Kawżi magħquda C‑191/14, C‑192/14, C‑295/14, C‑389/14 u C‑391/14 sa C‑393/14
Borealis Polyolefine GmbH et
vs
Bundesminister für Land- und Forstwirtschaft, Umwelt und Wasserwirtschaft et
[talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesverwaltungsgericht Niederösterreich (l-Awstrija), mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi) u mit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (l-Italja)]
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-Unjoni Ewropea — Direttiva 2003/87/KE — Artikolu 10a(5) — Metodu tal-allokazjoni ta’ kwoti — Allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti — Mod ta’ kalkolu tal-fattur ta’ korrezzjoni transsettorjali uniformi — Deċiżjoni 2011/278/UE — Artikolu 15(3) — Deċiżjoni 2013/448/UE — Artikolu 4 — Anness II — Validità”
Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-28 ta’ April 2016
Proċedura ġudizzjarja – Talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali – Talba sabiex jiġu ppreżentati osservazzjonijiet dwar il-punti ta’ liġi mqajma fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali – Kundizzjonijiet għall-ftuġ mill-ġdid
(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 23; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 83)
Domandi preliminari – Evalwazzjoni tal-validità – Domanda dwar il-validità ta’ deċiżjoni li ma ġietx ikkontestata fuq il-bażi tal-Artikolu 263 TFUE – Rikors fil-kawża prinċipali ppreżentat minn kumpannija li ma kellhiex manifestament locus standi sabiex tippreżenta rikors għal annullament – Ammissibbiltà
(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u l-punt (b) tal-Artikolu 267 TFUE; Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2011/278, Artikoli 10(9) u 15(4), u 2013/448, Artikolu 4 u Anness II)
Ambjent – Tniġġis atmosferiku – Direttiva 2003/87 – Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra – Skema tranżitorja ta’ allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti – Metodu ta’ allokazzjoni – Kalkolu fuq il-bażi tal-kwantità annwali massima ta’ tali kwoti għall-allokazzjoni – Teħid inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tad-determinazzjoni ta’ din il-kwantità, tal-emissjonijiet tal-produtturi tal-elettriku – Inammissibbiltà
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87, Artikolu 10a(3) u (5); Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278, Artikolu 15(3))
Dritt tal-Unjoni Ewropea – Interpretazzjoni – Testi plurilingwi – Interpretazzjoni uniformi – Diverġenzi bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi – Kuntest u għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni bħala bażi ta’ riferiment
Ambjent – Tniġġis atmosferiku – Direttiva 2003/87 – Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra – Skema tranżitorja ta’ allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti – Metodu ta’ allokazzjoni – Kalkolu fuq il-bażi tal-kwantità annwali massima ta’ tali kwoti għall-allokazzjoni – Teħid inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tad-determinazzjoni ta’ din il-kwantità, tal-emissjonijiet iġġenerati minn installazzjonijiet suġġetti għall-iskema għall-iskambju tal-kwoti qabel is-sena 2013 – Inammissibbiltà
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87, il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10a(5) u Anness I, Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/448, Artikolu 4 u Anness II)
Domandi preliminari – Evalwazzjoni tal-validità – Dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-dispożizzjonijiet ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-fattur ta’ korrezzjoni applikat mill-Istati Membri sabiex jiddeterminaw il-kwantità ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra li għandhom jiġu allokati mingħajr ħlas – Effetti – Limitazzjoni ratione temporis
(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE u Artikolu 267 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87; Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/448, Artikolu 4 u Anness II)
Domandi preliminari – Evalwazzjoni tal-validità – Dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ att tal-Unjoni – Effetti – Applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 266 TFUE – Obbligi tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni – Obbligu li jittieħdu l-miżuri neċessarji sabiex tiġi rrimedjata l-illegalità kkonstatata
(Artikoli 266 TFUE u 267 TFUE)
Domandi preliminari – Evalwazzjoni tal-validità – Dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ att tal-Unjoni – Effetti – Limitazzjoni ratione temporis – Eċċezzjoni favur operatur li jkun ressaq azzjoni ġudizzjarja jew li jkun qajjem ilment ekwivaleni skont id-dritt nazzjonali applikabbli
(Artikolu 267 TFUE)
Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punt 40)
Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punti 46, 49, 50, 58)
L-esklużjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-kwantità annwali massima ta’ kwoti, tal-emissjonijiet iġġenerati mill-produtturi tal-elettriku tirriżulta mill-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità, li ma jagħti ebda setgħa diskrezzjonali lill-Kummissjoni f’dan ir-rigward. Fil-fatt, ir-riferiment fl-Artikolu 10a(5) ta’ din id-direttiva għall-installazzjonijiet li ma humiex koperti mill-paragrafu 3 għandu jinftiehem fis-sens li jirreferi għall-installazzjonijiet li la huma produtturi tal-elettriku, la huma installazzjonijiet għall-ġbir ta’ CO2, la huma pajpijiet għat-trasport ta’ CO2, u li lanqas ma huma siti għall-ħażna ta’ CO2.
