SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
9 ta’ Lulju 2015 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Direttiva 1999/70/KE — Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat bejn CES, UNICE u CEEP — Klawżoli 3 u 4 — Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni — Persunal “eventwali” — Rifjut milli tingħata allowance ta’ anzjanità li tingħata kull tliet snin — Raġunijiet oġġettivi”
Fil-Kawża C‑177/14,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Supremo (Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Jannar 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ April 2014, fil-proċedura
María José Regojo Dans
vs
Consejo de Estado,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Ó Caoimh (Relatur), C. Toader, E. Jarašiūnas u C. G. Fernlund, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal M. J. Regojo Dans, minn J. Pérez de Sevilla y Gitard u A. Regojo Dans, avukati, |
— |
għall-Gvern Spanjol, minn L. Banciella Rodríguez-Miñón, bħala aġent, |
— |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Varone, avvocato dello Stato, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Vidal Puig u J. Enegren, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-20 ta’ Mejju 2015,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-klawżoli 3(1) u 4(4) tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien fiss [żmien determinat], konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem il-“ftehim qafas”), li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn M. J. Regojo Dans u l-Consejo de Estado (Kunsill tal-Istat), il-persuna li timpjegaha, dwar ir-rifjut ta’ din tal-aħħar, li tagħtiha l-allowances ta’ anzjanità li jingħataw kull tliet snin, minħabba fl-istatus partikolari tagħha ta’ persunal “eventwali”, fis-sens tad-dritt Spanjol (iktar ’il quddiem il-“persunal awżiljarju”). |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Skont it-termini tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 1999/70, din għandha l-għan “li jġib fis-seħħ il-ftehim qafas […], konkluż […] bejn l-organizzazzjonijiet ġenerali ta’ l-industrija (ETUC, UNICE u CEEP) annessi hawn”. |
4 |
Il-klawżola 1 tal-Ftehim Qafas tipprovdi li l-iskop tal-istess Ftehim Qafas huwa:
|
5 |
Il-Klawżola 2(1) tal-Ftehim qafas tipprovdi li: “Dan il-ftehim japplika għal ħaddiema għal terminu fiss li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definit fil-liġi, fil-ftehim kollettiv jew fil-prattika f’ kull Stat Membru.” |
6 |
Il-“ħaddiem għal terminu fiss” huwa ddefinit fil-klawżola 3(1) tal-Ftehim qafas bħala “persuna li jkollha kuntratt jew relazzjoni ta’ l-impjieg dirett bejn min jimpjiega u ħaddiem meta l-aħħar tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta’ l-impjieg hu ddeterminat b’kondizzjonijiet oġġettivi bħal li jilħaq data speċifika, ilesti xogħol speċifiku, jew it-twettiq ta’ każ speċifiku”. |
7 |
Il-“ħaddiem kumparabbli permanenti” huwa ddefinit fil-klawżola 3(2) tal-Ftehim qafas bħala “ħaddiem b’kuntratt jew relazzjoni ta’ impjieg għal żmien indefinit, fl-istess stabbiliment, ingaġġat fl-istess xogħol jew xogħol/impjieg simili, wara li tingħata attenzjoni xierqa lill-kwalifiki/kapaċitajiet. Meta ma jkun hemm ebda ħaddiem kumparabbli permanenti fl-istess stabbiliment, il-paragun għandu jsir b’referenza għall-ftehim kollettiv applikabbli, jew meta ma jkun hemm ebda ftehim kollettiv applikabbli, skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew il-prattika”. |
8 |
Il-klawżola 4 ta’ dan il-Ftehim qafas, intitolata “Il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni”, tipprovdi, fil-punti 1, 3 u 4 tagħha:
[…]
|
9 |
Il-klawżola 5 tal-imsemmi Ftehim qafas, intitolata “Miżuri għal prevenzjoni ta’ l-abbuż”, tipprovdi:
|
Id-dritt Spanjol
10 |
L-Artikolu 149(1)(18) tal-Kostituzzjoni Spanjola tagħti lill-Istat il-kompetenza esklużiva sa fejn tirrigwarda l-istabbiliment tal-qafas ġuridiku tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u tar-regolamenti tal-persunal tal-uffiċjali tagħhom. |
11 |
Bis-saħħa ta’ din il-kompetenza, l-Istat adotta l-Liġi 7/2007, dwar ir-regolamenti bażiċi relatati mal-membri tal-persunal fis-servizz pubbliku (Ley 7/2007 del Estatuto básico del empleado público), tat-12 ta’ April 2007 (BOE Nru 89, tat-13 ta’ April 2007, p. 16270, iktar ’il quddiem il-“Liġi 7/2007”). |
12 |
