SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

5 ta’ Marzu 2015 ( *1 )

“Appell — Miżuri restrittivi meħuda kontra ċerti persuni fir-rigward tas-sitwazzjoni fl-Eġittu — Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni suġġetti għal proċeduri ġudizzjarji għal misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi — Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni”

Fil-Kawża C‑220/14 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fil-5 ta’ Mejju 2014,

Ahmed Abdelaziz Ezz, residenti f’Giseh (l-Eġittu),

Abla Mohammed Fawzi Ali Ahmed, residenti f’Londra (ir-Renju Unit),

Khadiga Ahmed Ahmed Kamel Yassin, residenti f’Londra,

Shahinaz Abdel Azizabdel Wahab Al Naggar, residenti f’Giseh,

irrappreżentati minn J. Lewis, QC, B. Kennelly, barrister, J. Pobjoy, barrister, u J. Binns, solicitor,

appellanti [rikorrenti fl-ewwel istanza],

il-partijiet l-oħra fil-proċedura huma:

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bishop u I. Gurov, bħala aġenti,

konvenut fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre u D. Gauci, bħala aġenti,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President ta’ Awla, C. Vajda, A. Rosas (Relatur), E. Juhász u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Ahmed Abdelaziz Ezz et (iktar ’il quddiem l-“appellanti”) ippreżentaw appell mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (It-Tielet Awla) tas-27 ta’ Frar 2014 Ezz et vs Il-Kunsill (T‑256/11, EU:T:2014:93, iktar ’il quddiem is-sentenza appellata), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tagħhom intiż għall-annullament, minn naħa, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/172/PESK, tal‑21 ta’ Marzu 2011, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu (ĠU L 76, p. 63), u, min-naħa l-oħra, tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 270/2011, tal-21 ta’ Marzu 2011, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu (ĠU L 76, p. 4), sa fejn dawn l-atti jipprevedu lill-appellanti.

Il-kuntest ġuridiku u l-fatti li wasslu għall-kawża

Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni

2

Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni ġiet adottata permezz tar-Riżoluzzjoni 58/4 tal-31 ta’ Ottubru 2003 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti. Hija daħlet fis-seħħ fl-14 ta’ Diċembru 2005. Hija ġiet irratifikata mill-Istati Membri kollha u approvata mill-Unjoni Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/801/KE, tal-25 ta’ Settembru 2008 (ĠU L 287, p. 1).

3

Skont l-Artikolu 2 ta’ din il-konvenzjoni:

“Għall-iskopijiet ta’ din il-konvenzjoni:

[…]

f)

Bi ‘ffriżar’ jew ‘qbid’ wieħed jifhem il-projbizzjoni temporanja tat-trasferiment, tal-konverżjoni, tad-dispożizzjoni jew tal-moviment tal-beni, jew il-fatt li beni jiġu temporanjament miżmuma jew ikkontrollati skont deċiżjoni ta’ qorti jew ta’ awtorità kompetenti oħra;

g)

B’‘konfiska’ wieħed jifhem it-tneħħija permanenti tal-pussess ta’ beni skont deċiżjoni ta’ qorti jew ta’ awtorità kompetenti oħra;

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4

Il-Kapitolu III ta’ din il-konvenzjoni, li jinkludi l-Artikoli 15 sa 42 tagħha, jirrigwarda l-inkriminazzjoni, l-iskoperta u r-repressjoni ta’ ksur. L-Artikoli 15 sa 27 ta’ dan il-kapitolu jelenka diversità kbira ta’ atti ta’ korruzzjoni li l-Istati għandhom jikklassifikaw bħala ksur kriminali. Peress li l-għan ta’ din il-konvenzjoni huwa l-possibbiltà ta’ inkriminazzjoni ta’ numru dejjem jikber ta’ atti ta’ korruzzjoni, fid-dawl tat-theddid għall-istabbiltà u s-sigurtà tas-soċjetajiet li dawn joħolqu, din tipprevedi mhux biss il-fatt li jiġu offruti vantaġġi indebiti għal persuni jew it-teħid indebitu ta’ fondi pubbliċi, iżda wkoll it-traffiku tal-effett kif ukoll il-ħabi jew il-laundering tal-prodott tal-korruzzjoni.

5

L-Artikolu 31(1) u (2) tal-istess konvenzjoni huwa redatt kif ġej:

“1.   Kull Stat Parti għandu jieħu, sa fejn possibbli fl-ambitu tas-sistema ġuridika interna tiegħu, il-miżuri neċessarji li jippermettu li ssir il-konfiska:

a)

tal-prodott tar-reat li joħroġ mill-okkorrenzi ta’ ksur stabbiliti konformement ma’ din il-konvenzjoni jew tal-beni li l-valur tagħhom jikkorrispondi għal dak ta’ dan il-prodott;

b)

tal-beni, materjali jew strumenti oħra użati jew intiżi sabiex jintużaw għall-okkorrenzi ta’ ksur stabbiliti konformement ma’ din il-konvenzjoni.

2.   Kull Stat Parti għandu jieħu l-miżuri neċessarji li jippermettu li ssir l-identifikazzjoni, il-lokalizzazzjoni, l-iffriżar jew il-qbid ta’ dak kollu li huwa msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu għall-iskopijiet ta’ konfiska li tista’ ssir.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6

L-Artikolu 55(2) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni huwa redatt kif ġej:

“Wara talba magħmula minn Stat Parti ieħor li għandu kompetenza sabiex jirrikonoxxi ksur stabbilit konformement ma’ din il-konvenzjoni, l-Istat Parti mitlub għandu jieħu miżuri sabiex jidentifika, jillokalizza u jiffriża jew jaqbad il-prodott tar-reat, il-beni, il-materjali jew l-istrumenti l-oħra msemmija fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 31 ta’ din il-konvenzjoni, bil-ħsieb li wara jiġu kkonfiskati fuq ordni jew mill-Istat Parti li jagħmel it-talba, jew, bħala segwitu għal talba fformulata skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, mill-Istat Parti mitlub.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id-dritt tal-Unjoni

7

Wara l-avvenimenti politiċi li seħħew fl-Eġittu mix-xahar ta’ Jannar 2011, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta, fil-21 ta’ Marzu 2011, fuq il-bażi tal-Artikolu 29 TUE, id-Deċiżjoni 2011/172.

8

Fi kliem il-premessi 1 u 2 tad-Deċiżjoni 2011/172, fil-verżjoni inizjali tagħha:

“(1)

Fil-21 ta’ Frar 2011, l-Unjoni Ewropea ddikjarat li hija lesta tappoġġa t-transizzjoni paċifika u ordinata għal gvern ċivili u demokratiku fl-Eġittu bbażat fuq l-istat tad-dritt, b’rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u tappoġġa sforzi sabiex tinħoloq ekonomija li ssaħħaħ il-koeżjoni soċjali u tippromwovi t-tkabbir ekonomiku.

(2)

F’dan il-kuntest, għandhom jiġu imposti miżuri restrittivi kontra persuni li ġew identifikati bħala responsabbli għal misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat Eġizzjan u li b’hekk qed iċaħħdu lill-poplu Eġizzjan mill-benefiċċji ta’ żvilupp sostenibbli tal-ekonomija u s-soċjetà tagħhom u jimminaw l-iżvilupp tad-demokrazija fil-pajjiż.”

9

Fi kliem l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172, fil-verżjoni inizjali tagħha:

“Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, huma proprjetà ta, miżmuma jew ikkontrollati minn persuni li ġew identifikati bħala responsabbli għal misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat Eġizzjan, u persuni fiżiċi jew persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.”

10

Jekk, fil-verżjoni bil-lingwa Franċiża ta’ din it-tieni premessa u ta’ dan l-Artikolu 1(1) ġiet użata l-espressjoni “personnes reconnues comme responsables” (“persuni rrikonoxxuti bħala responsabbli”), il-verżjoni bil-lingwa Ingliża ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tuża l-espressjoni “persons having been identified as responsible” (“persuni li ġew identifikati bħala responsabbli”).

11

Fil-11 ta’ Lulju 2014, jiġifieri wara li ngħatat is-sentenza appellata, ġiet ippubblikata rettifika ta’ din id-deċiżjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għal dak li jirrigwarda l-verżjonijiet bil-lingwi Bulgara, Spanjola, Ċeka, Estonjana, Franċiża, Ungeriża u Olandiża (ĠU 2014, L 203, p. 113). Skont din ir-rettifika, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jinqraw bħala li jipprevedu l-persuni “identifikati” bħala responsabbli u mhux il-persuni “rrikonoxxuti” bħala responsabbli.

12

Fl-Anness, id-Deċiżjoni 2011/172 tinkludi “[l]ista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikolu 1”. Din il-lista tinkludi tliet tipi ta’ informazzjoni. Fl-ewwel kolonna jidher l-“[i]sem (u kwalunkwe psewdonimu)” tal-persuni kkonċernati, it-tieni kolonna tinkludi l-“[i]nformazzjoni ta’ identifikazzjoni” tagħhom u, fl-aħħar kolonna, huma indikati r-“[r]aġunijiet għall-indikazzjoni”.

13

Ahmed Abdelaziz Ezz jinsab fis-seba’ pożizzjoni ta’ din il-lista. It-tieni kolonna tinkludi l-informazzjoni li ġejja: “Ex-Membru tal-Parlament. Data tat-twelid: 12.01.1959. Raġel”. Ir-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista esposti fit-tielet kolonna, li huma l-istess għad-dsatax-il persuna li jidhru fil-lista, huma redatti f’dawn it-termini: “Persuna soġġetta għal proċedimenti ġudizzjarji mill-awtoritajiet Eġizzjani fir-rigward tal-misapproprjazzjoni ta’ Fondi tal-Istat abbażi tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-korruzzjoni”.

