew ta’ emenda sussegwenti ta’ dak il-kuntratt. Fin-nuqqas ta’ indikazzjoni bil-miktub konformi ma din id-dispożizzjoni, il-kuntratt ta’ xogħol imġedded huwa preżunt konkluż għal żmien indeterminat, sa fejn il-prova kuntrarja ma hijiex ammissibbli. […] (3) B’deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu, jistgħu jiġu mġedda għal iktar minn darbtejn, anki għal perijodu totali ta’ iktar minn erbgħa u għoxrin xahar, mingħajr ma jiġu kkunsidrati kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat, il-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat konklużi: [...]
[...]”. |
|
11 |
Skont l-Artikolu L. 122‑6 ta’ dan il-kodiċi, li jinsab fit-Taqsima 5 tal-Kapitolu II tat-Titolu II tiegħu, intitolata “Suċċessjoni ta’ kuntratti”: “Jekk ir-relazzjoni ta’ impjieg tkompli wara li jiskadi t-terminu tal-kuntratt għal żmien determinat, dan isir kuntratt għal żmien indeterminat”. |
Il-Liġi emendata tat-30 ta’ Lulju 1999
|
12 |
L-Artikolu 3 tal-liġi emendata tat-30 ta’ Lulju 1999, intitolat “Rikonoxximent tal-istatus ta’ artist professjonali indipendenti”, jipprevedi: “Ir-rikonoxximent tal-istatus ta’ artist professjonali indipendenti jista’ jinkiseb fuq applikazzjoni bil-miktub mibgħuta lill-[m]inistru responsabbli għall-kultura (iktar ’il quddiem il-‘Ministru’). Din l-applikazzjoni għandha tintbagħat flimkien ma fajl li l-kontenut tiegħu għandu jiġi ddeterminat b’regolament Gran Dukali. Il-Ministru jagħti l-istatus lill-persuni li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti minn din il-liġi għal mill-inqas tliet snin immedjatament preċedenti għall-applikazzjoni tagħhom, wara li jikkonsulta mal-Kumitat konsultattiv stabbilit minn din il-liġi. Il-perijodu minimu ta’ tliet snin immedjatament preċedenti għall-applikazzjoni jitnaqqas għal tnax-il xahar fir-rigward ta’ persuni li jistgħu jinvokaw titolu uffiċjali maħruġ wara studji speċjalizzati f’dixxiplini kkonċernati minn din il-liġi. Dan ir-rikonoxximent huwa validu għal [erbgħa u għoxrin] xahar. Wara kull perijodu, ir-rikonoxximent jista’ jiġġedded fuq applikazzjoni bil-miktub mibgħuta lill-Ministru. Fuq parir tal-Kumitat konsultattiv, il-Ministru jġedded ir-rikonoxximent lill-persuni li, wara r-rikonoxximent tagħhom bħala artisti professjonali indipendenti jew rispettivament wara t-tiġdid ta’ dan ir-rikonoxximent, ikunu ssodisfaw il-kriterji stabbiliti minn din il-liġi. Qabel ma jieħu din id-deċiżjoni, il-Ministru jista’ jiddeċiedi, fuq parir tal-Kumitat konsultattiv, li l-applikant għandu jipproduċi, parzjalment jew totalment, fajl ġdid kif stabbilit fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu. Id-deċiżjonijiet tal-Ministru huma suġġetti għal rikors għal annullament”. |
|
13 |
L-Artikolu 4 tal-Liġi emendata tat-30 ta’ Lulju 1999, intitolat “Definizzjoni tal-ħaddiem intermittenti tal-ispettaklu”, huwa fformulat kif ġej: “Huwa ħaddiem intermittenti tal-ispettaklu l-artist jew it-tekniku tal-palk jew tal-istudio li jeżerċità l-attività tiegħu prinċipalment, jew għal impriża tal-ispettaklu, jew fil-kuntest ta’ produzzjoni b’mod partikolari ċinematografika, awdjoviżiva, teatrali jew mużikali u li joffri s-servizzi tiegħu permezz ta’ salarju, onorarji jew miżata abbażi ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat jew ta’ kuntratt ta’ xogħlijiet.” |
Il-proċedura prekontenzjuża
|
14 |
Fit-12 ta’ Marzu 2009, il-Kummissjoni bagħtet ittra lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu fejn stednitu, fir-rigward tal-Kodiċi industrijali, jiċċara, fid-dawl tal-Ftehim qafas, ċerti punti tad-dritt Lussemburgiż dwar, l-ewwel nett, l-assenza ta’ definizzjoni tal-kunċett ta’ “ħaddiem għal żmien indeterminat paragunabbli”, it-tieni nett, l-eżistenza ta’ derogi għall-miżuri intiżi għall-prevenzjoni ta’ użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi u, it-tielet nett, l-assenza tal-obbligu li l-persuna li timpjega tipprovdi informazzjoni lill-ħaddiema għal żmien determinat dwar possibbiltajiet ta’ impjieg. |
|
15 |
Peress li ma rċevitx risposta għall din l-ittra, fl-1 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu. Dan l-Istat Membru rrisponda għall-ittra ta’ intimazzjoni b’ittra tal-20 ta’ Diċembru 2010. |
|
16 |