L-Artikolu 8 tal-Liġi 7/2007, intitolat “Kunċett u tipi ta’ membri tal-persunal fis-servizz pubbliku”, jipprovdi: “1. Huma membri tal-persunal fis-servizz pubbliku persuni li jeżerċitaw funzjonijiet remunerati fl-amministrazzjonijiet pubbliċi fis-servizz tal-interess ġenerali. 2. Il-membri tal-persunal fis-servizz pubbliku huma kklassifikati bħala:
|
13 |
L-Artikolu 9 tal-Liġi 7/2007 jiddefinixxi lill-uffiċjali stabbiliti fit-termini li ġejjin: “1. L-uffiċjali stabbiliti huma l-persuni indikati mil-liġi li jaqgħu taħt l-amministrazzjoni pubblika bis-saħħa ta’ relazzjoni statutorja rregolata mid-dritt amministrattiv, sabiex iwettqu servizzi professjonali permanenti mħallsin. 2. Fi kwalunkwe każ, l-eżerċizzju tal-funzjonijiet li jinvolvi l-parteċipazzjoni diretta jew indiretta fl-eżerċizzju tas-setgħa pubblika jew fis-salvagwardja tal-interessi ġenerali tal-Istat u tal-amministrazzjonijiet pubbliċi jaqa’ esklużivament f’idejn l-uffiċjali, skont ir-rekwiżiti stabbiliti mil-liġi ta’ implementazzjoni ta’ kull amministrazzjoni pubblika.” |
14 |
L-Artikolu 12 tal-Liġi 7/2007 jiddefinixxi b’dan il-mod il-persunal awżiljarju: “1. Jikkostitwixxu persunal awżiljarju l-persuni li, bis-saħħa tal-ħatra tagħhom u b’mod mhux permanenti, iwettqu biss funzjonijiet espressament ikklassifikati bħala funzjonijiet ta’ fiduċja jew ta’ parir speċjali u huma mħallsa abbażi tal-approprjazzjonijiet baġitarji allokati għal dan il-għan. 2. Il-liġijiet li jirrigwardaw is-servizz pubbliku li huma adottati sabiex jimplementaw dawn ir-regolamenti għandhom jistabbilixxu l-korpi li jirregolaw l-amministrazzjonijiet pubbliċi li jistgħu jagħmlu użu minn dan it-tip ta’ persunal. In-numru massimu għandu jiġi stabbilit mill-korpi governattivi rispettivi. Dan in-nurmu kif ukoll il-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni ser ikunu pubbliċi. 3. Il-ħatra u t-terminazzjoni ma għandhomx ikunu suġġetti għal restrizzjonijiet. Fi kwalunkwe każ, it-terminazzjoni għandha sseħħ fl-istess ħin li tintemm l-awtorità li taħtha tiġi eżerċitata l-funzjoni ta’ fiduċja jew ta’ parir. 4. L-istatus tal-persunal awżiljarju ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-aċċess għas-servizz pubbliku jew għal promozzjoni interna. […] 5. Ir-regoli ġenerali li japplikaw għall-uffiċjali stabbiliti japplikaw għall-persunal awżiljarju sa fejn huma adegwati għan-natura tas-sitwazzjoni ta’ dawn l-uffiċjali.” |
15 |
Skont it-termini tal-Artikolu 22 tal-Liġi 7/2007, li jissemma’ taħt il-Kapitolu III tal-imsemmija liġi dwar l-iskema ta’ remunerazzjoni tal-membri tal-persunal fis-servizz pubbliku, ir-remunerazzjonijiet tal-uffiċjali stabbiliti jinkludu r-remunerazzjonijiet bażiċi u r-remunerazzjonijiet komplementari. |
16 |
L-Artikolu 23 tal-Liġi 7/2007 jipprovdi li: “Ir-remunerazzjonijiet bażiċi, li huma stabbiliti permezz tal-liġi finanzjarja tal-Istat, huma magħmula unikament u esklużivament mill-elementi li ġejjin:
|
17 |
L-Artikolu 25 tal-Liġi 7/2007 jipprovdi għar-remunerazzjoni tal-uffiċjali temporanji kif ġej: “1. L-uffiċjali temporanji jirċievu r-remunerazzjonijiet bażiċi u l-allowances skont it-tlettax-il xahar u erbatax-il xahar korrispondenti għas-sottogrupp fil-klassifika professjonali, jew, fl-assenza ta’ sottogrupp, għall-grupp fil-klassifika professjonali. Huma jirċievu wkoll ir-remunerazzjonijiet komplementari msemmija fl-Artikolu 24(b), (c) u (d), kif ukoll dawk li jikkorrispondu għall-kategorija ta’ dħul għall-korp jew għall-grad fejn huma ġew maħtura. 2. Għandhom jingħataw l-allowances ta’ anzjanità li tingħata kull tliet snin li jikkorrispondu għas-servizzi li jitwettqu qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dawn ir-regolamenti, li jipproduċu l-effetti tagħhom fuq ir-remunerazzjonijiet biss mid-dħul fis-seħħ tagħhom.” |
18 |
L-Artikolu 26 tal-Liġi 2/2012, jirrigwarda dispożizzjonijiet finanzjarji għas-sena 2012 (Ley 2/2012 de Presupuestos Generales del Estado para el año 2012), tad-29 ta’ Ġunju 2012 (BOE Nru 156, tat-30 ta’ Ġunju 2012, p. 46432), jipprovdi, fir-raba’ paragrafu tiegħu: “Il-persunal awżiljarju jirċievi r-remunerazzjonijiet bħala salarju u bħala tat-tlettax-il xahar u erbatax-il xahar korrispondenti għall-grupp jew għas-sottogrupp fil-klassifika fejn il-Ministeru għall-Finanzi u għall-Amministrazzjonijiet pubbliċi jikkunsidra l-funzjonijiet tagħhom kif ukoll ir-remunerazzjonijiet komplementari korrispondenti għall-post tax-xogħol irriżervat għall-persunal awżiljarju li jokkupawhom […] L-uffiċjali stabbiliti li, f’sitwazzjoni ta’ servizz attiv jew ta’ kollokament, jokkupaw postijiet tax-xogħol irriżervati għall-persunal awżiljarju jirċievu r-remunerazzjonijiet bażiċi li jikkorrispondu għall-grupp tagħhom jew għas-sottogrupp tagħhom fil-klassifika, inkluż l-allowances ta’ anzjanità li jingħataw kull tliet snin, fejn xieraq, kif ukoll ir-remunerazzjonijiet komplementari korrispondenti għall-post tax-xogħol okkupat.” |