14

Abla Mohamed Fawzi Ali Ahmed tinsab fit-tmien pożizzjoni tal-lista. It-tieni kolonna tinkludi l-informazzjoni li ġejja: “Mart is-Sur Ahmed Abdelaziz Ezz. Data tat-twelid: 31.01.1963. Mara”.

15

Khadiga Ahmed Ahmed Kamel Yassin tinsab fid-disa’ pożizzjoni tal-lista. It-tieni kolonna, tinkludi l-informazzjoni li ġejja: “Mart is-Sur Ahmed Abdelaziz Ezz. Data tat-twelid: 25.05.1959. Mara”.

16

Shahinaz Abdel Aziz Abdel Wahab Al Naggar tinsab fl-għaxar pożizzjoni tal-lista. It-tieni kolonna tinkludi l-informazzjoni li ġejja: “Mart is-Sur Ahmed Abdelaziz Ezz. Data tat-twelid: 09.10.1969. Mara”.

17

Fuq il-bażi tal-Artikolu 215(2) TFUE u tad-Deċiżjoni 2011/172, il-Kunsill adotta r-Regolament Nru 270/2011. L-Artikolu 2(1) u (2) tiegħu jinkludi, essenzjalment, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2011/172. Dan ir-regolament jinkludi Anness I, li huwa identiku għall-anness tad-Deċiżjoni 2011/172. Kif jirriżulta mill-premessa 2 ta’ dan ir-regolament, peress li l-miżuri stabbiliti mid-Deċiżjoni 2011/172 “jaqgħu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea [...], [...] azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni [kienet meħtieġa] sabiex tiżgura l-implimentazzjoni tagħhom” u tiġġustifika l-adozzjoni ta’ dan l-att.

18

Ir-Regolament Nru 270/2011 ma ġiex suġġett għal rettifika simili għal dik tad-Deċiżjoni 2011/172.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza kkontestata

19

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Mejju 2011, l-appellanti ppreżentaw rikors għall-annullament tad-Deċiżjoni 2011/172 u tar-Regolament Nru 270/2011, sa fejn dawn l-atti jikkonċernawhom.

20

Huma ressqu tmien motivi insostenn tar-rikors tagħhom. Ir-raba’ motiv irrigwarda l-iżbalji ta’ fatt u ta’ klassifikazzjoni legali ta’ fatti li jaffettwaw il-motivazzjoni għall-inklużjoni tagħhom fil-listi li jidhru fl-Anness tad-Deċiżjoni 2011/172 u tar-Regolament Nru 270/2011. F’dan ir-rigward, huma argumentaw li ma kinux suġġetti għal proċeduri ġudizzjarji fl-Eġittu.

21

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat dan li ġej fil-punti 123 sa 133 u 137 tas-sentenza appellata:

“123

Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Ġunju 2011, il-Kunsill ippreċiża lill-uffiċċju ta’ avukati tar-rikorrenti li huwa kien irċieva “ittra datata t-13 ta’ Frar 2011 tal-Ministru Eġizzjan tal-Affarijiet Barranin li kienet tinkludi talba tal-Avukat Ġenerali intiża għall-iffriżar ta’ assi ta’ ċerti ex Ministri u uffiċjali”, li fosthom kien hemm l-ewwel rikorrent. Mehmuża ma’ din l-ittra tal-Kunsill kien hemm kopja ta’ dokument datat it-13 ta’ Frar 2011 li fuqu kien hemm l-intestatura tal-uffiċċju tal-Ministru tal-Affarijiet Barranin ta-Repubblika Eġizjan. F’dan id-dokument li ma kienx iffirmat, kien hemm riferiment għal talba tal-Avukat Ġenerali tar-Repubblika Eġizzjana intiża sabiex l-assi ta’ ‘ex Ministri, uffiċjali u ċittadini’ Eġizzjani jiġu ffriżati. Fost il-persuni msemmija minn din it-talba kien hemm l-ewwel rikorrent, iżda mhux it-tieni, it-tielet u r-raba’ rikorrenti.

[…]

125

Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Lulju 2011, il-Kunsill irrisponda għall-ittri tal-uffiċċju ta’ avukati tar-rikorrenti datati t-13 ta’ Mejju, id-9 ta’ Ġunju u l-15 ta’ Lulju 2011. F’din ir-risposta, huwa ma rreferiex għal possibbli proċeduri ġudizzjarji kontra t-tieni, it-tielet u r-raba’ rikorrenti. Huwa ddikjara biss is-segwenti:

‘[Dawn] jidhru fil-lista ta’ persuni msemmija mit-talba għal assistenza ġudizzjarja msemmija iktar ’il fuq mill-awtoritajiet Eġizzjani (huma jidhru taħt in-numri 2, 3 u 4 fil-lista mehmuża). It-talba tindika li l-ordnijiet intiżi għas-sekwestru tal-assi tal-persuni kollha tal-lista ġew adottati mill-Avukat Ġenerali Eġizzjan, u li dan l-ordni kien ġie kkonfermat mill-qorti kriminali.’

126

Mehmuża ma’ din l-ittra tal-Kunsill tad-29 ta’ Lulju 2011, kien hemm nota bir-referenza NV93/11/ms, tal-24 ta’ Frar 2011 li permezz tagħha l-Ambaxxata tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu fi Brussell (il-Belġju) talbet lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà sabiex jibgħat lill-‘awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti’ talba għal assistenza ġudizzjarja mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Eġizzjan.

127

Ma’ din in-nota kienu annessi tliet dokumenti.

128

L-ewwel fosthom kien it-test, li la kien datat u lanqas iffirmat, tat-talba għal assistenza ġudizzjarja. Din it-talba, miktuba bl-Ingliż, kienet intiża għall-‘iffriżar, għall-qbid u għall-irkupru tal-assi ta’ ċerti ex ministri u uffiċjali’. Hija kienet tirreferi għall-‘investigazzjoni mibdija mill-Ministeru Pubbliku Eġizzjan fil-kawżi li jirrigwardaw in-Numri 162 u 234 tas-sena 2010 [...]; 34, 36, 38, 39, 55 u 70 tas-sena 2011 [...] kif ukoll [fil-]kawża li tirrigwarda n-Numru 137/2011 [...] dwar ir-reati ta’ korruzzjoni, ta’ użurpazzjoni ta’ assi tal-Istat, u ta’ reati ta’ ħasil ta’ flus imwettqa minn ex ministri u uffiċjali’ u kienet telenka ħmistax-il persuna, li fosthom kien hemm l-erba’ rikorrenti. Sussegwentement, hija kienet indikat, minn naħa, li l-Avukat Ġenerali Eġizzjan kien iddeċieda li jissekwestra l-assi ta’ persuni elenkati hemmhekk, u min-naħa l-oħra, li dan is-sekwestru kien ġie ‘approvat mill-qorti kriminali’.

129

It-tieni dokument anness man-nota tal-24 ta’ Frar 2011 kien jikkorrispondi għal ‘lista ta’ ex uffiċjali, tal-konjuġi u t-tfal [tagħhom]’, li fih it-tieni, it-tielet u r-raba’ rikorrenti jidhru, fit-tieni, fit-tielet u fir-raba’ pożizzjoni, rispettivament.

130

It-tielet dokument anness man-nota tal-24 ta’ Frar 2011 kien ippreżentat bħala sommarju tal-akkużi magħmula kontra l-ewwel rikorrenti fil-‘Kawża Numru 38 tas-sena 2011’, kawża li kienet issemmi t-talba għal assistenza ġudizzjarja deskritta fil-punt 128 iktar ’il fuq. Dan id-dokument ma kienx datat. Barra minn hekk huwa ma kellux intestatura u firma. Iżda, bħan-nota tal-24 ta’ Frar 2011 u d-dokumenti l-oħra annessi miegħu, huwa kien jinkludi s-siġill tal-Ambaxxata tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu fi Brussell.

131

Fl-aħħar nett, ebda wieħed mid-dokumenti msemmija iktar ’il fuq ma kien jissuġġerixxi li t-tieni, it-tielet u r-raba’ rikorrenti kienu suġġetti għal proċeduri kriminali, fl-Eġittu, għal fatti ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat.

132

Min-naħa l-oħra, it-talba għal assistenza ġudizzjarja msemmija fil-punt 128 iktar ’il fuq tindika, b’mod inekwivoku, li, fl-24 ta’ Frar 2011, inqas minn xahar qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2011/172 u tar-Regolament Nru 270/2011, ir-rikorrenti kollha kienu s-suġġett ta’ ordni tal-Avukat Ġenerali Eġizzjan intiż għas-sekwestru tal-assi tagħhom, li kien ġie approvat minn qorti kriminali u li kien konness ma’ investigazzjonijiet li jirrigwardaw misapproprjazzjonijiet ta’ fondi tal-Istat.

133

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma pproduċew ebda element li jnissel dubju fuq l-ineżattezza tal-indikazzjonijiet fattwali li jirrigwardaw din it-talba għal assistenza ġudizzjarja. Għall-kuntrarju, deċiżjoni ġudizzjarja Eġizzjana, li huma kienu rreġistraw fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, li t-traduzzjoni tagħha fil-5 ta’ Marzu 2013, tikkonferma li t-tieni rikorrenti kienet għadha s-suġġett ta’ ffriżar tal-assi tagħha fit-30 ta’ Jannar 2013. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma kkontestawx, waqt is-seduta, l-eżistenza tal-ordni, imsemmi iktar ’il fuq, ta’ sekwestru.

