SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
tat-2 ta’ Ġunju 2016 ( *1 )
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Trasport bl-ajru — Regolament (KEE) Nru 95/93 — Allokazzjoni ta’ slots fl-ajruporti tal-Unjoni — Artikolu 4(2) — Indipendenza tal-koordinatur — Kunċett ta’ “parti interessata” — Korp ta’ amministrazzjoni ta’ ajruport — Separazzjoni funzjonali — Sistema ta’ finanzjament”
Fil-Kawża C‑205/14,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fl-24 ta’ April 2014,
Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Guerra u Andrade u F. Wilman, bħala aġenti,
rikorrenti,
vs
Ir-Repubblika Portugiża, irrappreżentata minn L. Inez Fernandes u V. Moura Ramos, bħala aġenti,
konvenuta,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn T. von Danwitz, President tar-Raba’ Awla, li qed jaġixxi bħala President tal-Ħames Awla, D. Šváby (Relatur), A. Rosas, E. Juhász u C. Vajda, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Ġunju 2015,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tas-17 ta’ Settembru 2015,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Bir-rikors tagħha, il‑Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma ggarantixxietx l-indipendenza funzjonali u finanzjarja tal-koordinatur tal-islots, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93, tat-18 ta’ Jannar 1993, dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 2, p. 3), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 545/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Ġunju 2009 (ĠU 2009, L 167, p. 24) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 95/93”). |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
2 |
It-tieni, il-ħames, is-sitt, it-tmien u l-għaxar premessi tar-Regolament Nru 95/93 huma fformulati kif ġej: “[...] l-allokazzjoni ta’ slots fl-ajruporti b’konġestjoni għandha tkun ibbażata fuq regoli newtrali, trasparenti u mhux diskriminatorji; [...] [...] l-Istat Membru responsabbli għall-ajruport ikkoordinat għandu jassigura n-nomina ta’ koordinatur li ma jkun hemm l-ebda dubju dwar in-newtralità tiegħu; [...] t-trasparenza ta’ l-informazzjoni hi element essenzjali biex tiġi assigurata proċedura oġġettiva għall-allokazzjoni ta’ slots; [...] [...] hija l-politika tal-Komunità li tiġi ffaċilitata l-kompetizzjoni u li jkun inkoraġġit dħul fis-suq, [...] dawn l-oġġettivi jeħtieġu appoġġ qawwi għall-dawk li jagħmlu l-ġarr li jkunu beħsiebhom jibdew operazzjonijiet fuq rotot ġewwa l-Komunità; [...] [...] għandu ukoll ikun hemm dispożizzjonijiet li jippermettu applikanti ġodda fis-suq tal-Komunità”. |
3 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament jagħti, għall-finijiet tiegħu, inter alia d-definizzjonijiet li ġejjin:
[...]
[...]
[...]” |
4 |
L-Artikolu 4 tal-istess regolament, intitolat “Il-faċilitatur ta’ l-iskedi u l-kordinatur”, huwa fformulat kif ġej: “1. L-Istat Membru responsabbli għal ajruport [...] kordinat għandu jiżgura l-ħatra ta’ persuna kwalifikata naturali jew ġuridika bħala faċilitatur [...], wara li jkun ikkonsulta mal-ġarriera ta’ l-ajru li jużaw l-ajruport regolarment, l-organizzazzjonijiet rappresentattivi tagħhom u l-korp li jimmaniġġa ta’ l-ajruport u l-kumitat ta’ kordinament, fejn dak il-kumitat ikun jeżisti. L-istess [...] kordinatur jista’ jinħatar għal aktar minn ajruport wieħed. 2. L-Istat Membru responsabbli għal ajruport [...] kordinat għandu jiżgura: [...]
