SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
7 ta’ April 2016 ( *1 )
“Appell — Dumping — Regolament (KE) Nru 384/96 — Artikolu 3(5), (7) u (9) — Artikolu 6(1) — Regolament (KE) Nru 926/2009 — Importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldatura, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw miċ-Ċina — Dazju antidumping definittiv — Determinazzjoni tal-eżistenza ta’ theddida ta’ ħsara — Teħid inkunsiderazzjoni ta’ informazzjoni ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni”
Fil-Kawżi magħquda C‑186/14 P u C‑193/14 P,
li għandhom bħala suġġett żewġ appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati fl-14 ta’ April 2014 (C‑186/14 P) u fil-15 ta’ April 2014 (C-193/14 P),
ArcelorMittal Tubular Products Ostrava a.s., stabbilita f’Ostrava-Kunčice (ir-Repubblika Ċeka),
ArcelorMittal Tubular Products Roman SA, stabbilita f’Roman (ir-Rumanija),
Benteler Deutschland GmbH, preċedentement Benteler Stahl/Rohr GmbH, stabbilita f’Paderborn (il-Ġermanja),
Ovako Tube & Ring AB, stabbilita f’Hofors (l-Isvezja),
Rohrwerk Maxhütte GmbH, stabbilita f’Sulzbach-Rosenberg (il-Ġermanja),
Dalmine SpA, stabbilita f’Dalmine (l-Italja),
Silcotub SA, stabbilita f’Zalău (ir-Rumanija),
TMK-Artrom SA, stabbilita fi Slatina (ir-Rumanija),
Tubos Reunidos SA, stabbilita f’Amurrio (Spanja),
Vallourec Oil and Gas Franza SAS, preċedentement Vallourec Mannesmann Oil & Gas Franza SAS, stabbilita f’Aulnoye‑Aymeries (Franza),
Vallourec Tubes Franza SAS, preċedentement V & M Franza SAS, stabbilita f’Boulogne-Billancourt (Franza),
Vallourec Deutschland GmbH, preċedentement V & M Deutschland GmbH, stabbilita f’Düsseldorf,
Voestalpine Tubulars GmbH & Co. KG, stabbilita f’Kindberg (l-Awstrija),
Železiarne Podbrezová a.s., stabbilita f’Podbrezová (is-Slovakkja),
irrappreżentati minn G. Berrisch, avukat, u B. Byrne, solicitor,
appellanti,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
Hubei Xinyegang Steel Co. Ltd, stabbilita fi Huang Shi (iċ-Ċina), irrappreżentata minn N. Niejahr, avukati, Q. Azau u H. Wiame, avukati, kif ukoll minn F. Carlin, barrister,
rikorrenti fl-ewwel istanza,
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J.-P. Hix, bħala aġent, assistit minn B. O’Connor, solicitor, u S. Gubel, avukat,
konvenut fl-ewwel istanza,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J.-F. Brakeland u M. França, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
intervenjenti fl-ewwel istanza (C-186/14 P),
u
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J.‑P. Hix, bħala aġent, assistit minn B. O’Connor, solicitor, u S. Gubel, avukat,
appellant,
sostnut minn:
Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn A. Collabolletta, avvocato dello Stato,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
Hubei Xinyegang Steel Co. Ltd, stabbilita fi Huang Shi, irrappreżentata minn F. Carlin, barrister, kif ukoll minn M. Healy, solicitor, minn N. Niejahr, avukati, minn Q. Azau u H. Wiame, avukati,
rikorrenti fl-ewwel istanza,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J.-F. Brakeland u M. França, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
ArcelorMittal Tubular Products Ostrava a.s., stabbilita f’Ostrava-Kunčice,
ArcelorMittal Tubular Products Roman SA, stabbilita f’Roman,
Benteler Deutschland GmbH, preċedentement Benteler Stahl/Rohr GmbH, stabbilita f’Paderborn,
Ovako Tube & Ring AB, stabbilita f’Hofors,
Rohrwerk Maxhütte GmbH, stabbilita f’Sulzbach-Rosenberg,
Dalmine SpA, stabbilita f’Dalmine,
Silcotub SA, stabbilita f’Zalău,
TMK-Artrom SA, stabbilita fi Slatina,
Tubos Reunidos SA, stabbilita f’Amurrio,
Vallourec Oil and Gas Franza SAS, preċedentement Vallourec Mannesmann Oil & Gas Franza SAS, stabbilita f’Aulnoye‑Aymeries,
Vallourec Tubes Franza SAS, preċedentement V & M Franza SAS, stabbilita f’Boulogne-Billancourt,
Vallourec Deutschland GmbH, preċedentement V & M Deutschland GmbH, stabbilita f’Düsseldorf (il-Ġermanja),
Voestalpine Tubulars GmbH & Co. KG, stabbilita f’Kindberg,
Železiarne Podbrezová a.s., stabbilita f’Podbrezová,
irrappreżentati minn G. Berrisch, avukat, u B. Byrne, solicitor,
intervenjenti fl-ewwel istanza (C‑193/14 P),
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Ewwel Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tieni Awla, J. L. da Cruz Vilaça (Relatur), A. Arabadjiev, C. Lycourgos u J.‑C. Bonichot, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Ġunju 2015,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Novembru 2015,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tal-appelli tagħhom, ArcelorMittal Tubular Products Ostrava a.s., ArcelorMittal Tubular Products Roman SA, Benteler Deutschland GmbH, preċedentement Benteler Stahl/Rohr GmbH, Ovako Tube & Ring AB, Rohrwerk Maxhütte GmbH, Dalmine SpA, Silcotub SA, TMK-Artrom SA, Tubos Reunidos SA, Vallourec Oil and Gas France SAS, preċedentement Vallourec Mannesmann Oil & Gas France SAS, Vallourec Tubes France SAS, preċedentement V & M France SAS, Vallourec Deutschland GmbH, preċedentement V & M Deutschland GmbH, Voestalpine Tubulars GmbH & Co. KG, Železiarne Podbrezová a.s. (iktar ’il quddiem, flimkien, “ArcelorMittal et”) u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad-29 ta’ Jannar 2014, Hubei Xinyegang Steel vs Il-Kunsill (T‑528/09, EU:T:2014:35, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din tal-aħħar laqgħet it-talba ta’ Hubei Xinyegang Steel Co. Ltd (iktar ’il quddiem “Hubei”) intiża li tannulla r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 926/2009, tal-24 ta’ Settembru 2009, li jimponi dazju definittiv kontra d-dumping u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldatura, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 262, p. 19, iktar il quddiem ir-“Regolament ikkontestat”). |
