SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

17 ta’ Lulju 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 93/13/KEE — Artikolu 7 — Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikolu 47 — Kuntratti konklużi mal-konsumaturi — Kuntratt ta’ self ipotekarju — Klawżoli inġusti — Proċedura ta’ sekwestru ipotekarju — Dritt għal azzjoni legali”

Fil-Kawża C‑169/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE imressqa mill-Audiencia Provincial de Castellón (Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ April 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ April 2014, fil-proċedura

Juan Carlos Sánchez Morcillo,

María del Carmen Abril García

vs

Banco Bilbao Vizcaya Argentaria, SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, E. Levits (Relatur), M. Berger, S. Rodin u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ Ġunju 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Juan Carlos Sánchez Morcillo u Maria del Carmen Abril García, minn P. Medina Aina, procurador de los tribunales, assistita minn P. J. Bastida Vidal, avokat,

għal Banco Bilbao Vizcaya Argentaria SA, minn B. García Gómez u J. Rodríguez Cárcamo, avukati,

għall-Gvern Spanjol, minn S. Centeno Huerta u A. Rubio González, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Owsiany-Hornung kif ukoll minn É. Gippini Fournier u M. van Beek, bħala aġenti,

wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”), kif ukoll l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Juan Carlos Sánchez Morcillo flimkien ma’ Maria del Carmen Abril García u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria SA (iktar ’il quddiem “Banca Bilbao”) dwar l-oppożizzjoni tagħhom għas-sekwestru ipotekarju fuq darhom.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Id-disa’ premessa tad-Direttiva 93/13 tipprovdi li:

“[...] l-akkwirenti ta’ merkanzija jew servizzi għandhom jiġu protetti kontra l-abbuż tal-poter mill-bejjiegħ jew mill-fornitur [...]”.

4

L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li japprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri relatati ma’ klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur.”

5

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jipprovdi li:

“1.   Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.

2.   Klawżola għandha dejjem tiġi kkunsidrata li ma tkunx ġiet innegozjat individwalment meta din tkun ġiet abbozzata minn qabel u l-konsumatur b’hekk ma jkunx seta’ jinfluwenza s-sustanza tal-klawżola, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ kuntratt standard imfassal minn qabel.

[...]

3.   L-Anness għandu jkun fih lista indikattiva u mhux eżawrjenti tal-klawżoli li jistgħu jiġu kkunsidrati inġusti.”

6

Skont l-Artikolu 7(1) tal-istess direttiva:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

7

L-Anness tad-Direttiva 93/13 jelenka l-klawżoli msemmija fl-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva. Dan jinkludi, b’mod partikolari, il-klawżoli li ġejjin:

“1.   Klawżoli li għandhom l-għan jew l-effett li:

[...]

(q)

jeskludu jew ifixklu d-dritt tal-konsumatur li jieħu azzjon legali jew jeżerċita kull rimedju legali ieħor, b’mod partikolari billi jeħtieġ lill-konsumatur li jieħu kwistjoni esklussivament għall-arbitraġġ mhux kopert b’disposizzjonijiet legali, biex b’hekk jirristrinġu l-evidenza disponibbli għalih b’mod esaġerat jew jimponu fuqu l-oneru tal-prova li, skond il-liġi applikabbli, għandu jkun fuq parti oħra tal-kuntratt.

[...]”

Id-dritt Spanjol

8

Il-Kapitolu III tal-Liġi 1/2013, dwar miżuri intiżi sabiex isaħħu l-protezzjoni tad-debituri ipotekarji, ir-ristrutturazzjoni tad-dejn u l-kiri soċjali (Ley 1/2013, de medidas para reforzar la protección a los deudores hipotecarios, reestructuración de deuda y alquiler social), tal‑14 ta’ Mejju 2013 (BOE Nru 116, tal-15 ta’ Mejju 2013, p. 36373, iktar ’il quddiem il-“Liġi 1/2013”), emenda l-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Ley de enjuiciamiento civil), tas-7 ta’ Jannar 2000 (BOE Nru 7, tat-8 ta’ Jannar 2000, p. 575), huwa stess emendat l-aħħar bid-Digriet Liġi 7/2013, dwar miżuri urġenti ta’ natura fiskali u baġitarji u li jinkoraġġixxu r-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni (decreto-ley 7/2013 de medidas urgentes de naturaleza tributaria, presupuestarias y de fomento de la investigación, el desarrollo y la innovación), tat-28 ta’ Ġunju 2013 (BOE Nru 155, tad-29 ta’ Ġunju 2013, p. 48767, iktar ’il quddiem il-“LEC”).

9

L-Artikolu 695 tal-LEC, dwar il-proċedura ta’ oppożizzjoni għas-sekwestru ipotekarju, huwa fformulat kif ġej:

“Oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni

1.   Fil-proċeduri msemmija f’dan il-kapitolu, l-oppożizzjoni tal-konvenut għall-eżekuzzjoni għandha tintlaqa’ biss meta tkun ibbażata fuq il-motivi li ġejjin:

(1)

l-estinzjoni tal-garanzija jew tal-obbligu ggarantit, […]

(2)

żball fid-determinazzjoni tal-ammont dovut, […]

(3)

f’każ ta’ eżekuzzjoni ta’ beni mobbli ipotekati jew li fuqhom tkun saret garanzija mingħajr teħid ta’ pussess, il-kostituzzjoni, fuq dawn il-beni, ta’ garanzija, ipoteka mobbli jew immobbli, jew sekwestru oħra iskritti qabel l-obbligu li fir-rigward tiegħu tkun infetħet il-proċedura, biċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni korrispondenti;

(4)

in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li tikkostitwixxi l-bażi tal-eżekuzzjoni jew li ppermettiet li jiġi stabbilit l-ammont dovut.