19 |
Il-Liġi 30/1984, dwar miżuri għar-riforma tas-servizz pubbliku (Ley 30/1984 de Medidas para la Reforma de la Función Pública), tat-2 ta’ Awwissu 1984 (BOE Nru 185, tat-3 ta’ Awwissu 1984, p. 22629, iktar ’il quddiem il-“Liġi 30/1984”), tinkludi l-Artikolu 20, intitolat “Proċedura sabiex jimtlew il-postijiet tax-xogħol”. Dan l-artikolu jipprovdi, fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu: “2. Il-Gvern u, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, il-Konsulenti tal-Gvern tal-Komunitajiet awtonomi u l-laqgħa plenarja tal-kunsilli lokali jistabbilixxu n-numru tal-postijiet irriżervati għall-persunal awżiljarju, flimkien mal-karatteristiċi tagħhom u r-remunerazzjoni tagħhom, dejjem fil-limitu tal-approprjazzjonijiet baġitarji allokati għal dan il-għan. Il-persunal awżiljarju jeżerċita biss funzjonijiet espressament ikklassifikati bħala funzjonijiet ta’ fiduċja u ta’ parir speċjali; il-ħatra u t-terminazzjoni ma għandhomx ikunu suġġetti għal restrizzjonijiet u jaqgħu esklużivament taħt il-Ministeri u s-Segretarji tal-Istat u, fejn xieraq, taħt il-Konsulent tal-Gvern tal-Komunitajiet awtonomi u tal-Presidenti tal-Kunsilli Lokali. Il-ħatra tal-persunal awżiljarju tiġi awtomatikament terminata fl-istess ħin li tintemm l-awtorità li taħtha tiġi eżerċitata l-funzjoni ta’ fiduċja jew ta’ parir. 3. Il-fatt li jiġi okkupat post tax-xogħol li huwa rriżervat għall-persunal awżiljarju ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-aċċess għas-servizz pubbliku jew għal promozzjoni interna.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
20 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija impjegata, mill-1 ta’ Marzu 1996, bħala persunal awżiljarju mill-Consejo de Estado u hemmhekk tokkupa l-pożizzjoni ta’ Kap tas-segretarjat tal-konsulent permanenti. |
21 |
Mill-4 ta’ Lulju 1980 sal-1 ta’ Marzu 1996, hija wkoll ħadmet bħala persunal awżiljarju fit-Tribunal Constitucional (Qorti Kostituzzjonali) u fil-Consejo Económico y Social (Kunsill ekonomiku u soċjali). |
22 |
Fil-25 ta’ Jannar 2012, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqet talba quddiem il-Consejo de Estado sabiex, minn naħa waħda, jiġi rikonoxxut lilha d-dritt li tirċievi l-allowances ta’ anzjanità li jingħataw kull tliet snin għas-servizzi mwettqa fl-amministrazzjonijiet differenti mill-1980 u, min-naħa l-oħra, jingħatalha l-ammont li jikkorrispondi għall-allowances tal-aħħar erba’ snin. |
23 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat-24 ta’ Lulju 2012, il-President tal-Consejo de Estado ċaħad din it-talba. |
24 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għalhekk ippreżentat, quddiem il-qorti tar-rinviju, rikors għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni, minħabba li hija ma kinitx konformi mad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas. |
25 |
Din il-qorti tindika li l-Liġi 7/2007 ma tipprevedix l-għoti ta’ tali allowances ta’ anzjanità lill-persunal awżiljarju, għal kuntrarju ta’ dak li huwa previst għall-uffiċjali stabbiliti jew temporanji. Skont il-Liġi 2/2012, uffiċjal stabbilit f’sitwazzjoni ta’ kollokament, li għandu post irriżervat lill-persunal awżiljarju, jirċievi r-remunerazzjonijiet li jikkorrispondu għall-grupp ta’ oriġini tiegħu inkluż l-allowances ta’ anzjanità li jingħataw kull tliet snin. |
26 |
Mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, skont il-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (Qorti Suprema) rigward persunal awżiljarju, il-pożizzjonijiet ta’ din in-natura huma eċċezzjonali u limitati għall-funzjonijiet “ta’ fiduċja jew ta’ parir speċjali”. Konsegwentement, din l-istess qorti tqis li dan il-persunal ma jistax jeżerċita rwoli li jaqgħu taħt funzjonijiet normali tal-amministrazzjoni, sew jekk huma jirrigwardaw il-provvista ta’ servizzi lill-amministrazzjoni sew jekk jirrigwardaw l-adozzjoni ta’ atti marbuta unikament mal-organizzazzjoni amministrattiva. Dawn il-funzjonijiet, minħabba fir-rabta tagħhom diretta mal-prinċipji kostituzzjonali ta’ oġġettività u ta’ effiċjenza amministrattiva, għandhom jingħataw biss lill-membri tal-persunal fis-servizz pubbliku magħżula skont il-prinċipji ta’ ugwaljanza, mertu u kapaċità. |
27 |
Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, iżda wkoll tar-relazzjoni partikolari li tgħaqqad l-amministrazzjoni mal-persunal awżiljarju, ibbażata fuq il-parir speċjali u l-fiduċja, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, minn naħa, jekk dan il-persunal jistax jitqabbel mal-ħaddiema għal żmien indeterminat fis-sens tal-klawżola 3 tal-Ftehim qafas. Min-naħa l-oħra, hija tistaqsi dwar il-punt jekk l-użu ta’ persunal awżiljarju għandux jiġi limitat għall-każijiet fejn il-bżonn għal dan it-tip ta’ persunal huwa manifestament iġġustifikat, sabiex jiġi evitat kull tip ta’ abbuż u sabiex jiġu stabbiliti r-remunerazzjonijiet li josservaw l-ekwilibriju ma’ dawk li huma previsti għall-membri tal-persunal l-oħra fis-servizz pubbliku li l-funzjonijiet tagħhom għandhom kontenut professjonali simili. |
28 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Supremo ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
29 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk il-kunċett ta’ “ħaddiem għal żmien determinat”, fis-sens tal-klawżola 3(1) tal-Ftehim qafas, għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa applikat għal ħaddiem bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. |
30 |
Kif jirriżulta mill-formulazzjoni stess tal-klawżola 2(1) tal-Ftehim qafas, il-kamp ta’ applikazzjoni personali ta’ dan tal-aħħar huwa fformulat b’mod wiesa’, peress li jkopri b’mod ġenerali l-“ħaddiema għal terminu fiss [żmien determinat] li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definit fil-liġi, fil-ftehim kollettiv jew fil-prattika f’kull Stat Membru” (ara s-sentenzi Adeneler et, C‑212/04, EU:C:2006:443, punt 56, u Fiamingo et, C‑362/13, C‑363/13 u C‑407/13, EU:C:2014:2044, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
31 |
Barra minn hekk, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “ħaddiema għal terminu fiss [żmien determinat]” skont il-Ftehim qafas, stabbilita fil-Klawżola 3(1) tiegħu, tinkludi l-ħaddiema kollha, mingħajr ma tagħmel distinzjoni skont il-kwalità pubblika jew privata tal-persuna li timpjega li magħha huma marbuta u tkun liema tkun il-kwalifika tal-kuntratt tagħhom fid-dritt intern (sentenza Fiamingo et, C‑362/13, C‑363/13 u C‑407/13, EU:C:2014:2044, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
32 |
Fir-rigward tal-importanza tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, li jifformaw parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet previsti mid-Direttiva 1999/70 u l-Ftehim qafas għall-finijiet li jiġi żgurat fir-rigward tal-ħaddiema għal żmien fiss [żmien determinat] l-għoti tal-istess vantaġġi li huma rriżervati għall-ħaddiema għal żmien indeterminat komparabbli, ħlief jekk trattament differenti jkun ġustifikat minn raġunijiet oġġettivi, għandu jkollhom portata ġenerali, peress li huma regoli tal-liġi soċjali tal-Unjoni li għandhom importanza partikolari li għandu jibbenefika minnhom kull ħaddiem bħala regoli minimi ta’ protezzjoni (sentenza Del Cerro Alonso, C‑307/05, EU:C:2007:509, punt 27). |
33 |
Konsegwentement, id-Direttiva 1999/70 u l-Ftehim qafas japplikaw għall-ħaddiema kollha li jipprovdu servizzi remunerati fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg għal żmien determinat li jorbtuhom mal-persuna li timpjegahom (sentenzi Del Cerro Alonso, C‑307/05, EU:C:2007:509, punt 28, kif ukoll Fiamingo et, C‑362/13, C‑363/13 u C‑407/13, EU:C:2014:2044, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
34 |
Għandu jiġi osservat li l-unika ċirkustanza li ħaddiem ikollu l-istatus ta’ awżiljarju skont id-dritt nazzjonali jew li l-kuntratt tiegħu ta’ xogħol ikollu ċerti aspetti partikolari, bħal, fil-kwistjoni fil-kawża prinċipali, natura temporanja, il-ħatra jew ir-revoka ma tkunx suġġetta għal restrizzjonijiet jew inkella l-fatt li dan il-ħaddiem huwa mistenni li jwettaq funzjoni bbażata fuq il-fiduċja u parir speċjali, huwa irrilevanti f’dan ir-rigward, taħt piena li tmur kontra l-effettività tad-Direttiva 1999/70 u dik tal-Ftehim qafas kif ukoll l-applikazzjoni uniformi tagħhom fl-Istati Membri, billi tirriżerva lil dawn tal-aħħar il-possibbiltà li meta jidhrilhom jeliminaw ċerti kategoriji ta’ persuni mill-protezzjoni pprovduta minn dawn l-istrumenti tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza Del Cerro Alonso, C‑307/05, EU:C:2007:509, punt 29). |
35 |
