SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

1 ta’ Ottubru 2015 ( * )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali — Direttiva 95/46/KE — Artikoli 4(1) u 28(1), (3) u (6) — Kontrollur formalment stabbilit fi Stat Membru — Ksur tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali li tirrigwarda persuni fiżiċi fi Stat Membru ieħor — Determinazzjoni tad-dritt applikabbli u tal-awtorità ta’ superviżjoni kompetenti — Eżerċizzju tas-setgħat tal-awtorità ta’ superviżjoni — Setgħa ta’ impożizzjoni ta’ sanzjoni”

Fil-Kawża C‑230/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Kúria (qorti suprema, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ April 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Mejju 2014, fil-proċedura

Weltimmo s. r. o.

vs

Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Ó Caoimh, C. Toader, E. Jarašiūnas u C. G. Fernlund (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Marzu 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għan-Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság, minn A. Péterfalvi, bħala aġent, assistit minn G. Dudás, ügyvéd,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér, G. Koós u A. Pálfy, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, M. Kamejsza u M. Pawlicka, bħala aġenti,

għall-Gvern Slovakk, minn B. Ricziová, bħala aġent,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn M. Holt bħala aġent, assistit minn J. Holmes, barrister,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Tokár, B. Martenczuk u J. Vondung, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta’ Ġunju 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 4(1)(a) u 28(1), (3) u (6) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 95/46/KE, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Weltimmo s. r. o. (iktar ’il quddiem “Weltimmo”), kumpannija lis-sede tagħha tinsab fis-Slovakkja, u n-Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság (awtorità nazzjonali responsabbli għall-protezzjoni tad-data u għal-libertà ta’ informazzjoni, iktar ’il quddiem l-“awtorità ta’ superviżjoni Ungeriża”) dwar multa imposta minn din tal-aħħar għall-ksur tal-Liġi Nru CXII tal-2011 dwar l-awtodeterminazzjoni fir-rigward tal-informazzjoni u tal-libertà tal-informazzjoni (az információs önrendelkezési jogról és az információszabadságról szóló 2011. evi CXII. törvény, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar l-informazzjoni”), li ttrasponiet id-Direttiva 95/46 fid-dritt Ungeriż.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 3, 18 u 19 tad-Direttiva 95/46 jipprovdu:

“3

Billi bit-twaqqif u t-tħaddim ta’ suq intern li fih, skond l-Artikolu [26 TFUE] tat-Trattat, hemm il-garanzija tal-moviment liberu ta’ oġġetti, persuni, servizzi u kapital, jeħtieġ mhux biss li data personali tkun tista’ tgħaddi liberament minn Stat Membru għal ieħor, imma wkoll li jkun hemm il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-persuna;

[...]

18

Billi, sabiex ikun assigurat li individwi ma jiċċaħdux mill-protezzjoni li għandhom dritt għaliha b’din id-Direttiva, kull ipproċessar ta’ data personali fil-Komunità għandu jsir skond il-liġi ta’ wieħed mill-Istati Membri; billi, f’dan il-qasam, l-ipproċessar magħmul taħt ir-responsabbiltà ta’ kontrollur li jkun stabbilit fi Stat Membru għandha jkun regolat bil-liġi ta’ dak l-Istat;

19

Billi stabbiliment fit-territorju ta’ Stat Membru jfisser l-eżerċizzju effettiv u reali ta’ attività permezz ta’ arranġamenti stabbli; billi l-forma legali ta’ stabbiliment bħal dan, kemm jekk sempliċi fergħa jew sussidjarju b’personalità ġuridika, mhux il-fattur determinanti dwar dan; billi, meta kontrollur wieħed ikun stabbilit fit-territorju ta’ diversi Stati Membri, partikolarment permezz ta’ sussidjarji, huwa għandu jassigura, sabiex ma jkunux skartati regoli nazzjonali, li kull stabbiliment jissodisfa l-obbligazzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jkunu japplikaw għall-attivitajiet tiegħu”.

4

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 95/46 jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[...]

(b)

‘ipproċessar ta’ data personali [‘feldolgozása’]’ (ipproċessar [‘feldolgozása’]): tfisser kull operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li jsiru fuq data personali, b’mezzi awtomatiċi jew mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, reġistrazzjoni, organizzazzjoni, ħażna, adattament jew bdil, rkupru, konsultazzjoni, użu, żvelar bi trasmissjoni, tixrid jew li xort’oħra jagħmlu l-ipproċessar disponibbli jew li jġibu allineament, taħlita, imblokk, tħassir jew distruzzjoni;

[...]”

5

L-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 95/46 jipprovdi:

“1.   Kull Stat Membru għandu japplika d-dispożizzjonijiet nazzjonali li hu jadotta skond din id-Direttiva għall-ipproċessar ta’ data personali meta:

(a)

l-ipproċessar isir fil-kuntest ta’ l-attivitajiet ta’ stabbiliment tal-kontrollur fit-territorju ta’ l-Istat Membru; meta l-istess kontrollur ikun stabbilit fit‑territorju ta’ diversi Stati Membri, hu għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jassigura li kull wieħed minn dawk l-istabbilimenti jkunu konformi ta’ l-obbligazzjonijiet meħtieġa mill-liġi nazzjonali li tkun tapplika”.

6

Skont l-Artikolu 28(1), (3) u (6) tad-Direttiva 95/46:

“1.   Kull Stat Membru għandu jipprovdi li awtorità pubblika waħda jew aktar ikunu responsabbli tas-sorveljanza ta’ l-applikazzjoni fit-territorju tiegħu tad-dispożizzjonijiet adottati mill-Istati Membri skond din id-Direttiva.

Dawn l-awtoritajiet għandhom jaġixxu b’indipendenza sħiħa fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet fdati lilhom.

[...]