[…]

137

[...] mid-dokument imsemmi fil-punt 130 iktar ’il fuq jirriżulta b’mod ċar li, fil-‘Kawża Numru 38 tas-sena 2011’, l-ewwel rikorrent kien ‘akkużat’, minn naħa, li ‘użurpa l-attiv’ ta’ ‘impriża tas-settur pubbliku li l-azzjonijiet tagħha [kienu] miżmuma mill-Istat’ u, min-naħa l-oħra, li ‘wettaq ir-reati li jikkonsistu li jikseb vantaġġ mill-attiv pubbliċi u li jikkawża dannu kif ukoll li jużurpa u [...] li jaffaċilita l-użurpazzjoni ta’ [tali attiv]’.”

22

Peress li l-Qorti Ġenerali ma laqgħet ebda wieħed minn dawn il-motivi, hija ċaħdet ir-rikors kollu kemm hu.

It-talbiet tal-partijiet

23

L-appellanti jitolbu lil Qorti tal-Ġustizzja togħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tannulla d-Deċiżjoni 2011/172 u r-Regolament Nru 270/2011 sa fejn dawn l-atti jikkonċernawhom;

tikkundana lill-Kunsill għall-ispejjeż tal-appellant marbuta mal-appell u mal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, u

tieħu kull miżura oħra li l-Qorti tal-Ġustizzja jidhrilha xierqa.

24

Il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja togħġobha:

tiċħad l-appell, u

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

25

Il-Kummissjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja togħġobha:

tiċħad l-appell, u

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż ta’ din l-istanza.

Fuq l-appell

26

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jsostnu sitt aggravji.

Fuq l-ewwel aggravju

27

Bl-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li, billi ddeċidiet li d-Deċiżjoni 2011/172 kienet ġiet legalment adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 29 UE, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi. Dan l-aggravju jirrigwarda l-punti 44 sa 47 tas-sentenza appellata.

Is-sentenza kkontestata

28

Sabiex jiġi ddeterminat is-sens tal-Artikolu 29 TUE, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-Artikoli 21 TUE, 23 TUE sa 25 TUE u 28 TUE. Hija kkonkludiet, fil-punt 41 tas-sentenza appellata, dan li ġej:

“Minn dawn id-dispożizzjonijiet magħquda jirriżulta li jikkostitwixxu ‘pożizzjonijiet tal-Unjoni’, fis-sens tal-Artikolu 29 TUE, id-deċiżjonijiet li, l-ewwel nett, jaqgħu taħt il-kuntest tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK), kif iddefinita fl-Artikolu 24(1) TUE, it-tieni nett, li jirrigwardaw ‘materja partikolari ta’ natura ġeografika jew tematika’, u t-tielet nett, li ma għandhomx natura ta’ ‘azzjonijiet operattivi’ fis-sens tal-Artikolu 28 TUE.”

29

Fil-punti 44 sa 46 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li t-tliet kriterji kienu ssodisfatti f’dan il-każ. Hija kkonkludiet, fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, li l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2011/172 seta’ legalment jiġi adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 29 TUE.

L-argumenti tal-partijiet

30

L-appellanti jsostnu li l-kundizzjonijiet li jippermettu l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet fuq il-bażi tal-Artikolu 29 TUE ma kinux issodisfatti f’dan il-każ. Ir-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista annessa mad-Deċiżjoni 2011/172 ma jaqgħux fl-ambitu tal-prinċipji u tal-għanijiet tal-PBSK iddefiniti fl-Artikolu 21 TUE. L-awtoritajiet Eġizzjani qatt ma taw x’jifhmu, fl-ittri invokati mill-Kunsill, li l-azzjonijiet li l-appellanti huma kkritikati bihom jheddu d-“demokrazija” fl-Eġittu jew l-“iżvilupp sostenibbli ta[l-]ekonomija [jew] ta[s]-soċjetà” f’dan il-pajjiż.

31

L-aġir li bih huwa kkritikat l-ewwel appellant, jiġifieri frodi fil-konfront ta’ azzjonisti ta’ kumpannija, ma jiġġustifikax azzjoni tal-Unjoni fil-livell internazzjonali, fuq il-bażi tal-PBSK. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda allegazzjoni materjali kontra n-nisa ta’ A. A. Ezz. Il-kunsiderazzjoni li frodi mwettqa fi Stat terz tinvolvi l-politika barranija u ta’ sigurtà tal-Unjoni jkollha l-effett li testendi b’mod sinjifikattiv il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-politika, bi ħsara għall-kompetenzi tal-Istati Membri fir-rigward tal-assistenza ġudizzjarja.

32

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Eġizzjani ma talbux lill-Unjoni tadotta deċiżjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 29 TUE, iżda talbu assistenza ġudizzjarja, li taqa’ taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali.

33

Finalment, it-talba ta’ dawn l-awtoritajiet tirrigwarda l-konservazzjoni ta’ fondi li jistgħu jintużaw għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija minn awtorità ġudizzjarja nazzjonali kontra A. A. Ezz u tippermetti r-“ripatrijazzjoni” tas-somom inkwistjoni, li fir-rigward tagħha ma tirriżultax kompetenza fuq il-bażi tal-PBSK. Billi kkonstatat li wieħed mill-appellanti kien akkużat b’attivitajiet li kienu kkunsidrati mill-awtoritajiet Eġizzjani bħala theddida għall-Gvern demokratiku tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu jew għall-iżvilupp ekonomiku jew soċjali sostenibbli f’dan il-pajjiż, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi prodotti quddiemha.

34

Il-Kunsill jirrileva li l-ewwel aggravju jgħaqqad żewġ ilmenti, wieħed jirrigwarda n-nuqqas tal-bażi legali tad-Deċiżjoni 2011/172 u l-ieħor il-fatt li l-appellanti ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet sabiex jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2011/172 u tar-Regolament Nru 270/2011. Huwa jfakkar li l-Qorti Ġenerali rrispondiet għall-motiv tagħhom ibbażat fuq in-nuqqas tal-bażi legali fil-punti 44 sa 47 tas-sentenza appellata.

35

Il-Kunsill iqis li l-appellanti jinterpretaw b’mod żbaljat l-għanijiet tad-Deċiżjoni 2011/172, meta ebda element ta’ din id-deċiżjoni ma jippermetti li jiġi konkluż li r-raġuni tal-inklużjoni tagħhom fil-lista ta’ persuni li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom huma ffriżati, li tidher bħala anness tagħha, kienet frodi mwettqa f’pajjiż terz jew li l-għan ta’ din id-deċiżjoni huwa l-għoti ta’ assistenza ġudizzjarja.

36

Id-Deċiżjoni 2011/172 hija miżura awtonoma, li ġiet adottata mhux bi tweġiba għat-talba tal-awtoritajiet Eġizzjani, iżda sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-PBSK u fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali disponibbli għall-Kunsill f’dan ir-rigward. Għalhekk, fl-eżami tal-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma kontra l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2011/172, il-Qorti Ġenerali ma ppronunzjatx ruħha la fuq l-allegati azzjonijiet tal-appellanti u lanqas fuq il-kontenut tan-nota verbali NV93/11/ms, u ma kinitx marbuta li tagħmel dan.

37

Il-Kummissjoni ssostni li l-ewwel aggravju, sa fejn dan jirrigwarda n-nuqqas ta’ bażi legali tad-Deċiżjoni 2011/172, huwa inammissibbli, peress li dan ma ġiex invokat fir-rikors għal annullament ippreżentat fl-ewwel istanza. Dan huwa ġdid ukoll fil-mertu, peress li l-kriterju dwar ir-responsabbiltà f’użu ħażin ta’ fondi pubbliċi, li fuqu huwa bbażat l-iffriżar tal-fondi tal-appellanti, huwa inkompatibbli mal-Artikolu 21 TUE, peress li l-miżura ma tfittex ebda wieħed mill-għanijiet ipprovduti fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu. Barra minn hekk, l-appell ma jindirizzax ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali fil-punti 34 sa 54 tas-sentenza appellata dwar is-sens u l-portata tal-Artikolu 29 TUE. L-aggravju għandu, għalhekk, jiġi ddikjarat inammissibbli.

38

Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 29 TUE kienu ssodisfatti. Hija ssostni li, kuntrarjament għal dak li l-appellanti jissuġġerixxu, f’dan il-każ, ma huwiex il-każ li jiġi kkunsidrat li frodi mwettqa f’pajjiż terz tinvolvi l-politika barranija u ta’ sigurtà tal-Unjoni, iżda li tingħata tweġiba għat-talbiet ta’ gvern li għadu kif ġie stabbilit f’pajjiż terz intiżi għall-protezzjoni tal-fondi pubbliċi ta’ dan il-pajjiż sabiex dawn ikunu jistgħu jiġu rkuprati u użati fil-futur għall-benefiċċju tal-poplu Eġizzjan.

39

Barra minn hekk, hija ssostni li l-fatt li t-talba tal-awtoritajiet Eġizzjani ntbagħtet espressament lill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Unjoni ma għandux effett fuq il-kwistjoni ta’ jekk l-Artikolu 29 TUE jikkostitwixxix bażi legali xierqa għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2011/172 dwar miżuri restrittivi. Fil-fatt, dawn il-miżuri restrittivi huma miżuri awtonomi, li l-Kunsill għandu s-setgħa li jieħu, anki fl-assenza ta’ talba mill-pajjiż terz ikkonċernat.

40

Finalment, ir-riferiment għar-ripatrijazzjoni tal-fondi huwa irrilevanti f’dan il-każ, peress li din il-kwistjoni ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2011/172 u tar-Regolament Nru 270/2011.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

41

Bl-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li d-Deċiżjoni 2011/172 ġiet validament adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 29 TUE.

