SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
9 ta’ Settembru 2015 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Approssimazzjoni tal-liġijiet — Żamma tad-drittijiet tal-ħaddiema fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, ta’ negozji jew ta’ partijiet minn impriżi jew minn negozji — Kunċett ta’ trasferiment ta’ negozju — Obbligu li ssir talba għal deċiżjoni preliminari skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE — Allegat ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lil qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma jkunux suġġetti għal rimedju ġudizzjarju taħt id-dritt nazzjonali — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta d-dritt ta’ kumpens għad-dannu subit minħabba tali ksur għall-annullament minn qabel tad-deċiżjoni li tkun ikkawżat dan id-dannu”
Fil-Kawża C‑160/14,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Varas Cíveis de Lisboa (il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Diċembru 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ April 2014, fil-proċedura
João Filipe Ferreira da Silva e Brito et
vs
Estado português,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), President tal-Awla, K. Lenaerts, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-funzjoni ta’ Mħallef tat-Tieni Awla, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev u C. Lycourgos, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Frar 2015,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal M. Ferreira da Silva e Brito et, minn C. Góis Coelho, S. Estima Martins u R. Oliveira, advogados, |
— |
għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u A. Fonseca Santos, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues, D. Colas u F.-X. Bréchot, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. Varrone, avvocato dello Stato, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Enegren, M. França, M. Konstantinidis u M. Kellerbauer, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-11 ta’ Ġunju 2015,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, ta’ negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (Kapitolu 5, Vol. 4, p. 98), tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE kif ukoll ta’ ċerti prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. |
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, M. Ferreira da Silva e Brito u 96 persuna oħra u, min-naħa l-oħra l-Estado português (l-Istat Portugiż) dwar allegat ksur tad-dritt tal-Unjoni, imputabbli lis-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema). |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Id-Direttiva 2001/23 ikkodifikat id-Direttiva tal-Kunsill 77/187/KEE, tal-14 ta’ Frar 1977, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-ħaddiema fil-każ ta’ trasferimenti ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU 1998 L 61, p. 26), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 98/50/KE, tad-29 ta’ Ġunju 1998 (ĠU L 201, p. 88). |
4 |
Fi kliem il-premessa 8 tad-Direttiva 2001/8: “Il-konsiderazzjonijiet ta’ sigurtà u trasparenza legali kienu jeħtieġu li l-kunċett legali ta’ trasferiment għandu jigi ċċarat fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Gustizzja. Din il-kjarifika ma biddlitx il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 77/187/KEE skont kif interpretat mill-Qorti tal-Gustizzja.” |
5 |
L-Artikolu 1(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2001/23 jipprovdi:
|
6 |
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi: “Id-drittijiet u l-obbliġi ta’ min jagħmel it-trasferiment ikkawżati minn kuntratt ta’ mpjieg jew minn relazzjoni ta’ mpjieg eżistenti fid-data tat-trasferiment għandhom, minħabba dan it-trasferiment, jiġu trasferiti lil min lilu jsir it-trasferiment.” |
Id-dritt Portugiż
7 |
L-Artikolu 13 tal-Liġi Nru 67/2007 li tadotta s-sistema ta’ responsabbiltà ċivili mhux kuntrattwali tal-Istat u ta’ entitajiet pubbliċi oħra (Lei no 67/2007 – Aprova o Regime da Responsabilidade Civil Extracontratual do Estado e Demais Entidades Públicas), tal-31 ta’ Diċembru 2007 (Diário da República, l-ewwel Serje, Nru 251, tal-31 ta’ Diċembru 2007, p. 91117), kif emendata bil-Liġi Nru 31/2008, tas-17 ta’ Lulju 2008 (Diário da República, l-ewwel Serje, Nru 137, tas-17 ta’ Lulju 2008, p. 4454, iktar ’il quddiem ir-“RRCEE”), jipprovdi: “1. Mingħajr ħsara għas-sitwazzjonijiet ta’ kundanna kriminali inġusta u ta’ ċaħda mhux iġġustifikata tal-libertà, l-Istat huwa ċivilment responsabbli għad-danni li jirriżultaw minn deċiżjonijiet ġudizzjarji manifestament antikostituzzjonali jew illegali jew mhux iġġustifikati minħabba żball manifest ta’ evalwazzjoni ta’ ċirkustanzi fattwali. 2. It-talba għal kumpens għandha tkun ibbażata fuq l-annullament minn qabel tad-deċiżjoni dannuża mill-qorti kompetenti.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