Jirriżulta mit-termini tal-klawżola 3(1) tal-Ftehim qafas li kuntratt jew relazzjoni tal-impjieg għal żmien determinat huwa kkaratterizzat mill-fatt li t-tmiem tal-imsemmi kuntratt jew tal-imsemmija relazzjoni tal-impjieg “hu ddeterminat b’kondizzjonijiet oġġettivi bħal li jilħaq data speċifika, ilesti xogħol speċifiku, jew it-twettiq ta’ każ speċifiku”. Konsegwentement, kuntratt jew relazzjoni ta’ xogħol, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jispiċċaw awtomatikament meta l-awtorità li taħtha tiġi eżerċitata l-funzjoni ta’ dan il-ħaddiem hija revokata, għandhom jitqiesu li huma rregolati b’terminu li l-iskadenza tiegħu hija stabbilita permezz tat-“twettiq ta’ każ speċifiku”, fis-sens tal-imsemmija klawżola 3(1). |
36 |
Għalhekk, ħaddiem li jinsab f’sitwazzjoni bħal din, jaqa’ taħt il-klawżola 3(1) tal-Ftehim qafas. |
37 |
Għalhekk, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li l-kunċett ta’ “ħaddiem għal żmien determinat”, fis-sens tal-klawżola 3(1) tal-Ftehim qafas, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa applikat għal ħaddiem bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. |
Fuq it-tieni u t-tielet domandi
38 |
Permezz tat-tieni u tat-tielet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teskludi, fl-assenza ta’ kull ġustifikazzjoni għal raġunijiet oġġettivi, il-persunal awżiljarju mid-dritt li jirċievi l-allowances ta’ anzjanità li jingħataw kull tliet snin mogħtija, b’mod partikolari, lill-uffiċjali stabbiliti. |
39 |
Kif jirriżulta mill-formulazzjoni tagħhom stess, dawn id-domandi ma humiex intiżi sabiex jinterpretaw il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, li hija speċifikament intiża sabiex jiġi pprevenut l-abbuż li jirriżulta mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi (sentenza Deutsche Lufthansa, C‑109/09, EU:C:2011:129, punt 32). |
40 |
Skont it-termini tal-klawżola 1(a) tal-Ftehim qafas, wieħed mill-għanijiet tiegħu huwa li titjieb il-kwalità ta’ xogħol għal terminu fiss [żmien determinat] billi tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Bl-istess mod, fit-tielet paragrafu tiegħu, il-preambolu tal-ftehim qafas jippreċiża li dan “juri d-dispożizzjoni ta’ l-Imsieħba Soċjali li jistabbilixxu qafas ġenerali biex jiżguraw trattament ugwali għal ħaddiema għal terminu fiss billi jipproteġuhom kontra d-diskriminazzjoni”. Il-premessa 14 tad-Direttiva 1999/70 tindika għalhekk li l-għan ta’ dan il-Ftehim qafas huwa, b’mod partikolari, sabiex itejjeb il-kwalità ta’ xogħol għal żmien determinat billi jiżgura l-istabbiliment ta’ rekwiżiti minimi li jiggarantixxu l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni (ara s-sentenzi Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punt 47, u Nierodzik, C‑38/13, EU:C:2014:152, punt 22, kif ukoll digrieti Montoya Medina, C‑273/10, EU:C:2011:167, punt 29, u Lorenzo Martínez, C‑556/11, EU:C:2012:67, punt 34). |
41 |
Il-ftehim qafas, b’mod partikolari l-klawżola 4 tiegħu, għandu l-għan li japplika dan il-prinċipju lill-ħaddiema għal żmien determinat sabiex jiġi prekluż li relazzjoni tax-xogħol ta’ dan it-tip tintuża minn min iħaddem sabiex jiċħad lil dawn il-ħaddiema d-drittijiet li huma rikonoxxuti lil ħaddiema għal żmien indeterminat (sentenzi Del Cerro Alonso, C‑307/05, EU:C:2007:509, punt 37; Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punt 48, u Nierodzik, C‑38/13, EU:C:2014:152, punt 23, kif ukoll digrieti Montoya Medina, C‑273/10, EU:C:2011:167, punt 30, u Lorenzo Martínez, C‑556/11, EU:C:2012:67, punt 35). |
42 |
Fid-dawl tal-għanijiet tal-Ftehim qafas, kif imfakkra fiż-żewġ punti preċedenti ta’ din is-sentenza, il-klawżola 4 tiegħu għandha tiġi interpretata li tesprimi prinċipju tad-dritt soċjali tal-Unjoni li ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv (ara s-sentenzi Del Cerro Alonso, C‑307/05, EU:C:2007:509, punt 38; Impact, C‑268/06, EU:C:2008:223, punt 114; Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punt 49; u Nierodzik, C‑38/13, EU:C:2014:152, punt 24, kif ukoll digrieti Montoya Medina, C‑273/10, EU:C:2011:167, punt 31, u Lorenzo Martínez, C‑556/11, EU:C:2012:67, punt 36). |
43 |