[...] 5. Il-kordinatur għandu jkun il-persuna unika responsabbli għall-allokazzjoni tal-perjodi ta’ użu ta’ l-iskeda [slots]. Huwa għandu jalloka l-perjodi ta’ użu tal-iskeda skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhu jieħu ħsieb sabiex, fil-każ ta’ emerġenza, il-perjodi ta’ użi tal-iskeda jiġu wkoll allokati barra ħinijiet tal-uffiċċju. 6. [...] Il-kordinatur għandu jimmonitorja l-konformità ta’ l-operazzjonijiet tal-ġarriera mal-perjodi ta’ użu ta’ l-iskeda allokati lilhom. Dawn il-verifiki ta’ konformità għandhom jitwettq b’koperazzjoni mal-korp li jimmaniġġa ta’ l-ajruport u l-awtoritajiet tal-kontroll tat-traffiku ta’ l-ajru u għandhom jagħtu kont tal-ħin u ta’ parametri oħra rilevanti li jirrelataw ma’ l-ajruport konċernat. [...] [...] 8. Il-kordinatur għandu fuq talba u fi żmien raġonevoli jagħmel disponibbli mingħajr ħlas għar-reviżjoni minn partijiet interessati[,] b’mo[d] partikolari lill-membri jew osservaturi tal-kumitat ta’ kordinament, jew f’forma bil-miktub jew f’xi forma oħra faċilment aċċessibbli, l-informazzjoni li ġejja:
|
5 |
L-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 95/93 jipprovdi: “F’ajruport kordinat, l-Istat Membru responsabbli għandu jiżgura li jitwaqqaf kumitat ta’ kordinament. L-istess kumitat ta’ kordinament jista’ jinħatar għal aktar minn ajruport wieħed. Is-sħubija f’dan il-kumitat għandha tkun miftuħa ta’ l-anqas għall-ġarriera ta’ l-ajru li jużaw l-ajruport/i in kwistjoni regolarment u l-organizzazzjonijiet rappresentattivi tagħhom, il-korp li jimmaniġġa ta’ l-ajruport konċernat, l-awtoritajiet rilevanti tal-kontroll tat-traffiku ta’ l-ajru u r-rappresentanti ta’ l-avjazzjoni ġenerali li jużaw l-ajruport regolarment. […]” |
Id-dritt Portugiż
6 |
Id-Decreto Lei no 109/2008 (Digriet-Liġi Nru 109/2008), tas-26 ta’ Ġunju 2008 (Diário da República, Serje 1, Nru 122, tas-26 ta’ Ġunju 2008, p. 3965), jagħżel, fl-Artikolu 1(1) tiegħu, l-ajruporti kkoordinati, konformement mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 95/93. |
7 |
L-Artikolu 1(2) u (4) ta’ dan id-digriet-liġi jaħtar lil Aeroportos de Portugal SA (iktar ’il quddiem “ANA”) bħala koordinatur għall-allokazzjoni ta’ slots fl-ajruporti kkoordinati. ANA, kumpannija kummerċjali rregolata mid-dritt privat, hija wkoll il-korp ta’ amminstrazzjoni tal-ajruporti Portugiżi. |
8 |
L-Artikolu 5 ta’ dan l-istess digriet-liġi, intitolat “Indipendenza”, jipprovdi: “1. Fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha [...] ta’ koordinatur nazzjonali għall-allokazzjoni tal-islots, ANA [...] għandha tiżgura li din l-attività tkun indipendenti mill-attività tagħha ta’ amministratur ta’ ajruport permezz ta’ separazzjoni xierqa. 2. Għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu preċendenti, ANA [...] għandha tiggarantixxi din l-indipendenza, tal-inqas fuq livell funzjonali, u żżomm kontabbiltà speċifika għall-attivitajiet marbuta mal-koordinament tal-islots, strettament separata minn dik tal-attivitajiet l-oħra.” |
9 |
L-Artikolu 8 tad-Digriet-Liġi Nru 109/2008, intitolat “Kontroll u Sorveljanza”, huwa redatt fit-termini li ġejjin: “1. L-Instituto Nacional de Aviação Civil IP (istitut nazzjonali tal-avjazzjoni ċivili, il-Portugall), huwa inkarigat bil-kontroll u bis-sorveljanza tal-allokazzjoni ta’ slots kif ukoll bis-sorveljanza tal-użu tagħhom mit-trasportaturi tal-ajru. [...] 4. Barra minn hekk, huwa l-kompitu tal-Istitut nazzjonali tal-avjazzjoni ċivili li jiżgura l-osservanza tal-kundizzjonijiet u tar-rekwiżiti ta’ indipendenza previsti fl-Artikolu 5; għal dan l-għan, huwa jista’ jinkariga awditur indipendenti sabiex jivverifika l-assenza ta’ flussi finanzjarji bejn il-prestazzjoni ta’ servizzi ta’ koordinazzjoni tal-islots u l-attivitajiet l-oħra.” |
10 |