42

L-istħarriġ tal-bażi legali ta’ att jippermetti li tiġi vverifikata l-kompetenza tal-awtur tal-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑376/98, EU:C:2000:544, punt 83) u li jiġi vverifikat jekk il-proċedura ta’ adozzjoni ta’ dan l-att hijiex ivvizzjata b’irregolarità (sentenza ABNA et, C‑453/03, C‑11/04, C‑12/04 u C‑194/04, EU:C:2005:741, punt 53). Skont ġurisprudenza stabbilita, l-għażla tal-bażi legali ta’ att tal-Unjoni għandha tibbaża ruħha fuq elementi oġġettivi li jistgħu jwasslu għal stħarriġ ġudizzjarju, li fosthom jinsabu, b’mod partikolari, l-għan u l-kontenut ta’ dan l-att (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑130/10, EU:C:2012:472, punt 42).

43

Fil-punti 44 sa 46 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-għan u l-kontenut tad-Deċiżjoni 2011/172 u kkonkludiet li hija setgħet legalment tiġi adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 29 TUE. B’mod partikolari, fil-punt 44 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li d-Deċiżjoni 2011/172 kienet taqa’ fl-ambitu ta’ politika ta’ appoġġ għall-awtoritajiet Eġizzjani ġodda, intiża sabiex tiffavorixxi l-istabbiliment kemm politiku kif ukoll ekonomiku tal-Eġittu u, b’mod iktar speċifiku, sabiex tgħin lill-awtoritajiet ta’ dan il-pajjiż fil-ġlieda tagħhom kontra l-misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi u li, b’dan il-mod, din id-deċiżjoni tagħmel użu sħiħ mill-PBSK u twieġeb għall-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 21(2)(b) u (d) TUE.

44

F’dan ir-rigward, l-appellanti ma jressqu ebda argument sabiex juru li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fir-raġunament espost fil-punt preċedenti, iżda sempliċement jaffermaw b’mod ġenerali li l-awtoritajiet Eġizzjani ma ppubblikawx fl-ittri prodotti mill-Kunsill li l-allegati azzjonijiet tar-rikorrenti kienu ta’ theddida għad-demokrazija jew għall-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomija jew tas-soċjetà fl-Eġittu, fis-sens tal-Artikolu 21(2)(b) u (d) TUE. Konsegwentement, l-argument tal-appellanti ma jistax jintlaqa’.

45

Barra minn hekk, l-appellanti jikkontestaw il-fondatezza tad-Deċiżjoni 2011/172 fir-rigward tal-Artikolu 21 TUE.

46

Madankollu, fid-dawl tal-portata wiesgħa tal-miri u tal-għanijiet tal-PBSK, kif espressi fl-Artikoli 3(5) TUE u 21 TUE u fid-dispożizzjonijiet speċifiċi marbuta mal-PBSK, b’mod partikolari l-Artikoli 23 TUE u 24 TUE, dan l-argument ma jistax jikkonfuta l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar il-bażi legali tad-Deċiżjoni 2011/172.

47

Fir-rigward tal-ilment dwar l-iżnaturament tal-provi, għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti ma stabbilixxewx ma’ liema parti tal-punti tas-sentenza appellata, ikkontestati fl-ewwel aggravju, dan l-ilment jirrelata.

48

Minn dan isegwi li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tieni aggravju

49

Bit-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li, sa fejn qieset li huma kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet iddefiniti fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172 u fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 270/2011 kif ukoll ir-raġunijiet li jidhru fl-annessi ta’ dawn il-leġiżlazzjonijiet sabiex jittieħdu kontra tagħhom miżuri restrittivi fir-rigward ta’ fondi miżmuma u riżorsi ekonomiċi tagħhom u sabiex isimhom jitniżżel fil-lista li tidher fl-Anness ta’ kull wieħed minn dawn l-atti, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

Is-sentenza appellata

50

Fir-rigward tad-diverġenza fir-redazzjoni tal-verżjoni Ingliża b’paragun mal-abbozzar ta’ verżjonijiet lingwistiċi oħra tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172, il-Qorti Ġenerali tat, fil-punti 62 sa 84 tas-sentenza appellata, l-interpretazzjoni tagħha ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, fil-verżjoni Ingliża tagħha, din tipprovdi għal impożizzjoni ta’ ffriżar ta’ assi fuq “persons having been identified as responsible” (persuni li ġew “identifikati” bħala responsabbli għal misapproprjazzjoni), filwaqt li l-verżjoni Franċiża tirreferi għall-persuni “reconnues” (“irrikonoxxuti”) bħala responsabbli għal misapproprjazzjoni.

51

Fid-dawl tal-kuntest u tal-għan ta’ din id-dispożizzjoni, hija kkonkludiet, fil-punt 67 tas-sentenza appellata, li din kellha tkun suġġetta għal interpretazzjoni wiesgħa. Fil-punti 70 sa 81 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li l-prinċipju li dispożizzjonijiet li jipprevedu sanzjonijiet amministrattivi għandhom jingħataw interpretazzjoni stretta ma kienx jipprekludi din l-interpretazzjoni. Hija għamlet ukoll kunsiderazzjonijiet simili, fil-punti 82 sa 84 tal-istess sentenza, fir-rigward tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza.

52

Fl-eżami tar-raġunijiet li għalihom l-isem tal-appellanti ġie inkluż fil-lista li tidher fl-Anness tad-Deċiżjoni 2011/172, il-Qorti Ġenerali qabblet ir-redazzjoni tagħhom fid-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-deċiżjoni. Fil-punt 93 tas-sentenza appellata, hija rrilevat li, indipendentement mill-verżjoni lingwistika applikata, ir-raġuni għall-inklużjoni kienet konformi mal-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni u kkonstatat, fil-punt 94 ta’ din is-sentenza, li l-verżjoni Ingliża ta’ dan l-anness kienet twieġeb aħjar għall-għan imfittex minn dan l-artikolu.

53

Għalhekk, billi bbażat ruħha fuq il-kliem tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172 fil-verżjoni Ingliża tagħha, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 95 tas-sentenza appellata, li “l-Kunsill kellu l-intenzjoni li jiffriża l-assi tar-rikorrenti minħabba l-fatt li huma kienu s-suġġett ta’ proċedura ġudizzjarja fl-Eġittu li jkollhom konnessjoni, irrispettivament liema, mal-investigazzjonijiet li jirrigwardaw misappropjazzjoni ta’ fondi tal-Istat”. Fil-punt 99 ta’ din is-sentenza, hija kkonkludiet li, “billi jinkludi isem ir-rikorrenti fil-lista li tidher fl-Anness tad-Deċiżjoni 2011/99, il-Kunsill ma kisirx il-kriterji li huwa stess stabbilixxa fl-Artikolu 172(1) ta’ din l-istess deċiżjoni”.

L-argumenti tal-partijiet

54

L-appellanti jikkontestaw qabelxejn l-interpretazzjoni, tal-Qorti Ġenerali, tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172 u tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 270/2011. Huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta applikat il-verżjoni Ingliża ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Huma jsostnu li ma huwiex eżatt li l-verżjoni Ingliża twieġeb b’mod aħjar għall-għan tad-Deċiżjoni 2011/172 u li l-Qorti Ġenerali kellha tirrikonċilja l-verżjonijiet lingwistiċi differenti. Il-Qorti Ġenerali kienet marbuta li tinterpreta dawn id-dispożizzjonijiet fid-dawl tal-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni. L-appellanti jikkontestaw ukoll l-interpretazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tar-raġuni li tiġġustifika l-inklużjoni ta’ kull wieħed u waħda minnhom fl-Anness tad-Deċiżjoni 2011/172 u fl-Anness tar-Regolament Nru 270/2011, fil-punti 85 sa 95 tas-sentenza appellata.

55

Fid-dawl ta’ dawn l-interpretazzjonijiet żbaljati, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx l-istħarriġ komplet u rigoruż tal-provi meħtieġa mid-dritt tal-Unjoni. Hija bbażat ruħha biss fuq l-allegazzjonijiet li jinsabu fit-talba għal assistenza ġudizzjarja, mingħajr ma vverifikat l-preċiżjoni tagħhom. B’mod partikolari, hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-argument tal-ewwel appellant li l-ilment magħmul kontra tiegħu kellu, fil-fatt, skop politiku u kien infondat. Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx l-affermazzjonijiet tal-appellant li huwa kien suġġett għal trattament fl-Eġittu li jinjora l-garanziji fundamentali ta’ proċedura ekwa u tal-istat tad-dritt.

56

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat, fil-punt 99 tas-sentenza appellata, li l-Kunsill ma kisirx il-kriterji li huwa stess stabbilixxa fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172 meta inkluda l-isem tal-appellanti fil-lista li tidher fl-Anness ta’ din id-deċiżjoni.

57

Dan l-iżball huwa iktar evidenti fir-rigward tat-tieni sar-raba’ appellanti. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 131 tas-sentenza appellata, li ebda wieħed mid-dokumenti prodotti mill-Kunsill ma jissuġġerixxi li dawn l-appellanti kienu suġġetti għal proċeduri kriminali, fl-Eġittu, għal fatti ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi. Billi invokat assoċjazzjoni ta’ dawn l-appellanti mal-ewwel appellant, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Tay Za vs Il-Kunsill (C‑376/10 P, EU:C:2012:138, punt 66) u lanqas is-sentenza tal-Qorti Ġenerali Nabipour et vs Il-Kunsill (T‑58/12, EU:T:2013:640, punti 107 u 108), li jipprovdu li hija biss l-implikazzjoni tal-persuna fiżika stess fl-aġir previst mil-leġiżlazzjoni rilevanti li tiġġustifika l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fir-rigward tagħha.

58

Il-Kunsill iqis li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tagħha tad-Deċiżjoni 2011/172. Fi kwalunkwe każ, il-kwistjoni tal-intenzjoni tal-awtur tal-att ġiet definittivament riżolta mal-pubblikazzjoni ta’ rettifika ta’ din id-deċiżjoni.