Għal dak li jirrigwarda l-allowances ta’ anzjanità li jingħataw kull tliet snin, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li tali allowances, fejn tali benefiċċju kien irriżervat mid-dritt Spanjol għall-persunal uffiċjali fis-settur tas-saħħa li jaħdem għal żmien indeterminat, b’esklużjoni tal-persunal temporanju, kif ukoll għall-professuri li huma impjegati bħala uffiċjali stabbiliti f’komunità awtonoma, b’esklużjoni ta’ professuri impjegati bħala uffiċjali temporanji, u għall-professuri universitarji għal żmien indeterminat f’komunità awtonoma, b’esklużjoni tal-professuri universitarji għal żmien determinat, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet tal-impjieg” imsemmi fil-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Del Cerro Alonso, C‑307/05, EU:C:2007:509, punti 47 u 48, kif ukoll Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punti 50 sa 58, u digrieti Montoya Medina, C‑273/10, EU:C:2011:167, punti 32 sa 34, u Lorenzo Martínez, C‑556/11, EU:C:2012:67, punt 37). |
44 |
Issa, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward tal-allowances ta’ anzjanità li jingħataw kull tliet snin, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkostitwixxu l-kundizzjonijiet tal-impjieg fis-sens tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas, il-ħaddiema għal żmien determinat ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli minn dawk il-ħaddiema għal żmien indeterminat li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli, mingħajr ebda ġustifikazzjoni oġġettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Del Cerro Alonso, C‑307/05, EU:C:2007:509, punti 42 u 47; Impact, C‑268/06, EU:C:2008:223, punt 126, kif ukoll Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punt 53). |
45 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, li l-“ħaddiem kumparabbli permanenti” huwa ddefinit fil-klawżola 3(2) tal-Ftehim qafas bħala “ħaddiem b’kuntratt jew relazzjoni ta’ impjieg għal żmien indefinit, fl-istess stabbiliment, ingaġġat fl-istess xogħol jew xogħol/impjieg simili, wara li tingħata attenzjoni xierqa lill-kwalifiki/kapaċitajiet”. |
46 |
Sabiex jiġi evalwat jekk il-ħaddiema jeżerċitawx xogħol identiku jew simili, fis-sens tal-Ftehim qafas, għandhom, b’mod konformi mal-klawżoli 3(2) u 4(1) ta’ dan tal-aħħar, jittieħdu inkunsiderazzjoni numru ta’ fatturi, bħan-natura tax-xogħol tagħhom, il-kwalifiki u l-kompetenzi tagħhom, il-kundizzjonijiet tat-taħriġ u l-kundizzjonijiet tax-xogħol (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Rosado Santana, C‑177/10, EU:C:2011:557, punt 66, kif ukoll digrieti Montoya Medina, C‑273/10, EU:C:2011:167, punt 37, u Lorenzo Martínez, C‑556/11, EU:C:2012:67, punt 43). |
47 |
F’dan il-każ, il-Gvern Spanjol josserva li l-persunal awżiljarju jikkostitwixxi kategorija professjonali distinta mill-kategoriji l-oħra tal-membri tal-persunal fis-servizz pubbliku previsti fid-dritt Spanjol, fid-dawl kemm tar-rabtiet ta’ impjieg tagħhom, tal-funzjonijiet jew tar-rwoli li jeżerċitaw, kif ukoll tal-kriterji ta’ reklutaġġ jew tar-regoli li jirregolaw ir-remunerazzjoni tagħhom. Għalhekk, skont dan il-Gvern, id-differenzi fit-trattament bejn il-persunal awżiljarju u l-membri tal-persunal fis-servizz pubbliku nazzjonali l-oħra ma humiex limitati unikament għall-allowance ta’ anzjanità inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
48 |
Barra minn hekk, l-imsemmi Gvern jenfasizza li, b’differenza mill-uffiċjali stabbiliti li huma magħżula, konformement mad-dritt nazzjonali, skont proċeduri li jiggarantixxu l-osservanza tal-prinċipji kostituzzjonali tal-ugwaljanza, tal-mertu u tal-kapaċità, il-persunal awżiljarju huwa magħżul mingħajr restrizzjonijiet għall-kisba ta’ funzjoni speċifika temporanja ta’ fiduċja u ta’ parir speċjali. Ir-revoka wkoll ma hijiex suġġetta għal restrizzjonijiet u ssir awtomatikament meta l-awtorità li taħtha teżerċita l-imsemmija funzjoni ta’ fiduċja hija revokata. Skont dan l-istess Gvern, din is-sistema ta’ ħatra u ta’ revoka hija ġġustifikata mill-elementi speċifiċi tal-funzjonijiet tal-persunal awżiljarju, li hija bbażata fuq il-fiduċja fil-kuntest tal-pożizzjoni ta’ natura politika jew simili. |
49 |
Madankollu, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-funzjoni eżerċitata mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma tikkonsistix fl-eżerċizzju ta’ funzjoni speċifika marbuta mal-awtorità pubblika, iżda tirrigwarda iktar il-ksib tal-funzjonijiet ta’ kollaborazzjoni li jirrigwardaw attivitajiet ta’ natura amministrattiva. |
50 |
Fi kwalunkwe każ, hija l-qorti tar-rinviju, f’tali ċirkustanzi, li għandha tistabbilixxi jekk, għal dak li jirrigwarda l-għoti tal-allowances ta’ anzjanità li tingħata kull tliet snin inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-uffiċjali stabbiliti u l-persunal awżiljarju, li fir-rigward tagħhom hija allegata differenza fit-trattament dwar il-kundizzjonijiet tal-impjieg, humiex f’sitwazzjoni paragunabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Rosado Santana, C‑177/10, EU:C:2011:557, punt 67, kif ukoll digrieti Montoya Medina, C‑273/10, EU:C:2011:167, punt 39, u Lorenzo Martínez, C‑556/11, EU:C:2012:67, punt 44). |