Peress li ma kinitx partikolarment sodisfatta bir-risposta tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, fl-1 ta’ Ottubru 2012, il-Kummissjoni bagħtitlu ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali fejn indikat li hija kienet tqis li l-ewwel ilment għandu jitwaqqa’. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-tieni lment, l-imsemmija istituzzjoni qieset li r-risposta tal-awtoritajiet Lussemburgiżi ma kinitx issemmi b’liema mod il-kuntratti ta’ xogħol relatati maż-żewġ kategoriji ta’ ħaddiema, jiġifieri l-għalliema-riċerkaturi tal-Università tal-Lussemburgu u l-ħaddiema intermittenti tal-ispettaklu, kienu suġġetti għal limitazzjonijiet fil-qasam tat-tiġdid, sabiex jiġi evitat użu ħażin ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi. Il-Kummissjoni kkonfermat ukoll it-tielet ilment, dwar l-assenza tal-obbligu li l-persuna li timpjega tipprovdi informazzjoni lill-ħaddiema għal żmien determinat dwar possibbiltajiet ta’ impjieg. |
|
17 |
Peress li ma rċevitx risposta għal din l-ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali, fis-26 ta’ April 2013 il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, fejn hija żammet it-tieni u t-tielet ilment tagħha. Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu rrisponda għal din l-opinjoni motivata fl-10 ta’ Lulju 2013. |
|
18 |
Peress li ma kinitx issodisfatta bir-risposta ta’ dan l-Istat Membru, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors. |
Fuq ir-rikors
L-argumenti tal-partijiet
|
19 |
Preliminarjament, il-Kummissjoni tinforma lill-Qorti tal-Ġustizzja li qed tillimita s-suġġett tar-rikors tagħha meta mqabbel mal-kontenut tal-opinjoni motivata, peress li hija rrinunzjat għall-ilmenti tagħha dwar, minn naħa, l-għalliema-riċerkaturi tal-Università tal-Lussemburgu u, min-naħa l-oħra, l-assenza tal-obbligu li l-persuna li timpjega tipprovdi informazzjoni lill-ħaddiema għal żmien determinat dwar possibbiltajiet ta’ impjieg fl-impriżi tagħhom, peress li l-awtoritajiet Lussemburgiżi stabbilixxew li l-imsemmi persunal jibbenefika minn protezzjoni kontra użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi u kkomunikaw lill-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi li jtemmu n-nuqqas allegat fir-rigward tal-imsemmi obbligu ta’ informazzjoni. |
|
20 |
Għalhekk, dan ir-rikors jirrigwarda esklużivament in-nuqqas tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu li jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 5 tal-Ftehim qafas sa fejn dan l-Istat Membru żamm fis-seħħ derogi għall-miżuri intiżi għall-prevenzjoni ta’ użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi konklużi mal-ħaddiema intermittenti tal-ispettaklu. |
|
21 |
Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 5 tal-Ftehim qafas, li jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jadottaw miżuri intiżi għall-prevenzjoni ta’ użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi, ġie traspost fid-dritt Lussemburgiż fl-Artikolu L. 122‑4 tal-Kodiċi industrijali, li fil-paragrafu (1) tiegħu jipprevedi li, “[b]l-eċċezzjoni tal-kuntratt ta’ natura staġjonali, it-tul tal-kuntratt konkluż għal żmien determinat abbażi tal-Artikolu L. 122‑1 ma jistax, għall-istess paga, jaqbeż l-erbgħa u għoxrin xahar, tiġdidiet inklużi”. Madankollu, l-Artikolu L. 122‑5(3) ta’ dan il-kodiċi jipprevedi li, “[b]’deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu, jistgħu jiġu mġedda għal iktar minn darbtejn, anki għal perijodu totali ta’ iktar minn erbgħa u għoxrin xahar, mingħajr ma jiġu kkunsidrati kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat, il-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat konklużi: [...] 2. mill-ħaddiema intermittenti tal-ispettaklu, kif iddefiniti fl-Artikolu 4 tal-Liġi emendata tat-30 ta’ Lulju 1999”. |
|
22 |
