Kawża C‑209/14

NLB Leasing d.o.o.

vs

Republika Slovenija

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vrhovno sodišče Republike Slovenije)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — VAT — Direttiva 2006/112/KE — Kunsinna ta’ oġġetti jew provvista ta’ servizzi — Kuntratt ta’ kiri (leasing) — Restituzzjoni lil sid il-kera ta’ proprjetà immobbli li hija s-suġġett ta’ kuntratt ta’ leasing — Kunċett ta’ ‘kanċellazzjoni, ċaħda jew nuqqas ta’ pagament totali jew parzjali’ — Dritt ta’ sid il-kera għat-tnaqqis tal-bażi taxxabbli — Taxxa doppja — Provvisti distinti — Prinċipju ta’ newtralità fiskali”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-2 ta’ Lulju 2015

  1. Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Tranżazzjonijiet taxxabbli – Akkwist ta’ investiment – Kunċett – Konklużjoni ta’ kuntratt ta’ leasing dwar proprjetà immobbli – Inklużjoni – Kundizzjonijiet

    (Direttiva tal-Kunsill 2006/112, Artikoli 2(1), 14 u 24(1))

  2. Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Valur taxxabbli – Tnaqqis fil-każ ta’ kanċellazzjoni, ċaħda jew tnaqqis tal-prezz – Persuna taxxabbli li effettivament irċeviet il-ħlasijiet kollha bħala korrispettiv tal-provvista pprovduta jew, mingħajr ċaħda jew kanċellazzjoni tal-kuntratt, parti oħra li ma għadhiex responsabbli li tħallasha l-prezz miftiehem – Assenza ta’ tnaqqis

    (Direttiva tal-Kunsill 2006/112, Artikolu 90(1))

  3. Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Prinċipju ta’ newtralità fiskali – Provvista ta’ leasing li tirrigwarda beni immobbli u trasferiment ta’ dawn il-beni immobbli lil terz għall-kuntratt ta’ leasing – Tassazzjoni distinta għall-finijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet – Verifika li taqa’ fuq il-qorti nazzjonali

    (Direttiva tal-Kunsill 2006/112, Artikolu 1(2))

  1.  L-Artikoli 2(1), 14 u 24(1) tad-Direttiva 2006/112, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandhom jiġu interpretati fis-sens li fil-każ li kuntratt ta’ leasing dwar proprjetà immobbli jkun jipprovdi jew it-trasferiment tad-dritt tal-proprjetà lil min ikun qiegħed jikri fit-tmiem dan il-kuntratt, jew li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ min ikun qiegħed jikri l‑karatteristiċi essenzjali tad-dritt tal-proprjetà ta’ din il-proprjetà immobbli, b’mod partikolari billi tiġi ttrasferita lil dan tal-aħħar il-parti l-kbira tal-benefiċċji u tar-riskji inerenti għall-proprjetà legali tal-imsemmija proprjetà immobbli, u s-somma aġġornata tal-pagamenti tkun prattikament identika għall-valur fis-suq tal-proprjetà, it-tranżazzjoni li tirriżulta minn tali kuntratt għandha tkun ekwivalenti għal tranżazzjoni ta’ akkwist ta’ investiment.

    (ara l-punt 32 u d-dispożittiv 1)

  2.  L-Artikolu 90(1) tad-Direttiva 2006/112, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jippermettix lil persuna taxxabbli li tnaqqas il-bażi taxxabbli tagħha meta din tal-aħħar effettivament tkun irċeviet il-ħlasijiet kollha bħala korrispettiv tal-provvista li hija pprovdiet jew meta, mingħajr ma l-kuntratt ġie miċħud jew ikkanċellat, il-parti l-oħra għall-kuntratt ma għadhiex responsabbli li tħallasha l-prezz miftiehem.

    (ara l-punt 38 u d-dispożittiv 2)

  3.  Il-prinċipju ta’ newtralità fiskali għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jipprekludix li, minn naħa, provvista ta’ leasing li tirrigwarda beni immobbli u, min-naħa l-oħra, it-trasferiment ta’ dawn il-beni immobbli lil terz (għall-kuntratt ta’ leasing) ikunu suġġetti għal tassazzjoni distinta għall-finijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud, sa fejn dawn it-tranżazzjonijiet ma jkunux jistgħu jitqiesu bħala li jifformaw provvista unika, u dan għandu jiġi evalwat mill-qorti tar-rinviju.

    (ara l-punt 44 u d-dispożittiv 3)