Kawża C‑131/14

Malvino Cervati

u

Società Malvi Sas di Cervati Malvino

vs

Agenzia delle Dogane

u

Agenzia delle Dogane – Ufficio delle Dogane di Livorno

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte suprema di cassazione)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Agrikoltura — Organizzazzjoni komuni tas-swieq — Regolament (KE) Nru 565/2002 — Artikolu 3(3) — Kwota tariffarja — Tewm li joriġina mill-Arġentina — Ċertifikati ta’ importazzjoni — Natura mhux trasferibbli tad-drittijiet li jirriżultaw miċ-ċertifikati ta’ importazzjoni — Evitar — Abbuż ta’ dritt — Kundizzjonijiet — Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 — Artikolu 4(3)”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-14 ta’ April 2016

  1. Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Identifikazzjoni tal-elementi rilevanti tad-dritt tal-Unjoni – Riformulazzjoni tad-domandi

    (Artikolu 267 TFUE)

  2. Dritt tal-Unjoni Ewropea – Eżerċizzju abbużiv ta’ dritt li jirriżulta minn dispożizzjoni tal-Unjoni – Tranżazzjonijiet li jikkostitwixxu prattika abbużiva – Elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni – Verifika li taqa’ fuq il-qorti nazzjonali

  3. Agrikoltura – Organizzazzjoni komuni tas-swieq – Ċertifikati ta’ importazzjoni, ta’ esportazzjoni u ta’ ffissar minn qabel – Sistema ta’ importazzjonijiet – Kwota tariffarja – Importazzjoni b’tariffa preferenzjali ta’ merkanzija mixtrija barra mill-Unjoni minn operatur ġdid mingħand persuna li ma hijiex detentriċi ta’ ċertifikati ta’ importazzjoni – Bejgħ mill-ġdid wara r-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera lil operatur tradizzjonali relatat mal-persuna imsemmija, sussegwentement lil tieni operatur tradizzjonali, li ebda wieħed minnhom ma għandu ċ-ċertifikati neċessarji – Ammissibbiltà – Limiti – Abbuż ta’ dritt – Verifika li taqa’ fuq il-qorti nazzjonali

    (Regolament tal-Kunsill Nru 2988/95, Artikolu 4(3); Regolament tal-Kummissjoni Nru 565/2002, Artikoli 3(3) u 5(3))

  1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punt 26)

  2.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 32-35, 46, 47)

  3.  L-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 565/2002, li jistabbilixxi l-metodu għall-ġestjoni ta’ tariffi u jintroduċi sistema ta’ ċertifikati tal-oriġini għat-tewm importat minn pajjiżi terzi, u l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 2988/95, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux, bħala prinċipju, mekkaniżmu bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tiegħu, wara ordni magħmula minn operatur, importatur tradizzjonali fis-sens tal-ewwel regolament, li jkun eżawrixxa ċ-ċertifikati ta’ importazzjoni b’tariffa preferenzjali tiegħu, lit-tieni operatur, li huwa wkoll ikun importatur tradizzjonali li ma jkollux dawn iċ-ċertifikati,

    għal merkanzija li tkun, qabel kollox, mibjugħa, barra mill-Unjoni Ewropea, minn kumpannija relatata ma’ dan it-tieni operatur, lil operatur ieħor, li jkun ikklassifikat bħala importatur ġdid fis-sens tal-imsemmi regolament, u li jkun detentur ta’ tali ċertifikati,

    din il-merkanzija tiġi, sussegwentement, irrilaxxata fiċ-ċirkulazzjoni libera fl-Unjoni Ewropea mit-tielet operatur bit-tariffi doganali preferenzjali, u wara mibjugħa mill-ġdid minn dan it-tielet operatur lit-tieni wieħed, u

    fl-aħħar nett, din il-merkanzija tiġi ttrasferita mit-tieni operatur lill-ewwel wieħed, li b’hekk ikun akkwista merkanzija importata fil-kuntest tal-kwoti tariffarji previst minn dan l-istess regolament, minkejja l-fatt li huwa ma jkollux iċ-ċertifikat meħtieġ għal dan il-għan.

    Madankollu, sabiex tali mekkaniżmu ta’ bejgħ u ta’ bejgħ mill-ġdid ta’ merkanzija bejn operaturi ma jwassalx għal influwenza indebita ta’ operatur fis-suq u, b’mod partikolari, għal evitar minn naħa tal-importaturi tradizzjonali tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 565/2002, jew għal ksur tal-għan li jistabbilixxi li l-applikazzjonijiet għal ċertifikati jridu jkunu marbutin ma’ attività kummerċjali ġenwina, huwa meħtieġ li kull stadju tal-mekkaniżmu jsir bi prezz li jirrifletti l-prezz tas-suq u li l-importazzjoni b’tariffa preferenzjali ssir permezz ta’ ċertifikati miksuba mid-detentur tagħhom b’mod legali. B’mod partikolari, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk kull operatur involut jirċevix remunerazzjoni adegwata għall-importazzjoni, għall-bejgħ jew għall-bejgħ mill-ġdid tal-merkanzija inkwistjoni biex jippermettilu jżomm il-klassifikazzjoni allokata lilu fil-kuntest tal-amministrazzjoni tal-kwota tariffarja.

    Barra minn hekk, fir-rigward tad-determinazzjoni ta’ jekk tali mekkaniżmu nħoloqx artifiċjalment bil-għan essenzjali li jittieħed vantaġġ mit-tariffa preferenzjali, fost l-elementi li jistgħu jippermettu li tiġi stabbilita n-natura artifiċjali tal-mekkaniżmu, jispikka b’mod partikolari l-fatt li l-importatur detentur taċ-ċertifikati ma jkun ħa ebda riskju kummerċjali, jew ukoll il-fatt li l-marġni ta’ profitt tal-importatur ikun insinjifikanti, u l-fatt li l-prezz ta’ bejgħ tal-merkanzija mill-importatur lill-ewwel xerrej fl-Unjoni, imbagħad dan tal-aħħar lit-tieni xerrej fl-Unjoni, ikun inqas mill-prezz tas-suq.

    (ara l-punti 43, 51, 53 u d-dispożittiv)