8 |
Fid-19 ta’ Frar 1993, Air Atlantis SA (iktar ’il quddiem “AIA”), kumpannija inkorporata fl-1985 u attiva fis-settur tat-trasport bl-ajru mhux regolari (titjiriet ċarter), ġiet stralċata. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ġew suġġetti għal tkeċċija kollettiva. |
9 |
B’effett mill-1 ta’ Mejju 1993, TAP, kumpannija li kienet l-azzjonarja prinċipali ta’ AIA, bdiet topera parti mit-titjiriet li AIA kellha topera matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Mejju u l-31 ta’ Ottubru 1993. TAP wettqet ukoll numru partikolari ta’ titjiriet ċarter, suq li fih hija ma kinitx attiva sa dak iż-żmien, u dan sa fejn dawn ir-rotot ikkonċernati kienet serviti minn AIA. Għal dan l-għan, TAP użat parti mit-tagħmir li AIA kienet tuża għall-attivitajiet tagħha, partikolarment erba’ ajruplani. TAP assumiet ukoll il-ħlas lis-sidien fir-rigward tal-kuntratti ta’ kiri relatati ma’ dawn l-ajruplani u ħadet it-tagħmir tal-uffiċċju ta’ AIA u li din tal-aħħar kienet tuża fil-postijiet tagħha f’Lisbona u f’Faro (il-Portugall), kif ukoll beni mobbli oħra. Barra minn hekk, TAP irreklutat numru partikolari ta’ ħaddiema li kienu qabel impjegati ma’ AIA. |
10 |
Sussegwentement, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali adixxew lit-Tribunal do Trabalho de Lisboa (Qorti tax-Xogħol ta’ Lisbona) b’azzjoni diretta kontra t-tkeċċija kollettiva li għaliha huma kienu ġew suġġetti, fejn talbu sabiex jiġu integrati mill-ġdid fi ħdan TAP u sabiex jingħataw il-ħlas tar-remunerazzjonijiet tagħhom. |
11 |
B’sentenza tat-Tribunal do Trabalho de Lisboa, mogħtija fis-6 ta’ Frar 2007, l-azzjoni ppreżentata kontra din it-tkeċċija kollettiva ntlaqgħet parzjalment, peress li din il-qorti ordnat li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jiġu integrati mill-ġdid fil-kategoriji korrispondenti, kif ukoll li jitħallsu kumpensi. It-Tribunal do Trabalho de Lisboa kkonkluda, f’dan il-każ, li kien hemm trasferiment ta’ negozju, tal-inqas parzjali, sa fejn l-identità tan-negozju nżammet u l-attivitajiet tagħha tkomplew, billi TAP ħadet post il-persuna li timpjega preċedenti fil-kuntratti tax-xogħol. |
12 |
Minn din is-sentenza sar appell quddiem it-Tribunal da Relação de Lisboa (il-Qorti tal-Appell ta’ Lisbona) li, b’sentenza tas-16 ta’ Jannar 2008, annulla s-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza, sa fejn din ikkundannat lil TAP sabiex tintegra mill-ġdid lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u sabiex tħallashom kumpensi, fuq il-bażi tal-fatt li d-dritt sabiex tiġi eżerċitata azzjoni kontra t-tkeċċija kollettiva kkonċernata kienet skadiet. |
13 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu appell ta’ kassazzjoni quddiem is-Supremo Tribunal de Justiça li, b’sentenza tal-25 ta’ Frar 2009, iddeċieda li din it-tkeċċija kollettiva ma kienet ivvizzjata minn ebda illegalità. Din il-qorti rrilevat li ma huwiex suffiċjenti li attività kummerċjali “sempliċement titkompla” sabiex ikun jista’ jiġi konkluż li kien hemm trasferiment ta’ negozju, ladarba huwa neċessarju wkoll li l-identità tan-negozju tinżamm. Issa, f’dan il-każ, meta TAP operat it-titjiriet inkwistjoni matul is-sajf tal-1993, hija ma użatx “entità” tal-istess identità bħall-“entità” li qabel kienet tappartjeni lil AIA. Fl-assenza ta’ identità bejn iż-żewġ “entitajiet” ikkonċernati, ma jistax jiġi konkluż li kien hemm trasferiment ta’ negozju. |
14 |
Is-Supremo Tribunal de Justiça kkunsidra wkoll li ma kien hemm ebda trasferiment ta’ klijentela minn AIA għal TAP. Barra minn hekk, skont din il-qorti, AIA kellha negozju marbut ma’ beni partikolari, f’dan il-każ liċenzja, li ma kinitx trasferibbli, u dan irrenda impossibbli t-trasferiment ta’ negozju, peress li l-beni individwali biss, u mhux in-negozju nnifsu, setgħu kienu s-suġġett tal-bejgħ. |
15 |