3.   Kull awtorità għandha jkollha partikolarment:

setgħat investigattivi, bħalma huma setgħat ta’ aċċess għal data li tagħmel parti mis-suġġett ta’ operazzjonijiet ta’ ipproċessar u setgħat għal ġbir ta’ l-informazzjoni kollha meħtieġa biex twettaq id-dmirijiet tagħha ta’ superviżjoni,

setgħat effettivi ta’ intervent, bħalma hu, per eżempju, dak li tagħti opinjonijiet qabel ma jsiru operazzjonijiet ta’ ipproċessar, skond l-Artikolu 20, u li tassigura li dawn l-opinjonijiet ikollhom pubblikazzjoni sewwa, li tordna l-imblokk, tħassir jew distruzzjoni ta’ data, li ma tħallix għal xi żmien jew għal dejjem milli jsir ipproċessar, li twissi jew twiddeb lill-kontrollur, jew li tirreferi l-kwistjoni lill-parlamenti nazzjonali jew istituzzjonijiet pubbliċi oħra,

is-setgħa li tidħol fi proċeduri legali meta d-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva jkunu ġew miksura jew li tressaq dan il-ksur quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji.

Deċiżjonijiet ta’ l-awtorità ta’ superviżjoni li jagħtu lok għal ilmenti jistgħu jkunu appellati fil-qrati.

[...]

6.   Kull awtorità ta’ superviżjoni hija kompetenti, tkun liema tkun il-liġi nazzjonali li tkun applika għall-ipproċessar in kwistjoni, li teżerċita, fit-territorju ta’ l-Istat Membru tagħha nfisha, is-setgħat mogħtija lilha skond il-paragrafu 3. Kull awtorità tista’ tintalab li teżerċita s-setgħat tagħha minn awtorità ta’ Stat Membru ieħor.

L-awtoritajiet ta’ superviżjoni għandhom jikkooperaw ma xulxin f’dak li jkun meħtieġ biex iwettqu dmirijiethom, partikolarment billi jaqsmu flimkien kull informazzjoni utli.”

Id-dritt Ungeriż

7

L-Artikolu 2(1) tal-liġi dwar l-informazzjoni jipprovdi:

“Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi jkopri t-trattament u l-ipproċessar kollu tad-data imwettqa fit-territorju tal-Ungerija fir-rigward tad-data ta’ persuni fiżiċi kif ukoll data ta’ interess pubbliku jew data aċċessibbli għal raġunijiet ta’ interess pubbliku.”

8

L-Artikolu 3(10) u (17) tal-liġi dwar l-informazzjoni jinkludi d-definizzjonijiet li ġejjin:

“(10)   ‘ipproċessar tad-data’ (‘adatkezelés’): tfisser kull operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet imwettqa rigward id-data, tkun xi tkun il-proċedura użata, b’mod partikolari l-ġbir, il-qbid, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, il-ħażna, il-modifika, l-użu, l-applikazzjoni, it-trażmissjoni, il-pubblikazzjoni, it-tqabbil jew interkonnessjoni, l-imblukkar, it-tħassir jew il-qerda, kif ukoll il-prevenzjoni ta’ użu ieħor tad-data, il-qbid ta’ ritratti, ħsejjes jew stampi, jew ir-reġistrazzjoni tal-karatteristiċi fiżiċi li jservu għall-identifikazzjoni ta’ persuni (pereżempju, marki tas-swaba’ jew tal-pala tal-id, kampjuni tad-DNA jew immaġni tal-iris);

[...]

17.   ‘ipproċessar tad-data’ (‘adatfeldolgozás’): tfisser it-twettiq ta’ kompiti tekniċi fir-rigward tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar tad-data, ikun x’ikun il-metodu u l-mezzi użati biex jitwettqu operazzjonijiet kif ukoll il-post li jsiru fih, sakemm il-kompiti tekniċi jsiru fil-qasam tad-data”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9

Weltimmo, kumpannija rreġistrata fis-Slovakkja, topera sit tal-internet li jippubblika riklami dwar proprjetajiet immobbli li jinsabu fl-Ungerija. Għal dan il-għan, hija tipproċessa d-data personali tal-persuni li jirriklamaw. Ir-riklami huma ppubblikati mingħajr ħlas għal xahar u wara l-iskadenza ta’ dan ix-xahar dawn isiru bi ħlas. Numru kbir ta’ persuni li jirriklamaw talbu, permezz ta’ messaġġ elettroniku, li wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu ta’ xahar jitħassru r-riklami tagħhom u, bl-istess mod, li titħassar id-data personali li tirrigwardahom. Madankollu, Weltimmo ma ħassritx din id-data u ffatturat lill-partijiet ikkonċernati l-prezz tas-servizzi tagħha. Fl-assenza tal-ħlas tas-somom iffatturati, din il-kumpannija, għaddiet lil kumpanniji li jiġbru d-dejn, id-data personali relatata mal-persuni li jirriklamaw ikkonċernati.

10

Dawn il-persuni li jirriklamaw ressqu lmenti quddiem l-awtorità ta’ superviżjoni Ungeriża. Din iddikjarat li kienet kompetenti abbażi tal-Artikolu 2(1) tal-liġi dwar l-informazzjoni, billi qieset li l-ġbir tad-data kkonċernata kien seħħ fit-territorju Ungeriż u li dan kien jikkostitwixxi pproċessar ta’ data jew operazzjoni teknika ta’ pproċessar ta’ data relatata ma’ persuni fiżiċi. Peress li Weltimmo kienet kisret il-liġi dwar l-informazzjoni, din l-awtorità ta’ superviżjoni imponiet fuq din il-kumpannija multa ta’ għaxar miljun forint Ungeriż (HUF) (madwar EUR 32000).

11

Weltimmo għaldaqstant ressqet kawża quddiem il-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (qorti amministrattiva u tax-xogħol ta’ Budapest), li kkonstatat li l-fatt li din il-kumpannija ma kellhiex sede jew fergħa fl-Ungerija ma kienx jikkostitwixxi argument ta’ difiża validu, peress li l-provvista ta’ data relatata mal-proprjetajiet immobbli Ungeriżi kkonċernati kif ukoll l-ipproċessar ta’ din id-data kienu seħħew fl-Ungerija. Din il-qorti madankollu annullat id-deċiżjoni tal-awtorità ta’ superviżjoni għal motivi oħra, relatati man-nuqqas ta’ preċiżjoni ta’ ċerti punti ta’ fatt.