L-Artikolu 9 ta’ dan id-digriet-liġi, intitolat “Istanzi ta’ ksur”, jipprevedi: “1. Għall-finijiet tal-applikazzjoni tas-sistema relatata mal-istanzi ta’ ksur tal-avjazzjoni ċivili, approvata mid-Digriet-Liġi Nru 10/2004, tad-9 ta’ Jannar 2004, il-każijiet li ġejjin jikkostitwixxu istanzi ta’ ksur serji ħafna:
[...]” |
11 |
L-Artikolu 10 tad-Digriet-Liġi Nru 109/2008, relatat mat-trattament ta’ istanzi ta’ ksur, jipprovdi: “1. Huwa l-kompitu tal-istitut nazzjonali tal-avjazzjoni ċivili li jistabbilixxi u jmexxi l-proċeduri ta’ ksur relatati mal-istanzi ta’ ksur previsti minn dan id-digriet-liġi kif ukoll li japplika l-multi korrispondenti u s-sanzjonijiet aċċessorji. [...]” |
12 |
L-Artikolu 11 tal-istess digriet-liġi, intitolat “Tariffi”, huwa redatt kif ġej: “1. Il-provvista tas-servizzi ta’ koordinazzjoni u ta’ allokazzjoni ta’ slots hija suġġetta, inkambju għall-użu tagħhom, għal tariffa għall-allokazzjoni tal-islots, imħallsa fl-istess waqt tat-tariffi għall-inżul u għat-tlugħ, għal kull operazzjoni, u stabbilita b’digriet tal-Ministru responsabbli mill-avjazzjoni ċivili. [...] 3. It-tariffa prevista fil-paragrafu 1 tikkostitwixxi dħul ta’ ANA [...]” |
13 |
Fir-rigward ta’ ANA, skont ir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Ministri Nru 111-F/2012 (Diário da República, Serje 1, Nru 251, tat-28 ta’ Diċembru 2012), ir-Repubblika Portugiża ddeċidiet li tassenja sa 100 % tal-kapital azzjonarju ta’ ANA, li tiegħu hija kienet il-proprjetarja, lil VINCI-Concessions SAS. Fuq il-bażi ta’ din id-deċiżjoni, ANA ġiet ipprivatizzata fil-21 ta’ Frar 2013. |
Il-proċedura prekontenzjuża
14 |
Fuq il-bażi tal-informazzjoni dwar l-allokazzjoni ta’ slots fl-ajruporti li jinsabu fil-Portugall, il‑Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Portugiża, fit-30 ta’ April 2012, ittra ta’ intimazzjoni li fiha hija allegat li diviżjoni li kienet inħolqot fi ħdan l-istruttura ta’ ANA għat-twettiq tal-kompiti li jaqgħu taħt il-funzjoni ta’ koordinatur għall-allokazzjoni tal-islots (iktar ’il quddiem id-“DCNS”) ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti ta’ indipendenza imposti mill-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 95/93. |
15 |
Il‑Kummissjoni sostniet partikolarment li, ladarba d-DCNS kienet diviżjoni ta’ ANA, ma kienx hemm separazzjoni funzjonali fis-sens tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament. Barra minn hekk, il-finanzjament tad-DCNS ma huwiex adattat sabiex jiżgura l-indipendenza tagħha. Fil-fatt, tali indipendenza tista’ tkun żgurata biss permezz ta’ kontabbiltà u ta’ baġit speċifiċi għad-DCNS. Issa, skont il‑Kummissjoni, id-DCNS kienet kompletament iffinanzjata minn ANA u t-tariffa għall-allokazzjoni tal-islots prevista fl-Artikolu 11 tad-Digriet-Liġi Nru 109/2008 ma ġiet qatt stabbilita. |
16 |
Ir-Repubblika Portugiża wieġbet permezz tal-ittra tad-19 ta’ Lulju 2012. Hija rreferiet għall-Artikolu 5 tad-Digriet-Liġi Nru 109/2008, li jipprovdi li ANA għandha tiżgura l-indipendenza tal-attività tagħha tal-amminstrazzjoni ta’ ajruport mill-funzjonijiet tagħha ta’ koordinatur għall-allokazzjoni tal-islots. |
17 |
Skont ir-Repubblika Portugiża, id-DCNS, għalkemm tagħmel parti integrali minn ANA, teżerċita l-attività ta’ koordinatur b’mod indipendenti ladarba hija għandha r-riżorsi umani proprji tagħha u żżomm kontabbiltà separata minn dik ta’ ANA. Minħabba dan il-fatt, l-indipendenza tal-koordinatur hija żgurata fil-livell kemm funzjonali u kif ukoll finanzjarju. |
18 |
Peress li qieset li din it-tweġiba ma kinitx suffiċjenti, il‑Kummissjoni indirizzat lir-Repubblika Portugiża opinjoni motivata fil-25 ta’ Jannar 2013, li fiha hija sostniet l-ilment preċedentement ifformulat u stiednet lill-istess Stat Membru sabiex jagħmel l-osservazzjonijiet tiegħu f’terminu ta’ xahrejn dekorribbli mill-jum li fih jirċievi din l-opinjoni. |