Il-Kummissjoni tenfasizza li, għaldaqstant, f’dak li jirrigwarda l-ħaddiema intermittenti tal-ispettaklu, id-dritt Lussemburgiż ma jipprevedi l-ebda raġuni oġġettiva li tippermetti l-prevenzjoni ta’ użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi. Fir-risposta tiegħu għall-ittra ta’ intimazzjoni, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu llimita ruħu li jsostni li l-kuntratti konklużi mal-ħaddiema intermittenti tal-ispettaklu, skont l-Artikolu L. 122‑5 tal-Kodiċi industrijali, “jibqgħu f’kull każ suġġetti għal-limiti imposti mill-Artikolu L. 122‑1(1) u (2)”. Madankollu l-Kummissjoni ssostni li, bil-kontra ta’ dan, dawn id-dispożizzjonijiet jeskludu l-ħaddiema intermittenti tal-ispettaklu minn kull protezzjoni. Fil-fatt, f’dak li jirrigwarda dawn il-ħaddiema, skont il-kliem innifsu tal-imsemmija dispożizzjonijiet, il-kuntratti la huma suġġetti għar-rekwiżit ta’ raġuni oġġettiva li tiġġustifika t-tiġdid tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat tagħhom, la għal limitazzjoni tan-numru ta’ tiġdidiet ta’ dawn il-kuntratti, u lanqas għal limitazzjoni tat-tul kumulattiv tal-imsemmija kuntratti. |
|
23 |
Barra minn hekk, b’risposta għall-opinjoni motivata, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu biddel in-natura tal-argumenti tiegħu billi sostna li, “fir-rigward tal-ħaddiema intermittenti tal-ispettaklu, għandu bilfors jiġi kkonstatat li dan huwa settur ta’ attività fejn hija użanza stabbilita li ma jintużax il-kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat minħabba n-natura tal-attività eżerċitata u n-natura intrinsikament temporanja ta’ dawn l-impjiegi”. Issa, il-Kummissjoni tikkontesta din l-analiżi minħabba t-termini nnifishom tal-leġiżlazzjoni Lussemburgiża. |
|
24 |
Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tosserva li l-formulazzjoni tal-Kapitolu II tat-Titolu II tal-Kodiċi industrijali, dwar il-kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat, tenfasizza li x-xogħol tal-ħaddiema intermittenti tal-ispettaklu huwa rrikonoxxut bħala li mhux neċessarjament jimplika t-twettiq ta’ biċċiet xogħol speċifiċi u mhux dewwiema. Fil-fatt, l-Artikolu L. 122‑1(1) ta’ dan il-kodiċi jistabbilixxi regola li tgħid li l-kuntratti għal żmien determinat jistgħu, eċċezzjonalment, jiġu konklużi għat-twettiq ta’ biċċiet xogħol speċifiċi u mhux dewwiema, filwaqt li l-Artikolu L. 122 1(2) isemmi diversi eżempji fejn għandha tiġi applikata din ir-regola. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu L. 122‑1(3) jipprovdi li l-kuntratti għal żmien determinat jistgħu wkoll jiġu konklużi mill-ħaddiema intermittenti tal-ispettaklu “[b]’deroga mill-paragrafi (1) u (2) iktar ’il fuq”. Il-Kummissjoni tqis li l-konklużjoni loġika hija li l-Artikolu L. 122‑1(3) ta’ dan il-kodiċi jippermetti l-konklużjoni ta’ kuntratti għal żmien determinat ma ħaddiema intermittenti tal-ispettaklu għat-twettiq ta’ biċċiet xogħol iktar ġenerali u/jew dewwiema jew permanenti. |
|
25 |
Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 4 tal-Liġi emendata tat-30 ta’ Lulju 1999 fih, bħala l-uniku kriterju għad-definizzjoni tal-“ħaddiem intermittenti tal-ispettaklu”, riferiment għal tip ta’ relazzjoni kuntrattwali mingħajr teħid inkunsiderazzjoni tan-natura reali tal-attivitajiet imwettqa. Din id-definizzjoni għalhekk tippermetti l-impjieg ta’ ħaddiema intermittenti tal-ispettaklu f’sitwazzjonijiet li ma humiex ta’ natura temporanja. |
|
26 |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tikkunsidra li, għalkemm, għal parti kbira mill-ħaddiema intermittenti tal-ispettaklu, l-impjieg tagħhom taħt kuntratti għal żmien determinat suċċessivi jista’ jkun iġġustifikat għal raġunijiet oġġettivi, jiġifieri l-fatt li dawn il-kuntratti huma konklużi b’rabta’ ma proġett speċifiku, fis-settur tal-ispettaklu, diversi ħaddiema, bħal, pereżempju, il-membri permanenti ta’ orkestra u l-membri tat-team bażiku ta’ kumpannija teatrali jew ta’ stazzjon tat-televiżjoni, huma impjegati fuq bażi stabbli mill-persuna li timpjegahom. Anki l-ħaddiema msemmija l-aħħar huma “ħaddiema intermittenti tal-ispettaklu”, skont id-definizzjoni tad-dritt Lussemburgiż, sa fejn ir-relazzjoni kuntrattwali mal-persuna li timpjegahom tissodisfa l-kriterji previsti fil-liġi emendata tat-30 ta’ Lulju 1999. |
|
27 |
Konsegwentement, il-Kummissjoni tikkunsidra li d-definizzjoni tal-ħaddiem intermittenti tal-ispettaklu, fid-dritt Lussemburgiż, ma teżiġixxix l-eżistenza ta’ raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ kuntratti għal żmien determinat, fis-sens tal-klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas, u li, barra minn hekk, ma jeżisti ebda element li jippermetti li ssir distinzjoni bejn il-ħaddiema intermittenti tal-ispettaklu impjegati fuq bażi stabbli u l-ħaddiema li jwettqu l-attività tagħhom f’setturi oħra tal-ekonomija, li fihom ukoll teżisti fluttwazzjoni kbira fl-ammont ta’ xogħol. |