12

Weltimmo ppreżentat appell ta’ kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju fejn sostniet li ebda kjarifika addizzjonali tal-fatti ma kienet neċessarja, peress li, skont l-Arikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 95/46, l-awtorità ta’ superviżjoni Ungeriża, f’dan il-każ, ma kinitx kompetenti u ma setgħetx tapplika d-dritt Ungeriż fir-rigward ta’ fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor. Weltimmo sostniet li, skont l-Artikolu 28(6) tad-Direttiva 95/46, din l-awtorità kien imissha talbet lill-awtorità Slovakka kompetenti f’dan il-qasam taġixxi minflokha.

13

L-awtorità ta’ superviżjoni Ungeriża sostniet li Weltimmo kellha, fl-Ungerija, rappreżentant ta’ nazzjonalità Ungeriża, jiġifieri wieħed mill-proprjetarji ta’ din il-kumpannija, li rrappreżentaha matul il-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji mressqa f’dan l-Istat Membru. Din l-awtorità żiedet li s-servers tal-internet ta’ Weltimmo kienu, probabbilment, installati fil-Ġermanja jew fl-Awstrija, iżda li l-proprjetarji ta’ din il-kumpannija kienu jgħixu fl-Ungerija. Fl-aħħar nett, skont din l-awtorità, mill-Artikolu 28(6) tad-Direttiva 95/46 jirriżulta li f’kull każ din kienet kompetenti sabiex taġixxi, irrispettivament mid-dritt applikabbli.

14

Peress li kellha dubji dwar id-determinazzjoni tad-dritt applikabbli u dwar is-setgħat li l-awtorità ta’ superviżjoni Ungeriża kellha taħt l-Artikoli 4(1) u 28 ta’ Direttiva 95/46, il-Kúria ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari sussegwenti:

“1)

L-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46[...] jista’ jiġi interpretat fis-sens li d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali huma applikabbli, fit-territorju tal-ewwel Stat Membru, fir-rigward ta’ kontrollur li jopera sit tal-internet li jippubblika riklami dwar proprjetà immobbli u li huwa esklużivament stabbilit fit-tieni Stat Membru, li jippubblika wkoll riklami dwar proprjetà immobbli li tinsab fl-ewwel Stat Membru u fejn il-proprjetarji jitrażmettu d‑data personali tagħhom lejn l-apparat (server) li jaħżen u li jipproċessa d-data tal-operatur tas-sit tal-internet, li jinsab fit-tieni Stat Membru?

2)

L-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 95/46, fid-dawl tal-premessi 18 sa 20, tal-Artikolu 1(2) u tal-Artikolu 28(1) tal-istess direttiva, jista’ jiġi interpretat fis-sens li [l-awtoritá ta’ superviżjoni Ungeriża] ma tistax tapplika l-liġi Ungeriża dwar il-protezzjoni tad-data, inkwantu dritt nazzjonali, fir-rigward tal-operatur ta’ sit tal-internet li jippubblika riklami dwar proprjetà immobbli li huwa stabbilit esklużivament fi Stat Membru ieħor, anki meta huwa jippubblika riklami dwar proprjetà immobbli li tinsab fl-Ungerija u li d-data dwarha tiġi trażmessa mill-proprjetarji tagħha, probbabbilment, mit-territorju tal-Ungerija lejn lejn l-apparat (server) li jaħżen u li jipproċessa d-data tal-operatur tas-sit tal-internet, li jinsab f’dan l-Istat Membru l-ieħor?

3)

Il-kwistjoni dwar jekk servizz ipprovdut minn kontrollur li jopera sit tal-internet huwiex orjentat lejn it-territorju ta’ Stat Membru ieħor hija rilevanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni?

4)

Il-kwistjoni dwar jekk id-data dwar il-proprjetà immobbli li tinsab fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor, jew id-data personali tal-proprjetarji tagħhom, effettivament tniżżlitx mit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, hija rilevanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni?

5)

Il-fatt li d-data personali marbuta ma din il-proprjetá immobbli hija d-data personali ta’ ċittadini ta’ Stat Membru ieħor huwa rilevanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni?

6)

Il-fatt li l-proprjetarji tal-impriża stabbilita fis-Slovakkja [kienu jgħixu] fl-Ungerija huwa rilevanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni?

7)

Jekk mir-risposti mogħtija għad-domandi magħmula iktar il-fuq jirriżulta li l-awtorità ta’ superviżjoni Ungeriża tista’ taġixxi, iżda għandha tapplika, minflok id-dritt nazzjonali, id-dritt tal-Istat Membru ta’ stabbiliment, l-Artikolu 28(6) tad-Direttiva 95/46 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità ta’ superviżjoni Ungeriża tista’ teżerċità biss is-setgħat previsti fl-Artikolu 28(3) ta’ din l-istess direttiva, u dan b’mod konformi mad-dritt tal-Istat Membru ta’ stabbiliment, u li konsegwentement hija ma tistax timponi multa?

8)

Il-kunċett ta’ ‘adatfeldolgozás’ [operazzjonijiet tekniċi ta’ pproċessar ta’ data] kemm fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a) kif ukoll f’dak tal-Artikolu 28(6) tad-Direttiva 95/46, huwa, fit-terminoloġija ta’ din id-direttiva, identiku għall-kunċett ta’ ‘adatkezelés’ [ipproċessar ta’ data]?”

Fuq id-domandi preliminari

Rimarki preliminari

15

Fir-rigward, qabel kollox, tal-kuntest fattwali tat-tilwima fil-kawża prinċipali, hemm lok li tissemma ċerta informazzjoni addizzjonali, ippreżentata mill-awtorità ta’ superviżjoni Ungeriża fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha u waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

16

Minn din l-informazzjoni jirriżulta, l-ewwel nett, li din l-awtorità saret taf, b’mod informali, mill-kontroparti Slovakka tagħha li Weltimmo ma kienet teżerċita ebda attività fil-post tas-sede tagħha, fis-Slovakkja. Barra minn hekk, Weltimmo kienet ċaqalqet dan is-sede diversi drabi minn Stat għal ieħor. It-tieni nett, Weltimmo kienet żviluppat żewġ siti ta’ riklami dwar proprjetajiet immobbli, miktuba esklużivament bl-Ungeriż. Hija kienet fetħet kont bankarju fl-Ungerija, intiż għall-irkupru tad-dejn tagħha, u kellha kaxxa postali f’dan l-Istat Membru, għan-negozju ta’ kuljum tagħha. Il-posta kienet tinġabar b’mod regolari u tintbagħat b’mod elettroniku lil Weltimmo. It-tielet nett, il-persuni li jirriklamaw kellhom huma stess mhux biss idaħħlu d-data relatata mal-proprjetajiet immobbli tagħhom fuq is-sit ta’ Weltimmo, iżda wkoll iħassru din id-data minn fuq dan is-sit jekk huma ma xtaqux li din tkompli tidher fuq is-sit wara l-iskadenza tat-terminu ta’ xahar imsemmi iktar ’il fuq. Weltimmo kienet semmiet problema ta’ ġestjoni informatika sabiex tispjega li dan it-tħassir ma setax isir. Ir-raba’ nett, Weltimmo hija kumpannija komposta minn biss persuna waħda jew tnejn. Ir-rappreżentant tagħha fl-Ungerija kien ipprova jinnegozja l-ħlas tad-djun mhux imħallsa mal-persuni li jirriklamaw.