2.   Ladarba tiġi magħmula l-oppożizzjoni msemmija fil-paragrafu preċedenti, is-Secretario Judicial għandu jissospendi l-eżekuzzjoni u jsejjaħ lill‑partijiet sabiex jidhru quddiem il-qorti li ħarġet l-ordni ta’ eżekuzzjoni. Iċ-ċitazzjoni għandha ssir mill-inqas erbat ijiem qabel is‑seduta inkwistjoni. F’din is-seduta, il-qorti għandha tisma’ lill‑partijiet, tilqa’ d-dokumenti ppreżentati u tadotta d-deċiżjoni li hija tqis xierqa, permezz ta’ digriet, fit-tieni jum.

3.   Id-deċiżjoni li tilqa’ l-oppożizzjoni bbażata fuq l-ewwel u t-tielet motivi tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu twassal għas-sitwazzjoni fejn ma hemmx lok li ssir l‑eżekuzzjoni; dik li tilqa’ l-oppożizzjoni bbażata fuq it-tieni motiv tistabbilixxi l-ammont li fir-rigward tiegħu l-eżekuzzjoni għandha titkompla.

Jekk jintlaqa’ r-raba’ motiv, jiġi ddikjarat li ma hemmx lok li ssir l-eżekuzzjoni jekk il-klawżola kuntrattwali tikkostitwixxi l-bażi tal-eżekuzzjoni. Jekk le, l-eżekuzzjoni titkompla filwaqt li tiġi eliminata l-applikazzjoni tal-klawżola inġusta.

4.   Id-deċiżjoni li tordna li ma hemmx lok li ssir l-eżekuzzjoni jew li tiddikjara l-inapplikabbiltà ta’ klawżola inġusta tista’ tiġi appellata.

Ħlief f’dawn il-każijiet, id-deċiżjonijiet dwar l-oppożizzjoni msemmija f’dan l-artikolu ma jistgħux jiġu appellati u l-effetti tagħhom huma esklużivament limitati għall-proċedura ta’ eżekuzzjoni li fil-kuntest tagħha ngħataw.”

10

L-Artikolu 552 tal-LEC, li jikkonċerna l-appell li huwa possibbli fil-każ ta’ rifjut li tiġi ordnata l-eżekuzzjoni, jipprovdi li:

“1.   Jekk il-qorti tqis li l-modalitajiet u l-kundizzjonijiet legalment meħtieġa ma humiex issodisfatti sabiex tiġi ordnata l-eżekuzzjoni, hija għandha tagħti digriet li jirrifjuta l-eżekuzzjoni.

Meta l-qorti tqis li waħda mill-klawżoli li tinsab f’wieħed mit-titoli eżekuttivi msemmija fl-Artikolu 557(1) tista’ titqies bħala inġusta, għandha tinforma lill-partijiet fi żmien ħmistax-il ġurnata. Ladarba dawn jinstemgħu, hija għandha tiddeċiedi f’terminu ta’ ħames ġranet ta’ ħidma, skont id-dispożizzjonijiet tal-punt 3 tal-Artikolu 561(1).

2.   Id-digriet li jiċħad l-eżekuzzjoni jista’ jiġi appellat direttament, filwaqt li l-appell huwa kkunsidrat biss mal-kreditur. Dan jista’ wkoll, jekk ikun jixtieq, jitlob eżami mill-ġdid tat-talba tiegħu lill-istess qorti qabel ma jappella.

3.   Ladarba d-digriet li jiċħad l-eżekuzzjoni jsir definittiv, il-kreditur jista’ jinvoka biss id-drittijiet tiegħu fil-proċedura ordinarja korrispondenti, jekk il-prinċipju ta’ res judicata tas-sentenza jew tad-deċiżjoni li fuqha kienet ibbażata t-talba għall-eżekuzzjoni ma tkunx tipprekludi dan.”

11

Skont l-Artikolu 557 tal-LEC, dwar il-proċeduri ta’ oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni bbażata fuq titoli mhux ġudizzjarji jew arbitrarji:

“1.   Meta l-eżekuzzjoni tiġi ordnata għat-titoli msemmija fil-punti 4, 5, 6 u 7 tal-Artikolu 517(2), kif ukoll għad-dokumenti l-oħra li għandhom is-saħħa eżekuttiva msemmija fil-punt 9 tal-Artikolu 517(2), il-konvenut għall-eżekuzzjoni jista’ jopponiha biss, fit-termini u forom previsti fl-artikolu preċedenti, jekk jinvoka wieħed mill-motivi li ġejjin:

[...]

it-titolu jinkludi klawżoli inġusti.

2.   Jekk l-oppożizzjoni msemmija fil-paragrafu preċedenti tiġi ppreżentata, ir-Reġistru tal-qorti jissospendi l-eżekuzzjoni permezz ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura.”