Il-kuntest ġuridiku
2 |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45), ġie ssostitwit u kkodifikat permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51, u r-rettifika ĠU 2010, L 7, p. 22). Madankollu, fid-dawl tad-data tal-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, l-appelli għandhom jiġu eżaminati abbażi tar-Regolament Nru 384/96, kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2117/2005, tal-21 ta’ Diċembru 2005 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti L 175M, p. 287, iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”). |
3 |
Ir-Regolament bażiku jipprovdi, fl-Artikolu 3(1), (5), (7) u (9): “1. Skond dan ir-Regolament, it-terminu “ħsara” għandu, sakemm mhux speċifikat b’mod ieħor, jittieħed li jfisser ħsara materjali lill-industrija tal-Komunità, theddida ta’ ħsara materjali lill-industrija tal-Komunità jew dewmien materjali ta’ l-istabbiliment ta’ industrija bħal din u għandu jiġi interpretat skond id-disposizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu. [...] 5. L-eżaminazzjoni ta’ l-impatt tal-prodotti li huma l-oġġett ta’ dumping fuq l-industrija tal-Komunità konċernata għandha tinkludi evalwazzjoni tal-fatturi ekonomiċi rilevanti u l-indiċi kollha li għandhom effett fuq l-istat ta’ l-industrija, inkluż il-fatt li l-industrija għadha fi proċess ta’ rkuprar mill-effetti ta’ dumping jew sussidju fil-passat, il-kobor tal-marġini attwali tax-dumping, it-tnaqqis attwali u potenzjali fil-bejgħ, il-profitti, il-produzzjoni, is-sehem fis-suq, il-produttività, ir-redditu fuq l-investimenti, l-utilizzazzjoni tal-volum; fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet Komunitarji; effetti negattivi attwali u potenzjali fuq iċ-ċirkolazzjoni tal-flus, l-inventarji, il-pagi, it-tkabbir, l-abilità li l-kapital jew investimenti jiġu mgħollija. Il-lista ma ttemx kollox, u lanqas ma jistgħu, wieħed jew iktar minn dawn il-fatturi, neċessarjament jagħtu gwida deċiżiva. [...] 7. Fatturi magħrufa għajr importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping li fl-istess ħin qegħdin jagħmlu ħsara lill-industrija Komunitarja għandhom ukoll jiġu eżaminati sabiex jiżguraw li l-ħsara kkawżata minn dawn il-fatturi l-oħra mhix attribwita għall-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping taħt paragrafu 6. Fatturi li jistgħu jiġu kkunsidrati f’dan ir-rigward jinkludu l-volum u l-prezzijiet ta’ importazzjonijiet mhux mibjugħin bi prezzijiet taħt il-prezz tagħhom, tnaqqis fid-domanda jew tibdiliet fil-mudelli tal-konsum, prattiċi restritti tal-kummerċ, u kompetizzjoni bejn, produtturi Komunitarji u ta’ pajjiżi terzi, żviluppi fit-teknoloġija u l-atteġġament ta’ l-esportazzjoni u l-produttività ta’ l-industrija Komunitarja. [...] 9. Theddida ta’ ħsara materjali għandha tkun tkun stabbilita billi tkun ibbażata fuq fatti u mhux biss fuq allegazjoni, tbassir jew possibilità remota. Il-bidla fiċ‑ċirkustanzi li kieku toħloq sitwazzjoni fejn il-bejgħ taħt il-prezz kien jikkawża ħsara għandha tkun imbassra b’mod ċar u imminenti. Meta qed ikun stabbilit teżistix theddida ta’ ħsara materjali, għandha tingħata attenzjoni għal fatturi bħal:
Ebda wieħed mill-fatturi elenkat hawn fuq waħdu ma jista’ neċessarjament jagħti gwida deċiżiva iżda t-totalità tal-fatturi kkunsidrati għandha twassal għall-konklużjoni li aktar esportazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping huma imminenti u li, jekk ma tiġix meħuda azzjoni ta’ protezzjoni, sejra tiġri ħsara materjali.” |
4 |
L-Artikolu 6(1) tar-Regolament bażiku jiddikjara: “Wara l-bidu tal-proċeduri, il-Kummissjoni, li taġixxi f’koperazzjoni ma’ l-Istati Membri, għandha tibda investigazzjoni fil-livell Komunitarju. Investigazzjoni bħal din għandha tkopri kemm id-dumping kif ukollil-ħsara u dawn għandhom jiġu investigati fl-istess ħin. Għall-iskop ta’ sejba rappreżentattiva, perjodu ta’ investigazzjoni għandu jiġi magħżul li, fil-każ ta’ dumping għandu, normalment, ikopri perjodu ta’ mhux inqas min sitt xhur immedjatament qabel l-bidu tal-proċeduri. Informazzjoni li għandha x’taqsam ma perjodu wara l-perjodu ta’ investigazzjoni ma għandhiex, normalment, tiġi kkunsidrata.” |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
5 |
Fid-9 ta’ Lulju 2008, wara lment ippreżentat mill-Kumitat tad-Difiża tal-Industrija tat-Tubi tal-Azzar Mingħajr Saldaturi tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni ppubblikat Avviż ta’ bidu ta’ proċediment antidumping li jikkonċerna l‑importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU C 174, p. 7). |
6 |