19 |
Ir-Repubblika Portugiża wieġbet għal din fis-27 ta’ Marzu 2013, fejn hija sostniet mill-ġdid il-perspettiva inizjali tagħha. Madankollu, billi rrikonoxxiet il-ħtieġa, wara l-privatizzazzjoni ta’ ANA, li toħloq korp ġdid inkarigat bil-koordinazzjoni tal-islots, hija indikat li kienet żgurat l-istabbiliment ta’ dan il-korp ġdid. Sussegwentement, hija pprovdiet nota ta’ sinteżi rigward il-ħolqien ta’ dan il-korp. |
20 |
Peress li qieset li t-tweġibiet mogħtija għall-opinjoni motivata ma kinux sodisfaċenti, il‑Kummissjoni ppreżentat ir-rikors preżenti. |
Fuq ir-rikors
21 |
Il‑Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Portugiża ma tiżgurax l-indipendenza funzjonali u finanzjarja tal-koordinatur għall-allokazzjoni tal-islots, u dan imur kontra dak previst fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 95/93. |
Fuq l-ewwel ilment, dwar is-separazzjoni funzjonali tal-koordinatur minn kull parti interessata
L-argumenti tal-partijiet
22 |
Fil-kuntest tal-ewwel ilment tagħha, il‑Kummissjoni tikkritika lir-Repubblika Portugiża li ma żguratx l-indipendenza tal-koordinatur permezz tas-separazzjoni funzjonali tiegħu minn kull parti interessata skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 95/93. |
23 |
Hija ssostni li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata f’sens wiesa’ fid-dawl tal-għan ta’ dan ir-regolament. F’dan il-kuntest, l-indipendenza tal-koordinatur tipprevedi kemm il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni kif ukoll l-imparzjalità tal-koordinatur, it-trasparenza tal-informazzjoni, l-assenza ta’ distribuzzjoni mhux ugwali tal-vantaġġi tal-liberalizzazzjoni u ta’ distorzjoni tal-kompetizzjoni, l-effettività tal-amministrazzjoni tal-islots u l-aċċess għas-suq tal-Unjoni Ewropea ta’ operaturi ġodda. |
24 |
It-terminu “indipendenza” jimplika, skont il‑Kummissjoni, li l-koordinatur għandu jkollu status li jippermettilu li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu b’mod għalkollox liberu u awtonomu, mingħajr ebda struzzjoni jew pressjoni. Fil-fatt, mir-rwol ċentrali tal-koordinatur fl-allokazzjoni tal-islots jirriżulta li s-sempliċi riskju li ma jkunx jista’ jaġixxi b’mod għalkollox liberu huwa suffiċjenti sabiex l-eżerċizzju indipendenti tal-attivitajiet tiegħu jiġi ostakolat. |
25 |
Il‑Kummissjoni tispeċifika li, fir-rigward tar-rekwiżit tas-separazzjoni funzjonali, l-espressjoni “xi parti waħda interessata”, fis-sens tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 95/93, li għandha tingħata sens wiesa’, tinkludi mhux biss lit-trasportaturi tal-ajru li huma direttament affettwati mid-deċiżjonijiet tal-koordinatur, iżda wkoll lil kull persuna li jista’ jkollha interess fil-mod li bih il-koordinatur jalloka slots f’ajruport ikkoordinat. F’dan ir-rigward, hija tenfasizza li l-korp ta’ amministrazzjoni tal-ajruport ikkonċernat, li jista’ jkollu tali interess, fuq il-bażi, pereżempju, tal-profitt mill-attivitajiet ta’ koordinazzjoni tal-islots, fil-forma ta’ tariffi tal-ajruport, għandu, bħala tali, jitqies bħala parti interessata, mingħajr ma hija meħtieġa l-prova tal-eżistenza ta’ tali interess. Għalhekk, huwa indispensabbli li l-koordinatur ikun indipendenti minn dan il-korp ta’ amministrazzjoni. |
26 |
Issa, f’dan il-każ, id-Digriet-Liġi Nru 109/2008 jistabbilixxi biss regola ġenerali intiża għall-indipendenza tal-koordinatur. Skont il‑Kummissjoni, skont dan id-digriet-liġi, ladarba ANA stess hija l-koordinatur, hija għandha wkoll tiżgura l-indipendenza tal-attivitajiet tal-koordinatur minn dawk tal-korp ta’ amministrazzjoni. F’dan ir-rigward, il‑Kummissjoni tallega li r-Repubblika Portugiża ma setgħetx tippreċiża, minn naħa, b’liema mod ANA kienet żgurat l-indipendenza tal-attivitajiet tad-DCNS, parti integrali minn ANA li magħha hija taqsam il-persunal u l-istrutturi, minn ANA nnifisha, u, min-naħa l-oħra, x’garanziji kienu jeżistu f’dan ir-rigward. |