59

Fir-rigward tal-provi tal-eżistenza ta’ proċedura kriminali kontra l-ewwel appellant, il-Kunsill jirreferi għan-nota verbali NV93/11ms tal-Avukat Ġenerali Eġizzjan u għall-fatt li dan l-appellant irrikonoxxa li kien ġie suġġett għal tali proċedura fir-rikors li huwa ppreżenta quddiem il-Qorti Ġenerali. Il-proċeduri ma ġewx ibbażati fuq il-ksur tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni, iżda l-elementi imputati lill-appellant mill-awtoritajiet Eġizzjani jikkorrispondu għall-okkorrenzi ta’ ksur deskritti f’din il-konvenzjoni, partikolarment fl-Artikoli 17 u 18 ta’ din tal-aħħar. Għalhekk, ir-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista li tidher fl-Anness tad-Deċiżjoni 2011/172 jikkorrispondu għall-proċeduri ġudizzjarji mibdija mill-awtoritajiet Eġizzjani li l-ewwel appellant innifsu jikkonstata.

60

Il-Kunsill jirrileva li l-appellanti ma jispjegawx b’liema mod il-Kunsill jew il-Qorti Ġenerali kellhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-argument li l-ilment kontra l-ewwel appellant kien fil-fatt isegwi għan politiku. Huwa jfakkar ukoll li l-miżuri restrittivi meħuda kontra tiegħu ma jikkostitwixxux sanzjoni kriminali, b’mod li l-argument ibbażat fuq il-ksur ta’ proċedura ekwa u tal-istat tad-dritt ma huwiex rilevanti.

61

Fir-rigward tat-tieni sar-raba’ appellanti, il-Kunsill jenfasizza li l-iskrizzjoni tagħhom fil-lista li tidher fl-Anness tad-Deċiżjoni 2011/172 ma hijiex motivata mill-fatt li dawn kienu assoċjati mal-ewwel appellant. F’dan ir-rigward, huwa jfakkar li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, b’mod partikolari fil-punt 97 tas-sentenza appellata, li l-appellanti ġew inklużi f’din il-lista biss minħabba li kienu suġġetti għal proċedura ġudizzjarja fl-Eġittu relatata ma’ investigazzjonijiet li jirrigwardaw misapproprjazzjonijiet ta’ fondi pubbliċi.

62

Il-Kummissjoni tirrileva li l-appellanti ma jikkontestawx il-punti 57 sa 84 tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti Ġenerali tagħti l-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172. Hija ssostni li l-Qorti Ġenerali ffavorixxiet b’mod leġittimu interpretazzjoni wiesgħa ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, l-għan tal-iffriżar tal-fondi, jiġifieri li l-Gvern Eġizzjan ikun jista’ sussegwentement jirkupra dawn il-fondi, ma kienx ikun jista’ jintlaħaq fil-każ li wieħed kellu jistenna li jingħata bidu għal proċeduri kriminali. Barra minn hekk, il-kliem tad-Deċiżjoni 2011/172 ma jipprekludix tali interpretazzjoni. Fil-fatt, l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172 u l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 270/2011 jipprevedu l-persuni rrikonoxxuti bħala responsabbli għal misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi u dawk “assoċjati” magħhom. Barra minn hekk, il-paragrafu 2 ta’ dawn l-artikoli jipprevedi miżura intiża sabiex jiġi evitat li l-persuni kkonċernati jevitaw il-miżuri restrittivi imposti fuqhom. B’hekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li r-raġuni għall-iskrizzjoni fil-listi li jidhru fl-Anness tad-Deċiżjoni 2011/172 u tar-Regolament 270/2011, jiġifieri l-fatt li jkunu “suġġetti għal proċeduri ġudizzjarji”, ma tistax tiġi interpretata li tfisser li l-persuni kkonċernati għandhom ikunu ġew “imħarrka kriminalment”.

63

Fir-rigward tal-provi, il-Kummissjoni tenfasizza li l-Kunsill seta’ jibbaża ruħu fuq l-ittri tal-awtoritajiet Eġizzjani, mingħajr ma jivverifika l-fondatezza tal-argumenti li jinsabu f’dawn l-ittri jew jieħu pożizzjoni skont l-eżitu tal-proċeduri kriminali. Minkejja li, fir-rigward tal-ewwel appellant, it-talba għal assistenza ġudizzjarja tal-Avukat Ġenerali Eġizzjan kienet tipprovdi fatti dettaljati li jirrigwardaw b’mod partikolari “reati ta’ spekulazzjoni u ta’ preġudizzju intenzjonat għal beni pubbliċi”, ma jistax jingħad l-istess fir-rigward tat-tieni sar-raba’ appellanti. Ir-raġuni li għaliha l-fondi nqabdu mill-awtoritajiet Eġizzjani, u ġew iffriżati mill-atti tal-Unjoni, tinsab fil-fatt li dawn il-persuni setgħu, bir-rabta tagħhom mal-ewwel appellant, iwettqu misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi jew jintużaw għal dan il-għan. Barra minn hekk, skont l-informazzjoni li tinsab f’dawn l-ittri, il-qbid tal-fondi ta’ dawn l-appellanti kien is-suġġett ta’ ordnijiet mogħtija mill-Avukat Ġenerali u kkonfermati mill-Qorti Kriminali. Għalhekk, il-Kunsill ikkomunika l-informazzjoni rilevanti li serviet bħala bażi sabiex jiġu stabbiliti l-listi inkwistjoni.

64

Fir-rigward tal-istħarriġ komplet tar-raġunijiet għall-iskrizzjoni f’dawn il-listi, rikjest mill-appellanti, il-Kummissjoni tenfasizza li ma huwiex il-kompitu tal-Kunsill li jivverifika s-“solidità” tal-argumenti tal-awtoritajiet Eġizzjani jew li jiddeċiedi fuq il-mertu tal-każ nazzjonali. L-ittri tal-awtoritajiet Eġizzjani jikkostitwixxi informazzjoni xierqa li fuqha l-Kunsill seta’ jibbaża ruħu sabiex jadotta l-miżuri restrittivi.

65

Bħall-Kunsill, il-Kummissjoni ssostni li r-riferiment għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni jikkostitwixxi l-bażi legali tat-talba għal assistenza ġudizzjarja u ma jistax jinftiehem bħala li jistabbilixxi r-raġunijiet partikolari għall-proċeduri ġudizzjarji kontra l-ewwel appellant.

66

Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni ssostni li l-kritika li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwa nieqes minn konsistenza ma tirriflettix is-sentenza appellata. Hija tirrileva li l-appellanti ma jikkontestawx il-punt 67 tas-sentenza appellata u ma jiħdux inkunsiderazzjoni l-analiżi ddettaljata tal-Qorti Ġenerali dwar id-definizzjoni tal-kriterji rilevanti għall-inklużjoni fil-lista li tidher fl-Anness tad-Deċiżjoni 2011/172 (punti 57 sa 84 ta’ din is-sentenza), dwar id-definizzjoni tar-raġuni tal-iskrizzjoni f’din il-lista (punt 85 sa 95 ta’ din is-sentenza) u dwar il-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti (punti 118 sa 157).

67

Finalment, il-Kummissjoni ssostni li s-sentenza Tay Za vs Il-Kunsill (EU:C:2012:138) ma hijiex rilevanti għall-każ ineżami. Din il-kawża kienet tikkonċerna t-tifel ta’ diriġent ta’ impriżi li kien assoċjat mad-diriġenti Burmiżi u l-miżuri meħuda kontra r-reġim ta’ dan il-pajjiż terz kienu jipprevedu uffiċjali “li jiddefinixxu jew jimplementaw politika li tipprekludi t-tranżizzjoni ta’ Burma / ta’ Mjanmar għal demokrazija, jew kienu jibbenefikaw minnha”. F’dan il-każ, l-għan huwa li l-fondi pubbliċi jiġu ppreservati sabiex fil-futur dawn jingħataw lura lir-Repubblika Għarbija tal-Eġittu. Għalhekk, is-sempliċi fatt li persuna tkun miżżewġa lil persuna li għandha rabtiet mad-diriġenti ta’ Stat ma jimplikax li din għandha titqies li hija assoċjata mar-reġim politiku ta’ dan l-Istat. Madankollu, din is-sitwazzjoni tkun rilevanti meta l-miżuri restrittivi jkunu mmirati lejn il-preservazzjoni ta’ fondi pubbliċi, ladarba ċerti beni jistgħu jkunu miżmuma b’mod konġunt mir-raġel u l-konjuġi tiegħu. Il-fatt stess li fl-Eġittu ġew adottati ordnijiet, anki jekk dawn ma humiex strettament meħtieġa għall-iskrizzjoni tat-tieni sar-raba’ appellanti fil-listi li jidhru fl-Anness tad-Deċiżjoni 2011/172 u tar-Regolament Nru 270/2011, jikkostitwixxi indikazzjoni serja ta’ assoċjazzjoni bħal din, inkwantu l-qrati Eġizzjani għandhom għarfien aħjar tar-reġim matrimonjali applikabbli għall-ewwel appellant u l-konjuġi tiegħu.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

68

Bit-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jikkontestaw, fl-ewwel lok, l-interpretazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-kriterji għall-iskrizzjoni fil-listi li jidhru fl-Anness tad-Deċiżjoni 2011/172 u tar-Regolament Nru 270/2011 u, fit-tieni lok, l-iskrizzjoni tagħhom fid-dawl ta’ dawn il-kriterji kif ukoll il-motivazzjoni adottata f’dan ir-rigward.