|
28 |
Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jikkontesta l-eżistenza tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. |
|
29 |
L-ewwel nett, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu L. 122‑5(3) tal-Kodiċi industrijali, dan l-Istat Membru jikkontesta l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-ħaddiema impjegati fuq bażi stabbli fis-settur tal-ispettaklu għandhom il-kwalità ta’ “ħaddiem intermittenti tal-ispettaklu”, fis-sens tad-dritt Lussemburgiż, sa fejn dawn jissodisfaw il-kriterji previsti fil-Liġi emendata tat-30 ta’ Lulju 1999. Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsostni li, sabiex ikollu din il-kwalità, ħaddiem għandu neċessarjament jeżerċita l-attività tiegħu fis-settur tal-ispettaklu intermittenti. L-espressjoni nnifisha “ħaddiem intermittenti tal-ispettaklu” timplika li perijodi ta’ xogħol ikunu separati b’intervalli ta’ inattività. Għalhekk, dan l-Istat Membru jqis li, fil-prattika, il-ħaddiema intermittenti tal-ispettaklu jipparteċipaw fi proġetti individwali u limitati ratione temporis, bħar-realizzazzjoni ta’ xogħol ċinematografiku jew ta’ xogħol teatrali. |
|
30 |
Din l-evalwazzjoni hija kkonfermata kemm mill-fatt li l-għajnuna mogħtija lill-ħaddiema intermittenti tal-ispettaklu fil-każ ta’ inattività involontarja, abbażi tal-Artikolu 7 ta’ din il-liġi, hija kkalkolata fuq bażi ta’ kuljum, skont in-numru ta’ ġranet ta’ inattività li jgħaddu bejn żewġ proġetti, kif ukoll mill-fatt li l-carnet tal-ħaddiem intermittenti tal-ispettaklu, previst fl-Artikolu 8 tal-imsemmija liġi, huwa intiż sabiex jirreġistra l-attivitajiet eżerċitati mill-ħaddiem fuq bażi ta’ kuljum. F’dawn iċ-ċirkustanzi, interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tal-istess liġi li tgħid li anki ħaddiem permanenti tas-settur tal-ispettaklu għandu l-kwalità ta’ “ħaddiem intermittenti tal-ispettaklu”, tkun mingħajr sens. |
|
31 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 2 tar-Regolament Gran Dukali, tal-11 ta’ Lulju 1989, li jimplementa l-Artikoli L. 122‑1, L. 122‑4, L. 121‑5 u L.125‑8 tal-Kodiċi industrijali kien jelenka espliċitament is-setturi ta’ attività, inkluż dak tal-artisti tal-ispettaklu, li fihom kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat setgħu jiġu konklużi fir-rigward ta’ impjiegi li għalihom hija użanza stabbilita li ma jintużax il-kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat minħabba n-natura tal-attività eżerċitata jew n-natura intrinsikament temporanja ta’ dawn l-impjiegi. |
|
32 |
Sussegwentement, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jenfasizza li l-Artikolu L.122‑5(3) tal-Kodiċi industrijali huwa ispirat minn kunsiderazzjonijiet ta’ natura soċjali. Fil-fatt, mix-xogħlijiet preparatorji għal-Liġi tas-26 ta’ Mejju 2004 li temenda l-Liġi tat-30 ta’ Lulju 1999 dwar a) l-istatus tal-artist professjonali indipendenti u tal-ħaddiema intermittenti tal-ispettaklu b) il-promozzjoni tal-kreazzjoni artistika, jirriżulta li, peress li l-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat tista’ tkun diffiċli għall-ħaddiema intermittenti tal-ispettaklu u peress li l-istatus tal-ħaddiem indipendenti “freelance”, li kien użat mill-parti l-kbira tal-artisti u tat-tekniċi, jagħti ta’ spiss lok għal sitwazzjonijiet prekarji u ġuridikament mhux ċari wisq, l-imsemmija dispożizzjoni tal-Kodiċi industrijali ġiet maħsuba sabiex dan is-settur speċifiku jingħata l-possibbiltà li b’mod ripetut jikkonkludi kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat li jagħtu lill-impjegat garanziji u vantaġġi, b’mod partikolari fil-qasam tas-sigurtà soċjali, li minnhom ma jibbenefikax il-ħaddiem indipendenti “freelance”. |
|
33 |