Fir-rigward tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, is-Supremo Tribunal de Justiça rrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja, ikkonfrontata b’sitwazzjonijiet li fihom impriża kienet twettaq attivitajiet li sa dak iż-żmien kienu eżerċitati minn kumpannija oħra, qieset li din is-“sempliċi ċirkustanza” ma kinitx tippermetti li jiġi konkluż li kien hemm trasferiment ta’ entità ekonomika, peress li “entità ma tistax tiġi redotta għall-attività li biha hija inkarigata”. |
16 |
Peress li xi wħud mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbu lis-Supremo Tribunal de Justiça sabiex jadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari, dan qies li “l-obbligu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, li jaqa’ fuq il-qrati nazzjonali li mid-deċiżjonijiet tagħhom ma jkunx hemm rimedju ġudizzjarju taħt id-dritt nazzjonali, jeżisti biss meta dawn l-istess qrati jqisu li l-użu tad-dritt tal-Unjoni huwa neċessarju sabiex isolvu t-tilwima quddiemhom u, barra minn hekk, meta tqum kwistjoni ta’ interpretazzjoni ta’ dan id-dritt”. Barra minn hekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mal-interpretazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar it-trasferiment ta’ negozju, ma hemm “ebda dubju rilevanti” fl-interpretazzjoni ta’ dawn ir-regoli “li jimponu r-rinviju għal deċiżjoni preliminari”. |
17 |
Skont is-Supremo Tribunal de Justiça, il-“Qorti tal-Ġustizzja nfisha rrikonoxxiet espressament li l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-[Unjoni] tista’ timponi ruħha b’mod daqshekk ċar li ma tħalli ebda dubju raġonevoli fir-rigward ta’ kif għandha tiġi riżolta l-kwistjoni mqajma, b’mod li f’tali każ ikun inapplikabbli wkoll l-obbligu li jsir rinviju għal deċiżjoni preliminari. Issa, [skont din il-qorti nazzjonali,] fid-dawl tal-kontenut tad-[dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni] iċċitati mir-[rikorrenti fil-kawża prinċipali], filwaqt li titqies l-interpetazzjoni li saret mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ dawn tal-aħħar u fid-dawl tal-fatti tal-kawża [...] li ttieħdu inkunsiderazzjoni [...], ma [kien] hemm ebda dubju rilevanti fl-interpretazzjoni li [kienet timponi] li jsir rinviju għal deċiżjoni preliminari [...]”. |
18 |
Barra minn hekk, is-Supremo Tribunal de Justiça enfasizza li “[...] l-Qorti tal-Ġustizzja pproduċiet ġurisprudenza stabbli relatata mal-problematika tal-interpretazzjoni tar-regoli [tad-dritt tal-Unjoni] marbuta mat-“trasferiment ta’ negozju”, ladarba id-Direttiva [2001/23] tirrifletti diġà l-konsolidazzjoni tal-kunċetti li hija tinkludi skont din il-ġurisprudenza u dawn huma issa ċari f’termini ta’ interpretazzjoni ġudizzjarja (Komunitarja u anki nazzjonali), li [kien] jimplika li ma [kienx] neċessarju f’dan il-każ li ssir il-konsultazzjoni minn qabel tal-Qorti tal-Ġustizzja [...]”. |
19 |
Għalhekk, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw azzjoni għar-responsabbiltà ċivili mhux kuntrattwali kontra l-Estado português, intiża għall-kundanna ta’ dan tal-aħħar għall-ħlas ta’ ċerti danni patrimonjali subiti. Insostenn tal-azzjoni tagħhom, huma sostnew li s-sentenza tas-Supremo Tribunal de Justiça inkwistjoni hija manifestament illegali, sa fejn din tinvolvi interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “trasferiment ta’ negozju”, fis-sens tad-Direttiva 2001/23, u sa fejn din il-qorti injorat l-obbligu tagħha li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni rilevanti. |
20 |
L-Estado português sostna li, konformement mal-Artikolu 13(2) tar-RRCEE, it-talba għall-kumpens imressqa għandha tkun ibbażata fuq l-annullament minn qabel tad-deċiżjoni dannuża mill-qorti kompetenti, filwaqt li fakkar li, peress l-imsemmija sentenza tas-Supremo Tribunal de Justiça ma ġietx annullata, ma kienx hemm lok għat-talba għall-kumpens li saret. |
21 |
Il-Qorti tar-rinviju tesponi li huwa importanti li jiġi stabbilit jekk is-sentenza mogħtija mis-Supremo Tribunal de Justiça hijiex manifestament illegali u jekk din tagħtix interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “trasferiment ta’ negozju”, fid-dawl tad-Direttiva 2001/23 u fid-dawl tal-punti ta’ fatt li din il-qorti tal-aħħar kellha għad-dispożizzjoni tagħha. Barra minn hekk, huwa importanti li jiġi stabbilit ukoll jekk is-Supremo Tribunal de Justiça kellux l-obbligu li jipproċedi bir-rinviju għal deċiżjoni preliminari mitlub. |
22 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Varas Cíveis de Lisboa (L-Awli Ċivili ta’ Lisbona) ddeċidew li jissospendu l-proċeduri u li jagħmlu lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