Konformement mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita l-investigazzjoni tagħha għal kampjun. F’dan il-kuntest, hija għażlet erba’ produtturi-esportaturi Ċiniżi li jirrappreżentaw 70 % tal-volum totali tal-esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni. Fost dawn il-produtturi-esportaturi kien hemm Hubei. |
7 |
Fit-7 ta’ April 2009, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 289/2009, li jimponi dazju provviżorju anti-dumping fuq importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldatura tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 94, p. 48, iktar ’il quddiem ir-“Regolament provviżorju”). |
8 |
Fil-premessa 13 tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni indikat li l-investigazzjoni ta’ dumping u ħsara kopriet il-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2007 sat-30 ta’ Ġunju 2008 (iktar ’il quddiem “il-perijodu tal-investigazzjoni”). L-eżami tat-tendenzi rilevanti għall-evalwazzjoni tal-ћsara kopra l-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2005 sa tmiem il-perijodu ta’ investigazzjoni. |
9 |
Fil-premessi 89 u 126 tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni kkonkludiet, rispettivament, li ma kinitx saret ħsara lill-industrija tal-Unjoni u li kienet teżisti theddida ta’ ħsara għal din l-industrija. |
10 |
Fl-24 ta’ Settembru 2009, il-Kunsill adotta r-Regolament ikkontestat. |
11 |
Fil-premessi 35 sa 81 ta’ dan ir-regolament, il-Kunsill ikkonferma l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni inklużi fir-Regolament provviżorju dwar l-assenza ta’ ħsara u l-eżistenza ta’ theddida ta’ ħsara għall-industrija tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-Kunsill ħa inkunsiderazzjoni l-informazzjoni dwar perijodu li ġie wara l-perijodu tal-investigazzjoni, jiġifieri dak li jibda minn Lulju 2008 sa Marzu 2009. |
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza kkontestata
12 |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Diċembru 2009, Hubei talbet l-annullament tar-Regolament ikkontestat. Il-Kummissjoni u ArcelorMittal et intervjenew insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. |
13 |
Insostenn tar-rikors tagħha, Hubei invokat tliet motivi. Fost dawn il-motivi, it-tielet wieħed huwa bbażat fuq ksur tal-Artikoli 3(9), 9(4) u 10(2) tar-Regolament bażiku, għar-raġuni li r-Regolament ikkontestat huwa bbażat fuq żbalji ta’ evalwazzjoni manifesti dwar l-eżistenza ta’ theddida ta’ ħsara importanti. |
14 |
Il-Qorti Ġenerali evalwat biss it-tielet motiv imqajjem minn Hubei u laqgħetu, billi essenzjalment ikkunsidrat, minn naħa, li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkonferma l-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-industrija tal-Unjoni kienet fi stat vulnerabbli fl-aħħar tal-perijodu tal-investigazzjoni, u min-naħa l-oħra, billi kkunsidra li, f’dan il-każ, teżisti theddida ta’ ħsara. |
15 |
Il-Qorti Ġenerali, konsegwentement, annullat ir-Regolament ikkontestat. |
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet
16 |
ArcelorMittal et u l-Kunsill jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
17 |
Hubei titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
18 |
Skont l-Artikolu 172 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal Ġustizzja, il-Kummissjoni ppreżentat risposta li fiha talbet lill-Qorti tal Ġustizzja:
|
19 |
Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Lulju 2014, il-Kawżi C‑186/14 P u C‑193/14 P ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura kif ukoll tas-sentenza. |
20 |
B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Awwissu 2014, ir-Repubblika Taljana tħalliet tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kunsill fil-Kawża C-193/14 P. |
Fuq l-appelli
Fuq l-ewwel parti tat-tielet aggravju tal-appell fil-Kawża C-186/14 P u fuq l-ewwel u r-raba ’ aggravji tal-appell fil-Kawża C-193/14 P
L-argumenti tal-partijiet
21 |
ArcelorMittal et jsostnu li, fil-punti 61 u 63 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, wettqet żball ta’ liġi meta attribwixxiet għall-kunċett ta’ “vulnerabbiltà” tifsira awtonoma u importanza li ma għandux. Fil-fatt, ir-Regolament bażiku ma jsemmix it-termini “vulnerabbli” jew “vulnerabbiltà” u lanqas ma jeżiġi l-kundizzjoni skont liema, sabiex tiġi konkluża l-eżistenza ta’ theddida ta’ ħsara, l-industrija tal-Unjoni trid tkun fi stat “vulnerabbli” fl-aħħar tal-perijodu tal-investigazzjoni. |
22 |
ArcelorMittal et iżżid li r-raġunijiet stabbiliti fil-punti 64 u 65 tas-sentenza appellata li jirrigwardaw, minn naħa, l-inklinazzjoni tal-industrija tal-Unjoni li tinvesti u tiżviluppa l-kapaċitajiet tagħha ta’ produzzjoni, u, min-naħa l oħra, l-assenza ta’ rkupru tal-imsemmija industrija wara prattiki ta’ dumping preċedenti għal dawk oġġett tar-Regolament ikkontestat huma żbaljati. |
23 |
Il-Kunsill, sostnut mir-Repubblika Taljana, iqis li, minkejja l-fatt li l-kunċett ta’ “vulnerabbiltà” ma jissemmiex fl-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku, madankollu huwa jista’ jintuża, bħal f’dan il-każ, sabiex jistabbilixxi l-eżistenza ta’ theddida ta’ ħsara. Għalhekk, l-eżami tas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, fid-dawl tal-fatturi elenkati fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, kien beda bl-evalwazzjoni tal-vulnerabbiltà tiegħu. |
24 |