Fl-aħħar nett, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jirrikonoxxi li, fid-dritt Lussemburgiż, la jeżisti tul massimu totali, fis-sens tal-klawżola 5(1)(b) tal-Ftehim qafas, f’dak li jirrigwarda l-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi konklużi mal-ħaddiema intermittenti tal-ispettaklu, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Liġi emendata tat-30 ta’ Lulju 1999, u lanqas ma teżisti limitazzjoni tan-numru ta’ tiġdidiet ta’ dawn il-kuntratti, fis-sens tal-klawżola 5(1)(ċ) tal-Ftehim qafas. Min-naħa l-oħra, skont dan l-Istat Membru, li jagħmel riferiment għas-sentenza Márquez Somohano (C‑190/13, EU:C:2014:146, punt 45), is-sitwazzjoni ta’ dawn il-ħaddiema hija kkaratterizzata mill-eżistenza ta’ “raġunijiet oġġettivi”, fis-sens tal-klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. B’mod partikolari, l-imsemmija ħaddiema jipparteċipaw fi proġetti individwali u limitati ratione temporis u l-possibbiltà, għall-persuna li timpjega, li ġġedded kuntratti għal żmien determinat mal-istess ħaddiema tagħti lok kemm għal ċerta flessibbiltà kif ukoll għal vantaġġi soċjali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tammetti, li l-fatt li l-ħaddiema jaħdmu abbażi ta’ proġetti individwali jikkostitwixxi raġuni oġġettiva li tista’ tiġġustifika l-użu ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi. F’dan ir-rigward, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza Kücük (C‑586/10, EU:C:2012:39, punt 56), li meta raġuni oġġettiva tirriżulta min-natura speċifika tax-xogħlijiet li għandhom jitwettqu, il-fatt li persuna li timpjega tkun, b’mod rikorrenti, obbligata tuża impjegati b’kuntratt għal żmien determinat, la jimplika l-assenza ta’ tali raġuni oġġettiva, fis-sens tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, u lanqas ma jimplika l-eżistenza ta’ abbuż, fis-sens ta’ dik il-klawżola. |
Evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
34 |
Il-Kummissjoni tikkritika lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu talli naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, peress li fid-dritt Lussemburgiż ma teżisti l-ebda miżura preventiva fir-rigward tal-użu abbużiv tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi f’dak li jirrigwarda l-ħaddiema intermittenti tal-ispettaklu. |
|
35 |
Għandu jitfakkar li l-għan tal-klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas huwa li jimplementa wieħed mill-għanijiet imfittxija mill-imsemmi ftehim, jiġifieri li jiġi rregolat l-użu suċċessiv ta’ kuntratti jew relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien determinat, ikkunsidrati bħala sors potenzjali ta’ abbuż għad-detriment tal-ħaddiema, billi jipprovdi numru ta’ dispożizzjonijiet minimi ta’ protezzjoni intiżi sabiex jiġi evitat li s-sitwazzjoni tal-impjegati ssir iktar prekarja (ara s-sentenza Mascolo et, C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata. |
|
36 |
Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mit-tieni paragrafu tal-Preambolu tal-Ftehim qafas, kif ukoll mill-punti 6 u 8 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-imsemmi Ftehim qafas, il-benefiċċju tal-istabbiltà tal-impjieg huwa kkonċepit bħala element prinċipali tal-protezzjoni tal-ħaddiema, filwaqt li huwa biss f’ċerti ċirkustanzi li kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat jistgħu jissodisfaw kemm il-bżonnijiet tal-persuni li jimpjegaw kif ukoll dawk tal-ħaddiema (sentenza Mascolo et, EU:C:2014:2401, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
37 |
Għalhekk, il-klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas timponi fuq l-Istati Membri, bil-għan ta’ prevenzjoni tal-użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, l-adozzjoni effettiva u vinkolanti ta’ mill-inqas waħda mill-miżuri li hija telenka, meta d-dritt intern tagħhom ma jkunx jinkludi miżuri legali ekwivalenti. Il-miżuri hekk elenkati fil-punt 1(a) sa (ċ) tal-imsemmija klawżola, li jammontaw għal tlieta, huma relatati, rispettivament, ma’ raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ tali kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol, it-tul massimu totali ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol suċċessivi u n-numru ta’ drabi li dawn jistgħu jiġġeddu (sentenza Mascolo et, EU:C:2014:2401, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
38 |
F’dan ir-rigward l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni, peress li għandhom l-għażla li jużaw waħda jew iktar mill-miżuri msemmija fil-klawżola 5(1)(a) sa (ċ) tal-Ftehim qafas jew inkella miżuri legali eżistenti ekwivalenti, u dan filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet ta’ setturi speċifiċi u/jew ta’ kategoriji ta’ ħaddiema (sentenza Mascolo et, EU:C:2014:2401, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