17

Sussegwentement, fir-rigward tal-formulazzjoni tad-domandi magħmula, għalkemm il-qorti tar-rinviju tuża l-kliem “esklużivament stabbilit” fl-ewwel u fit-tieni domandi tagħha, mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet bil-miktub u orali ppreżentati mill-awtorità ta’ superviżjoni Ungeriża jirriżulta li, filwaqt li Weltimmo hija rreġistrata fis-Slovakkja u għaldaqstant hija stabbilita f’dan l-Istat Membru, fis-sens tad-dritt tal-kumpanniji, jeżisti dubju dwar jekk hijiex “stabbilita” biss f’dan l-Istat Membru, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 95/46. Billi tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, il-qorti tar-rinviju fil-fatt tipprova ssir taf x’ikopri l-kunċett ta’ “stabbiliment” użat f’din id-dispożizzjoni.

18

Fl-aħħar nett għandu jiġi rrilevat li, fl-ewwel u fit-tieni domandi, il-qorti tar-rinviju ssemmi li s-server użat minn Weltimmo huwa installat fis-Slovakkja, filwaqt li, f’silta oħra tad-deċiżjoni tar-rinviju, hija ssemmi l-possibbiltà li s-servers ta’ din il-kumpannija jinsabu fil-Ġermanja jew fl-Awstrija. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher opportun li jitqies li l-kwistjoni dwar f’liema Stat Membru huma installati s-server jew is-servers użati minn din il-kumpannija ma hijiex solvuta.

Fuq l-ewwel sas-sitt domandi

19

Permezz tal-ewwel sas-sitt domandi tagħha, li hemm lok li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 4(1)(a) u 28(1) tad-Direttiva 95/46, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawn inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dawn jippermettu lill-awtorità ta’ superviżjoni ta’ Stat Membru tapplika l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha dwar il-protezzjoni tad-data fir-rigward ta’ kontrollur, li l-kumpannija tiegħu hija rreġistrata fi Stat Membru ieħor u li jamministra sit tal-internet ta’ riklami dwar proprjetajiet immobbli li jinsabu fit-territorju tal-ewwel minn dawn iż-żewġ Stati. B’mod partikolari hija tistaqsi jekk huwiex rilevanti li dan l-Istat Membru huwa l-Istat Membru:

li lejh hija diretta l-attività tal-kontrollur tad-data personali,

li fih jinsabu l-proprjetajiet immobbli kkonċernati,

li minnu hija kkommunikata d-data relatata mal-proprjetarji ta’ dawn il-proprjetajiet,

li tiegħu dawn huma ċittadini, u

li fih jgħixu l-proprjetarji ta’ din il-kumpannija.

20

Fir-rigward tad-dritt applikabbli, il-qorti tar-rinviju ssemmi b’mod iktar partikolari d-dritt Slovakk u dak Ungeriż, fejn id-dritt Slovakk huwa dak tal-Istat Membru li fih huwa rreġistrat il-kontrollur tad-data personali kkonċernata u d-dritt Ungeriż huwa dak tal-Istat Membru msemmi fis-siti tal-internet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fit-territorju tiegħu jinsabu l-proprjetajiet immobbli li huma s-suġġett tar-riklami ppubblikati.

21

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 95/46, intitolat “Il-liġi nazzjonali applikabbli”, li jinsab fil-Kapitolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Disposizzjonijiet ġenerali”, jirregola preċiżament id-domanda magħmula.

22

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 28 tad-Direttiva 95/46 intitolat “Awtorità ta’ superviżjoni”, jittratta r-rwol u s-setgħat ta’ din l-awtorità. Skont l-Artikolu 28(1) din hija responsabbli għas-sorveljanza tal-applikazzjoni, fit-territorju tal-Istat Membru tagħha, tad-dispożizzjonijiet adottati mill-Istati Membri b’applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Skont l-Artikolu 28(6) ta’ din id-direttiva, l-awtorità ta’ superviżjoni teżerċita s-setgħat mogħtija lilha, irrispettivament mid-dritt nazzjonali applikabbli għall-ipproċessar tad-data personali.

23

Huwa għaldaqstant fid-dawl tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 95/46 u mhux fid-dawl tal-Artikolu 28 ta’ din id-direttiva li hemm lok li jiġi ddeterminat id-dritt nazzjonali applikabbli għall-kontrollur.

24

Skont l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 95/46, kull Stat Membru għandu japplika d-dispożizzjonijiet nazzjonali li huwa jadotta abbażi ta’ din id-direttiva għall-ipproċessar ta’ data personali meta l-ipproċessar isir fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ stabbiliment tal-kontrollur fit-territorju tal-Istat Membru.

25

Fid-dawl tal-għan tad-Direttiva 95/46 li tiżgura protezzjoni effikaċi u kompleta tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, b’mod partikolari tad-dritt għall-ħajja privata, fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali, l-espressjoni “fil-kuntest ta’ l-attivitajiet ta’ stabbiliment” ma għandhiex tingħata interpretazzjoni ristrettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Google Spain u Google, C‑131/12, EU:C:2014:317, punt 53).

26

Sabiex jintlaħaq dan l-għan u sabiex jiġi evitat li persuna tiġi eskluża mill-protezzjoni ggarantita lilha minn din id-direttiva, il-premessa 18 ta’ din id-direttiva tipprovdi li huwa neċessarju li kull ipproċessar ta’ data personali mwettaq fl-Unjoni Ewropea josserva l-leġiżlazzjoni ta’ wieħed mill-Istati Membri u li huwa opportun li l-ipproċessar ta’ data mwettaq minn kull persuna li taġixxi taħt l-awtorità tal-kontrollur stabbilit fi Stat Membru jkun suġġett għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat.