Il-Kunsill isostni wkoll li l-Qorti Ġenerali kienet involuta, fis-sentenza appellata, fl-evalwazzjoni inkompleta u selettiva tal-fatturi u tal-indiċijiet ekonomiċi rilevanti, bħal-livell tal-istokks, il-volum tal-bejgħ, is-sehem tas-suq tal-industrija tal-Unjoni, il-livell tal-impjieg, il-prezzijiet tal-bejgħ, ir-rendiment tal-investimenti u l-profitt minn din l-industrija. Skont il-Kunsill, in-nuqqas tal-eżami tal-fatturi kollha mill-Qorti Ġenerali jfisser li din tal-aħħar żnaturat il-provi ppreżentati fl-evalwazzjoni tagħha u li ma eżaminatx il-kwistjoni tal-vulnerabbiltà kollha kemm hi. |
25 |
Barra minn hekk, il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, isostni li l-eżami tas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni u d-determinazzjoni sussegwenti ta’ theddida ta’ ħsara huma operazzjonijiet kumplessi ta’ natura ekonomika. Minn dan isegwi, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom għal dan il-għan marġni diskrezzjonali wiesa’ fejn l-istħarriġ ġudizzjarju tal-eżerċizzju huwa limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-eżattezza materjali tal-fatti meqjusa sabiex titwettaq l-għażla kkontestata, kif ukoll tal-assenza ta’ żbalji manifesti u ta’ użu ħażin ta’ poter. Issa, fis-sentenza appellata, mingħajr ma kienet issodisfatta b’tali stħarriġ, il-Qorti Ġenerali ssostitwiet l-evalwazzjoni tagħha tal-fatturi ekonomiċi kumplessi għal dik tal-Kunsill u tal-Kummissjoni. |
26 |
Il-Kummissjoni żżid li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta għamlet kriterju legali ġdid, skont ir-Regolament Bażiku, mill-kunċett ta’ “vulnerabbiltà”. |
27 |
Hubei tikkontesta l-argument ta’ ArcelorMittal et u tal-Kunsill. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
28 |
Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 66 tas-sentenza appellata, li l-Kunsill kien wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkonferma l-konklużjoni tal-Kummissjoni li tinsab fir-Regolament provviżorju li tipprovdi li l-industrija tal-Unjoni kienet tinsab fi stat vulnerabbli fl-aħħar tal-perijodu tal-investigazzjoni. |
29 |
Sabiex waslet għal din il-konklużjoni, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 61 tas-sentenza appellata, li l-informazzjoni ekonomika li fuqha bbażaw ruħhom il-Kunsill u l-Kummissjoni ma ssostnix din il-konklużjoni ta’ dawn l-istituzzjonijiet, iżda tistabbilixxi, kollha flimkien, il-profil ta’ industrija f’sitwazzjoni b’saħħitha u mhux fraġli jew vulnerabbli. |
30 |
Qabel kollox għandu jiġi osservat li l-Qorti Ġenerali ma qisitx il-vulnerabbiltà tal-industrija tal-Unjoni bħala kundizzjoni li tippermetti li tiġi kkonstatata t-theddida ta’ ħsara. |
31 |
F’dan ir-rigward, hemm lok jiġi kkonstatat li, kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 48 tal-konklużjonijiet tiegħu, sabiex l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu jistgħu jiddeterminaw jekk teżistix theddida ta’ ħsara importanti fuq l-industrija tal-Unjoni, huwa neċessarju jkunu jafu l-istat attwali ta’ din l-industrija. Fil-fatt, huwa biss billi jifhmu l-istat attwali ta’ din l-industrija li dawn l-istituzzjonijiet jistgħu jiddeterminaw jekk iż-żieda imminenti tal-importazzjonijiet futuri li huma l-oġġett ta’ dumping tistax twassal għal ħsara importanti fuq din l-industrija f’każ fejn ma tittieħed ebda miżura ta’ protezzjoni tal-kummerċ. |
32 |
Barra minn hekk, fil-premessa 126 tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni kkonstatat li, fl-assenza ta’ miżuri ta’ protezzjoni tal-kummerċ, l-importazzjonijiet ta’ dumping miċ-Ċina jikkawżaw f’qasir żmien ħsara importanti lill-industrija tal-Unjoni li hija diġà vulnerabbli. Din il-konklużjoni provviżorja ġiet ikkonfermata mill-Kunsill fil-premessa 81 tar-Regolament ikkontestat. Għalhekk jidher li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ħadu inkunsiderazzjoni l-allegata sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà tal-industrija tal-Unjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħhom tat-theddida ta’ ħsara. |
33 |
Iktar minn hekk, fl-appell tiegħu, il-Kunsill afferma li l-evalwazzjoni tal-vulnerabbiltà tirrigwarda s-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tikkostitwixxi l-ewwel stadju tal-eżami li jippermetti li tiġi konkluża l-eżistenza ta’ theddida ta’ ħsara. |
34 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni, u b’mod partikolari fir-rigward tal-miżuri ta’ protezzjoni tal-kummerċ, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l-kumplessità ta’ sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u legali li għandhom jeżaminaw. Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ tali evalwazzjoni, dan għandu għalhekk ikun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-preċiżjoni materjali tal-fatti kkunsidrati sabiex saret l-għażla kkontestata, tal-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew tal-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Simon, Evers & Co., C‑21/13, EU:C:2014:2154, punt 29, u Fliesen-Zentrum Deutschland, C‑687/13, EU:C:2015:573, punt 44). |