12

L-Artikolu 561(1) tal-LEC jikkonċerna d-digriet li jiddeċiedi dwar l-oppożizzjoni għal motivi sostantivi u huwa fformulat kif ġej:

“1.   Wara li tkun semgħet lill-partijiet fuq l-oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni mhux ibbażata fuq difetti proċedurali u wara s-seduta li tkun sussegwentement inżammet, il-qorti għandha tadotta, permezz ta’ digriet, għall-finijiet biss tal-eżekuzzjoni, waħda mid-deċiżjonijiet li ġejjin:

(1)

tordna li l-eżekuzzjoni titkompla għall-ammont iffissat jekk l-oppożizzjoni tkun miċħuda kollha kemm hi. Jekk l-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq talba eċċessiva u intlaqat parzjalment, l-eżekuzzjoni għandha tiġi ordnata għall-ammont korrispondenti.

Id-digriet li jiċħad l-oppożizzjoni kollha kemm hi għandu jikkundanna lill-konvenut għall-eżekuzzjoni għall-ispejjeż tagħha, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 394 dwar l-ispejjeż fl-ewwel istanza;

(2)

tiddikjara li ma hemmx lok li sseħħ l-eżekuzzjoni jekk jintlaqa’ wieħed mill-motivi ċċitati fl-Artikoli 556 u 557 jew jekk jitqies li t-talba eċċessiva ammessa skont l-Artikolu 558 hija kompletament fondata;

(3)

jekk n-natura inġusta ta’ waħda mill-klawżoli jew ta’ diversi minnhom tiġi kkonstatata, id-digriet adottat għandu jippreċiża l-konsegwenzi, jew billi jordna li ma hemmx lok li ssir l-eżekuzzjoni, jew billi jordna l-eżekuzzjoni mingħajr l-applikazzjoni tal-klawżoli meqjusa inġusti.

2.   Jekk l-oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni tintlaqa’, l-eżekuzzjoni ssir mingħajr effett u s-sekwestri kif ukoll il-miżuri intiżi sabiex jiggarantixxu t-twettiq tal-eżekuzzjoni li jkunu ġew adottati għandhom jitneħħew, filwaqt li l-konvenut għall-eżekuzzjoni jerġa’ jinstab mill-ġdid fis-sitwazzjoni ta’ qabel l-implementazzjoni tal-eżekuzzjoni, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 533 u 534. Il-persuna li titlob l-eżekuzzjoni hija kkundannata wkoll għall-ispejjeż tal-oppożizzjoni.

3.   Id-digriet li jiddeċiedi dwar l-oppożizzjoni jista’ jiġi appellat, liema appell ma jissospendix l-eżekuzzjoni jekk id-deċiżjoni appellata tkun ċaħdet l-oppożizzjoni.

Jekk id-deċiżjoni appellata tkun laqgħat l-oppożizzjoni, il-persuna li titlob l-eżekuzzjoni tista’ titlob li jinżammu s-sekwestri u l-miżuri ta’ garanzija adottati u l-adozzjoni ta’ miżuri rilevanti skont l-Artikolu 697 tal-liġi preżenti. Il-qorti għandha tiddeċiedi f’dan is-sens permezz ta’ digriet, bil-kundizzjoni li l-persuna li titlob l-eżekuzzjoni tipprovdi garanzija suffiċjenti, iffissata mid-deċiżjoni nnifisha, sabiex jiġi ggarantit il-kumpens li l-konvenut għall-eżekuzzjoni jkollu dritt għalih jekk jiġi kkonfermat li l-oppożizzjoni hija milqugħa.”

Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ffirmaw ma’ Banco Bilbao, fid-9 ta’ Ġunju 2003, att notarili ta’ self tas-somma ta’ EUR 300 500 b’garanzija ipotekarja fuq darhom.

14

Ir-rimbors tal-imsemmija somma kellu jintemm fit-30 ta’ Ġunju 2028, maqsum fuq 360 pagament mensili. Fl-ipoteżi li d-debituri jonqsu mill-obbligu tagħhom li jħallsu, Banca Bilbao kien awtorizzat jitlob ir-rimbors antiċipat tas-self mogħti lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Il-klawżola 6a tal-kuntratt ta’ self kienet tiffissa r-rata tal-interessi moratorji għal 19 % fis-sena, filwaqt li r-rata tal-interessi legali fi Spanja matul il-perijodu kkonċernat mill-kawża prinċipali kienet ta’ 4 % fis-sena.

15

Minħabba n-nuqqas tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li jwettqu l-obbligu tagħhom li jirrimborsaw il-pagamenti mensili ta’ dan is-self, il-Banco Bilbao talab, fil-15 ta’ April 2011, il-ħlas tal-ammont totali tas-self flimkien mal-interessi normali u dawk moratorji, kif ukoll il-bejgħ b’subbasta tal-proprjetà immobbli ipotekata favorih.

16

Wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ sekwestru ipotekarju, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw oppożizzjoni għaliha, li ġiet miċħuda b’deċiżjoni tad-19 ta’ Ġunju 2013 tal-Juzgado de Primera Instancia no3 de Castellón (qorti tal-prim’istanza Nru 3 ta’ Castellón Spanja). Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellaw minn din id-deċiżjoni li, peress li dan l-appell ġie ddikjarat ammissibbli, dan intbagħat quddiem l-Audiencia Provincial de Castellón (qorti provinċjali ta’ Castellón).

