Kawża C‑231/14 P

InnoLux Corp.

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Kompetizzjoni — Akkordji — Artikolu 101 TFUE — Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE — Suq dinji ta’ pannelli tal-kristalli likwidi (LCD) — Iffissar tal-prezzijiet — Multi — Linji gwida għall-kalkolu tal-multi (2006) — Punt 13 — Determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ b’rabta mal-ksur — Bejgħ intern tal-prodott ikkonċernat barra miż-ŻEE — Teħid inkunsiderazzjoni ta’ bejgħ ta’ prodotti lesti li jintegraw il-prodott ikkonċernat lil terzi fiż-ŻEE”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tad-9 ta’ Lulju 2015

  1. Proċedura ġudizzjarja – Proċedura orali – Ftuħ mill-ġdid – Obbligu li tinfetaħ mill-ġdid il-proċedura orali sabiex il-partijiet ikunu jistgħu jippreżentaw osservazzjonijiet fuq punti ta’ liġi mqajma fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali – Assenza

    (It-tieni paragrafu tal-Artikolu 252, TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 23; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 83)

  2. Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa – Determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ – Kriterji – Teħid inkunsiderazzjoni ta’ bejgħ lil impriżi integrati vertikalment fl-impriża inkriminata – Ammissibbiltà – Teħid inkunsiderazzjoni tal-valur tal-prodotti kartellizzati li ġew integrati fi prodotti lesti mibjugħa lil terzi minn sussidjarji – Ammissibbiltà

    (Artikolu 101(1) TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punt 13)

  3. Appell – Aggravji – Evalwazzjoni żbaljata tal-fatti – Inammissibbiltà – Stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi – Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ żnaturament

    (Artikolu 256(1) TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58)

  4. Kompetizzjoni – Multi – Sanzjonijiet imposti mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u sanzjonijiet imposti fi Stat terz għal ksur tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni – Ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem – Assenza

    (Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23)

  1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 26-29)

  2.  Sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-kunċett ta’ valur tal-bejgħ previst fil-punt 13 tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 jinkludi l-bejgħ li sar fis-suq affettwat mill-ksur fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk dan il-bejgħ kienx fil-fatt ġie affettwat minn dan il-ksur, peress li l-parti mid-dħul li ġejja mill-bejgħ tal-prodotti li huma s-suġġett tal-ksur tipprovdi l-aħjar possibbiltà għall-għarfien tal-importanza ekonomika ta’ dan il-ksur. Jekk dan il-kunċett ma jistax jiġi estiż sabiex jinkludi l-bejgħ imwettaq mill-impriża inkwistjoni li bl-ebda mod ma jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-akkordju imputat, ikun kuntrarju għall-għan imfittex mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 li l-parteċipanti f’akkordju vertikalment integrati jkunu jistgħu, sempliċement minħabba li jkunu integraw il-prodotti li huma s-suġġett tal-ksur fil-prodotti lesti barra miż-ŻEE, jeskludu mill-kalkolu tal-multa l-frazzjoni tal-valur tal-bejgħ tagħhom ta’ dawn il-prodotti lesti fiż-ŻEE li tista’ tikkorrispondi mal-valur tal-prodotti li huma s-suġġett tal-ksur.

    Fil-fatt, l-impriżi vertikalment integrati jistgħu jieħdu vantaġġ minn ftehim orizzontali ta’ ffissar ta’ prezzijiet konkluż bi ksur tal-Artikolu 101 TFUE mhux biss fil-bejgħ lil terzi indipendenti fis-suq tal-prodott li huwa s-suġġett ta’ dan il-ksur, iżda wkoll fis-suq downstream tal-prodotti pproċessati li fil-kompożizzjoni tagħhom jidħlu dawn il-prodotti, u dan fuq żewġ bażijiet differenti. Jew dawn l-impriżi jgħaddu ż-żidiet fil-prezz tal-input li jirriżultaw minħabba l-ksur fuq il-prezz tal-prodotti pproċessati, jew inkella dawn ma jgħadduhomx, fatt li jagħtihom vantaġġ fl-ispiża meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom li jiksbu dan l-istess input fis-suq tal-prodotti li huwa s-suġġett tal-ksur. L-esklużjoni ta’ dan il-bejgħ għandu l-effett li jimminimizza artifiċjalment il-ksur imwettaq minn impriża partikolari, peress li l-fatt biss li jiġi eskluż it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali bejgħ fil-fatt affettwat mill-akkordju fiż-ŻEE jwassal sabiex finalment tiġi imposta multa mingħajr rabta reali mal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-akkordju f’dan it-territorju.

    It-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan il-bejgħ intern, li sar barra miż-ŻEE minn impriża vertikalment integrata, għall-kalkolu tal-multa, ma jeċċedix il-kompetenza territorjali tal-Kummissjoni. Din tal-aħħar hija fil-fatt kompetenti sabiex tapplika l-Artikolu 101 TFUE għal akkordju ta’ portata mondjali ladarba l-parteċipanti f’dan l-akkordju jkunu implementawh fiż-ŻEE billi wettqu f’dan it-territorju bejgħ dirett tal-prodott ikkonċernat mill-ksur lil impriżi terzi. Meta dan ikun il-każ, huwa importanti, min-naħa l-oħra, li l-valur tal-bejgħ ikkunsidrat għall-kalkolu tal-multa jirrifletti l-importanza ekonomika tal-ksur u l-piż relattiv tal-impriża kkonċernata fih.

    (ara l-punti 51, 55, 56, 62, 70-74)

  3.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 59-61)

  4.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punt 75)