69

Kuntrarjament għal dak li l-appellanti jsostnu, fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali tat interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172 u tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 270/2011 billi ħadet inkunsiderazzjoni r-redazzjoni diverġenti ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fid-diversi verżjonijiet lingwistiċi tad-Deċiżjoni 2011/172 u tar-Regolament Nru 270/2011, il-kuntest u l-għan tagħhom.

70

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta, fil-punt 66 tas-sentenza appellata, identifikat l-għan ta’ dawn l-atti bħala li huwa l-għajnuna lill-awtoritajiet Eġizzjani fil-ġlieda tagħhom kontra l-misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi. Dan l-għan joħroġ b’mod espliċitu mill-premessa 2 tad-Deċiżjoni 2011/172.

71

Fid-dawl ta’ dan l-għan, il-Qorti Ġenerali lanqas ma wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fl-istess punt 66, li l-effettività tad-Deċiżjoni 2011/172 tkun kompromessa jekk l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi kellha tiġi suġġetta għall-impożizzjoni ta’ kundanni kriminali kontra persuni ssuspettati li wettqu misapproprjazzjoni ta’ fondi, peress li dawn, fil-frattemp, kien ikollhom iż-żmien meħtieġ sabiex jittrasferixxu l-assi tagħhom fi Stati li ma jipprattikaw ebda forma ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet Eġizzjani.

72

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kienet korretta meta kkonkludiet, fil-punt 67 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 1(1) tad-Deiċżjoni 2011/172 kellu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprevedi mhux biss persuni mħarrka kriminalment iżda wkoll persuni li jkunu suġġetti għal proċeduri ġudizzjarji konnessi ma’ proċeduri kriminali għal fatti ta’ “misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat Eġizzjani”, peress li dawn tal-aħħar setgħu jiġu kklassifikati bħala persuni assoċjati mal-individwi suġġetti għall-proċeduri kriminali.

73

Fid-dawl tal-fondatezza ta’ din l-interpretazzjoni, il-Qorti Ġenerali kienet korretta meta rrilevat, fil-punt 93 tas-sentenza appellata, li r-raġuni għall-iskrizzjoni tal-ismijiet tal-appellanti kienet konformi mal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172, irrispettivament mill-varjant lingwistiku ta’ din ir-raġuni u, fil-punt 94 ta’ din is-sentenza, li l-verżjoni Ingliża twieġeb aħjar għall-għan imfittex minn din id-dispożizzjoni. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonkludiet, fil-punt 95 tas-sentenza appellata, li l-Kunsill intenda jiffriża l-assi tal-appellanti għaliex dawn kienu suġġetti għal proċedura ġudizzjarja fl-Eġittu b’rabta, ta’ kwalunkwe natura, ma’ investigazzjonijiet li jirrigwardaw misapproprjazzjonijiet ta’ fondi pubbliċi.

74

Ir-rikorrenti jikkontestaw, fit-tieni lok, l-iskrizzjoni tagħhom fil-listi li jidhru fl-Anness tad-Deċiżjoni 2011/172 u tar-Regolament Nru 270/2011 minħabba li din tmur kontra d-Deċiżjoni 2011/172. Għalkemm, kif ġie mfakkar fil-punt 72 ta’ din is-sentenza, l-interpretazzjoni mogħtija mill-appellanti ta’ din id-deċiżjoni ma tistax tiġi aċċettata, xorta waħda għandhom jiġu eżaminati l-argumenti mressqa minnhom f’dan ir-rigward.

75

Fir-rigward tat-talba għal assistenza li saret mill-awtoritajiet Eġizzjani, għandu jiġi kkonstatat li din ġiet eżaminata, partikolarment, fil-punti 128 sa 134 u 137 tas-sentenza appellata. Fil-punt 128 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li din it-talba tirreferi għal investigazzjoni li hija ġestita mill-Prosekutur Pubbliku Eġizzjan kontra l-erba’ appellanti u tipprevedi, b’mod partikolari, reati ta’ korruzzjoni u ta’ użurpazzjoni ta’ assi pubbliċi. Fil-punt 133 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-appellanti ma pproduċewx provi li jnisslu dubju dwar l-eżattezza tal-indikjazzjonijiet fattwali mogħtija f’din it-talba għal assistenza. Hija indikat ukoll li l-appellanti ma kkonstatawx l-eżistenza ta’ ordni tal-Avukat Ġenerali Eġizzjan intiż għall-qbid tal-assi tagħhom, ikkonfermat mill-Qorti Kriminali. Fir-rigward speċifikament tal-ewwel appellant, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 130 u 137 tas-sentenza appellata, wieħed mid-dokumenti annessi mat-talba għal assistenza u kkonstatat li l-ewwel appellant kien “akkużat”, fil-“Kawża Nru 38 tas-sena 2011”, li “użurpa l-attiv” ta’ “impriża tas-settur pubbliku li l-azzjonijiet tagħha [kienu] miżmuma mill-Istat” u li “wettaq ir-reati li jikkonsistu li jikseb vantaġġ mill-attiv pubbliċi u li jikkawża dannu kif ukoll li jużurpa u [...] li jaffaċilita l-użurpazzjoni ta’ [tali attiv]”.

76

F’dawn iċ-ċirkustanzi, sa fejn l-appellanti ma kkontestawx il-fattibbiltà la tat-talba għal assistenza ġudizzjarja u tad-dokumenti annessi magħha u lanqas tal-ordni li jirrigwarda l-qbid tal-assi tagħhom, il-Qorti Ġenerali ma tistax, kuntrarjament għal dak li huma jsostnu, tiġi kkritikata li ma eżerċitatx stħarriġ komplet u rigoruż ta’ dawn il-provi.

77

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li la huwa l-kompitu tal-Kunsill u lanqas tal-Qorti Ġenerali li jivverifikaw il-fondatezza tal-investigazzjonijiet li għalihom l-appellanti huma suġġetti, iżda għandhom jivverifikaw biss il-fondatezza tad-deċiżjoni tal-iffriżar tal-fondi fid-dawl tat-talba għal assistenza ġudizzjarja. Fir-rigward tal-konstatazzjonijiet ta’ fatt tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-eżistenza ta’ proċeduri ġudizzjarji li jikkonċernaw lill-erba’ appellanti, għandu jsir riferiment għall-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li hija biss il-Qorti Ġenerali li għandha l-kompetenza li, minn naħa, tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta mid-dokumenti tal-proċess li tressqu quddiemha, u, min-naħa l-oħra, li tevalwa dawn il-fatti. Għalhekk, l-evalwazzjoni tal-fatti ma tikkostitwixxix, bl-eċċezzjoni tal-iżnaturament tal-provi li jiġu prodotti quddiemha, kwistjoni ta’ dritt suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Versalis vs Il-Kummissjoni, C‑511/11 P, EU:C:2013:386, punt 66, u Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni, C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 84).

78

Fir-rigward tal-ewwel appellant, l-appellanti jintendu li jiksbu fil-fatt evalwazzjoni ġdida tal-provi mingħajr ma jinvokaw xi żnaturament tagħhom mill-Qorti Ġenerali, sa fejn huma jsostnu li t-talba għal assistenza ġudizzjarja tal-awtoritajiet Eġizzjani, kif deskritta b’mod partikolari fil-punti 128, 130 u 137 tas-sentenza appellata, ma tipprovdix il-prova li l-ewwel appellant ġie mħarrek kriminalment fl-Eġittu u, b’mod partikolari, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat l-eżistenza ta’ investigazzjoni ġudizzjarja kontra tiegħu għal misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi mwettqa fil-kwalità tiegħu ta’ ex deputat Eġizzjan. Dan l-argument għandu għaldaqstant jiġi ddikjarat inammissibbli.

79

L-argument tar-rikorrenti li ma kien hemm ebda prova li l-ordni ġie adottat “għal misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat abbażi tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonaijiet Uniti kontra l-korruzzjoni” għandu wkoll jiġi miċħud inkwantu jirriżulta mit-talba għal assistenza nfisha li l-ewwel appellant ġie mħarrek fl-Eġittu u li l-awtoritajiet Eġizzjani indikaw bħala bażi legali tat-talba għal assistenza din il-konvenzjoni billi rreferew, fost oħrajn, għall-Artikoli 17 sa 19, 23 u 31 tagħha.

80

Fir-rigward tat-tieni sar-raba’ appellanti, minkejja li l-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet, il-punt 131 tas-sentenza appellata, li ebda dokument ma jindika li dawn ġew suġġetti għal proċeduri kriminali, fl-Eġittu, għal fatti ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, hija kkonstatat, fil-punt 132 tal-istess sentenza, li l-assi tagħhom inqabdu fuq il-bażi ta’ ordni tal-Avukat Ġenerali Eġizzjan li ġie kkonfermat minn qorti kriminali u li huwa marbut ma’ investigazzjonijiet dwar misapproprjazzjonijiet ta’ fondi pubbliċi.

81

Fir-rigward tal-argument tal-appellanti li l-qbid tal-assi tagħhom fl-Eġittu ma jipprovax l-eżistenza ta’ proċeduri ġudizzjarji kontra t-tieni sar-raba’ appellanti, huwa biżżejjed li jitfakkar li dan il-qbid ġie ordnat mill-Avukat Ġenerali Eġizzjan u kkonfermat minn qorti kriminali, li għandhom jitqiesu korpi ġudizzjarji. L-argument tar-rikorrenti li dan il-qbid huwa biss ta’ natura preventiva huwa infondat fid-dawl tal-fatt li dan il-qbid ġie ordnat minn awtoritajiet ġudizzjarji u n-natura preventiva ta’ miżura ma tistax tneħħilha n-natura ġudizzjarja tagħha.