27

Il-leġiżlatur tal-Unjoni għaldaqstant ippreveda kamp ta’ applikazzjoni territorjali tad-Direttiva 95/46 partikolarment wiesa’, li huwa inkluda fl-Artikolu 4 tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Google Spain u Google, C‑131/12, EU:C:2014:317, punt 54).

28

Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-kunċett ta’ “stabbiliment”, għandu jitfakkar li l-premessa 19 tad-Direttiva 95/46, tipprovdi li l-istabbiliment fit-territorju ta’ Stat Membru jippreżumi l-eżerċizzju effettiv u reali ta’ attività permezz ta’ arranġamenti stabbli u li l-forma ġuridika ta’ tali stabbiliment, kemm jekk sempliċi fergħa jew sussidjarja b’personalità ġuridika, ma hijiex determinanti (sentenza Google Spain u Google, C‑131/12, EU:C:2014:317, punt 48). Barra minn hekk, din il-premessa tippreċiża li, meta kontrollur wieħed huwa stabbilit fit-territorju ta’ diversi Stati Membri, huwa għandu jiżgura, b’mod partikolari sabiex jevita li ma jiġux applikati ċerti regoli nazzjonali, li kull wieħed mill-istabbilimenti jissodisfa l-obbligi previsti mid-dritt nazzjonali applikabbli għall-attivitajiet ta’ kull wieħed minnhom.

29

Hekk kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punti 28 u 32 sa 34 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan jirriżulta f’interpretazzjoni flessibbli tal-kunċett ta’ stabbiliment, li titbiegħed minn kull approċċ formali li abbażi tiegħu impriża tista’ tiġi stabbilita biss fil-post li fih hija rreġistrata. Għaldaqstant, sabiex jiġi ddeterminat jekk kumpannija, il-kontrollur tad-data, għandhiex stabbiliment, fis-sens tad-Direttiva 95/46, fi Stat Membru ieħor li ma huwiex l-Istat Membru jew il-pajjiż terz li fih hija rreġistrata, għandu jiġi evalwat kemm il-livell ta’ stabbiltà tal-arranġamenti kif ukoll ir-realtà tal-eżerċizzju tal-attivitajiet f’dan l-Istat Membru l-ieħor, billi tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura speċifika tal-attivitajiet ekonomiċi u l-provvista ta’ servizzi inkwistjoni. Dan japplika b’mod partikolari għal impriżi li joffru servizzi esklużivament fuq l-internet.

30

F’dan ir-rigward, hemm b’mod partikolari lok li jiġi kkunsidrat, fid-dawl tal-għan ta’ din id-driettiva li huwa li tiżgura protezzjoni effikaċi u kompleta tad-dritt għall-ħajja privta u li tevita li ma jiġux applikati regoli nazzjonali, li l-preżenza ta’ rappreżentant wieħed biss tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tkun biżżejjed sabiex tikkostitwixxi arranġament stabbli jekk dan ir-rappreżentant jaġixxi b’livell ta’ stabbiltà suffiċjenti bl-għajnuna tal-mezzi neċessarji għall-provvista tas-servizzi speċifiċi kkonċernati fl-Istat Membru inkwistjoni.

31

Barra minn hekk, sabiex jintlaħaq dan il-għan, hemm lok li jitqies li l-kunċett ta’ “stabbiliment” fis-sens tad-Direttiva 95/46 jestendi għal kull attività reali u effettiva, anki minima, eżerċitata permezz ta’ arranġament stabbli.

32

F’dan il-każ, l-attività eżerċitata minn Weltimmo tikkonsisti, minn tal-inqas, fl-amministrazzjoni ta’ sit tal-internet wieħed jew iktar li jippubblikaw riklami dwar proprjetajiet immobbli li jinsabu fl-Ungerija, miktuba bl-Ungeriż u li r-riklami tagħhom isiru bil-ħlas wara l-iskadenza ta’ terminu ta’ xahar. Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li din il-kumpannija twettaq attività reali u effettiva fl-Ungerija.

33

Barra minn hekk, mill-preċiżazzjonijiet magħmula mill-awtorità ta’ supervizjoni Ungeriża jirriżulta li Weltimmo għandha rappreżentant fl-Ungerija, li huwa msemmi fir-reġistru tal-kumpanniji Slovakk b’indirizz Ungeriż u li pprova jinnegozja l-ħlas tad-djun mhux imħallsa mal-persuni li jirriklamaw. Dan ir-rappreżentant serva ta’ konnessjoni bejn din il-kumpannija u l-lanjanti u rrappreżentaha matul il-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji. Barra minn hekk, din il-kumpannija fetħet kont bankarju fl-Ungerija, intiż għall-irkupru tad-djun tagħha u hija tuża kaxxa postali fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru għan-negozju ta’ kuljum tagħha. Din l-informazzjoni, li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju, tista’ tistabbilixxi, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-eżistenza ta’ “stabbiliment” fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 95/46.

34

It-tieni nett, għandu jiġi stabbilit jekk l-ipproċessar ta’ data personali kkonċernat isirx “fil-kuntest ta’ l-attivitajiet” ta’ dan l-istabbiliment.

35

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà qieset li l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 95/46 ma jeżiġix li l-ipproċessar ta’ data personali inkwistjoni jsir “minn” l-istabbiliment ikkonċernat stess, iżda jeżiġi biss li dan isir “fil-kuntest ta’ l-attivitajiet” tiegħu (sentenza Google Spain u Google, C‑131/12, EU:C:2014:317, punt 52).

36

F’dan il-każ, l-ipproċessar inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkonsisti, b’mod partikolari, fil-pubblikazzjoni, fuq is-siti internet ta’ riklami dwar proprjetajiet immobbli ta’ Weltimmo, ta’ data personali relatata mal-proprjetarji ta’ dawn il-proprjetajiet immobbli kif ukoll, jekk ikun meħtieġ, fl-użu ta’ din id-data għall-ħruġ tal-fatturi relatati mar-riklami wara l-iskadenza tat-terminu ta’ xahar.