39 |
B’dan il-mod, il-klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas tagħti lill-Istati Membri għan ġenerali, li jikkonsisti fil-prevenzjoni tal-abbużi, filwaqt li tħallilhom l-għażla tal-mezzi sabiex jilħqu dan l-għan, bil-kundizzjoni li huma ma jikkompromettux l-għan jew l-effettività tal-Ftehim qafas (sentenza Mascolo et, EU:C:2014:2401, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
40 |
Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas u skont it-tielet paragrafu tal-Preambolu tal-Ftehim qafas kif ukoll skont il-punti 8 u 10 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tiegħu, huwa fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-imsemmi Ftehim qafas li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà, sakemm dan huwa oġġettivament iġġustifikat, li jieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet partikolari relatati mas-setturi ta’ attivitajiet speċifiċi u/jew mal-kategoriji ta’ ħaddiema inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Mascolo et, EU:C:2014:2401, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
41 |
F’din il-kawża, huwa paċifiku li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tippermetti li ħaddiema intermittenti tal-ispettaklu jiġu rreklutati fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, mingħajr ma tipprovdi xi miżura li tillimita t-tul massimu totali ta’ dawn il-kuntratti jew in-numru ta’ tiġdidiet tagħhom, b’mod konformi mal-klawżola 5(1)(b) u (ċ) tal-Ftehim qafas. B’mod partikolari, hekk kif jirriżulta mill-kliem innifsu tal-Artikolu L. 122‑5(3) tal-Kodiċi industrijali, kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat konklużi minn ħaddiema intermittenti tal-ispettaklu, kif iddefiniti fl-Artikolu 4 tal-Liġi emendata tat-30 ta’ Lulju 1999, jistgħu jiġġeddu darbtejn, anki għal perijodu totali ta’ iktar minn erbgħa u għoxrin xahar, mingħajr ma jiġu kkunsidrati kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat. Lanqas ma huwa kkontestat li din il-leġiżlazzjoni ma tinkludix, f’dak li jirrigwarda l-ħaddiema intermittenti tal-ispettaklu, miżuri legali ekwivalenti għal dawk stipulati fil-klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas. |
|
42 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tiġdid ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi konklużi ma dawn il-ħaddiema għandu jkun iġġustifikat minn “raġuni oġġettiva”, fis-sens tal-klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas. |
|
43 |
Hekk kif jissemma fil-punt 7 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tiegħu, u kif jirriżulta mill-punt 37 ta’ din is-sentenza, il-partijiet firmatarji tal-Ftehim qafas effettivament qiesu li l-użu ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat ibbażat fuq raġunijiet oġġettivi huwa mezz ta’ prevenzjoni ta’ abbuż (sentenza Mascolo et, EU:C:2014:2401, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
44 |
Fir-rigward ta’ dan il-kunċett ta’ “raġunijiet oġġettivi”, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dan il-kunċett għandu jinftiehem bħala li jkopri ċirkustanzi preċiżi u konkreti li jikkaratterizzaw attività speċifika u, għalhekk, ta’ natura li, f’dan il-kuntest partikolari, tiġġustifika l-użu ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi. Dawn iċ-ċirkustanzi jistgħu jirriżultaw, b’mod partikolari, min-natura partikolari tal-kompiti li għat-twettiq tagħhom tali kuntratti ġew konklużi u mill-karatteristiċi intrinsiċi għalihom jew, jekk ikun il-każ, mit-tfittxija ta’ għan leġittimu ta’ politika soċjali ta’ Stat Membru (sentenza Mascolo et, EU:C:2014:2401, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
45 |