35 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali tal-provi li fuqhom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jibbażaw il-konstatazzjonijiet tagħhom ma jikkostitwixxix evalwazzjoni ġdida tal-fatti li tissostitwixxi dik ta’ dawn l-istituzzjonijiet. Dan l-istħarriġ ma jfixkilx is-setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa ta’ dawn l-istituzzjonijiet fil-qasam tal-politika kummerċjali, iżda jillimita ruħu josserva jekk dawn l-elementi humiex ta’ natura li jsostnu l-konklużjonijiet misluta mill-istituzzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kunsill u l-Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP, C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78, punt 68). |
36 |
Minn dan jirriżulta li, fil-punt 53 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali setgħet tqis, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, li hija kellha tivverifika mhux biss il-preċiżjoni materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà u l-koerenza tagħhom, iżda wkoll kellha tivverifika jekk dawn l-elementi flimkien jikkostitwixxux l-informazzjoni rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u sabiex jiġi eżaminat jekk humiex ta’ natura li fuqhom tibbaża l-konklużjoni li tissemma fil-premessi 89 tar-Regolament provviżorju u 49 tar-Regolament ikkontestat, skont liema l-industrija tal-Unjoni kienet f’sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà wara l-perijodu tal-investigazzjoni. |
37 |
Madankollu, hemm lok jiġi vverifikat jekk, fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, il-Qorti Ġenerali żnaturatx l-imsemmija elementi. |
38 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li żnaturament għandu jidher b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (sentenza Europäisch-Iranische Handelsbank vs Il-Kunsill, C‑585/13 P, EU:C:2015:145, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, tali evalwazzjoni ma taqax fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-appell. |
39 |
Il-Kunsill jikkritika lill-Qorti Ġenerali li għamlet eżami selettiv tal-elementi li l-Kunsill kellu jevalwa skont l-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku biex jikkonstata l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà tal-industrija tal-Unjoni. Il-Qorti Ġenerali allegatament wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tistabbilixxi l-eżistenza mhux biss ta’ theddida, iżda wkoll ta’ sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà. |
40 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali ma hijiex obbligata tagħti motivazzjoni għal kull waħda mill-għażliet tagħha meta hija għandha, insostenn tad-deċiżjoni tagħha, prova flok oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kunsill u Il-Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP, C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78, punt 161). |
41 |
F’dan il-każ, sabiex tiġi ppreżentata l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni matul il-perijodu tal-investigazzjoni, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 59 tas-sentenza appellata, l-elementi ekonomiċi rilevanti identifikati skont l-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku mill-Kummissjoni fir-Regolament provviżorju u msemmija mill-Kunsill fir-Regolament ikkontestat. |
42 |
Fil-punt 61 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li, apparti l-evoluzzjoni minn naħa tas-suq tal-industrija tal-Unjoni, it-tnax-il element ekonomiku l-ieħor identifikati kienu kollha pożittivi u kienu jistabbilixxu, kollha flimkien, il-profil ta’ industrija f’sitwazzjoni b’saħħitha u mhux fraġli jew vulnerabbli. |
43 |
Sa fejn il-Qorti Ġenerali pproduċiet biss l-imsemmija elementi kif identifikati mill-Kummissjoni fir-Regolament provviżorju, hija ma tistax tiġi kkritikata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-provi. |
44 |
Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma ssostitwietx l-evalwazzjoni tagħha stess għal dik tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u li l-ilment tal-Kunsill ibbażat fuq l-iżnaturament tal-provi ma huwiex fondat. |
45 |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni skont liema ż-żieda fl-importazzjonijiet li joriġinaw miċ-Ċina kienu ostakolaw id-dispożizzjoni tal-industrija tal-Unjoni sabiex tinvesti u tiżviluppa l-kapaċitajiet ta’ produzzjoni sabiex issegwi l-espansjoni tas-suq, imsemmi wkoll minn ArcelorMittal et, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 64 tas-sentenza appellata, li dan l-argument ma kienx sostnut mill-elementi rilevanti f’dan il-każ. |
46 |
Fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet tal-imsemmija istituzzjonijiet skont liema l-industrija tal-Unjoni ma rkupratx kompletament mill-prattiki ta’ dumping ta’ qabel l-2006, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 65 tas-sentenza appellata, li dawn id-dikjarazzjonijiet ma kinux jistrieħu fuq l-ebda element konkret. |
47 |
Issa, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 112 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-ilmenti tal-istess istituzzjonijiet, li jirrigwardaw il-punti 64 u 65 tas-sentenza appellata, ifittxu, mingħajr ma jidentifikaw kwalunkwe żnaturament tal-provi, sabiex jiksbu mill-Qorti tal-Ġustizzja evalwazzjoni ġdida tal-fatti, li ma taqax fl-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-appell. |
48 |
Għalhekk, dawn l-ilmenti għandhom jiġu miċħuda. |