23 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “trasferiment ta’ negozju” jkopri sitwazzjoni li fiha impriża attiva fis-suq tat-titjiriet ċarter tiġi stralċata mill-azzjonist maġġoritarju tagħha, li huwa, huwa nnifsu, impriża tat-trasport bl-ajru, u li fiha, sussegwentement, din tal-aħħar tieħu post l-impriża stralċata billi tassumi l-kuntratti tal-kiri ta’ ajruplani u l-kuntratti tat-titjiriet ċarter li għad iridu jsiru, teżerċita attivitajiet li qabel kienu eżerċitati mil-impriża stralċata, tintegra mill-ġdid ċerti ħaddiema li sa dak iż-żmien kienu impjegati ma’ din l-impriża billi tagħtihom funzjonijiet identiċi għal dawk eżerċitati qabel, u tieħu tagħmir żgħir tal-imsemmija impriża. |
24 |
Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li d-Direttiva 77/187, ikkodifikata bid-Direttiva 2001/23, kienet applikabbli fl-ipoteżijiet kollha ta’ bdil, fil-kuntest ta’ relazzjonijiet kuntrattwali, tal-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli mill-operazzjoni tal-impriża, li tikkuntratta l-obbligi ta’ persuna li timpjega vis-à-vis l-impjegati tal-impriża (ara s-sentenzi Merckx u Neuhuys, C‑171/94 u C‑172/94, EU:C:1996:87, punt 28; Hernández Vidal et, C‑127/96, C‑229/96 u C‑74/97, EU:C:1998:594, point 23, kif ukoll Amatori et, C‑458/12, EU:C:2014:124, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
25 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, id-Direttiva 2001/23 hija intiża sabiex tiżgura l-kontinwità tar-relazzjonijiet tax-xogħol eżistenti fl-ambitu ta’ entità ekonomika, indipendentement minn bdil tal-proprjetarju. Il-kriterju deċiżiv, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ trasferiment, fis-sens ta’ din id-direttiva, huwa għalhekk il-fatt li l-entità inkwistjoni żżomm l-identità tagħha, li jirriżulta partikolarment mit-tkomplija effettiva tal-operazzjoni jew mit-teħid tagħha (ara s-sentenzi Spijkers, 24/85, EU:C:1986:127, punti 11 u 12; Güney-Görres u Demir, C‑232/04 u C‑233/04, EU:C:2005:778, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Amatori et, C‑458/12, EU:C:2014:124, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
26 |
Sabiex jiġi ddeterminat jekk din il-kundizzjoni hijiex issodisfatta, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi ta’ fatt kollha li jikkaratterizzaw l-operazzjoni kkonċernata, li fosthom jinsabu b’mod partikolari t-tip ta’ impriża jew ta’ negozju involut, it-trasferiment jew le ta’ elementi fiżiċi, bħall-bini u l-beni mobbli, il-valuri tal-elementi mhux fiżiċi fil-mument tat-trasferiment, it-teħid jew le tal-essenzjal tal-effettiv mit-tmexxija ġdida tal-impriża, ir-trasferiment jew le tal-klijentela, kif ukoll il-grad ta’ xebh tal-attivitajiet eżerċitati qabel u wara t-trasferiment, u t-tul tal-eventwali sospensjoni ta’ dawn l-attivitajiet. Madankollu, dawn l-elementi jikkostitwixxu biss aspetti parzjali tal-evalwazzjoni ta’ totalità li għandha ssir u ma jistgħux, minħabba f’hekk, jiġu evalwati b’mod iżolat (ara s-sentenzi Spijkers, 24/85, EU:C:1986:127, punt 13; Redmond Stichting, C‑29/91, EU:C:1992:220, punt 24; Süzen, C‑13/95, EU:C:1997:141, punt 14, kif ukoll Abler et, C‑340/01, EU:C:2003:629, punt 33). |
27 |
B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-importanza rispettiva li għandha tingħata lid-diversi kriterji neċessarjament tvarja skont l-attività eżerċitata, jiġifieri l-metodi ta’ produzzjoni jew ta’ operazzjoni użati fl-impriża, fin-negozju jew f’parti min-negozju kkonċernat (ara s-sentenzi Süzen, C‑13/95, EU:C:1997:141, punt 18; Hernández Vidal et, C‑127/96, C‑229/96 u C‑74/97, EU:C:1998:594, punt 31; Hidalgo et, C‑173/96 u C‑247/96, EU:C:1998:595, punt 31, kif ukoll, f’dan is-sens, UGT-FSP, C‑151/09, EU:C:2010:452, punt 28). |
28 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-punti ġurisprudenzjali li l-ewwel domanda mressqa għandha tiġi evalwata, u dan filwaqt li jitqiesu l-punti ta’ fatt irrilevati mill-qorti nazzjonali fid-deċiżjoni ta’ rinviju u, partikolarment, fil-kliem ta’ din l-ewwel domanda. |
29 |
Qabelxejn, għandu jiġi enfasizzat li, f’sitwazzjoni bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirrigwarda s-settur tat-trasport bl-ajru, it-trasferiment ta’ materjal għandu jitqies element essenzjali sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ “trasferiment ta’ negozju”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Liikenne, C‑172/99, EU:C:2001:59, punt 39). |
30 |