27 |
Barra minn hekk, il‑Kummissjoni tenfasizza li l-Código português das sociedades comerciais (kodiċi Portugiż tal-kumpanniji kummerċjali) jipprevedi li l-bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata, bħal ANA, għandha tiġġestixxi l-attivitajiet tagħha, u dan jimplika li r-rapport u l-kontijiet annwali ta’ diviżjoni tagħha, bħad-DCNS, huma suġġetti għal eżami minn dan il-bord, bil-konsegwenza li d-DCNS ma tistax teżerċita l-attività tagħha b’mod awtonomu u separat minn din il-kumpannija. |
28 |
Għar-Repubblika Portugiża, id-DCNS tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 95/93. Hija ssostni li ANA, bħala korp ta’ amministrazzjoni, ma tistax titqies li hija parti interessata li minnha d-DCNS għandha tiġi sseparata u, ladarba r-Regolament Nru 95/93 ma jiddefinixxix min għandu jiġi kklassifikat bħala parti interessata, għandha ssir evalwazzjoni każ b’każ, possibbiltà li l‑Kummissjoni ma pprevedietx. |
29 |
F’dan il-każ, il-klassifikazzjoni ta’ ANA bħala parti interessata teżiġi d-determinazzjoni u l-evalwazzjoni konkreta tal-interess tagħha, dirett jew indirett, fil-proċess ta’ allokazzjoni tal-islots. Issa, ANA, korp ta’ amministrazzjoni ta’ ajruport, tibbenefika biss indirettament mill-attività ta’ koordinazzjoni tal-islots u unikament fir-rigward tad-dħul tat-tariffi tal-ajruport, li huwa marbut man-numru ta’ utenti. Minħabba f’hekk, huwa ftit probabbli li ANA tiffavorixxi individwalment li xi wieħed jew ieħor mill-utenti tal-ajruport meta hija ma tikseb ebda vantaġġ minn dan. Ikun mod ieħor kieku ANA kellha sehem fil-kapital ta’ trasportatur tal-ajru, li ma huwiex il-każ f’dan il-każ. |
30 |
Billi tqis li ANA tista’ tiġi kkunsidrata bħala parti interessata, ir-Repubblika Portugiża tiżgura l-indipendenza tal-koordinatur, prevista fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 95/93. Skont dan l-Istat Membru, din id-dispożizzjoni ma timponix li l-koordinatur ikun korp ġuridiku distint mill-korp ta’ amministrazzjoni tal-ajruport, iżda teħtieġ sempliċement separazzjoni funzjonali. Issa, hemm tassew separazzjoni funzjonali bejn ANA u d-DCNS, peress li d-DCNS għandha awtonomija teknika, funzjonali, organizzattiva u amminstrattiva ġenwina fir-rigward tal-attivitajiet marbuta mal-allokazzjoni tal-islots u peress li, minħabba f’hekk, id-deċiżjonijiet tagħha ma huma bl-ebda mod suġġetti għal xi evalwazzjoni jew approvazzjoni ta’ ANA. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
31 |
Fi kliem l-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 95/93, l-Istat Membru kkonċernat għandu jiżgura “l-indipendenza tal-kordinatur [...] billi funzjonalment il-kordinatur jiġi separat minn xi parti waħda interessata”. |
32 |
Għalhekk, għandu jiġi vverifikat, fil-kuntest tal-ewwel ilment, jekk ANA, bħala korp ta’ amministrazzjoni ta’ ajruport, għandhiex titqies bħala “parti interessata”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u, fil-każ affermattiv, jekk ir-Repubblika Portugiża pprevedietx il-garanziji neċessarji sabiex tiżgura s-separazzjoni funzjonali tal-koordinatur minn dik il-parti interessata. |
33 |
B’mod preliminari, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 95/93 ma jinkludix definizzjoni tal-kunċett ta’ “separazzjoni funzjonali” tal-koordinatur, lanqas ta’ dak ta’ “parti interessata”, li minnu dan għandu jiġi sseparat. Sabiex tiġi ddeterminata l-portata ta’ dawn il-kunċetti, għandhom, għalhekk, jitqiesu mhux biss il-kliem tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 95/93 u l-għan tal-indipendenza tal-koordinatur minn kull parti interessata fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, iżda wkoll ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 4(2)(ċ) ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tippreċiża li jeħtieġ li “l-kordinatur jaġixxi skont dan ir-Regolament b’mod newtrali, non-diskriminatorju u trasparenti”, billi dawn it-tliet elementi huma għalhekk inerenti għan-natura indipendenti tal-funzjoni tal-koordinatur. |