49 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġu miċħuda l-ewwel parti tat-tielet aggravju tal-appell fil-Kawża C‑186/14 P u l-ewwel u r-raba’ aggravji tal-appell fil-Kawża C-193/14 P. |
Fuq l-ewwel aggravju tal-appell fil-Kawża C‑186/14 P u fuq it-tieni aggravju tal-appell fil-Kawża C‑193/14 P
L-argumenti tal-partijiet
50 |
ArcelorMittal et u l-Kunsill jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li ddeċidiet, fil-punt 63 tas-sentenza appellata, li t-teħid inkunsiderazzjoni, għad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ theddida ta’ ħsara, tad-deterjorazzjoni tal-kuntest ekonomiku kienet tistrieħ fuq żball ta’ liġi minħabba l-fatt li l-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku jeskludi li l-fatturi bħan-nuqqas tad-domanda jiġu attribwiti għall-importazzjonijiet li huma l-oġġett tad-dumping. |
51 |
F’dan ir-rigward, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-imsemmija dispożizzjoni u li hija bi żball ibbażat ruħha fuq is-sentenza Il-Kummissjoni vs NTN u Koyo Seiko (C‑245/95 P, EU:C:1998:46). Fil-fatt, filwaqt li, fil-kuntest tal-kawża li waslet għal din is-sentenza l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kienu żammew bħala element rilevanti sitwazzjoni ta’ reċessjoni sabiex jiddeterminaw l-eżistenza ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni, f’din il-kawża, huma ma invokawx tali sitwazzjoni sabiex isostnu l-konstatazzjoni tat-theddida ta’ dannu. Lanqas ma attribwew l-effetti ta’ reċessjoni għall-importazzjonijiet li huma l-oġġett tad-dumping. Huma għal kuntrarju kkonstataw li domanda eċċezzjonalment għolja kienet ħbiet l-effetti dannużi reali tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u li dawn l-effetti ser isiru magħrufa jekk id-domanda terġa’ taqa’ għal-livelli normali. |
52 |
Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ħaltet, bi żball, id-determinazzjoni tal-eżistenza tat-“theddida ta’ dannu” ma’ dik tar-“rabta kawżali”, filwaqt li r-Regolament bażiku jiddistingwi b’mod ċar dawn iż-żewġ kunċetti. |
53 |
Hubei tikkontesta l-argument ta’ ArcelorMittal et u tal-Kunsill. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
54 |
Skont l-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku, il-fatturi magħrufa, għajr l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, li, fl-istess ħin, qegħdin jagħmlu ħsara lill-industrija tal-Unjoni huma eżaminati sabiex jiżguraw li l-ħsara kkawżata minn dawn il-fatturi l-oħra mhix attribwita għall-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping. Fost dawn il-fatturi, din id-dispożizzjoni ssemmi n-nuqqas fid-domanda. |
55 |
L-istituzzjonijiet tal-Unjoni għalhekk għandhom l-obbligu li jeżaminaw jekk il-ħsara li huma għandhom l-intenzjoni jikkunsidraw tirriżultax effettivament mill‑importazzjonijiet li kienu l-oġġett ta’ dumping u li jinjoraw kull ħsara li tirriżulta minn fatturi oħra u, b’mod partikolari, dik li toriġina min-nuqqas tad-domanda (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Transnational Company Kazchrome u ENRC Marketing vs Il-Kunsill, C‑10/12 P, EU:C:2013:865, punt 23, kif ukoll TMK Europe, C‑143/14, EU:C:2015:236, punt 35). |
56 |
Sakemm l-effettività tal-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku ma tiġix kompromessa, l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenza Il-Kummissjoni vs NTN u Koyo Seiko (C‑245/95 P, EU:C:1998:46, punt 43), iċċitata fil-punt 63 tas-sentenza appellata, ma tistax tiġi injorata minħabba l-unika raġuni li, għad-differenza ta’ din il-kawża, il-kawża li wasslet għas-sentenza Il-Kummissjoni vs NTN u Koyo Seiko (C‑245/95 P, EU:C:1998:46) kienet tinsab f’kuntest ta’ reċessjoni tal-industrija tal-Unjoni. |
57 |
Barra minn hekk, l-argument tal-appellanti skont liema, għal kuntrarju ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, in-nuqqas prevedibbli fid-domanda ġie eżaminat mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni mhux fil-kuntest tal-analiżi tar-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u l-ħsara, iżda fil-kuntest tad-determinazzjoni ta’ theddida ta’ ħsara huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata. |
58 |
Fil-fatt, fil-punt 63 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li ċ-ċirkustanza invokata mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, skont liema l-industrija tal-Unjoni tkun esposta għal kollox għall-effett ta’ ħsara possibbli minn importazzjonijiet suġġetti għal dumping kieku t-tendenza ekonomika kellha tinqaleb, tippermetti li tiġi ddeterminata, skont il-każ, sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà għall-futur. Il-Qorti Ġenerali żiedet li tali ċirkustanza ma kinitx rilevanti sabiex jiġi konkluż li l-industrija tal-Unjoni kienet tinsab f’sitwazzjoni vulnerabbli fl-aħħar tal-perijodu tal-investigazzjoni. |
59 |
Minn dan isegwi li l-aggravji stabbiliti fil-punt 63 tas-sentenza appellata ma huma vvizzjati b’ebda żball ta’ liġi. |
60 |
Minn dak li ntqal preċedentement isegwi li l-ewwel aggravju fil-Kawża C‑186/14 P u t-tieni aggravju fil-Kawża C-193/14 P għandhom jiġu miċħuda. |
Fuq it-tieni aggravju u t-tieni parti tat-tielet aggravju tal-appell fil-Kawża C‑186/14 P u fuq it-tielet aggravju tal-appell fil-Kawża C-193/14 P
L-argumenti tal-partijiet