17

Il-qorti tal-rinviju tesponi li, għalkemm il-proċedura ċivili Spanjola tippermetti li jitressaq appell mid-deċiżjoni li, hija u tilqa’ l-oppożizzjoni magħmula minn debitur, iġġib fit-tmiem il-proċedura ta’ sekwestru ipotekarju, hija ma tippermettix, min-naħa l-oħra, lid-debitur, li l-oppożizzjoni tiegħu tkun ġiet miċħuda, jappella mis-sentenza tal-ewwel istanza li tordna t-tkomplija tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni ġudizzjarja.

18

Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ din il-leġiżlazzjoni nazzjonali mal-għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi mfittex mid-Direttiva 93/13, kif ukoll mad-dritt għal rimedju effettiv kif stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta. Din il-qorti tenfasizza li l-possibbiltà ta’ appell għad-debituri jista’ jkun ħafna iktar determinanti għaliex ċerti klawżoli tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu jitqiesu li huma “inġusti”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Audiencia Provincial de Castellón iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiema u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 7(1) tad-[Direttiva 93/13], li jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri, jipprekludi dispożizzjoni proċedurali bħall-Artikolu 695(4) tal-[LEC], li, fid-dispożizzjonijiet li jirregolaw rikors kontra d-deċiżjoni li tiddeċiedi dwar l-oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni ta’ beni ipotekati jew mogħtija b’rahan, jippermetti li jitressaq appell biss mid-digriet li jiddeċiedi t-tmiem tal-proċedura jew li klawżola abbużiva [inġusta] ma tiġix applikata, u li jeskludi t-tressiq ta’ appell fil-każijiet l-oħra, bil-konsegwenza immedjata li, filwaqt li l-persuna li titlob l-eżekuzzjoni tista’ tappella fil-każijiet fejn l-oppożizzjoni tal-konvenut għall-eżekuzzjoni tintlaqa’ u fejn jiġi deċiż li l-proċedura tintemm jew li ma tiġix applikata klawżola inġusta, il-konsumatur li huwa konvenut għall-eżekuzzjoni ma jistax jappella meta l-oppożizzjoni tiegħu tiġi miċħuda?

2)

Fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi li tinsab fid-Direttiva 93/13, il-prinċipji ta’ dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, ta’ dritt għal smigħ xieraq u għal opportunitajiet ugwali għall-partijiet stabbiliti fl-Artikolu 47 tal-[Karta] jipprekludu dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali bħall-Artikolu 695(4) tal-[LEC], li, fid-dispożizzjonijiet li jirregolaw rikors kontra d-deċiżjoni li tiddeċiedi dwar l-oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni ta’ beni ipotekati jew mogħtija b’rahan, jippermetti li jitressaq appell biss mid-digriet li jiddeċiedi t-tmiem tal-proċedura jew li klawżola abbużiva ma tiġix applikata, u li jeskludi t-tressiq ta’ appell fil-każijiet l-oħra, bil-konsegwenza immedjata li, filwaqt li l-persuna li titlob l-eżekuzzjoni tista’ tappella fil-każijiet fejn l-oppożizzjoni tal-konvenut għall-eżekuzzjoni tintlaqa’ u fejn jiġi deċiż li l-proċedura tintemm jew li ma tiġix applikata klawżola inġusta, il-konvenut għall-eżekuzzjoni ma jistax jappella meta l-oppożizzjoni tiegħu tiġi miċħuda?”

20

B’rispett għat-talba tal-qorti tar-rinviju, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda li jissottometti l-kawża preżenti għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja Sánchez Morcillo et Abril García, C‑169/14, EU:C:2014:1388).

Fuq id-domandi preliminari

21

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi sistema ta’ mezzi ta’ eżekuzzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li proċedura ta’ sekwestru ipotekarju ma tistax tiġi sospiża mill-qorti li tiddeċiedi dwar il-mertu, fejn fid-deċiżjoni finali tagħha, din tista’ l-iktar l-iktar tagħti kumpens għad-dannu subit mill-konsumatur, sa fejn dan tal-aħħar, bħala debitur suġġett għall-eżekuzzjoni, ma jistax jappella mid-deċiżjoni li tiċħad l-oppożizzjoni tiegħu għal din l-eżekuzzjoni, filwaqt li l-bejjiegħ jew il-fornitur, il-kreditur li jitlob l-eżekuzzjoni, jista’ jappella mid-deċiżjoni li tordna t-tmiem tal-proċedura jew li tiddikjara klawżola inġusta bħala inapplikabbli.

22

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar l-ewwel nett li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sistema ta’ protezzjoni implementata mid-Direttiva 93/13 hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità fil-konfront tal-bejjiegħ jew tal-fornitur kemm fir-rigward tas-setgħa ta’ negozjati kif ukoll fir-rigward tal-livell ta’ informazzjoni (sentenza Barclays Bank, C‑280/13, EU:C:2014:279, punt 32 u Aziz, C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 44).

23

Fid-dawl ta’ tali sitwazzjoni ta’ inferjorità, l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi li l-klawżoli inġusti ma jorbtux lill-konsumatur. Din hija dispożizzjoni obbligatorja intiża li tissostitwixxi l-bilanċ formali stabbilit mill-kuntratt bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti b’bilanċ reali tali li jistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza bejn dawn tal-aħħar (sentenza Banco Español de Crédito, C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li l-qorti nazzjonali għandha tevalwa ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva u, meta tagħmel dan, għandha tirrimedja l-iżbilanċ li jeżisti bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew il-fornitur, meta jkollha quddiemha l-punti ta’ liġi u ta’ fatt meħtieġa għal dan il-għan (sentenzi Aziz, EU:C:2013:164, punt 46 u Barclays Bank, EU:C:2014:279, punt 34).