34 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tan-newtralità tal-koordinatur, mill-ħames premessa tar-Regolament Nru 95/93 jirriżulta li fir-rigward tagħha ma għandu jkun hemm “l-ebda dubju”. Huwa paċifiku li tali rekwiżit għandu jiġi żgurat fir-rigward ta’ kull parti interessata. |
35 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, konformement mas-sitt premessa tar-Regolament Nru 95/93, it-trasparenza tal-informazzjoni “hi element essenzjali biex tiġi assigurata proċedura oġġettiva għall-allokazzjoni ta’ slots”. |
36 |
Fit-tielet lok, sabiex il-koordinatur ikun jista’ jsegwi b’mod effettiv l-għanijiet tar-Regolament Nru 95/93, l-oġġettività tal-proċedura ta’ allokazzjoni ta’ slots teżiġi li l-kompiti mogħtija lilu minn dan ir-regolament jiġu eżerċitati mingħajr ebda pressjoni. |
37 |
L-approċċ funzjonali tal-indipendenza tal-koordinatur huwa għalhekk ikkaratterizzat, partikolarment, mill-obbligu tal-allokazzjoni oġġettiva u trasparenti tal-islots lil kull applikant għall-allokazzjoni ta’ tali slots. |
38 |
Fir-rigward tal-kunċett ta’ “parti interessata”, il‑Kummissjoni tafferma li dan il-kunċett għandu jingħata sens wiesa’ b’mod li dan ikopri ċirku wiesa’ ta’ persuni, fosthom korp ta’ amministrazzjoni ta’ ajruport. |
39 |
Mill-banda l-oħra, ir-Repubblika Portugiża ssostni li l-klassifikazzjoni ta’ parti interessata għandha tiġi evalwata każ b’każ, fuq il-bażi ta’ verifika konkreta, b’mod li hija l-Kummissjoni li għandha turi li, f’dan il-każ, il-korp ta’ amministrazzjoni għandu interess fl-allokazzjoni tal-islots. |
40 |
Issa, dan l-argument tal-aħħar għandu mill-bidu nett jiġi miċħud. Fil-fatt, fid-dawl tal-iskop tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 95/93 li tiġi żgurata n-newtralità mingħajr dubju tal-koordinatur, għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex teskludi kull riskju li dan ma jwettaqx il-kompiti tiegħu b’mod indipendenti. |
41 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li “parti interessata” għandha tinftiehem bħala kull korp li l-interessi tiegħu jistgħu jiġu affettwati mill-allokazzjoni tal-islots. Kif il‑Kummissjoni ssostni, dan huwa l-każ fir-rigward tal-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti. |
42 |
Fil-fatt, minn naħa, mill-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 95/93 u minn qari konġunt tal-Artikoli 4(8) u 5(1) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti huma, bħat-trasportaturi tal-ajru, inklużi fiċ-ċirku tal-korpi li għandhom id-dritt li jiġu kkonsultati qabel il-ħatra tal-koordinatur u li jiġu informati partikolarment fir-rigward tal-islots mitluba, allokati u wkoll disponibbli. Dan il-fatt jikkonferma li r-Regolament Nru 95/93 huwa bbażat fuq il-premessa li l-interessi tal-korp ta’ amministrazzjoni ta’ ajruport jistgħu jiġu affettwati mill-allokazzjoni tal-islots li għaliha huwa responsabbli l-koordinatur. |
43 |
Min-naħa l-oħra, kif il‑Kummissjoni ssostni, il-korp ta’ amministrazzjoni ta’ ajruport jista’ jkollu interess li l-islots jingħataw lil ċertu trasportatur tal-ajru, anki fl-assenza ta’ sehem dirett jew indirett fil-kapital tiegħu, billi tali interess jista’ jirriżulta, bħala eżempju, mill-kuntratti ta’ lokazzjoni ta’ spazju fl-ajruport konklużi bejn ċertu trasportatur tal-ajru u l-korp ta’ amministrazzjoni jew mix-xewqa ta’ dan tal-aħħar li l-ajruport inkwistjoni jsir ajruport ċentrali ta’ ċertu trasportatur tal-ajru. |