37

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fir-rigward b’mod partikolari tal-internet, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tikkonstata li l-attività li tikkonsisti fit-tqegħid, fuq paġna tal-internet, ta’ data personali għandha titqies bħala “ipproċessar”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 95/46 (ara s-sentenzi Lindqvist, C‑101/01, EU:C:2003:596, punt 25, kif ukoll Google Spain u Google, C‑131/12, EU:C:2014:317, punt 26).

38

Issa, ma hemmx dubju li dan l-ipproċessar iseħħ fil-kuntest tal-attivitajiet, hekk kif deskritti fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, li Weltimmo twettaq fl-Ungerija.

39

Għaldaqstant, bla ħsara għall-verifiki mfakkra fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju sabiex tistabbilixxi, skont il-każ, l-eżistenza ta’ stabbiliment tal-kontrollur fl-Ungerija, hemm lok li jitqies li dan l-ipproċessar jitwettaq fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ dan l-istabbiliment u li l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 96/46 jippermetti, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-applikazzjoni tad-dritt Ungeriż relatat mal-protezzjoni tad-data personali.

40

Għall-kuntrarju, il-fatt li l-proprjetarji tal-proprjetajiet immobbli li huma s-suġġett tar-riklami huma ta’ nazzjonalità Ungeriża huwa kompletament irrilevanti sabiex jiġi ddeterminat id-dritt nazzjonali applikabbli għall-ipproċessar tad-data inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

41

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li l-ewwel sas-sitt domandi jingħataw ir-risposta sussegwenti:

l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 95/46 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jippermetti l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali ta’ Stat Membru li ma huwiex dak li fih il-kontrollur ta’ din id-data huwa rreġistrat, sakemm dan il-kontrollur jeżerċita, permezz ta’ arranġament stabbli fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, attività effettiva u reali, anki minima, li fil-kuntest tagħha jsir dan l-ipproċessar.

sabiex jiġi ddeterminat, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jekk dan huwiex il-każ, il-qorti tar-rinviju tista’, b’mod partikolari, tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt, minn naħa, li l-attività tal-kontrollur, li fil-kuntest tagħha jsir l-ipproċessar, tikkonsisti fl-amministrazzjoni ta’ siti tal-internet ta’ riklami dwar proprjetajiet immobbli li jinsabu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru u miktuba fil-lingwa tiegħu u li għaldaqstant hija prinċipalment, jekk mhux kompletament, diretta lejn dan l-Istat Membru u, min-naħa l-oħra, li dan il-kontrollur għandu rappreżentant f’dan l-Istat Membru, li huwa responsabbli għall-irkupru tad-djun li jirriżultaw minn din l-attività kif ukoll sabiex jirrappreżentah fil-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji relatati mal-ipproċessar tad-data kkonċernata;

min-naħa l-oħra, il-kwistjoni dwar in-nazzjonalità tal-persuni kkonċernati minn dan l-ipproċessar ta’ data hija irrilevanti.

Fuq is-seba ’ domanda

42

Is-seba’ domanda qiegħda ssir biss fil-każ li l-awtorità ta’ superviżjoni Ungeriża tqis li Weltimmo għandha, mhux fl-Ungerija, iżda fi Stat Membru ieħor, stabbiliment, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 95/46, li jeżerċita attivitajiet li fil-kuntest tagħhom isir l-ipproċessar ta’ data personali.

43

Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk, fil-każ li l-awtorità ta’ superviżjoni Ungeriża tasal għall-konklużjoni li d-dritt applikabbli għall-ipproċessar tad-data personali ma huwiex id-dritt Ungeriż, iżda d-dritt ta’ Stat Membru ieħor, l-Artikolu 28(1), (3) u (6) tad-Direttiva 95/46 għandux jiġi interpretat fis-sens li din l-awtorità tista’ teżerċita biss is-setgħat previsti fl-Artikolu 28(3) ta’ din id-direttiva, skont id-dritt ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor, u ma tistax timponi sanzjonijiet.

44

L-ewwel nett, fir-rigward tal-kompetenza ta’ awtorità ta’ superviżjoni sabiex taġixxi f’dan il-każ inkwistjoni, hemm lok li jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 28(4) tad-Direttiva 95/46, kull awtorità ta’ superviżjoni għandha tisma’ talbiet, imressqa minn kull persuna, relatati mal-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tagħha fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali.

45

Għaldaqstant, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-awtorità ta’ superviżjoni Ungeriża għandha tisma’ talbiet imressqa minn persuni, bħall-persuni li jirriklamaw proprjetajiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jqisu li huma vittmi ta’ pproċessar illegali ta’ data personali li tikkonċernahom fl-Istat Membru li fih huma għandhom dawn il-proprjetajiet.

46

It-tieni nett, hemm lok li jiġu eżaminati liema huma s-segħat ta’ din l-awtorità ta’ superviżjoni, fid-dawl tal-Artikolu 28(1), (3) u (6) tad-Direttiva 95/46.

47

Mill-Artikolu 28(1) ta’ din id-direttiva jirriżulta li kull awtorità ta’ superviżjoni stabbilita minn Stat Membru għandha tiżgura l-osservanza, fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, tad-dispożizzjonijiet adottati mill-Istati Membri skont id-Direttiva 95/46.

48

Skont l-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 95/46, dawn l-awtoritajiet ta’ superviżjoni għandhom b’mod partikolari setgħat investigattivi, bħas-setgħa li jiġbru l-informazzjoni kollha neċessarja għat-twettiq tad-dmirijiet ta’ superviżjoni tagħhom, u setgħat effettivi ta’ intervent, bħal dawk li jordnaw l-imblokkar, it-tħassir jew id-distruzzjoni ta’ data, jew li jipprojbixxu temporanjament jew definittivament ipproċessar, jew li jibagħtu twissija jew twiddiba lill-kontrollur.

49

Fid-dawl tan-natura mhux eżawrjenti tas-setgħat hekk elenkati u tat-tip ta’ setgħat ta’ intervent imsemmija f’din id-dispożizzjoni, kif ukoll fid-dawl tas-setgħa ta’ diskrezzjoni li l-Istati Membri għandhom għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 95/46, hemm lok li jitqies li dawn is-setgħat ta’ intervent jistgħu jinkludu dik ta’ sanzjonar tal-kontrollur tad-data billi, jekk ikun meħtieġ, tiġi imposta fuqu sanzjoni.