25

Il-proċeduri nazzjonali ta’ eżekuzzjoni, bħall-proċeduri ta’ sekwestru ipotekarju, huma suġġetti għar-rekwiżiti stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja intiżi għall-protezzjoni effettiva tal-konsumaturi.

26

Għaldaqstant, fil-kuntest ta’ tali proċeduri, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-Direttiva 93/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li ma tippermettix lill-qorti adita b’talba għal ordni ta’ ħlas tevalwa ex officio, la in limine litis u lanqas f’ebda mument ieħor tal-proċedura, minkejja li jkollha diġà punti ta’ liġi u ta’ fatt neċessarji għal dan il-għan, in-natura inġusta ta’ klawżoli ta’ interessi moratorji li jinsabu f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, fl-assenza ta’ oppożizzjoni ppreżentata minn dan tal-aħħar (ara s-sentenza Banco Español de Crédito, EU:C:2012:349, punt 57).

27

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li din id-direttiva għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, filwaqt li fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sekwestru ipotekarju ma tipprevedix motivi ta’ oppożizzjoni bbażati fuq in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li hija l-bażi tat-titolu eżekuttiv, ma tippermettix lill-qorti adita bil-proċedura dwar il-mertu, li jkollha l-kompetenza sabiex tevalwa n-natura inġusta ta’ tali klawżola, tadotta miżuri provviżorji, fosthom, b’mod partikolari, is-sospensjoni tal-imsemmija proċedura ta’ eżekuzzjoni, meta l-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri tkun neċessarja sabiex tiġi ggarantita l-effettività kompleta tad-deċiżjoni finali tagħha (ara s-sentenza Aziz, EU:C:2013:164, punt 64).

28

Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija wkoll stabbilita fis-sens li d-Direttiva 93/13 tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix lill-qorti responsabbli mill-eżekuzzjoni, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sekwestru ipotekarju, la li tevalwa, kemm jekk ex officio jew fuq it-talba tal-konsumatur, in-natura inġusta ta’ klawżola li tinsab fil-kuntratt li minnu jirriżulta d-dejn mitlub u li jistabbilixxi t-titolu eżekuttiv, u lanqas li tadotta miżuri provviżorji, fosthom, b’mod partikolari, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni, meta l-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri tkun neċessarji sabiex tiġi ggarantita l-effettività kompleta tad-deċiżjoni finali tal-qorti adita bil-proċedura dwar il-mertu korrispondenti, li jkollha l-kompetenza li tivverifika n-natura inġusta ta’ din il-klawżola (digriet Banco Popular Español u Banco de Valencia, C‑537/12 u C‑116/13, EU:C:2013:759, punt 60).

29

Skont din il-ġurisprudenza, u b’mod iktar partikolari wara l-għoti tas-sentenza Aziz (EU:C:2013:164), il-Liġi 1/2013 emendat b’mod partikolari l-artikoli tal-LEC dwar il-proċedura ta’ eżekuzzjoni ta’ beni ipotekati jew li fuqhom tkun saret garanzija billi introduċiet, fl-Artikolu 695(1) tiegħu, il-possibbiltà għall-konvenut li jopponi l-proċeduri ta’ sekwestru ipotekarju fejn in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali tikkostitwixxi l-bażi tal-eżekuzzjoni.

30

Din l-emenda leġiżlattiva rriżultat f’problema li hija kompletament ġdida meta mqabbla ma’ dik li wasslet għas-sentenza Aziz (EU:C:2013:164) u għad-digriet Banco Popular Español u Banco de Valencia (EU:C:2013:759). Din il-problema tirrigwarda l-fatt li din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tillimita l-possibbiltà li din id-deċiżjoni tiġi appellata għas-sempliċi ipoteżi fejn il-qorti tal-prim’istanza tkun laqgħat oppożizzjoni bbażata fuq in-natura inġusta tal-klawżola kuntrattwali li tikkostitwixxi l-bażi tal-eżekuzzjoni, u b’hekk l-imsemmi leġiżlazzjoni tintroduċi differenza fit-trattament bejn il-bejjiegħ jew fornitur u l-konsumatur bħala partijiet fil-proċedura. Fil-fatt, sa fejn appell huwa possibbli biss fil-każ li l-oppożizzjoni tkun tqieset li hija fondata, il-bejjiegħ jew fornitur jista’ jappella mid-deċiżjoni li tmur kontra l-interessi tiegħu filwaqt li, fil-każ li l-oppożizzjoni tkun ġiet miċħuda, il-konsumatur ma għandux din il-possibbiltà.

31

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni tal-mekkaniżmi nazzjonali dwar l-eżekuzzjoni ġudizzjarja, il-modalitajiet tal-implementazzjoni ta’ appell mid-deċiżjoni li tiddeċiedi dwar il-legalità ta’ klawżola kuntrattwali, ammessa fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sekwestru ipotekarju, jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-imsemmija modalitajiet għandhom jissodisfaw kundizzjoni doppja, li ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li ma jagħmlux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lill-konsumaturi mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Mostaza Claro, C‑168/05, EU:C:2006:675, punt 24; Asturcom Telecomunicaciones, C‑40/08, EU:C:2009:615, punt 38; Aziz, EU:C:2013:164, punt 50, u Barclays Bank, EU:C:2014:279, punt 37).