Barra minn hekk, tali trattament asimetriku tal-emissjonijiet tal-produtturi tal-elettriku u tal-installazzjonijiet li jiġġeneraw emissjonijiet ta’ gassijiet serra huwa konformi mal-għan prinċipali tad-Direttiva 2003/87 ta’ protezzjoni tal-ambjent permezz ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra.
(ara l-punti 65, 78, 79)
Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l- punt 90)
Meta stabbilixxiet il-kwantità annwali massima ta’ kwoti li tintuża bħala bażi għall-kalkolu tal-kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet sera allokati mingħajr ħlas, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni biss, konformement mal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità, l-emissjonijiet tal-installazzjonijiet inklużi fl-iskema Komunitarja b’effett mis-sena 2013. B’hekk, din id-dispożizzjoni tipprekludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-emissjonijiet li jirriżultaw mill-attivitajiet li jinsabu fl-Anness I tal-imsemmija direttiva mis-sena 2013 ’il quddiem sa fejn dawn l-emissjonijiet ġew iġġenerati minn installazzjonijiet suġġetti għall-iskema għall-iskambju tal-kwoti qabel din id-data.
Għalhekk, sa fejn il-Kummissjoni kienet, minn tal-inqas parzjalment, ħadet inkunsiderazzjoni emissjonijiet tal-installazzjonijiet suġġetti għall-iskema għall-iskambju ta’ kwoti qabel is-sena 2013 sabiex tiddetermina l-kwantità annwali massima ta’ kwoti li setgħu jiġu allokati mingħajr ħlas, din tal-aħħar ma hijiex konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87 sa fejn hija għolja wisq. Bl-istess mod, il-fattur ta’ korrezzjoni transsettorjali uniformi stabbilit fl-Artikolu 4 u fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2013/448, dwar miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali għall-allokazzjoni tranżizzjonali mingħajr ħlas ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2003/87, huwa wkoll kuntrarju għal din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, l-Artikolu 4 u l-Anness II tad-Deċiżjoni 2013/448 huma invalidi.
(ara l-punti 94, 95, 98 u 99 u d-dispożittiv 2)
Meta jkun iġġustifikat minn kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ ċertezza legali, il-Qorti tal-Ġustizzja tgawdi, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, applikabbli wkoll, b’analoġija, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar l-evalwazzjoni tal-validità tal-atti tal-Unjoni, bis-saħħa tal-Artikolu 267 TFUE, minn setgħa diskrezzjonali sabiex tindika, f’kull każ partikolari, liema huma l-effetti tal-att ikkonċernat li għandhom jitqiesu li huma definittivi.
L-effetti ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-Artikolu 4 u tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2013/448, dwar miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali għall-allokazzjoni tranżizzjonali mingħajr ħlas ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2003/87, għandhom jiġu limitati ratione temporis sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tadotta l-miżuri meħtieġa u sabiex il-miżuri adottati ma jkunux jistgħu jiġu kkontestati. Fil-fatt, l-annullament tal-fattur ta’ korrezzjoni transsettorjali uniformi stabbilit fl-Artikolu 4 u fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2013/448 jista’ jdaħħal inkwistjoni l-allokazzjonijiet preċedenti finali kollha ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra mingħajr ħlas magħmula fl-Istati Membri fuq il-bażi ta’ leġiżlazzjoni meqjusa li kienet valida. B’hekk, id-dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-imsemmija dispożizzjonijiet timplika r-riskju li jinħolqu konsegwenzi gravi għal numru għoli ta’ relazzjonijiet legali stabbiliti in bona fide. Dawn il-kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ ċertezza legali jistgħu jiġġustifikaw limitazzjoni ratione temporis tal-effetti ta’ din id-dikjarazzjoni. Barra minn hekk, il-vojt legali temporanju li jirriżulta mid-dikjarazzjoni ta’ invalidità jista’ jipperikola l-implementazzjoni tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti stabbilita permezz tad-Direttiva 2003/87 u, għaldaqstant, it-twettiq tal-għanijiet tagħha.
(ara l-punti 103, 105, 106 u 111, u d-dispożittiv 3)
Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punt 107)
Il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tuża l-possibbiltà li tillimita għall-passat l-effetti ta’ dikjarazzjoni preliminari ta’ invalidità ta’ att tal-Unjoni, għandha tiddetermina jekk eċċezzjoni għal din il-limitazzjoni ratione temporis tal-effett, mogħtija lis-sentenza tagħha, tistax tkun prevista favur il-parti fil-kawża prinċipali li tkun ippreżentat, quddiem il-qorti nazzjonali, rikors kontra l-miżuri nazzjonali ta’ implementazzjoni tal-att tal-Unjoni, jew jekk, għall-kuntrarju, anki fir-rigward ta’ din il-parti, dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-att tal-Unjoni li jkollha effett biss fil-futur tikkostitwixxix rimedju adegwat.
(ara l-punt 108)