61 |
ArcelorMittal et tqis li l-Qorti Ġenerali kisret kemm l-Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku kif ukoll l-Artikolu 6(1) tiegħu billi bbażat ruħha fuq l-inkoerenzi bejn l-informazzjoni ta’ wara l-perijodu tal-investigazzjoni u dik miġbura waqt dan il-perijodu. L-użu ta’ tali informazzjoni ta’ wara l-perijodu tal-investigazzjoni fil-kuntest tal-eżami ta’ theddida ta’ ħsara ma jkunx affidabbli, peress li din tirrifletti l-aġir tal-produtturi interessati konsekuttivament għall-ftuħ tal-proċedura antidumping. Din l-informazzjoni għandha tiġi biss użata jekk turi li l-istituzzjoni tad-drittijiet antidumping kienet manifestament mhux xierqa. Issa, dan ma huwiex il-każ fil-kawża preżenti. |
62 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ArcelorMittal et issostni li ma huwiex neċessarju li jiġi stabbilit jekk il-Kunsill kienx jista’ janalizza l-informazzjoni ta’ wara l-perijodu tal-investigazzjoni. Fil-fatt, ma huwiex importanti li din l-informazzjoni tikkonferma l-previżjonijiet li saru mill-Kummissjoni fir-Regolament provviżorju abbażi tal-informazzjoni tal-perijodu tal-investigazzjoni. Konsegwentement, anki jekk il-Kunsill kien bi żball ikkonkluda li l-informazzjoni ta’ wara l-perijodu tal-investigazzjoni tikkonferma l-konklużjonijiet tar-Regolament provviżorju, dan l-iżball ma jistax iwassal għall-annullament tar-Regolament ikkontestat. |
63 |
Il-Kunsill isostni li, fil-punt 92 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku meta ddeċidiet li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kienu wettqu, fil-każ ineżami, żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ddeċidew li kienet teżisti theddida ta’ ħsara. |
64 |
F’dan ir-rigward, il-Kunsill iqis li, minkejja l-fatt li d-determinazzjoni ta’ theddida ta’ ħsara għandha tkun ibbażata fuq fatti u fuq l-imminenza ta’ bdil fiċ-ċirkustanzi, l-analiżi ta’ din it-theddida hija neċessarjament prospettiva. Għalhekk, il-projezzjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu ma jitwettqux, mingħajr, madankollu, it-twettiq minn naħa ta’ dawn l-istituzzjonijiet ta’ żball ta’ liġi fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħhom fir-rigward tal-evalwazzjoni tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi. Huwa essenzjali li l-awtoritajiet kompetenti inkarigati bl-evalwazzjoni kumplessa tal-avvenimenti futuri fil-kuntest tal-politika tal-protezzjoni tal-kummerċ jingħataw setgħa diskrezzjonali wiesgħa. |
65 |
Skont il-Kunsill, l-eżami tal-erbgħa fatturi speċifiċi previsti fl-Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku osserva “sitwazzjoni mħallta” fir-rigward tal-eżistenza ta’ theddida ta’ ħsara. Fid-dawl tal-formulazzjoni preċiża ta’ din id-dispożizzjoni u tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandhom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni dwar il-miżuri ta’ protezzjoni tal-kummerċ, dawn tal-aħħar kienu jistgħu jużaw is-setgħa diskrezzjonali tagħhom sabiex jikkonkludu li kienet teżisti theddida ta’ ħsara billi jibbażaw ruħhom fuq din is-“sitwazzjoni mħallta”. |
66 |
F’dan ir-rigward, il-Kunsill jippreċiża li, huwa minħabba n-natura “mħallta” tas-sitwazzjoni inkwistjoni fl-aħħar tal-perijodu tal-investigazzjoni, b’manjiera mhux tas-soltu, iżda bl-għan li tiġi żġurata amministrazzjoni tajba, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni baqgħu jissorveljaw is-sitwazzjoni tas-suq tal-Unjoni matul perijodu ta’ wara l-perijodu tal-investigazzjoni mix-xahar ta’ Lulju 2008 sax-xahar ta’ Marzu 2009, billi ffokaw l-attenzjoni tagħhom fuq il-bdil fiċ-ċirkustanzi u l-indikaturi ekonomiċi prinċipali. Din is-sorveljanza kienet tippermetti lil dawn l-istituzzjonijiet sabiex ma jiħdux żball dwar l-evoluzzjoni ta’ dan is-suq. |
67 |
Hubei tikkontesta l-argument ta’ ArcelorMittal et u tal-Kunsill. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
68 |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi evalwat l-ilment skont liema l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikoli 3(9) u 6(1) tar-Regolament bażiku, sa fejn hija bbażat ruħha, fil-punt 91 tas-sentenza appellata, fuq l-inkoerenzi li kienu jeżistu bejn il-previżjonijiet li jinsabu fir-Regolament provviżorju u l-informazzjoni ta’ wara l-perijodu tal-investigazzjoni. |
69 |
Hemm lok jitfakkar li, skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament bażiku, “wara l-bidu tal-proċeduri, il-Kummissjoni, b’koperazzjoni mal-Istati Membri, għandha tibda investigazzjoni fuq livell [tal-Unjoni]. Investigazzjoni bħal din għandha tkopri kemm id-dumping kif ukoll il-ħsara u dawn għandhom jiġu investigati fl-istess ħin. Għall-iskop ta’ sejba rappreżentattiva, perjodu ta’ investigazzjoni għandu jiġi magħżul li, fil-każ ta’ dumping għandu, normalment, ikopri perjodu ta’ mhux inqas minn sitt xhur immedjatament qabel l-bidu tal-proċeduri. L-informazzjoni marbuta ma’ perjodu sussegwenti għall-perjodu tal-investigazzjoni m’għandhiex, normalment, tiġi kkunsidrata”. |
70 |
Għalkemm huwa minnu li jirriżulta minn din id-dispożizzjoni li, bħala prinċipju, l-informazzjoni ta’ wara perijodu tal-investigazzjoni ma hijiex meħuda inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-investigazzjoni dwar id-dumping u l-ħsara, xorta jibqa’ l-fatt li, bl-użu tal-avverbju “normalment”, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma riedx jeskludi totalment tali teħid inkunsiderazzjoni. |