32

Fir-rigward, minn naħa, tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha ebda element tali li jqajjem dubju dwar il-konformità tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma’ dan il-prinċipju.

33

Fil-fatt, jirriżulta b’mod partikolari, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 695(1) u (4) tal-LEC li s-sistema proċedurali Spanjola ma tipprovdix li l-konsumatur jista’ jippreżenta appell mid-deċiżjoni li tiċħad l-oppożizzjoni tiegħu għall-eżekuzzjoni, mhux biss meta din l-oppożizzjoni tkun ibbażata fuq in-natura inġusta, fid-dawl tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/13, ta’ klawżola li tkun tinsab f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, iżda wkoll meta tkun ibbażata fuq il-ksur ta’ regola nazzjonali ta’ ordni pubbliku, kwistjoni li madankollu hija l-qorti tar-rinviju li trid tivverifika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Aziz, EU:C:2013:164, punt 52).

34

Min-naħa l-oħra, għal dak li jikkonċerna l-prinċipju ta’ effettività, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li kull każ fejn tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tagħmilx impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi analizzat billi jittieħed inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, fl-iżvolġiment tagħha u tad-dettalji tagħha, quddiem il-varji istanzi nazzjonali. F’din il-perspettiva, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun neċessarju, il-prinċipji li fuqhom huwa msejjes l-ordinament ġuridiku nazzjonali, bħalma huma l-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment korrett tal-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Asociación de Consumidores Independientes de Castilla y León, C‑413/12, EU:C:2013:800, punt 34, kif ukoll Pohotovosť, C‑470/12, EU:C:2014:101, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Għaldaqstant, l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw l-effettività tad-drittijiet mogħtija lill-partijiet fil-kawża mid-Direttiva 93/13 kontra l-użu ta’ klawżoli inġusti jimplika rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja, stabbilit ukoll fl-Artikolu 47 tal-Karta, li l-qorti nazzjonali għandha tosserva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Banif Plus Bank, C‑472/11, EU:C:2013:88, punt 29). Din il-protezzjoni tgħodd kemm fil-livell tal-iffissar tal-qrati li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jisimgħu kawżi bbażati fuq id-dritt tal-Unjoni kif ukoll f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni tal-modalitajiet proċedurali relattivi għal tali kawżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Alassini et, C‑317/08 sa C‑320/08, EU:C:2010:146, punt 49).

36

Issa, f’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont id-dritt tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jkopri d-dritt ta’ aċċess mhux għal grad doppju ta’ protezzjoni ġudizzjarja, iżda sempliċement għal qorti jew tribunal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Samba Diouf, C‑69/10, EU:C:2011:524, punt 69). Konsegwentement, il-fatt li l-konsumatur ma għandux rimedju, bħala debitur suġġett għall-eżekuzzjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ sekwestru ipotekarju, ħlief quddiem istanza ġudizzjarja waħda sabiex jinvoka d-drittijiet mogħtija lilu mid-Direttiva 93/13, ma jistax, bħala tali, imur kontra d-dritt tal-Unjoni.

37

Madankollu, jekk jittieħed inkunsiderazzjoni r-rwol li jokkupa l-Artikolu 695(1) u (4) tal-LEC fil-proċedura kollha, iqumu l-konstatazzjonijiet li ġejjin.

38

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li mill-fajl sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, skont ir-regoli proċedurali Spanjoli, sekwestru ipotekarju fuq beni immobbli li għandu funzjoni essenzjali għall-konsumatur, jiġifieri dak li jtih residenza, jista’ jinbeda minn bejjiegħ jew furnitur, fuq il-bażi ta’ att notarili li għandu saħħa eżekuttiva mingħajr anki ma jkun sar stħarriġ ġudizzjarju fuq il-kontenut ta’ dan l-att intiż sabiex jirrileva n-natura eventwalment inġusta ta’ klawżola jew ta’ diversi klawżoli ta’ dan l-att. Tali privileġġ mogħti lill-bejjiegħ jew furnitur, irendi iktar neċessarju l-fatt li l-konsumatur, fil-kwalità tiegħu ta’ debitur suġġett għall-eżekuzzjoni, jkun jista’ jibbenefika minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

39

Għal dak li jirrigwarda l-istħarriġ imwettaq f’dan ir-rigward mill-qorti responsabbli mill-eżekuzzjoni, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li bħalma kkonferma l-Gvern Spanjol matul is-seduta, minkejja l-emendi tal-LEC mil-Liġi 1/2013 wara li ngħatat is-sentenza Aziz (EU:C:2013:164), l-Artikolu 552(1) tal-LEC ma jobbligax lil din il-qorti sabiex teżamina ex officio n-natura possibbilment inġusta tal-klawżoli kuntrattwali li jikkostitwixxu l-bażi tat-talba, billi dan l-istħarriġ huwa fakultattiv.

40

Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 695(1) tal-LEC, kif emendat bil-Liġi 1/2013, il-konvenut għall-eżekuzzjoni ta’ sekwestru ipotekarju jista’ jopponi għaliha meta hija tkun ibbażata fuq in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li tikkostitwixxi l-bażi tal-eżekuzzjoni jew li tkun ippermettiet li jiġi ffissat l-ammont dovut.