82

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta kkonkludiet, fil-punt 134 tas-sentenza appellata, li l-Kunsill ma wettaqx żball ta’ fatt jew żball ta’ klassifikazzjoni ġuridika ta’ fatti meta kklassifika, fl-Anness tad-Deċiżjoni 2011/172, lit-tieni sar-raba’ appellanti bħala persuni li kienu suġġetti għal proċeduri ġudizzjarji fl-Eġittu konnessi ma’ investigazzjonijiet dwar misapproprjazzjonijiet ta’ fondi pubbliċi.

83

L-appellanti jinvokaw ukoll l-għan politiku tal-ilment ifformulat kontra l-ewwel appellant kif ukoll it-trattament mogħti lilu fl-Eġittu li jikser ir-regoli tal-istat tad-dritt. Madankollu, huma ma jispeċifikawx x’kien l-argument li sar quddiem il-Qorti Ġenerali li għalih hija ma weġbitx u lanqas ma wrew kif il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

84

Finalment, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kellha tieħu inkunsiderazzjoni, meta stħarrġet l-iskrizzjoni fil-listi li jidhru fl-Anness tad-Deċiżjoni 2011/172 u tar-Regolament Nru 270/2011, l-implikazzjoni personali tal-persuna fiżika fir-realizzazzjoni ta’ atti previsti mil-leġiżlazzjoni rilevanti. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-kriterju previst fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172, li fuq il-bażi tiegħu jiġu ffriżati l-fondi u r-riżorsi kollha ta’ persuni jew entitajiet identifikati li huma responsabbli għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi Eġizzjani, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jippermetti li jkunu meħtieġa proċeduri ġudizzjarji konnessi ma’ proċeduri kriminali għal misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi bħala bażi għal miżuri restrittivi, mingħajr ma jkun meħtieġ li tiġi stabbilita implikazzjoni personali tal-persuna kkonċernata. Minn dan isegwi li l-ġurisprudenza invokata mill-appellanti u msemmija fil-punt 57 ta’ din is-sentenza ma hijiex rilevanti.

85

Fid-dawl ta’ dawn il-fatturi kollha, hemm lok li t-tieni aggravju jiġi miċħud.

Fuq it-tielet aggravju

L-argumenti tal-partijiet

86

Bit-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali, billi kkunsidrat li l-Kunsill ikkonforma ruħu mal-obbligu tiegħu ta’ motivazzjoni fid-Deċiżjoni 2011/172 u fir-Regolament Nru 270/2011, wettqet żball ta’ liġi.

87

Huma jsostnu li l-Kunsill iġġustifika l-inklużjoni tagħhom fil-listi li jidhru fl-Anness ta’ dawn l-atti permezz ta’ motivazzjoni unika u identika għal kull wieħed u waħda minnhom, jiġifieri kull persuna kienet “soġġetta għal proċedimenti ġudizzjarji mill-awtoritajiet Eġizzjani fir-rigward tal-misapproprjazzjoni ta’ Fondi tal-Istat abbażi tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-korruzzjoni”. Tali motivazzjoni hija vaga u ma tippermettix li jiġu identifikati r-raġunijiet “speċifiċi u konkreti” li għalihom il-miżuri restrittivi ġew imposti fuq l-appellanti. L-impreċiżjoni tal-motivazzjoni adottata mill-Kunsill hija aggravata bid-differenzi sostanzjali li hemm bejn il-verżjonijiet lingwistiċi tad-Deċiżjoni 2011/172 u tar-Regolament Nru 270/2011, u ċċaħħad lill-appellanti mill-possibbiltà li jiddefendu bl-aħjar mod id-drittijiet tagħhom.

88

Il-Kunsill jirrileva li l-appellanti ma jispjegawx kif il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonfermat il-validità tal-kliem tar-raġunijiet għall-iskrizzjoni. Fi kwalunkwe każ, l-appellanti kisbu d-dokumenti kollha li huma rilevanti għad-difiża tagħhom.

89

Huwa jenfasizza wkoll li hija l-ewwel darba li l-appellanti jinvokaw id-diffikultajiet maħluqa mid-differenzi li hemm bejn il-verżjonijiet lingwistiċi tad-Deċiżjoni 2011/172 u tar-Regolament Nru 270/2011. Huwa jfakkar li l-appellanti użaw dejjem il-lingwa Ingliża matul il-kawża, b’mod li huwa diffiċli li wieħed jara kif ir-riferiment għall-verżjoni Ingliża tal-miżuri kkontestati pprekludihom milli jiddefendu ruħhom fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli.

90

Il-Kummissjoni ssostni li l-motivazzjoni ta’ dawn l-atti kienet suffiċjenti.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

91

Fil-punti 107 sa 109 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta fakkret il-ġurisprudenza relatata mal-motivazzjoni tal-atti u, speċifikament, mal-atti li jimponu miżuri restrittivi bħal iffriżar ta’ assi.

92

Wara li, fil-punt 113 tas-sentenza appellata, stħarrġet ir-riferimenti marbuta mal-bażi legali tad-Deċiżjoni 2011/172 u tar-Regolament Nru 270/2011, hija vverifikat, fil-punt 114 ta’ din is-sentenza, li l-kunsiderazzjonijiet ta’ fatt li fuq il-bażi tagħhom il-Kunsill iddeċieda li jipproċedi bl-iffriżar tal-assi kienu suffiċjentement spjegati b’mod li l-appellanti setgħu jikkontestaw l-eżattezza tagħhom quddiem il-Kunsill, imbagħad quddiem il-qorti tal-Unjoni. Fil-punt 115 tal-istess sentenza, hija vverifikat li dawn il-kunsiderazzjonijiet ma kinux ta’ natura stereotipika, iżda kienu jiddeskrivu s-sitwazzjoni tal-appellanti.

93

Il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset, fil-punt 116 tas-sentenza appellata, li d-Deċiżjoni 2011/172 u r-Regolament Nru 270/2011 jinkludu l-punti ta’ liġi u ta’ fatt li, skont l-awtur tagħhom, jikkostitwixxu l-bażi u li l-kliem tagħhom juri b’mod ċar ir-raġunament segwit mill-Kunsill.

94

Għaldaqstant, hemm lok li t-tielet aggravju jiġi miċħud.

Fuq ir-raba ’ aggravju

L-argumenti tal-partijiet

95

Bir-raba’ aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali, billi qieset fil-punti 158 sa 185 tas-sentenza appellata li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-appellanti ma ġewx injorati, wettqet żball ta’ liġi.

96

Il-Qorti Ġenerali qieset, b’mod inkorrett, li d-Deċiżjoni 2011/172 u r-Regolament Nru 270/2011 kienu suffiċjentement motivati. Barra minn hekk, hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-appellanti rċevew kopja tat-talba għal assistenza ġudizzjarja biss erba’ xhur wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni u ta’ dan ir-regolament, jiġifieri wara d-data tal-preżentata tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali. L-informazzjoni pprovduta fl-ittra tad-29 ta’ Lulju 2011 hija inkompleta. Il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx jekk il-fatti, aċċettati mill-Kunsill, li fuqhom huma bbażati r-raġunijiet għall-iskrizzjoni tal-appellanti fil-listi li jidhru fl-Anness ta’ dawn l-atti, kinux stabbiliti. Il-konstatazzjoni tal-legalità tal-iskrizzjoni mill-Qorti Ġenerali tat-tieni sar-raba’ appellanti f’dawn il-listi hija bbażata fuq raġuni differenti minn dik li ngħatat mill-Kunsill.

97

Il-Kunsill isostni li l-appellanti ma jistabbilixxux kif dawn ġew preklużi milli jeżerċitaw b’mod sħiħ id-drittijiet tagħhom ta’ difiża u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, peress li dawn kienu f’pożizzjoni li jippreżentaw rikors għal annullament fit-terminu legalment stabbilit u, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, huma kkontestaw eżattament l-istess elementi li ġew lilhom ikkomunikati bi tweġiba għat-talbiet għal informazzjoni li huma bagħtu wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2011/172 u tar-Regolament Nru 270/2011.

98

Il-Kunsill u l-Kummissjoni jfakkru li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 164 u 165 tas-sentenza appellata, li l-Kunsill kien bagħat lill-appellanti d-dokumenti li kienu meħtieġa għad-difiża tagħhom. Issa, l-appellanti ma jikkontestawx dawn il-punti tas-sentenza appellata.

99

Fir-rigward tal-argumenti l-oħra, il-Kunsill isostni li dawn diġà ġew imwieġba fil-kuntest tal-aggravji l-oħra.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

100

Fil-punti 158 sa 185 tas-sentenza appellata, li huma previsti mir-raba’ aggravju, il-Qorti Ġenerali wieġbet għal tliet argumenti distinti invokati mill-appellanti.

101

Qabelxejn, fil-punti 159 sa 166 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li l-argument tal-appellanti, li l-provi li fuq il-bażi tagħhom ġew iffriżati l-assi tagħhom ma ġewx ikkomunikati lilhom, ma kienx fattibbli. Il-punti 164 u 165 tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kunsill kien bagħat lill-appellanti d-dokumenti neċessarji għad-difiża tagħhom, huma redatti kif ġej:

“164

Fil-fatt, minn naħa, minn atti tal-proċess jirriżulta li, permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Ġunju 2011 […], il-Kunsill irrisponda għat-talba tal-1 ta’ April 2011, billi indika li huwa bagħat lir-rikorrenti dokument bid-data ‘tat-13 ta’ Frar 2011 tal-Ministru Eġizzjan tal-Affarijiet Barranin li jinkludi talba tal-Avukat Ġenerali Eġizzjan li tirrigwarda l-iffriżar ta’ assi ta’ ċerti ex ministri u uffiċjali, ibbażata fuq il-Konvenzoni tan-Nazzjonijiet Unit kontra l-korruzzjoni, u li tinkludi [l-ewwel rikorrent] fil-lista tal-persuni kkonċernati’. Dan id-dokument bid-data tat-13 ta’ Frar 2011 kien mehmuż mal-ittra tal-Kunsill.