F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li TAP ħadet post AIA fil-kuntratti ta’ kiri ta’ ajruplani u fil-fatt użathom, kif jidher mit-teħid ta’ elementi indispensabbli sabiex tkun tista’ ssir l-attività li kienet qabel eżerċitata minn AIA. Barra minn hekk, ittieħed ukoll numru partikolari ta’ tagħmir ieħor. |
31 |
Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 48, 51, 53 u 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, elementi oħra jikkorroboraw, fid-dawl tal-kriterji mfakkra fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, l-eżistenza, fil-kawża prinċipali, ta’ “trasferiment ta’ negozju”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23. Dan jista’ jingħad għall-fatt li TAP ħadet post AIA fil-kuntratti ta’ titjiriet ċarter pendenti konklużi ma’ operaturi turistiċi, li jirrifletti t-teħid tal-klijentela ta’ AIA minn TAP, għall-fatt li TAP kompliet bl-attivitajiet ta’ titjiriet ċarter fir-rotot li qabel kienu serviti minn AIA, li jirrifletti t-tkomplija minn TAP ta’ attivitajiet li qabel kienu eżerċitati minn AIA, għar-riintegrazzjoni, fi ħdan TAP, ta’ impjegati li kienu jaħdmu ma’ AIA għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ funzjonijiet identiċi għal dawk eżerċitati fi ħdan din il-kumpannija tal-aħħar, li tirrifletti t-teħid minn TAP ta’ parti mill-persunal li kien jaqdi lil AIA, u, finalment, għat-teħid minn TAP, mill-1 ta’ Mejju 1993, parti mill-attivitajiet ta’ titjiriet ċarter eżerċitati minn AIA sa meta din ġiet xolta fix-xahar ta’ Frar 1993, li juri l-fatt li l-attivitajiet ittrasferiti prattikament ma ġewx sospiżi. |
32 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa irrilevanti, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23, il-fatt li l-entità li l-materjali u parti mill-persunal tagħha ttieħdu u ġew integrati, mingħajr ma nżammet l-istruttura organizzattiva awtonoma tagħha, fl-istruttura ta’ TAP, ladarba nżammet rabta bejn, minn naħa, dawn il-materjali u dan il-persunal ittrasferiti lil din il-kumpannija tal-aħħar u, min-naħa l-oħra, it-tkomplija tal-attivitajiet li qabel kienu eżerċitati mill-kumpannija stralċata. F’dan il-kuntest fattwali, ftit li xejn huwa rilevanti l-fatt li l-materjali kkonċernati ġew użati kemm sabiex isiru titjiriet regolari kif ukoll titjiriet ċarter, fir-rigward, fi kwalunkwe każ, ta’ operazzjonijiet ta’ trasport bl-ajru u filwaqt li jitfakkar li TAP onorat l-obbligi kuntrattwali ta’ AIA marbuta ma’ dawn it-titjiriet ċarter. |
33 |
Fil-fatt mill-punti 46 u 47 tas-sentenza Klarenberg (C‑466/07, EU:C:2009:85) jirriżulta li ż-żamma mhux tal-organizzazzjoni speċifika imposta mill-imprenditur għad-diversi fatturi ta’ produzzjoni ttrasferiti, iżda tar-rabta funzjonali ta’ interdipendenza u ta’ komplimentarjetà bejn dawn il-fatturi li tikkostitwixxi l-element rilevanti sabiex jiġi konkluż li tkun inżammet l-identità tal-entità ttrasferita. |
34 |
B’hekk, iż-żamma ta’ tali rabta funzjonali bejn id-diversi fatturi ttrasferiti tippermetti liċ-ċessjonarju juża lil dawn tal-aħħar, anki jekk dawn huma integrati, wara t-trasferiment, fi struttura organizzattiva ġdida differenti, sabiex ikompli attività ekonomika identika jew analoga (ara s-sentenza Klarenberg, C‑466/07, EU:C:2009:85, punt 48). |
35 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li għall-ewwel domanda tingħata r-risposta li l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “trasferiment ta’ negozju” jkopri sitwazzjoni li fiha impriża attiva fis-suq tat-titjiriet ċarter tiġi stralċata mill-azzjonist maġġoritarju tagħha, li huwa, huwa nnifsu, impriża tat-trasport bl-ajru, u li fiha, sussegwentement, din tal-aħħar tieħu post l-impriża stralċata billi tassumi l-kuntratti tal-kiri ta’ ajruplani u l-kuntratti tat-titjiriet ċarter li għad iridu jsiru, teżerċita attivitajiet li qabel kienu eżerċitati mill-impriża stralċata, tintegra mill-ġdid ċerti ħaddiema li sa dak iż-żmien kienu impjegati ma’ din l-impriża billi tagħtihom funzjonijiet identiċi għal dawk eżerċitati qabel, u tieħu tagħmir żgħir tal-imsemmija impriża. |
Fuq it-tieni domanda
36 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u, partikolarment, minħabba l-fatt li istanzi ġudizzjarji inferjuri adottaw deċiżjonijiet diverġenti fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “transferiment ta’ negozju”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 għandux jiġi interpretat fis-sens li qorti li għad-deċiżjonijiet tagħha ma jkunx hemm rimedju ġudizzjarju taħt id-dritt nazzjonali hija, bħala prinċipju, marbuta li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett. |