41

F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 552(1) tal-LEC, l-eżami mill-qorti ta’ oppożizzjoni bbażata fuq in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali huwa suġġett għal restrizzjonijiet ta’ żmien, bħal dawk li l-partijiet jinstemgħu f’terminu ta’ ħmistax-il ġurnata u li tingħata deċiżjoni f’terminu ta’ ħames ġranet.

42

Barra minn hekk, mill-fajl sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li s-sistema proċedurali Spanjola fil-qasam tas-sekwestru ipotekarju hija kkaratterizzata mill-fatt li hekk kif tinbeda l-proċedura ta’ eżekuzzjoni, kwalunkwe azzjoni legali oħra li l-konsumatur jista’ jibda, inkluża dik sabiex jikkontesta l-validità tat-titolu eżekuttiv, l-eżiġibbiltà, iċ-ċertezza, l-estinzjoni jew l-ammont tad-dejn, hija suġġetta għal proċedura u għal deċiżjoni indipendenti, mingħajr la waħda u lanqas l-oħra ma jkun jista’ jkollhom l-effett li jissospendu l-proċedura ta’ eżekuzzjoni pendenti jew li twaqqafha, ħlief fl-ipoteżi li jifdal fejn l-imsemmi konsumatur ikun għamel iskrizzjoni preventiva tat-talba għan-nullità tal-ipoteka qabel in-nota fil-marġni tal-ħruġ taċ-ċertifikat tal-obbligi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Aziz, EU:C:2013:164, punti 55 sa 59).

43

Fid-dawl ta’ dawn il-karatteristiċi, fil-każ ta’ ċaħda tal-oppożizzjoni magħmula mill-konsumatur għas-sekwestru ipotekarju tal-beni immobbli tiegħu, is-sistema proċedurali Spanjola, meħudha fit-totalità tagħha u hekk kif applikabbli għall-kawża prinċipali, tesponi lill-konsumatur, jew saħansitra, bħal fil-kawża prinċipali, il-familja tiegħu, għar-riskju li jitlef daru wara bejgħ sfurzat tagħha, filwaqt li l-qorti responsabbli mill-eżekuzzjoni tkun, l-iktar l-iktar, għamlet eżami rapidu tal-validità tal-klawżoli kuntrattwali li fuqhom il-bejjiegħ jew furnitur jibbaża t-talba tiegħu. Il-protezzjoni li l-konsumatur, fil-kwalità tiegħu ta’ debitur suġġett għall-eżekuzzjoni, jista’ skont il-każ jislet minn stħarriġ ġudizzjarju distint imwettaq fil-kuntest ta’ proċedura dwar il-mertu li tkun qed isseħħ b’mod parallel mal-proċedura ta’ eżekuzzjoni ma tistax tikkumpensa għal dan ir-riskju peress li, jekk jiġi preżunt li dan l-istħarriġ jirrevela l-eżistenza ta’ klawżola inġusta, dan il-konsumatur ma jiksibx kumpens in natura għad-dannu tiegħu billi jitqiegħed lura fis-sitwazzjoni ta’ qabel is-sekwestru tal-beni immobbli ipotekat, iżda fl-aħjar ipoteżi, jingħata kumpens. Issa dan ir-rimedju purament kumpensatorju li eventwalment jingħata lill-konsumatur jagħtih biss protezzjoni li ma hijiex kompluta u suffiċjenti. Hija ma tikkostitwixxix la mezz adatt u lanqas effettiv, fis-sens tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 sabiex ittemm l-użu tal-klawżola, meqjusa inġusta, tal-att li jistabbilixxi l-ipoteka tal-beni immobbli li abbażi tiegħu tibbaża s-sekwestru tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Aziz, EU:C:2013:164, punt 60).

44

Fit-tieni lok, b’teħid inkunsiderazzjoni għall-darba oħra, tar-rwol li jokkupa l-Artikolu 695(4) tal-LEC fl-iskema tal-proċedura kollha ta’ sekwestru ipotekarju tad-dritt Spanjol, huwa importanti li jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni tagħti lill-bejjiegħ jew furnitur, bħala l-kreditur li jitlob l-eżekuzzjoni, id-dritt li jappella mid-deċiżjoni li tordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni jew li tiddikjara inapplikabbli l-klawżola inġusta iżda min-naħa l-oħra ma tippermettix lill-konsumatur jeżerċita dritt għal appell mid-deċiżjonijiet li jiċħdu l-oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni.

45

Għaldaqstant, jidher ċar li l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni, prevista fl-Artikolu 695 tal-LEC quddiem il-qorti nazzjonali, tqiegħed lill-konsumatur, fil-kwalità tiegħu ta’ debitur suġġett għall-eżekuzzjoni, f’sitwazzjoni ta’ inferjorità meta mqabbel mal-bejjiegħ jew furnitur, bħala l-kreditur li jitlob l-eżekuzzjoni għal dak li jikkonċerna l-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet li huwa jista’ jinvoka abbażi tad-Direttiva 93/13 kontra l-użu ta’ klawżoli inġusti.