44 |
Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li ANA, bħala korp ta’ amministrazzjoni ta’ajruport fil-Portugall, għandu jitqies “parti interessata”, fis-sens tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 95/93. |
45 |
Fid-dawl ta’ din il-konstatazzjoni, għandu jiġi eżaminat jekk id-Digriet-Liġi Nru 109/2008 stabbilixxiex suffiċjentement skont il-liġi l-garanziji li jistgħu jiżguraw is-separazzjoni funzjonali tal-koordinatur, fis-sens ta’ din d-dispożizzjoni. |
46 |
Għandu jiġi rrilevat li, skont id-Digriet-Liġi Nru 109/2008, hija ANA, inkarigata bl-eżerċizzju kemm tal-funzjonijiet ta’ koordinatur kif ukoll ta’ dawk ta’ amministratur ta’ ajurport, li, skont l-Artikolu 5(1) u (2) ta’ dan id-digriet-liġi, għandha tiżgura li l-attività ta’ koordinatur tkun indipendenti mill-attività tagħha ta’ amministratur tal-ajruport minħabba separazzjoni xierqa u hija wkoll ANA li għandha tiggarantixxi din l-indipendenza, tal-inqas fil-livell funzjonali. Barra minn hekk, dan id-digriet-liġi jistabbilixxi, fl-Artikolu 8 tiegħu, il-korp ta’ kontroll u ta’ sorveljanza tal-allokazzjoni tal-islots u jiddefinixxi, fl-Artikoli 9 u 10 tiegħu, istanzi ta’ ksur serji kif ukoll il-mod li bih dan il-korp għandu jittrattahom. |
47 |
Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-garanziji previsti mil-leġiżlazzjoni Portugiża inkwistjoni ma humiex, minħabba n-natura vaga tagħhom, suffiċjenti sabiex jiżguraw b’mod effettiv is-separazzjoni funzjonali meħtieġa mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 95/93. Fil-fatt, din il-leġiżlazzjoni tistrieħ, essenzjalment, biss fuq l-awtolimitazzjoni ta’ ANA, mingħajr impożizzjoni fuqha, f’dan ir-rigward, ta’ qafas adegwat u preċiż. |
48 |
Jekk jitqies li huwa veru li, kif issostni r-Repubblika Portugiża, ebda pressjoni min-naħa ta’ ANA ma ġiet qatt eżerċitata fil-prattika u li l-Istitut nazzjonali tal-avjazzjoni ċivili, bħala korp regolatorju tas-settur tal-avjazzjoni ċivili fil-Portugall, ma rċieva qatt l-inqas ilment relatat mal-azzjoni tal-koordinatur, tali allegazzjonijiet fattwali huma ineffettivi, fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk ir-Repubblika Portugiża pprevedietx regoli tad-dritt neċessarji sabiex tiġi żgurata l-indipendenza tal-koordinatur minn kull parti interessata. |
49 |
Konsegwentement, peress li d-Digriet-Liġi Nru 109/2008 ma pprevediex regoli tad-dritt suffiċjentement konkreti sabiex tiġi żgurata “l-indipendenza tal-kordinatur [...] billi funzjonalment il-kordinatur jiġi separat minn xi parti waħda interessata”, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 95/93, hemm lok li l-ewwel ilment tal-Kummissjoni jitqies li huwa fondat. |
Fuq it-tieni lment, dwar is-sistema ta ’ finanzjament tal-koordinatur
L-argumenti tal-partijiet
50 |
L-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 95/93 jeżiġi li s-sistema ta’ finanzjament tal-attività tal-koordinatur għandha tkun adegwata sabiex tiżgura l-indipendenza tiegħu. Dan jimplika, skont il‑Kummissjoni, li l-koordinatur għandu jżomm kontijiet separati, jiġġestixxi baġits distinti u, partikolarment, li l-finanzjament tal-attivitajiet tiegħu ma jkunux jiddependu fuq partijiet interessati jew fuq parti waħda interessata, f’dan il-każ il-korp ta’ amministrazzjoni tal-ajruport. Issa, f’dan il-każ, il-finanzjament tal-koordinatur jiddependi biss fuq dan il-korp u l-baġit tiegħu huwa approvat minn dan tal-aħħar. Barra minn hekk, anki jekk il-koordinatur jikkostitwixxi ċentru ta’ spejjeż speċifiku, l-ispejjeż kollha tiegħu huma sostnuti mill-korp ta’ amministrazzjoni, u dan ma jippermettix li jiġi konkluż li s-sistema ta’ finanzjament tal-koordinatur hija indipendenti minn dan il-korp. |
51 |