37 |
F’dan ir-rigward, jekk stess huwa veru li l-proċedura mressqa skont l-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu l-ewwel waħda tagħti lit-tieni l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għas-soluzzjoni tat-tilwima li biha huma jkunu ġew aditi, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, meta ma jkun hemm ebda rimedju ġudizzjarju taħt id-dritt nazzjonali kontra d-deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali, din tal-aħħar hija, bħala prinċipju, marbuta li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja, konformement mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, meta tqum quddiemha kwistjoni li tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza Consiglio nazionale dei geologi u Autorità garante della concorrenza e del mercato, C‑136/12, EU:C:2013:489, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
38 |
Fir-rigward tal-portata ta’ dan l-obbligu, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita sa minn meta ġiet ippronunzjata s-sentenza Cilfit et (283/81, EU:C:1982:335) li qorti li d-deċiżjonijiet tagħha ma jkunux suġġetti għal rimedju ġudizzjarju taħt id-dritt nazzjonali hija marbuta, meta tqum quddiemha kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni, li taderixxi mal-obbligu tagħha li tagħmel rinviju, sakemm ma tkunx ikkonstatat li l-kwistjoni mqajma ma hijiex rilevanti jew li d-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni kkonċernata tkun diġà ġiet suġġetta għal interpretazzjoni min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja jew li l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni tkun tant evidenti li ma tagħti lok għal ebda dubju raġonevoli. |
39 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-eżistenza ta’ tali eventwalità għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-karatteristiċi proprji tad-dritt tal-Unjoni, tad-diffikultajiet partikolari li l-interpretazzjoni ta’ dan tal-aħħar tinvolvi u tar-riskju ta’ diverġenzi ta’ ġurisprudenza fi ħdan l-Unjoni (sentenza Intermodal Transports, C‑495/03, EU:C:2005:552, punt 33). |
40 |
Ċertament, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni hijiex tant evidenti li ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli u, konsegwentement, li tiddeċiedi li tastjeni milli tibgħat lill-Qorti tal-Ġustizzja kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun ġiet imqajma quddiemha (ara s-sentenza Intermodal Transports, C‑495/03, EU:C:2005:552, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
41 |
F’dan ir-rigward, l-eżistenza, fiha nfisha, ta’ deċiżjonijiet kontradittorji mogħtija minn qrati nazzjonali oħra ma tistax tikkostitwixxi element determinanti li jista’ jimponi l-obbligu stipulat fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE. |
42 |
Il-Qorti li tiddeċiedi fl-aħħar istanza tista’ fil-fatt tqis, minkejja interpretazzjoni partikolari ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni minn qrati inferjuri, li l-interpretazzjoni li hija tipproponi li tagħti lill-imsemmija dispożizzjoni, differenti minn dik adottata minn dawn il-qrati, hija l-interpretazzjoni applikabbli mingħajr ebda dubju raġonevoli. |
43 |
Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, fir-rigward tal-qasam ikkunsidrat f’dan il-każ u kif ukoll kif jirriżulta mill-punti 24 sa 27 ta’ din is-sentenza, l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “trasferiment ta’ negozju” qajmet diversi mistoqsijiet min-naħa ta’ numru ta’ qrati nazzjonali li, b’hekk, kellhom jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn il-mistoqsijiet jixhdu mhux biss l-eżistenza ta’ diffikultajiet ta’ interpretazzjoni, iżda wkoll il-preżenza ta’ riskji ta’ ġurisprudenza diverġenti fil-livell tal-Unjoni. |
44 |
Minn dan isegwi li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, ikkaratterizzati kemm minn linji ta’ ġurisprudenza kontradittorji fil-livell nazzjonali dwar il-kunċett ta’ “trasferiment ta’ negozju”, fis-sens tad-Direttiva 2001/23, kif ukoll minn diffikultajiet ta’ interpretazzjoni rikorrenti ta’ dan il-kunċett fid-diversi Stati Membri, qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma jkunux suġġetti għal rimedju ġudizzjarju taħt id-dritt nazzjonali għandha taderixxi mal-obbligu tagħha li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja u dan sabiex tevita r-riskju ta’ interpretazzjoni żbaljata tad-dritt tal-Unjoni. |
45 |