51 |
Fil-każ li l-imsemmija qorti tikkonstata li l-funzjonijiet eżerċitati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-kapaċità tagħha ta’ persunal awżiljarju tal-Consejo de Estado ma humiex identiċi jew analogi għal dawk eżerċitati mill-uffiċjal stabbilit fi ħdan din l-amministrazzjoni jew fi ħdan stabbilimenti pubbliċi oħra fejn hija ħadmet preċedentement f’dan l-istess rwol, minn dan isegwi li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma tinsabx f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik ta’ uffiċjal stabbilit. |
52 |
Jekk, minn naħa l-oħra, din il-qorti tikkunsidra li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali teżerċita, fil-kapaċità tagħha ta’ persunal awżiljarju, funzjoni identika jew analoga għal dik eżerċitata mill-uffiċjal stabbilit tal-Consejo de Estado jew ta’ istituzzjoni oħra simili, l-unika element li jkun jista’ jiddistingwi s-sitwazzjoni tagħha minn dik ta’ uffiċjal stabbilit jidher li tkun in-natura temporanja tar-relazzjoni ta’ xogħol li torbotha mal-persuna li timpjegaha meta twettaq il-perijodi ta’ servizz bħala persunal awżiljarju. |
53 |
F’tali ċirkustanza, din ir-rikorrenti tkun qiegħda f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-imsemmija uffiċjal stabbilit u jkun xieraq li jiġi vverifikat jekk teżistix raġuni oġġettiva li tiġġustifika d-differenza fit-trattament bejn dawn iż-żewġ ħaddiema, fejn tali differenza f’dan il-każ tkun tirriżulta mir-rifjut li jingħataw l-allowances ta’ anzjanità li tingħata kull tliet snin għall-imsemmi perijodu ta’ servizz tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. |
54 |
Skont ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “raġunijiet oġġettivi”, li jissemma’ fil-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas, għandu jinftiehem bħala li ma jippermettix li tiġi ġġustifikata differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema għal żmien determinat u l-ħaddiema għal żmien indeterminat minħabba l-fatt li din id-differenza hija prevista minn regola nazzjonali ġenerali u astratta, bħal liġi jew ftehim kollettiv (sentenzi Del Cerro Alonso, C‑307/05, EU:C:2007:509, punt 57, kif ukoll Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punt 54, u digrieti Montoya Medina, C‑273/10, EU:C:2011:167, punt 40, u Lorenzo Martínez, C‑556/11, EU:C:2012:67, punt 47). |
55 |
L-imsemmi kunċett jeħtieġ li l-inugwaljanza fit-trattament ikkonstatata tkun iġġustifikata mill-eżistenza ta’ elementi preċiżi u konkreti, li jikkaratterizzaw il-kundizzjoni tal-impjieg ikkonċernat, fil-kuntest partikolari li fih hija taqa’ u fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u trasparenti, sabiex jiġi vverifikat jekk din l-inugwaljanza tweġibx għal bżonn veru, hijiex adattata sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u hijiex neċessarja għal dan il-għan. L-imsemmija elementi jistgħu jirriżultaw, b’mod partikolari, min-natura partikolari tal-kompiti li għat-twettiq tagħhom il-kuntratti għal żmien determinat ġew konklużi u mill-karatteristiċi inerenti għalihom jew, jekk ikun il-każ, mit-tħaddin ta’ għan leġittimu tal-politika soċjali ta’ Stat Membru (ara sentenzi Del Cerro Alonso, C‑307/05, EU:C:2007:509, punti 53 u 58, u Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punt 55, kif ukoll digrieti Montoya Medina, C‑273/10, EU:C:2011:167, punt 41, u Lorenzo Martínez, C‑556/11, EU:C:2012:67, punt 48). |
56 |
Min-naħa l-oħra, l-użu tan-natura temporanja tax-xogħol tal-persunal tal-amministrazzjoni pubblika biss ma huwiex konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti u b’hekk ma jistax, waħdu, jammonta għal raġuni oġġettiva fis-sens tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas (sentenza Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punt 56, kif ukoll digrieti Montoya Medina, C‑273/10, EU:C:2011:167, punt 42, u Lorenzo Martínez, C‑556/11, EU:C:2012:67, punt 49). |
57 |