71 |
L-istituzzjonijiet tal-Unjoni għalhekk jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni, f’ċerti ċirkustanzi, l-informazzjoni ta’ wara perijodu tal-investigazzjoni. Dan huwa possibbli iktar u iktar fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet li għandhom bħala għan mhux il-konstatazzjoni ta’ ħsara, iżda d-determinazzjoni ta’ theddida ta’ ħsara li, minn natura tagħha, timplika analiżi prospettiva. Issa, l-eżistenza ta’ theddida ta’ ħsara, kif ukoll dik ta’ ħsara, għandha tiġi stabbilita mid-data tal-adozzjoni ta’ miżura antidumping. Barra minn hekk, jirriżulta mill-Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku li d-determinazzjoni ta’ theddida ta’ ħsara importanti għandha tkun ibbażata fuq fatti u mhux biss fuq allegazzjonijiet, tbassir jew possibbiltà remota u li l-bidla fiċ-ċirkustanzi li kieku toħloq sitwazzjoni fejn id-dumping jikkawża ħsara għandha tkun imbassra b’mod ċar u imminenti. |
72 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-informazzjoni ta’ wara l-perijodu tal-investigazzjoni tista’ tiġi użata sabiex tikkonferma jew tippreġudika l-previżjonijiet li jinsabu fir-Regolament provviżorju u tippermetti, fl-ewwel ipoteżi, l-istabbiliment ta’ dazju antidumping definittiv. |
73 |
Madankollu, l-użu mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni ta’ din l-informazzjoni ta’ wara l-perijodu tal-investigazzjoni ma tistax taħrab l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni. |
74 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li għalkemm, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 34 u 35 ta’ din is-sentenza, tali stħarriġ għandu josserva s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandhom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fir-rigward ta’ miżuri ta’ protezzjoni tal-kummerċ, madankollu l-Qorti Ġenerali ma teċċedix il-limiti ta’ dan l-istħarriġ billi tivverifika li l-provi li fuqhom l-imsemmija istituzzjonijiet jibbażaw il-konstatazzjonijiet tagħhom jappoġġjaw il-konklużjonijiet li dawn tal-aħħar jiġbdu. |
75 |
F’dan il-każ isegwi li, il-Qorti Ġenerali setgħet tivverifika jekk l-informazzjoni ta’ wara l-perijodu tal-investigazzjoni, peress li kienet ġiet invokata mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, kinitx tikkonferma l-previżjonijiet li jissemmew fir-Regolament provviżorju u konsegwentement tiġġustifika l-istabbiliment ta’ dazju antidumping definittiv. |
76 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi vverifikat jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi fil-waqt tal-istħarriġ tal-evalwazzjoni mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni tal-erba’ fatturi elenkati fl-Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ theddida ta’ ħsara. |
77 |
F’dan ir-rigward, hemm lok jiġi osservat li, fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, il-Qorti Ġenerali tillimita lilha nnifisha, mingħajr ebda distorsjoni, teżamina l-provi ta’ wara l-perijodu tal-investigazzjoni li għamlu użu minnhom dawn l-istituzzjonijiet fir-Regolament provviżorju, sussegwentement fir-Regolament ikkontestat. |
78 |
Fuq din il-bażi, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-provi ta’ wara l-perijodu tal-investigazzjoni invokati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jistgħux jappoġġjaw il-konklużjoni skont liema kienet teżisti theddida ta’ ħsara u li, konsegwentement, il-Kunsill kien wettaq f’dan ir-rigward żball manifest ta’ evalwazzjoni. |
79 |
Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma injoratx il-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju li japplikaw fir-rigward tal-miżuri ta’ protezzjoni tal-kummerċ meta ddeċidiet, fil-punt 92 tas-sentenza appellata, li l-Kunsill kien kiser l-Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku meta qies li kienet teżisti theddida ta’ ħsara. |
80 |
Minn dan isegwi li hemm lok li jiġu miċħuda t-tieni aggravju u t-tieni parti tat-tielet aggravju tal-appell fil-Kawża C‑186/14 P u t-tielet aggravju tal-appell fil-Kawża C-193/14 P. |
81 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, l-appelli ppreżentati mill-appellanti fil-Kawżi C‑186/14 P u C‑193/14 P għandhom jiġu miċħuda fl-intier tagħhom. |
Fuq l-ispejjeż
82 |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, din tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. |
83 |
Skont l-Artikolu 138(1) ta’ l-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1), tiegħu, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. |
84 |
Peress li ArcelorMittal et u l-Kunsill tilfu, hemm lok li jiġu kkundannati għall-ispejjeż, kif mitlub minn Hubei. |
85 |
Peress li l-Kummissjoni wkoll ma ntlaqgħux it-talbiet tagħha, għandha tbati l-ispejjeż tagħha. |
86 |
Konformement mal-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tal-istess regoli, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jintervjenu fit-tilwima għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Konsegwentement, ir-Repubblika Taljana għandha tbati l-ispejjeż tagħha. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.