Min-naħa l-oħra, dispożizzjoni nazzjonali li tillimita ruħha li tawtorizza, b’mod ġenerali u astratt permezz ta’ norma leġiżlattiva jew regolamentari, l-użu ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, ma tkunx konformi mar-rekwiżiti kif ippreċiżati fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, tali dispożizzjoni, ta’ natura purament formali, ma tippermettix li jiġu identifikati kriterji oġġettivi u trasparenti sabiex jiġi vverifikat jekk it-tiġdid ta’ tali kuntratti jissodisfax effettivament bżonn veru, jekk huwiex ta’ natura li jilħaq l-għan imfittex u jekk huwiex neċessarju għal dan l-iskop. Tali dispożizzjoni tinvolvi għalhekk riskju reali li jsir użu abbużiv minn dan it-tip ta’ kuntratti u għalhekk ma hijiex kompatibbli mal-għan u mal-effettività tal-Ftehim qafas (sentenza Mascolo et, EU:C:2014:2401, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
46 |
F’dan il-każ, f’dak li jirrigwarda l-argument tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, li jgħid li l-ħaddiema intermittenti tal-ispettaklu, fis-sens tad-dritt Lussemburgiż, fil-fatt jipparteċipaw fi proġetti individwali u limitati ratione temporis, għandu jiġi osservat li, anki jekk jitqies li tali proġetti jimplikaw, għall-persuna li timpjega, bżonnijiet provviżorji fil-qasam tar-reklutaġġ u li tali bżonnijiet jistgħu jikkostitwixxu “raġunijiet oġġettivi” li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, fis-sens tal-klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas, dan l-Istat Membru ma jispjegax kif il-leġiżlazzjoni nazzjonali teżiġi li l-ħaddiema intermittenti tal-ispettaklu, fis-sens tad-dritt Lussemburgiż, jeżerċitaw l-attività tagħhom fil-kuntest ta’ tali proġetti. Bil-kontra ta’ dan, kif tenfasizza l-Kummissjoni, mill-kliem innifsu tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “ħaddiem intermittenti tal-ispettaklu”, prevista fl-Artikolu 4 tal-Liġi emendata tat-30 ta’ Lulju 1999, jirriżulta li din id-definizzjoni ma tirrigwardax in-natura temporanja jew permanenti tal-attività ta’ dawn il-ħaddiema. |
|
47 |
Barra minn hekk, kif issostni l-Kummissjoni, id-dikjarazzjoni li tgħid li kull ħaddiem intermittenti tal-ispettaklu, fis-sens tad-dritt Lussemburgiż, huwa impjegat biex iwettaq proġetti ta’ natura temporanja hija kontradetta mill-kliem innifsu tal-Artikolu L. 122‑1 tal-Kodiċi industrijali. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-punti 7 u 24 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu L. 122‑1(1) tal-Kodiċi industrijali jistabbilixxi regola li tgħid li l-kuntratti għal żmien determinat jistgħu, eċċezzjonalment, jiġu konklużi għat-twettiq ta’ biċċiet xogħol speċifiċi u mhux dewwiema. L-Artikolu L. 122‑1(2) tal-imsemmi kodiċi jsemmi diversi eżempji fejn għandha tiġi applikata din ir-regola, li fosthom hemm “l-impjiegi li għalihom, f’ċerti setturi ta’ attività, hija użanza stabbilita li ma jintużax il-kuntratt għal żmien indeterminat minħabba n-natura tal-attività eżerċitata jew n-natura intrinsikament temporanja ta’ dawn l-impjiegi, il-lista ta’ dawn is-setturi u impjiegi għandha tiġi stabbilta b’regolament Gran Dukali”. Min-naħa l-oħra l-Artikolu L. 122‑1(3) tal-istess kodiċi jipprovdi li l-kuntratti għal żmien determinat jistgħu wkoll jiġu konklużi fil-każ ta’ ħaddiema intermittenti tal-ispettaklu “[b]’deroga mill-paragrafi (1) u (2) iktar ’il fuq”. |
|
48 |
Minn dan isegwi li x-xogħlijiet assenjati lill-ħaddiema intermittenti tal-ispettaklu ma għandhomx neċessarjament jissodisfaw il-kriterji ta’ preċiżjoni u ta’ temporanjetà stabbiliti fl-Artikolu L. 122‑1 tal-Kodiċi industrijali u li, konsegwentement, in-natura tal-attività eżerċitata minn dawn il-ħaddiema ma hijiex waħda neċessarjament provviżorja. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni Lussemburgiża inkwistjoni ma tipprekludix lill-persuni li jimpjegaw milli jikkonkludu kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi ma ħaddiema intermittenti tal-ispettaklu sabiex jissodisfaw bżonnijiet permanenti u dewwiema fil-qasam tal-persunal. |
|
49 |
Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkonfutata mill-argument, espost fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, ibbażat fuq id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Gran Dukali tal-11 ta’ Lulju 1989. B’dan l-argument, effettivament, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jillimita ruħu li jsostni li dan ir-regolament jippermetti l-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat fis-settur tal-artisti tal-ispettaklu sabiex jiġu okkupati impjiegi li għalihom hija użanza stabbilita li ma jintużawx kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat minħabba n-natura intrinsikament temporanja ta’ dawn l-impjiegi. Madankollu, dan l-Istat Membru ma jispjegax kif dan ir-regolament jaffettwa l-kamp ta’ applikazzjoni jew l-interpretazzjoni li għandha tingħata għad-deroga prevista fl-Artikolu L. 122‑1(3) tal-Kodiċi industrijali, li, kif jirriżulta mill-punti 7, 47 u 48 ta’ din is-sentenza, tippermetti li persuni li jimpjegaw, jimpjegaw ħaddiema intermittenti tal-ispettaklu fuq il-bażi ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat anki għal xogħlijiet li ma humiex ta’ natura temporanja. Għalhekk, is-sitwazzjoni ġuridika tal-ħaddiema intermittenti tal-ispettaklu li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali inkwistjoni, kif ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni li għandhom jikkaratterizzaw miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑151/12, EU:C:2013:690, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
50 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk jitqies li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tfittex li tilħaq l-għan invokat mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, jiġifieri li l-ħaddiema intermittenti tal-ispettaklu jkollhom kemm ċerta flessibbiltà kif ukoll vantaġġi soċjali billi l-persuni li jimpjegawhom jingħataw il-possibbiltà li jirreklutaw lil dawn il-ħaddiema b’mod rikorrenti fuq il-bażi ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, tali għan ma jistax jagħmel din il-leġiżlazzjoni konformi mal-klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas, peress li dan ma jippermettix li tintwera l-eżistenza ta’ ċirkustanzi preċiżi u konkreti li jikkaratterizzaw l-attività inkwistjoni u, għaldaqstant, li f’dan il-kuntest partikolari jiġġustifikaw l-użu ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 44 ta’ din is-sentenza. |
|
51 |
Għalkemm huwa ċertament minnu, hekk kif diġà ġie osservat fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, li Stat Membru għandu d-dritt li, meta jimplementa l-klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas, jieħu inkunsiderazzjoni bżonnijiet partikolari ta’ settur speċifiku, madankollu dan id-dritt ma jistax jiġi estiż b’tali mod li jippermetti li dan l-Istat jeżenta ruħu mill-osservanza, fir-rigward ta’ dak is-settur, tal-obbligu li jipprevedi miżura xierqa sabiex jipprevjeni, u jekk meħtieġ, jissanzjona l-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi. Effettivament, il-fatt li Stat Membru jingħata l-possibbiltà li jinvoka għan bħalma hija l-flessibbiltà li tirriżulta mill-użu ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, sabiex jeżenta ruħu minn dan l-obbligu jmur kontra wieħed mill-għanijiet imfittxija mill-Ftehim qafas, imfakkra fil-punti 35 u 36 ta’ din is-sentenza, jiġifieri l-istabbiltà tal-impjieg, ikkonċepita bħala element prinċipali tal-protezzjoni tal-ħaddiema, u jista’ wkoll inaqqas kunsiderevolment il-kategoriji ta’ persuni li jistgħu jibbenefikaw mill-miżuri ta’ protezzjoni previsti fil-klawżola 5 tal-Ftehim qafas. |
|
52 |
Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li mill-elementi prodotti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ din il-kawża jirriżulta li l-leġiżlazzjoni Lussemburgiża inkwistjoni ma tinkludix miżuri li jipprevjenu l-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, fis-sens tal-klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas, f’dak li jirrigwarda l-ħaddiema intermittenti tal-ispettaklu, bil-kontra tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 37 ta’ din is-sentenza. Konsegwentement, ir-rikors ippreżentat mill-Kummissjoni għandu jiġi kkunsidrat fondat. |
|
53 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li, billi żamm fis-seħħ derogi għall-miżuri intiżi li jipprevjenu użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi konklużi mal-ħaddiema intermittenti tal-ispettaklu, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas. |
Fuq l-ispejjeż
|
54 |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni talbet il-kundanna tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, u peress li ġie kkonstatat in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, dan tal-aħħar għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.