50

Is-setgħat mogħtija lill-awtoritajiet ta’ superviżjoni għandhom jiġu eżerċitati skont id-dritt proċedurali tal-Istat Membru li taħtu huma jaqgħu.

51

Mill-Artikolu 28(1) u (3) tad-Direttiva 95/46 jirriżulta li kull awtorità ta’ superviżjoni għandha teżerċita s-setgħat kollha mogħtija lilha fit-territorju tal-Istat Membru li taħtu din taqa’, sabiex tiżgura, f’dan it-territorju, l-osservanza tar-regoli relatati mal-protezzjoni tad-data.

52

Din l-applikazzjoni territorjali tas-setgħat ta’ kull awtorità ta’ superviżjoni hija kkonfermata fl-Artikolu 28(6) ta’ din id-direttiva, li jipprovdi li kull awtorità ta’ superviżjoni hija kompetenti sabiex teżerċita, fit-territorju tal-Istat Membru li taħtu hija taqa’, is-setgħat mogħtija lilha skont l-Artikolu 28(3) ta’ din id-direttiva u dan irrispettivament mid-dritt nazzjonali applikabbli. Dan l-Artikolu 28(6) jippreċiża wkoll li kull awtorità tista’ tintalab teżerċita s-setgħat tagħha fuq talba ta’ awtorità ta’ Stat Membru ieħor u li l-awtoritajiet ta’ superviżjoni għandhom jikkooperaw ma’ xulxin sal-estent neċessarju għat-twettiq tad-dmirijiet tagħhom, b’mod partikolari billi jiskambjaw kull informazzjoni utli.

53

Din id-dispożizzjoni hija neċessarja sabiex jiġi żgurat il-moviment liberu tad-data personali fl-Unjoni, filwaqt li tiġi żgurata l-osservanza tar-regoli intiżi sabiex tiġi protetta l-ħajja privata tal-persuni fiżiċi previsti fid-Direttiva 95/46. Fil-fatt, fl-assenza ta’ din id-dispożizzjoni, fil-każ li l-kontrollur tad-data personali jkun suġġett għal-liġi ta’ Stat Membru, iżda jikser id-dritt għall-protezzjoni tal-ħajja privata tal-persuni fiżiċi fi Stat Membru ieħor, b’mod partikolari billi jidderieġi l-attività tiegħu lejn dan l-Istat Membru ieħor mingħajr, madankollu, ma jkun stabbilit fih fis-sens ta’ din id-direttiva, ikun diffiċli, jekk mhux impossibbli, għal dawn il-persuni li jinfurzaw id-dritt tagħhom għal din il-protezzjoni.

54

Għaldaqstant mill-Artikolu 28(6) tad-Direttiva 95/46 jirriżulta li l-awtorità ta’ superviżjoni ta’ Stat Membru, li lilha jsir ilment minn persuni fiżiċi relatat mal-ipproċessar tad-data personali li tikkonċernahom, abbażi tal-Artikolu 28(4) ta’ din id-direttiva, tista’ teżamina dan l-ilment irrispettivament mid-dritt applikabbli, u, għaldaqstant, anki jekk id-dritt applikabbli għall-ipproċessar tad-data kkonċernata huwa dak ta’ Stat Membru ieħor.

55

Madankollu, f’dan il-każ, is-setgħat ta’ din l-awtorità mhux neċessarjament jinkludu dawk kollha mogħtija lilha skont id-dritt tal-Istat Membru li taħtu hija taqa’.

56

Fil-fatt, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, mir-rekwiżiti li jirriżultaw mis-sovranità territorjali tal-Istat ikkonċernat, mill-prinċipju ta’ legalità, u mill-kunċett tal-istat tad-dritt jirriżulta li s-setgħa ta’ impożizzjoni ta’ sanzjoni ma tistax, bħala prinċipju, tiġi eżerċitata barra mil-limiti legali li fihom awtorità amministrattiva hija awtorizzata taġixxi, b’osservanza tad-dritt tal-Istat Membru li taħtu hija taqa’.

57

Għaldaqstant, meta awtorità ta’ superviżjoni tirċievi lment, skont l-Artikolu 28(4) tad-Direttiva 95/46, din l-awtorità tista’ teżerċita s-setgħat investigattivi tagħha irrispettivament mid-dritt applikabbli u anki qabel ma tkun taf liema huwa d-dritt nazzjonali applikabbli għall-ipproċessar inkwistjoni. Madankollu, jekk hija tasal għall-konklużjoni li d-dritt ta’ Stat Membru ieħor huwa applikabbli, hija ma tistax timponi sanzjonijiet barra mit-territorju tal-Istat Membru li taħtu hija taqa’. F’tali sitwazzjoni, hija għandha, sabiex jiġi eżegwit l-obbligu ta’ kooperazzjoni, previst fl-Artikolu 28(6) ta’ din id-direttiva, titlob lill-awtorità ta’ superviżjoni ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor tikkonstata ksur eventwali ta’ dan id-dritt u timponi sanzjonijiet jekk dan id-dritt jippermetti dan, billi tibbaża ruħha, jekk ikun meħtieġ, fuq l-informazzjoni li hija tkun ittrażmettitilha.

58

L-awtorità ta’ superviżjoni li tirċievi tali lment tista’, fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni, tkun meħtieġa tagħmel investigazzjonijiet oħra, fuq l-istruzzjonijiet tal-awtorità ta’ superviżjoni tal-Istat Membru l-ieħor.

59

Minn dan jirriżulta li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jekk id-dritt applikabbli jkun dak ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Ungerija, l-awtorità ta’ superviżjoni Ungeriża ma tkunx tista’ teżerċita s-setgħat ta’ impożizzjoni ta’ sanzjoni mogħtija lilha mid-dritt Ungeriż.