Fil-fatt, differenza fit-trattament f’dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet tal-impjieg, bejn il-ħaddiema għal żmien determinat u l-ħaddiema għal żmien indeterminat ma tistax tiġi ġġustifikata minn kriterju li, b’mod ġenerali u astratt, jirreferi għat-tul stess tal-impjieg. Li jiġi ammess li n-natura temporanja ta’ relazzjoni ta’ impjieg, waħedha, hija suffiċjenti sabiex tiġġustifika tali differenza, jeżawrixxi mis-sustanza tagħhom l-għanijiet tad-Direttiva 1999/70 u tal-ftehim qafas. Minflok itejjeb il-kwalità tax-xogħol għal żmien determinat u jippromwovi l-ugwaljanza fit-trattament imfittxija kemm bid-Direttiva 1999/70 kif ukoll bil-ftehim qafas, l-użu ta’ tali kriterju jwassal sabiex tkun ipperpetwata ż-żamma ta’ sitwazzjoni sfavorevoli għall-ħaddiema għal żmien determinat (ara s-sentenzi Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punt 57, u Nierodzik, C‑38/13, EU:C:2014:152, punt 38, kif ukoll digrieti Montoya Medina, C‑273/10, EU:C:2011:167, punt 43, u Lorenzo Martínez, C‑556/11, EU:C:2012:67, punt 50). |
58 |
Il-Gvern Spanjol isostni li d-differenza fit-trattament inkwistjoni fil-kawża prinċipali bejn l-uffiċjali stabbiliti u l-persunal awżiljarju hija ġġustifikata minħabba fl-eżistenza ta’ tali raġunijiet oġġettivi. F’dan ir-rigward, huwa jenfasizza, l-ewwel nett, li l-persunal awżiljarju huwa maħtur sabiex jikseb funzjoni li għandha natura temporanja. In-natura partikolari tad-doveri u tal-ispeċifiċità tal-funzjoni tal-persunal awżiljarju, li jikkonsistu fi rwol ta’ fiduċja jew ta’ parir speċjali, ma jistgħux jiġu ttrattati bl-istess mod bħall-funzjonijiet li jinkludu doveri ta’ natura permanenti fl-organizzazzjoni amministrattiva. Huwa jsostni, it-tieni nett, il-fatt li l-ħatra u r-revoka ta’ dan il-persunal ma humiex suġġetti għal restrizzjonijiet, fis-sens li l-persuna li timpjega ma hijiex obbligata li żżomm ma’ ċertu proċeduri f’dan ir-rigward. It-tielet nett, il-pożizzjonijiet tal-persunal awżiljarju huma ta’ natura eċċezzjonali u l-persuni impjegati f’din il-kapaċità normalment ma jibqgħux f’dan is-servizz għal tul ta’ żmien. Finalment, ir-raba’ nett, peress li l-allowances ta’ anzjanità li tingħata kull tliet snin inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma kumpens mogħti lill-persunal li jibqa’ b’mod kontinwu fis-servizz tal-amministrazzjoni fejn iwettqu funzjonijiet purament amministrattivi, ikun kontradittorju li dawn jingħataw lill-persunal awżiljarju li ma jissodisfax dawn il-karatteristiċi. |
59 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, minn naħa, għalkemm, bħala prinċipju, hija l-qorti tar-rinviju li tevalwa jekk dawn l-argumenti jikkostitwixxux raġunijiet oġġettivi fis-sens tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 54 sa 57 ta’ din is-sentenza, in-natura mhux permanenti tal-persunal awżiljarju ma tista’ fl-ebda każ tiġi kkunsidrata bħala tali raġuni. |
60 |
Min-naħa l-oħra, għalkemm ċerti differenzi dwar ir-reklutaġġ tal-uffiċjali stabbiliti u tal-persunal awżiljarju, tal-kwalifiki meħtieġa u tan-natura tal-funzjonijiet li għandhom jassumu r-responsabbiltà tagħhom jistgħu, bħala regola, jiġġustifikaw trattament differenti dwar il-kundizzjonijiet tal-impjieg tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza Rosado Santana, C‑177/10, EU:C:2011:557, punt 78), dan ma jidhirx li huwa l-każ fil-kawża prinċipali. |
61 |
Fil-fatt, jirriżulta mill-formulazzjoni stess tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 26(4) tal-Liġi 2/2012 li l-uffiċjali stabbiliti f’sitwazzjoni ta’ servizz attiv jew ta’ kollokament li jokkupaw postijiet irriżervati għall-persunal awżiljarju jirċievu l-allowances ta’ anzjanità li jingħataw kull tliet snin inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Il-fatt li tali uffiċjali stabbiliti jistgħu jibbenefikaw minn dawn l-allowances, inkluż matul il-perijodu fejn jeżerċitaw il-funzjonijiet mogħtija lill-persunal awżiljarju, jikkontradixxi l-argument skont liema n-natura partikolari tal-funzjoni ta’ fiduċja jew ta’ parir speċjali li hija r-responsabbiltà tal-persunal awżiljarju tiddistingwi dawn iż-żewġ tipi ta’ persunal u tiġġustifika differenza fit-trattament bejniethom għal dak li jirrigwarda l-għoti tal-imsemmija allowances. |
62 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni u għat-tielet domandi għandha tkun li l-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teskludi, fl-assenza ta’ kull ġustifikazzjoni għal raġunijiet oġġettivi, il-persunal awżiljarju mid-dritt li jirċievi l-allowances ta’ anzjanità li jingħataw kull tliet snin mogħtija, b’mod partikolari, lill-uffiċjali stabbiliti, meta fir-rigward tal-għoti ta’ din l-allowance, dawn iż-żewġ kategoriji ta’ ħaddiema jinsabu f’sitwazzjonijiet paragunabbli, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. |
Fuq l-ispejjeż
63 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.