Mill-kunsiderazzjoni preċedenti jirriżulta li hemm lok li għat-tieni domanda tingħata r-risposta li t-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti li d-deċiżjonijiet tagħha ma jkunux suġġetti għal rimedju ġudizzjarju taħt id-dritt nazzjonali hija marbuta li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari marbuta mal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “trasferiment ta’ negozju”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23, f’ċirkustanzi, bħal dawk tal-kawża prinċipali, ikkaratterizzati kemm minn deċiżjonijiet diverġenti ta’ istanzi ġudizzjarji inferjuri fir-rigward tal-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett kif ukoll minn diffikultajiet ta’ interpretazzjoni rikorrenti tiegħu fid-diversi Stati Membri. |
Fuq it-tielet domanda
46 |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni u, partikolarment, il-prinċipji stipulati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tar-responsabbiltà tal-Istat għad-danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni mwettaq minn qorti li d-deċiżjonijiet tagħha ma humiex suġġetti għal rimedju ġudizzjarju taħt id-dritt nazzjonali għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi, bħala kundizzjoni preliminari, l-annullament tad-deċiżjoni dannuża mogħtija minn din il-qorti, meta tali annullament huwa, fil-prattika, eskluż. |
47 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fid-dawl tar-rwol essenzjali tal-awtorità ġudizzjarja fil-protezzjoni tad-drittijiet li l-individwi jiksbu mir-regoli tad-dritt tal-Unjoni, l-effikaċja sħiħa tagħhom titqiegħed f’perikolu u l-protezzjoni tad-drittijiet li dawn jirrikonoxxu tiġi mdgħajfa jekk jiġi eskluż li l-individwi jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, jiksbu kumpens meta d-drittijiet tagħhom jinkisru bi ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lil deċiżjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru li tiddeċiedi bħala qorti tal-aħħar istanza (ara s-sentenza Köbler, C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 33). |
48 |
Il-Qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà ma’ dawn il-prinċipji tar-regola li tidher fl-Artikolu 13(2) RRCEE, li tipprovdi li talba għal kumpens fuq il-bażi ta’ din ir-responsabbiltà “għandha tkun ibbażata” fuq l-annullament minn qabel tad-deċiżjoni dannuża mill-qorti kompetenti. |
49 |
Minn din ir-regola jirriżulta li kull azzjoni għal responsabbiltà tal-Istat minħabba ksur tal-obbligu li jirriżulta min-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu previst fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE hija inammissibbli fl-assenza tal-annullament tad-deċiżjoni dannuża. |
50 |
Għandu jitfakkar li, ladarba l-kundizzjonijiet relatati mal-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat ikunu ssodisfatti, li huwa l-kompitu tal-qrati nazzjonali li jiddeterminaw, huwa fl-ambitu tad-dritt nazzjonali li l-Istat għandu l-kompitu li jagħmel tajjeb għall-konsegwenzi tad-dannu kkawżat, ladarba l-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-kumpens għad-danni ma jistgħux ikunu inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw pretensjonijiet simili ta’ natura nazzjonali (prinċipju ta’ ekwivalenza) u lanqas ġestiti b’mod li jrendi l-ksib tal-kumpens prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta’ effettività) (ara s-sentenza Fuß, C‑429/09, EU:C:2010:717, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
51 |
Issa, regola tad-dritt nazzjonali, bħalma hija dik li tidher fl-Artikolu 13(2) tar-RRCEE, tista’ trendi eċċessivament diffiċli l-ksib tal-kumpens għad-danni kkawżati mill-ksur tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni. |
52 |
Fil-fatt, mill-proċess li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha għad-dispożizzjoni tagħha u kif ukoll mid-dibattiti li saru fis-seduta jirriżulta li l-ipoteżijiet li fihom deċiżjonijiet tas-Supremo Tribunal de Justiça jistgħu jkunu suġġetti għal eżami mill-ġdid huma estremament limitati. |
53 |
Il-Gvern Portugiż isostni, f’dan ir-rigward, li d-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali kkonċernata tosserva l-preokkupazzjonijiet imnissla mill-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata u mill-prinċipju ta’ ċertezza legali. Dan il-gvern jenfasizza, partikolarment, li, fis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-eżami mill-ġdid tal-evalwazzjoni ta’ korp ġudizzjarju li jiddeċiedi fl-aħħar istanza huwa inkompatibbli mal-funzjoni ta’ dan il-korp ġudizzjarju, ladarba l-għan imfittex mid-deċiżjonijiet tiegħu huwa dak li jtemm tilwima b’mod definittiv, taħt piena li jiġu ppreġudikati s-supremazija tad-dritt u l-osservanza tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, billi tiddgħajjef il-ġerarkija tal-awtorità ġudizzjarja. |