60

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta għas-seba’ domanda għandha tkun li, fil-każ li l-awtorità ta’ superviżjoni ta’ Stat Membru li tirċievi lmenti, skont l-Artikolu 28(4) tad-Direttiva 95/46, tasal għall-konklużjoni li d-dritt applikabbli għall-ipproċessar tad-data personali kkonċernata ma huwiex id-dritt ta’ dan l-Istat Membru, iżda dak ta’ Stat Membru ieħor, l-Artikolu 28(1), (3) u (6) ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li din l-awtorità ta’ superviżjoni tkun tista’ teżerċita s-setgħat effettivi ta’ intervent mogħtija lilha skont l-Artikolu 28(3) ta’ din id-direttiva biss fit-territorju tal-Istat Membru li taħtu hija taqa’. Għaldaqstant, hija ma tistax timponi sanzjonijiet abbażi tad-dritt ta’ dan l-Istat Membru fir-rigward tal-kontrollur ta’ din id-data li ma huwiex stabbilit f’dan it-territorju, iżda għandha, skont l-Artikolu 28(6) tal-istess direttiva, titlob lill-awtorità ta’ superviżjoni li taqa’ taħt l-Istat Membru li d-dritt tiegħu huwa applikabbli tintervjeni.

Fuq it-tmien domanda

61

Permezz tat-tmien domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-portata tal-kunċett ta’ ‘adatfeldolgozás’ (operazzjonijiet tekniċi ta’ pproċessar ta’ data) użat b’mod partikolari fl-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 95/46, dwar id-determinazzjoni tad-dritt applikabbli, u fl-Artikolu 28(6) ta’ din id-direttiva, dwar il-kompetenza tal-awtorità ta’ superviżjoni.

62

Mid-Direttiva 95/46, fil-verżjoni Ungeriża tagħha, jirriżulta li din tuża sistematikament it-terminu “adatfeldolgozás”.

63

Il-qorti tar-rinviju tindika li l-liġi dwar l-informazzjoni tuża, b’mod partikolari fid-dispożizzjonijiet tagħha intiżi għall-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46 dwar il-kompetenza tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni, it-terminu “adatkezelés” (ipproċessar ta’ data). Issa, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 3(10) ta’ din il-liġi, dan it-terminu għandu sens usa’ minn dak tat-terminu “adatfeldolgozás”, iddefinit fl-Artikolu 3(17) ta’ din il-liġi u jinkludi dan l-aħħar terminu.

64

Għalkemm il-kunċett ta’ “adatfeldolgozás”, skont it-tifsira abitwali tiegħu u hekk kif jirriżulta mil-liġi dwar l-informazzjoni, għandu sens iktar ristrett mill-kunċett ta’ “adatkezelés”, għandu madankollu jiġi rrilevat li l-verżjoni tad-Direttiva 95/46 bl-Ungeriż tiddefinixxi t-terminu “adatfeldolgozás” fl-Artikolu 2(b) tagħha b’mod wiesa’ li jikkorrispondi għat-terminu “adatkezelés”.

65

Minn dan jirriżulta li r-risposta għat-tmien domanda għandha tkun li d-Direttiva 95/46 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kunċett ta’ ‘adatfeldolgozás’ (operazzjonijiet tekniċi ta’ pproċessar ta’ data) użat fil-verżjoni Ungeriża ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari fl-Artikolu 4(1)(a) u 28(6) tagħha, għandu jiġi mifhum f’sens identiku għal dak tat-terminu “adatkezelés” (ipproċessar ta’ data).

Fuq l-ispejjeż

66

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 95/46/KE, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jippermetti l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali ta’ Stat Membru li ma huwiex dak li fih il-kontrollur ta’ din id-data huwa rreġistrat, sakemm dan il-kontrollur jeżerċita, permezz ta’ arranġament stabbli fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, attività effettiva u reali, anki minima, li fil-kuntest tagħha jsir dan l-ipproċessar.

Sabiex jiġi ddeterminat, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jekk dan huwiex il-każ, il-qorti tar-rinviju tista’, b’mod partikolari, tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt, minn naħa, li l-attività tal-kontrollur, li fil-kuntest tagħha jsir l-ipproċessar, tikkonsisti fl-amministrazzjoni ta’ siti tal-internet ta’ riklami dwar proprjetajiet immobbli li jinsabu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru u miktuba fil-lingwa tiegħu u li għaldaqstant hija prinċipalment, jekk mhux kompletament, diretta lejn dan l-Istat Membru u, min-naħa l-oħra, li dan il-kontrollur għandu rappreżentant f’dan l-Istat Membru, li huwa responsabbli għall-irkupru tad-djun li jirriżultaw minn din l-attività kif ukoll sabiex jirrappreżentah fil-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji relatati mal-ipproċessar tad-data kkonċernati.

Min-naħa l-oħra, il-kwistjoni dwar in-nazzjonalità tal-persuni kkonċernati minn dan l-ipproċessar ta’ data hija irrilevanti.

 

2)

Fil-każ li l-awtorità ta’ superviżjoni ta’ Stat Membru li tirċievi lmenti, skont l-Artikolu 28(4) tad-Direttiva 95/46, tasal għall-konklużjoni li d-dritt applikabbli għall-ipproċessar tad-data personali kkonċernata ma huwiex id-dritt ta’ dan l-Istat Membru, iżda dak ta’ Stat Membru ieħor, l-Artikolu 28(1), (3) u (6) ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li din l-awtorità ta’ superviżjoni tkun tista’ teżerċita s-setgħat effettivi ta’ intervent mogħtija lilha skont l-Artikolu 28(3) ta’ din id-direttiva biss fit-territorju tal-Istat Membru li taħtu hija taqa’. Għaldaqstant, hija ma tistax timponi sanzjonijiet abbażi tad-dritt ta’ dan l-Istat Membru fir-rigward tal-kontrollur ta’ din id-data li ma huwiex stabbilit f’dan it-territorju, iżda għandha, skont l-Artikolu 28(6) tal-istess direttiva, titlob lill-awtorità ta’ superviżjoni li taqa’ taħt l-Istat Membru li d-dritt tiegħu huwa applikabbli tintervjeni.

 

3)

Id-Direttiva 95/46 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kunċett ta’ ‘adatfeldolgozás’ (operazzjonijiet tekniċi ta’ pproċessar ta’ data) użat fil-verżjoni Ungeriża ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari fl-Artikolu 4(1)(a) u 28(6) tagħha, għandu jiġi mifhum f’sens identiku għal dak tat-terminu “adatkezelés” (ipproċessar ta’ data).

 

Firem


( * )   Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.