Skont ir-Repubblika Portugiża, is-sistema ta’ finanzjament adegwata sabiex tiżgura l-indipendenza tal-koordinatur, kif prevista fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 95/93, tikkostiwixxi biss sempliċi indikatur li jippermetti li jitkejjel il-grad ta’ indipendenza tal-koordinatur, u mhux rekwiżit legali essenzjali. In-nuqqas ta’ stabbiliment tat-tariffa għall-allokazzjoni tal-islots ma jippermettix għalhekk li jiġi konkluż li d-DCNS ma hijiex indipendenti. |
52 |
Ir-Repubblika Portugiża tallega li, f’dan il-każ, hemm separazzjoni stretta kontabbli bejn l-attivitajiet tad-DCNS u dawk ta’ ANA, li hija tali li d-DCNS tikkostitwixxi ċentru ta’ spejjeż speċifiku. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
53 |
Fi kliem it-tieni sentenza tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 95/93, “[i]s-sistema tal-finanzjament ta’ l-attivitajiet tal-kordinatur għandha tkun tali li tiggarantixxi l-istatus indipendenti tal-kordinatur”. |
54 |
F’dan il-każ, ANA hija parti interessata, hekk kif jirriżulta mill-punt 43 ta’ din is-sentenza. Għalhekk, huwa indispensabbli li d-DCNS ikollha l-kontijiet tal-baġit u tar-riżorsi finanzjarji tagħha sabiex tiżgura li twettaq il-funzjonijiet tagħha ta’ koordinatur konformement mar-Regolament Nru 95/93, mingħajr ebda influwenza min-naħa ta’ ANA. |
55 |
Issa, b’mod partikolari, mekkaniżmu ta’ finanzjament permezz ta’ riżorsi tagħha huwa nieqes f’dan il-każ. Fil-fatt, huwa paċifiku li l-leġiżlazzjoni Portugiża ma tipprevedix tali mekkaniżmu u li r-riżorsi tad-DCNS joriġinaw biss minn ANA. |
56 |
Barra minn hekk, ir-Repubblika Portugiża ma tikkontestax li l-adozzjoni tal-baġit ta’ funzjonament u tal-kontijiet annwali tal-koordinatur taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-bord tad-diretturi ta’ ANA. |
57 |
Fir-rigward tal-argument tar-Repubblika Portugiża li d-DCNS tikkostitwixxi ċentru ta’ spejjeż speċifiku, dan il-fatt ma jistax waħdu jaffettwa l-konklużjoni li l-koordinatur huwa ffinanzjat kompletament minn parti interessata, f’dan il-każ minn ANA. Għalhekk, is-sistema ta’ finanzjament tal-attivitajiet tal-koordinatur ma hijiex adegwata sabiex tiżgura l-indipendenza tiegħu skont kif meħtieġ mit-tieni sentenza tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 95/93. |
58 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni lment tal-Kummissjoni għandu jitqies li huwa fondat. |
Fuq it-talbiet aċċessorji tar-Repubblika Portugiża
59 |
B’mod aċċessorju, ir-Repubblika Portugiża titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara, minn naħa, li, “fil-Portugall, il-koordinatur attwali jiżgura l-osservanza tar-rekwiżiti dwar l-indipendenza funzjonali prevista fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 95/93” u, min-naħa l-oħra, li “r-Repubblika Portugiża tissodisfa l-obbligi li hija għandha taħt ir-Regolament Nru 95/93”. |
60 |
Fir-rigward ta’ dawn it-talbiet, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ talba li ma tkunx tressqet mill-Kummissjoni. Dawn it-talbiet għandhom, għalhekk, jiġu miċħuda bħala inammissibbli. |
61 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjoni kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma żguratx l-indipendenza tal-koordinatur għall-allokazzjoni tal-islots bis-separazzjoni funzjonali tiegħu minn kull parti interessata u billi ma żguratx li s-sistema ta’ finanzjament tal-attivitajiet tal-koordinatur tkun adegwata sabiex tiżgura l-indipendenza tagħhom, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 95/93. |
Fuq l-ispejjeż
62 |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l‑Kummissjoni talbet il-kundanna tar-Repubblika Portugiża u peress li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ġie kkonstatat, hemm lok li din tal-aħħar tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.