46

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li s-sistema proċedurali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tqiegħed fil-perikolu t-twettiq tal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 93/13. Fil-fatt, dan l-iżbilanċ bejn il-mezzi proċedurali għad-dispożizzjoni tal-konsumatur, minn naħa, u tal-bejjiegħ jew furnitur, min-naħa l-oħra, ikompli jenfasizza dak l-iżbilanċ li jeżisti bejn il-partijiet tal-kuntratt, li diġà ġie rrilevat fil-punt 22 tas-sentenza preżenti, u li, barra minn hekk, huwa rifless fil-kuntest ta’ rikors individwali li jinvolvi konsumatur u l-parti l-oħra tal-kuntratt li huwa l-bejjiegħ jew furnitur (ara, b’analoġija, is-sentenza Asociación de Consumidores Independientes de Castilla y León, EU:C:2013:800, punt 50).

47

Barra minn hekk, tali sistema proċedurali tmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li l-karatteristiċi speċifiċi tal-proċeduri ġudizzjarji, li jiżvolġu fil-kuntest tad-dritt nazzjonali bejn il-bejjiegħa jew fornituri u l-konsumaturi, ma jistgħux jikkostitwixxu element li jista’ jaffettwa l-protezzjoni legali li għandhom igawdu minnha dawn tal-aħħar bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 (ara, is-sentenza Aziz, EU:C:2013:164, punt 62).

48

Minn dan jirriżulta wkoll li, fid-dritt Spanjol, meta jkun hemm kawża ta’ sekwestru ipotekarju bejn konsumatur u bejjiegħ jew furnitur, l-iżvolġiment quddiem il-qorti nazzjonali tal-proċedura ta’ oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni ta’ dan is-sekwestru, prevista fl-Artikolu 695 tal‑LEC, jmur kontra l-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet jew ta’ ugwaljanza fil-proċeduri. Issa, dan il-prinċipju jagħmel parti integrali mill-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jgawdu taħt id-dritt tal-Unjoni, kif huwa ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Otis et, C‑199/11, EU:C:2012:684, punt 48, u Banif Plus Bank, C‑472/11, EU:C:2013:88, punt 29).

49

Fil-fatt, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, l-istess bħal b’mod partikolari dak tal-kontradittorju, huwa korollarju tal-kunċett stess ta’ smigħ xieraq li jimplika l-obbligu li kull parti tiġi offruta possibbiltà raġonevoli li tippreżenta l-kawża tagħha f’kundizzjonijiet li ma jpoġġuhiex f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ ċar meta mqabbla mal-avversarju tagħha (sentenzi Suède et vs API u Il-Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punt 88).

50

F’dawn iċ-ċirkustanzi għandu jiġi kkonstatat li proċedura nazzjonali ta’ sekwestru ipotekarju, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija tali li tippreġudika l-effettività tal-protezzjoni tal-konsumatur mixtieqa mid-Direttiva 93/13, moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, inkwantu din is-sistema proċedurali ssaħħaħ in-nuqqas ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet bejn il-bejjiegħa jew furnituri, bħala l-kredituri li jitolbu l-eżekuzzjoni, minn naħa, u l-konsumaturi, fil-kwalità tagħhom ta’ debituri suġġetti għall-eżekuzzjoni, min-naħa l-oħra, fl-eżerċizzju tal-azzjonijiet legali bbażati fuq id-dritt mogħtija lil dawn tal-aħħar mid-Direttiva 93/13, iktar u iktar peress li l-modalitajiet proċedurali tal-implementazzjoni ta’ dawn l-istess azzjonijiet ma humiex kompluti u suffiċjenti sabiex iwaqqfu l-applikazzjoni ta’ klawżola inġusta li tinsab f’att li jistabbilixxi l-ipoteka li abbażi tiegħu il-bejjiegħ jew furnitur jipproċedi għas-sekwestru ipotekarju tal-beni immobbli mogħti bħala garanzija.

51

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi sistema ta’ mezzi ta’ eżekuzzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li proċedura ta’ sekwestru ipotekarju ma tistax tiġi sospiża mill-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu, fejn din tista’, fid-deċiżjoni finali tagħha, l-iktar l-iktar tagħti kumpens għad-dannu subit mill-konsumatur, sa fejn dan tal-aħħar, bħala debitur suġġett għall-eżekuzzjoni, ma jistax jappella mid-deċiżjoni li tiċħad l-oppożizzjoni tiegħu għal din l-eżekuzzjoni, filwaqt li l-bejjiegħ jew il-fornitur, il-kreditur li jitlob l-eżekuzzjoni, jista’ jappella mid-deċiżjoni li tordna tmiem il-proċedura jew li tiddikjara klawżola inġusta bħala inapplikabbli.

Fuq l-ispejjeż

52

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi sistema ta’ mezzi ta’ eżekuzzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li proċedura ta’ sekwestru ipotekarju ma tistax tiġi sospiża mill-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu, fejn din tista’, fid-deċiżjoni finali tagħha, l-iktar l-iktar tagħti kumpens għad-dannu subit mill-konsumatur, sa fejn dan tal-aħħar, bħala debitur suġġett għall-eżekuzzjoni, ma jistax jappella mid-deċiżjoni li tiċħad l-oppożizzjoni tiegħu għal din l-eżekuzzjoni, filwaqt li l-bejjiegħ jew il-fornitur, il-kreditur li jitlob l-eżekuzzjoni, jista’ jappella mid-deċiżjoni li tordna tmiem il-proċedura jew li tiddikjara klawżola inġusta bħala inapplikabbli.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.