54 |
Huwa veru li l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat l-importanza li għandu, kemm fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni kif ukoll fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, il-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata, billi ppreċiżat li, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam, il-modalitajiet ta’ implementazzjoni ta’ dan il-prinċipju jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku nazzjonali tal-Istati Membri, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Fallimento Olimpiclub, C‑2/08, EU:C:2009:506, punti 22 u 24). |
55 |
Dwar l-effett tal-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata fuq is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa suffiċjenti li jitfakkar li r-rikonoxximent tal-prinċipju ta’ responsabbiltà tal-Istat minħabba l-fatt tad-deċiżjoni ta’ qorti li tiddeċiedi fl-aħħar istanza ma għandux fih innifsu l-konsegwenza li jqiegħed f’dubju l-awtorità ta’ kawża definittivament deċiża marbuta ma’ tali deċiżjoni. Proċedura intiża sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà ta’ l-Istat ma għandhiex l-istess għan u ma tinvolvix neċessarjament l-istess partijiet bħall-proċedura li tat lok għad-deċiżjoni li kisbet l-awtorità ta’ kawża definittivament deċiża. Fil-fatt, f’kawża għad-danni kontra l-Istat, ir-rikorrent jikseb, jekk jirbaħ, il-kundanna ta’ dan l-Istat għal kumpens għad-danni subiti, iżda ma jiksibx neċessarjament il-konfutazzjoni tal-awtorità ta’ kawża definittivament deċiża marbuta mad-deċiżjoni ġudizzjarja li kkawżat dan id-dannu. Fi kwalunkwe każ, il-prinċipju ta’ responsabbiltà tal-Istat inerenti għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jeżiġi tali kumpens, iżda ma jimponix ir-reviżjoni tad-deċiżjoni ġudizzjarja li kkawżat id-dannu (ara s-sentenza Köbler, C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 39). |
56 |
Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk jitqies li dan il-prinċipju jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni f’sitwazzjoni legali bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dan ma jista’ bl-ebda mod jostakola l-prinċipju ta’ responsabbiltà tal-Istat għal danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lilu. |
57 |
Fil-fatt, teħid inkunsiderazzjoni tal-prinċipju ta’ ċertezza legali jkollu l-effett, meta deċiżjoni mogħtija minn qorti li tiddeċiedi fl-aħħar istanza tkun ibbażata fuq interpretazzjoni manifestament żbaljata tad-dritt tal-Unjoni, li jimpedixxi lill-individwu milli jsostni d-drittijiet li huwa jista’ jikseb mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u, b’mod partikolari, dawk li jirriżultaw minn dan il-prinċipju ta’ responsabbiltà tal-Istat. |
58 |
Issa, dan il-prinċipju tal-aħħar huwa inerenti għas-sistema tat-trattati li fuqhom l-Unjoni hija bbażata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Specht et, C‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
59 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ostakolu sinjifikattiv, bħalma huwa dak li jirriżulta mid-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għall-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, ta’ prinċipju daqstant fundamentali bħalma huwa dak tar-responsabbiltà tal-Istat għal ksur tad-dritt tal-Unjoni, ma jistax jiġi ġġustifikat la mill-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata u lanqas mill-prinċipju ta’ ċertezza legali. |
60 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li hemm lok li għat-tielet domanda tingħata r-risposta li d-dritt tal-Unjoni u, partikolarment, il-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tar-responsabbiltà tal-Istat għad-danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni mwettaq minn qorti li d-deċiżjonijiet tagħha ma humiex suġġetti għal rimedju ġudizzjarju taħt id-dritt nazzjonali għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi, bħala kundizzjoni preliminari, l-annullament tad-deċiżjoni dannuża mogħtija minn din il-qorti, meta tali annullament ikun, fil-prattika, eskluż. |
Fuq l-ispejjeż
61 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.