165

Min-naħa l-oħra, permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Lulju 2011 imsemmija fil-punt 125 iktar ’il fuq, il-Kunsill irrisponda, b’mod partikolari, għall-ittra tat-13 ta’ Mejju 2011. Fiha huwa stieden lill-uffiċċju ta’ avukati tar-rikorrenti sabiex jirreferi, mhux biss għall-‘informazzjoni [li kienet] diġà ġiet ikkomunikata fil-ittra preċedenti tal-Kunsill, datata tas-7 ta’ Ġunju 2011’, iżda wkoll għal ‘nota […] tal-missjoni Eġizzjana mingħand l-U[njoni] E[wropea] datata l-24 ta’ Frar 2011, li fiha talba għal assistenza ġudizzjarja maħruġa mill-Avukat Ġenerali Eġizzjan’. Din in-nota kif ukoll it-talba għal assistenza ġudizzjarja, deskritti, fil-punti 126 u 128 iktar ’il fuq, rispettivament, kienu mehmuża mal-imsemmija ittra tal-Kunsill.”

102

Peress li l-appellanti ma invokawx l-eżistenza ta’ żnaturament tal-fatti jew tal-provi, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 77 ta’ din is-sentenza, bħala inammissibbli sa fejn dan jirrigwarda l-punti 159 sa 166 tas-sentenza appellata.

103

Sussegwentement, fil-punti 167 sa 170 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet argument tal-appellanti li jirrigwarda n-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-Deċiżjoni 2011/172 u tar-Regolament Nru 270/2011.

104

F’dan ir-rigward, diġà ġie kkonstatat, fil-punt 93 ta’ din is-sentenza, li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset li dawn l-atti kienu suffiċjentement motivati skont il-liġi. Għaldaqstant, hemm lok li r-raba’ aggravju jiġi miċħud bħala infondat sa fejn dan jirrigwarda l-punti 167 sa 170 tas-sentenza appellata.

105

Finalment, fil-punti 171 sa 185 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali injorat diversi argumenti tal-appellanti intiżi sabiex juru l-ksur tad-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Fl-ambitu ta’ dan l-aggravju, l-appellanti jallegaw li l-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx il-fatt li huma ġew ipprovduti b’kopja tat-talba għal assistenza ġudizzjarja, li tikkostitwixxi l-prova prinċipali li fuqha d-Deċiżjoni 2011/72 u r-Regolament Nru 270/2011 huma bbażati, fid-29 ta’ Lulju 2011, jiġifieri iktar minn erba’ xhur wara l-adozzjoni ta’ dawn l-atti. Konsegwentement, l-appellanti jikkunsidraw li l-Kunsill ma weġibhomx “fi żmien utli”, kuntrarjament għall-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punt 182 tas-sentenza appellata.

106

Huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li l-appellanti ma invokawx dan l-argument quddiem il-Qorti Ġenerali, b’mod li ma jistgħux, fl-istadju tal-appell, jinvokaw l-eżistenza ta’ żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward.

107

Għaldaqstant, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud.

Fuq il-ħames aggravju

L-argumenti tal-partijiet

108

Bil-ħames aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-indħil fid-dritt għall-proprjetà tagħhom u/jew il-libertà tal-intrapriża tagħhom kien proporzjonat.

109

Il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx il-possibbiltà li jiġu użati miżuri inqas severi mill-miżura restrittiva sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija. Hija sempliċement tirrileva, fil-punt 207 tas-sentenza appellata, li l-appellanti ma stabbilixxewx li l-Kunsill seta’ jikkunsidra li jadotta miżuri inqas restrittivi, iżda ugwalment xierqa minn dawk previsti fid-Deċiżjoni 2011/172 u fir-Regolament Nru 270/2011.Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx is-sitwazzjoni ta’ kull wieħed u waħda mill-appellanti, meqjusa individwalment. Fl-assenza ta’ tali żbalji, il-Qorti Ġenerali kienet neċessarjament tikkonkludi li l-miżuri restrittivi inkwistjoni kienu jikkostitwixxu ndħil sproporzjonat fid-dritt għall-proprjetà u/jew fil-libertà tal-intrapriża tal-appellanti.

110

Il-Kunsill ifakkar li l-Qorti Ġenerali eżaminat fit-tul il-proporzjonalità tal-miżuri, fil-punti 187 sa 217 tas-sentenza appellata. Barra minn hekk, eżami tas-sitwazzjoni ta’ kull wieħed u waħda mill-appellanti ma kienx neċessarju, peress li l-miżuri restrittivi inkwistjoni ma jikkostitwixxux is-sanzjoni għal att mhux xieraq preżunt jew ipprovat u għalhekk ma għandhomx jiġu adattati għall-aġir tal-persuni suġġetti għalihom. F’dan ir-rigward, il-Kunsill jirrileva li l-appellanti ma invokawx lanqas l-iċken fatt li jiġġustifika tali trattament differenzjat, la quddiem il-Qorti Ġenerali u lanqas quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk, l-appellanti ma humiex korretti meta jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ma ħaditx inkunsiderazzjoni argument, inkwantu dan tal-aħħar ma ġie qatt imressaq quddiemha.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

111

Skont ġurisprudenza stabbilita, appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza li tagħha qed jintalab l-annullament kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Franza vs Monsanto u Il-Kummissjoni, C‑248/99 P, EU:C:2002:1, punt 68, kif ukoll Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 46).

112

Issa, l-appellanti ma jippreżentaw ebda argument ġuridiku intiż sabiex juri l-eżistenza ta’ żball ta’ liġi fil-punti 205 sa 209 tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti Ġenerali għamlet stħarriġ tal-proporzjonalità tal-miżuri restrittivi inkwistjoni. L-appellanti sempliċement jikkontestaw il-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li tinsab fil-punt 207 tas-sentenza appellata u mtennija fil-punt 109 ta’ din is-sentenza, li permezz tagħha hija tikkonstata li l-appellanti ma pprovdewx provi li jistabbilixxu li kien possibbli li jiġu adottati miżuri inqas restrittivi, mingħajr saħansitra ma ppruvaw juru li huma ppreżentaw tali provi quddiem il-Qorti Ġenerali.

113

Fir-rigward tas-sitwazzjoni personali ta’ kull wieħed u waħda mill-appellanti, huwa suffiċjenti li jitfakkar li l-fondatezza tal-iskrizzjoni tagħhom fil-listi li jidhru fl-Anness tad-Deċiżjoni 2011/172 u tar-Regolament Nru 270/2011 ġiet mistħarrġa mill-Qorti Ġenerali fit-tweġiba tagħha għar-raba’ motiv tar-rikors għal annullament. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali rreferiet għall-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni 2011/172 li jipprovdi li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, f’kull każ partikolari jawtorizzaw ir-rilaxx jew id-disponibbiltà ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati. L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 270/2011 jinkludi dispożizzjoni simili. Fid-dawl tal-għan speċifiku tal-iffriżar tal-fondi fir-rigward tal-appellanti kollha, jiġifieri l-immobilizzazzjoni ta’ assi li jistgħu jiddaħħlu fil-patrimonju tal-appellanti wara misapproprjazzjonijiet ta’ fondi pubbliċi mwettqa kontra l-interessi tal-awtoritajiet Eġizzjani, tan-natura temporanja u riversibbli tal-miżuri, enfasizzata fil-punt 209 tas-sentenza appellata, u ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li jippermettu rilaxx ta’ ċerti fondi f’kull każ partikolari, il-Qorti Ġenerali ma kinitx marbuta tistħarreġ il-proporzjonalità tal-miżura restrittiva fir-rigward ta’ kull wieħed u waħda mill-appellanti.

114

Minn dan jirriżulta li l-ħames aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondant.

Fuq is-sitt aggravju

L-argumenti tal-partijiet

115

Bis-sitt aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-Kunsill ma wettaqx żball manifest ta’ evalwazzjoni.

116

Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punti 235 u 236 tas-sentenza appellata, li l-Kunsill ikkonforma ruħu mal-kriterji ddefiniti fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172 u fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 270/2011. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 237 ta’ din is-sentenza, l-argumenti tal-Kunsill “[sostnew] li huwa l-Kunsill li għandu jivverifika jekk huma kinux kriminalment responsabbli għal misapproprazzjonijiet ta’ fondi tal-Istat Eġizzjan”.

117

Il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu li dawn l-argumenti diġà ġew imwieġba fil-kuntest tal-aggravji l-oħra tal-appell.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

118

Għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti jirreferu għall-argumentazzjoni tagħhom imressqa insostenn tat-tieni aggravju u jikkontestaw għalhekk l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar il-fondatezza tal-inklużjoni tagħhom fil-listi li jidhru fl-Anness tad-Deċiżjoni 2011/172 u tar-Regolament Nru 270/2011. Peress li din l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-eżami tat-tieni aggravju, isegwi li s-sitt aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

119

Peress li l-aggravji ġew ilkoll miċħuda, hemm lok li l-appell jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

120

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

121

Skont l-Artikolu 138(1) ta’ l-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba.

122

Peress li l-Kummissjoni talbet il-kundanna tal-appellanti u dawn tal-aħħar kellhom l-aggravji tagħhom miċħuda, hemm lok li l-appellanti jiġu kkundannati għall-ispejjeż.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Ahmed Abdelaziz Ezz u kif ukoll Abla Mohammed Fawzi Ali Ahmed, Khadiga Ahmed Ahmed Kamel Yassin u Shahinaz Abdel Azizabdel Wahab Al Naggar huma kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom, l-ispejjeż sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mill-Kummissjoni Ewropea.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.